Language of document : ECLI:EU:C:2022:497

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MEDINA

ippreżentati fit‑22 ta’ Ġunju 2022 (1)

Kawża C238/21

Porr Bau GmbH

vs

Bezirkshauptmannschaft Graz-Umgebung

(talba għal deċiżjoni preliminari mil-Landesverwaltungsgericht Steiermark (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Steiermark, l-Awstrija)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Ambjent - Direttiva 2008/98/KE - Artikolu 3(1) - Skart - Artikolu 5(1) - Prodott sekondarju - Artikolu 6(1) u (4) - Tmiem tal-istatus ta’ skart - Mhux ikkontaminata - Ħamrija skavata tal-aqwa kwalità - Preparazzjoni għal użu mill-ġdid u l-irkupru - Użu dirett bħala sostitut għall-materja prima - Rekwiżiti formali - Żamma ta’ reġistri u obbligi ta’ dokumentazzjoni”






I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “skart” fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/98 (2) u l-kundizzjonijiet li taħthom il-materjali skavati – senjatament ħamrija mhux ikkontaminata tal-aqwa kwalità – jiksbu t-tmiem tal-istatus ta’ skart skont l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva. Il-kawża ssegwi minn sentenzi f’kawżi bħal Tallinna Vesi (3) u Sappi Austria Produktion u Wasserverband “Region Gratkorn-Gratwein” (4), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat dawn l-istess dispożizzjonijiet rispettivament fir-rigward tal-ħama tad-drenaġġ u l-ilmijiet mormija.

2.        It-talba tressqet fil-kuntest tal-kawża bejn Porr Bau GmbH u l-Bezirkshauptmannschaft Graz-Umgebung (l-awtoritajiet amministrattivi tad-Distrett ta’ Graz u tal-madwar, iktar ’il quddiem l-“awtorità konvenuta”). Din il-kawża tikkonċerna deċiżjoni amministrattiva li kkonstatat li l-ħamrija skavata ordnata minn ċerti bdiewa minn impriża ta’ kostruzzjoni fl-Awstrija, għall-finijiet ta’ livellar u restawrar taż-żoni ta’ kultivazzjoni tagħhom, kellha titqies bħala skart, u għalhekk suġġetta għall-ħlas ta’ kontribuzzjoni, minkejja li kienet ġiet ikklassifikata bħala materjal mhux ikkontaminat tal-ogħla kwalità taħt il-liġi Awstrijaka.

3.        Il-qorti tar-rinviju tixtieq prinċipalment tivverifika jekk l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/98, interpretat fid-dawl tal-għanijiet ta’ din id-direttiva, jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti t-tmiem tal-istatus ta’ skart lil ħamrija skavata mhux ikkontmint tal-aqwa kwalità biss (i) meta tintuża direttament bħala sostitut għall-materja prima u (ii) meta d-detentur jissodisfa ċerti rekwiżiti formali bħaż-żamma ta’ reġistri u l-obbligi tad-dokumentazzjoni. Bħala kwistjoni preliminari, din il-qorti tistaqsi wkoll jekk ħamrija skavata tal-aqwa kwalità mhux ikkontaminata, fornita minn impriża tal-kostruzzjoni għall-finijiet tat-titjib tar-rendiment mill-art tal-kultivazzjoni, tikkostitwix “skart” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/98 jew, alternattivament, “prodott sekondarju” fis-sens tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt tal-Unjoni Ewropea

4.        Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/98, fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali (5), din id-direttiva tistabbilixxi “miżuri għall-protezzjoni ta’ l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem permezz tal-prevenzjoni jew it-tnaqqis ta’ l-impatti negattivi tal-ġenerazzjoni u l-immaniġġar ta’ l-iskart, u permezz tat-tnaqqis ta’ l-impatti ġenerali ta’ l-użu ta’ riżorsi u t-titjib ta’ l-effiċjenza ta’ tali użu”.

5.        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi li, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin fil-paragrafi 1, 15 u 16 tat-termini “skart”, “irkupru” u “preparazzjoni għall-użu mill-ġdid” għandhom japplikaw:

“1.      ‘skart’ tfisser kwalunkwe sustanza jew oġġett li d-detentur jarmi jew bi ħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi;

[…]

15.      ‘irkupru’ tfisser kwalunkwe operazzjoni li r-riżultat prinċipali tagħha jkun skart li jservi skop utli permezz tas-sostituzzjoni ta’ materjali oħra li inkella kienu jintużaw biex jissodisfaw funzjoni partikolari, jew skart li qed jiġi ppreparat b’mod li jissodisfa dik il-funzjoni, fl-impjant jew fl-ekonomija usa’. L-Anness II fih lista mhux eżawrjenti ta’ operazzjonijiet ta’ rkupru;

16.      ‘preparazzjoni għal użu mill-ġdid’ tfisser il-verifika, it-tindif jew it-tiswija ta’ operazzjonijiet ta’ rkupru li biha prodotti jew komponenti ta’ prodotti li saru skart jiġu ppreparati sabiex jintużaw mill-ġdid mingħajr ebda proċessar bil-quddiem ieħor;

[…]”

6.        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/98, intitolat “Ġerarkija ta’ l-iskart”, jistipula li:

“1.      Il-ġerarkija ta’ l-iskart, kif inhi hawn taħt, għandha tapplika bħala prinċipju ta’ gwida fil-prevenzjoni ta’ l-iskart u fil-leġiżlazzjoni u l-politika ta’ l-immaniġġar:

(a)      prevenzjoni;

(b)      preparazzjoni għal użu mill-ġdid;

(c)      riċiklaġġ;

(d)      irkupru ieħor, eż. irkupru ta’ enerġija; u

(e)      rimi.

[…]”

7.        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/98, taħt it-titolu ta’ “Prodotti sekondarji”, jipprovdi li:

“1.      Sustanza jew oġġett, li jirriżultaw minn proċess ta’ produzzjoni, li l-għan primarju tagħhom mhuwiex il-produzzjoni ta’ dak l-artikolu, jista’ jitqies li mhuwiex skart kif imsemmi fl-[Artikolu 3(1)] iżda bħala prodott sekondarju biss jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)      l-użu ulterjuri tas-sustanza jew l-oġġett ikun ċert;

(b)      is-sustanza jew l-oġġett jistgħu jiġu wżati direttament mingħajr kwalunkwe proċessar ulterjuri ħlief prattika industrijali normali;

(c)      is-sustanza jew l-oġġett huma prodotti bħala parti integrali ta’ proċess ta’ produzzjoni; u

(d)      l-użu ulterjuri jkun skond il-liġi, i.e. is-sustanza jew l-oġġett jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti kollha tal-prodott, dawk ambjentali u ta’ protezzjoni tas-saħħa għall-użu speċifiku, u mhuwiex ser jirriżulta f’impatti ġenerali li jikkawżaw ħsara lill-ambjent jew is-saħħa tal-bniedem.

[…]”

8.        L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/98, intitolat “Tmiem ta’ l-istatus ta’ skart” jipprevedi li:

“1.      Ċertu skart speċifikat m’għandux jibqa’ kunsidrat skart fis-sens tal-[Artikolu 3(1)] meta dan ikun għadda minn operazzjoni ta’ rkupru, inkluż ir-riċiklaġġ, u jkun jikkonforma ma’ kriterji speċifiċi li għandhom jiġu żviluppati skond il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)      is-sustanza jew l-oġġett ikun użat komunement għal skopijiet speċifiċi;

(b)      ikun jeżisti suq jew tkun teżisti domanda għal tali sustanza jew oġġett;

(c)      is-sustanza jew l-oġġett jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi għall-iskopijiet speċifiċi msemmija fil-punt (a) u jissodisfa l-leġiżlazzjoni u l-istandards eżistenti applikabbli għall-prodotti; u

(d)      l-użu tas-sustanza jew l-oġġett ma jwasslux għal impatti ġenerali li jagħmel ħsara lill-ambjenta jew lis-saħħa tal-bniedem.

Fejn ikun meħtieġ, il-kriterji għandhom jinkludu valuri ta’ limiti għal sustanzi li jniġġsu u għandhom jieħdu kont ta’ l-effetti avversi kollha possibbli li s-sustanza jew l-oġġett jista’ jkollhom fuq l-ambjent.

[…]

4.      Fejn il-kriterji ma ġewx stabbiliti fil-livell Komunitarju taħt il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu każ b’każ jekk ċertu skart ma baqax ikun skart b’kont meħud tal-każistika applikabbli […]”.

9.        L-obbligu u l-għan essenzjali stabbiliti mid-Direttiva 2008/98 huma stabbiliti fl-Artikolu 13:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-immaniġġar ta’ l-iskart jitwettaq mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa tal-bniedem, u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent […]”.

10.      L-Artikolu 28 tad-Direttiva 2008/98, intitolat “Pjanijiet għall-immaniġġar ta’ l-iskart”, jgħid li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jistabbilixxu, skont inter alia l-Artikoli 1, 4 u 13, pjan wieħed jew iżjed għall-immaniġġar tal-iskart.

B.      Iddritt Awstrijak

1.      IlLiġi dwar l-Immaniġġar ta’ Skart

11.      Id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Abfallwirtschaftsgesetz tal‑2002 (il-Liġi Federali Awstrijaka tal‑2002 dwar l-Immaniġġar ta’ Skart, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Immaniġġar ta’ Skart”), li tittrasponi d-Direttiva 2008/98, huma fformulati kif ġej:

“Definizzjonijiet

Paragrafu 2(1)      Għall-finijiet tal-[Liġi dwar l-Immaniġġar ta’ Skart], skart ifisser kull proprjetà mobbli,

1.      li d-detentur ikollu l-ħsieb li jarmi jew li jkun rema, jew

2.      li l-ġbir, il-ħażna, it-trasport u t-trattament tagħha bħala skart huma meħtieġa sabiex ma ssirx ħsara lill-interessi pubbliċi (Paragrafu 1(3)).

[…]

(5) Għall-finijiet tal-[Liġi dwar l-Immaniġġar ta’ Skart],

[…]

6.      “preparazzjoni għa użu mill-ġdid” tfisser kull operazzjoni ta’ verifika, tindif, tiswija jew ta’ rkupru, li biha prodotti jew komponenti ta’ prodotti li saru skart jiġu ppreparati sabiex jintużaw mill-ġdid mingħajr ebda proċessar bil-quddiem ieħor;

[…]

Status ta’ tmiem tal-iskart

Paragrafu 5(1)      Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor f’regolament imsemmi fil-Paragrafu 5(2) jew f’regolament imsemmi fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart, is-sustanzi eżistenti għandhom jitqiesu bħala skart sakemm huma jew sustanzi miksuba direttament minnhom jintużaw bħala sostitut għal materja prima jew għal prodotti miksuba minn materja prima primarja. Fil-każ ta’ preparazzjoni għall-użu mill-ġdid fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 2(5), l-tmiem tal-istatus ta’ skart iseħħ fit-tmiem ta’ dik l-operazzjoni ta’ rkupru.

[…]

Pjan Federali għall-Immaniġġar ta’ Skart

Paragrafu 8(1)      Sabiex jintlaħqu l-għanijiet u biex jiġu implimentati l-prinċipji stabbiliti fil-[Liġi dwar l-Immaniġġjar ta’ Skart], il-Ministru Federali għall-Agrikoltura, il-Forestrija, l-Ambjent u l-Immaniġġjar tal-Ilma għandu jfassal pjan federali għall-immaniġġar ta’ skart mill-inqas kull sitt snin.

[…]”

2.      IlPjan Federali għallImmaniġġar ta’ Skart

12.      Il-Bundesabfallwirtschanftsplan 2011 (il-Pjan Federali Awstrijak għall-Immaniġġar ta’ Skart tal‑2011, iktar ’il quddiem il-“Pjan Federali għall-Immaniġġar ta’ Skart”), adottat abbażi tal-Artikolu 28 tad-Direttiva 2008/98 u l-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar l-Immaniġġar ta’ Skart, jistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi dwar it-tnaqqis tal-kwantitajiet ta’ skart, tas-sustanzi li jniġġsu tiegħu u tal-effett dannuż tiegħu fuq l-ambjent u s-saħħa, kif ukoll l-irkupru ta’ skart ambjentalment sod u ekonomikament utli.

3.      IlLiġi dwar irRijabilitazzjoni ta’ Siti Perikolużi li ma għadhomx jintużaw

13.      Skont l-Artikolu 1 tal- Altlastensanierungsgesets tal‑1989 (il-Liġi Federali Awstrijaka tal‑1989 dwar ir-Rijabilitazzjoni ta’ Siti Perikolużi li ma għadhomx jintużaw, din il-liġi għandha l-għan “li tiffinanzja s-salvagwardja u r- rijabilitazzjoni ta’ siti perikolużi li ma għadhomx jintużaw fis-sens ta’ [dik il-liġi]”. B’mod partikolari, l-Artikolu 3 jipprevedi li d-depożitu fit-tul ta’ skart fil-wiċċ jew taħt l-art sabiex, inter alia, mili ta’ art irregolari jew żvilupp tal-art, għandu jkun suġġett għall-ħlas ta’ kontribuzzjoni magħruf bħala l-“Altlastenbeitrag” (il-kontribuzzjoni ta’ sit perikoluż mhux użat). Madankollu, dan l-iskart huwa eżenti minn dan l-obbligu meta, essenzjalment, jintuża skont ir-rekwiżiti tal-Pjan Federali għall-Immaniġġar ta’ Skart. Il-Liġi dwar ir-Rijabilitazzjoni ta’ Siti Perikolużi li ma għadhomx jintużaw tistabbilixxi wkoll, fl-Artikolu 10, proċedura li l-għan tagħha huwa li tiċċara, permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva, jekk il-kundizzjonijiet sostantivi għall-obbligu ta’ kontribuzzjoni fir-rigward ta’ siti kkontaminati humiex issodisfatti.

III. Ilfatti, ilproċedura u ddomandi preliminari

14.      Porr Bau, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija impriża ta’ kostruzzjoni stabbilita fl-Awstrija. F’Lulju 2015, ċerti bdiewa lokali talbuha biex tfornihom b’ħamrija skavata u biex tqassamha fuq il-proprjetajiet tagħhom. L-iskop tat-talba tal-bdiewa kien li jillivellaw l-art agrikola tagħhom u jtejbu ż-żoni ta’ kultivazzjoni tagħhom, u b’hekk iżidu r-rendiment.

15.      Fid-data meta l-bdiewa avviċinaw lil Porr Bau, ma kienx ċert li din l-impriża kienet se tkun f’pożizzjoni li twieġeb it-talba tagħhom. Kien biss wara l-għażla ta’ proġett ta’ kostruzzjoni xieraq u l-estrazzjoni ta’ kampjuni tal-ħamrija li Porr Bau pprovdiet il-materjal mitlub. Għal dan il-għan, il-ħamrija kienet ġiet ikklassifikata bħala ta’ kwalità tal-klassi A1, jiġifieri l-ogħla kwalità ta’ ħamrija skavata mhux ikkontaminata stabbilita fil-Pjan Federali għall-Immaniġġar ta’ Skart. L-użu ta’ din il-klassi ta’ ħamrija huwa, skont il-liġi Awstrijaka, xieraq u awtorizzat għall-adattament u għall-iżvilupp tal-art. Porr Bau tħallset ukoll biex twettaq ix-xogħlijiet għat-titjib tal-art u ż-żoni ta’ kultivazzjoni kkonċernati.

16.      Fl‑4 ta’ Mejju 2018, skont il-Liġi dwar ir-Rijabilitazzjoni ta’ Siti Perikolużi li ma għadhomx jintużaw, Porr Bau talbet lill-awtorità konvenuta tiddikjara li l-ħamrija skavata fornuta lill-bdiewa ma kinitx tikkostitwixxi skart. Sussidjarjament, hija talbet li din il-ħamrija tiġi eżentata mill-obbligu tal-ħlas ta’ kontribuzzjoni għall-użu tal-iskart.

17.      Fl‑14 ta’ Settembru 2020, l-awtorità konvenuta kkonstatat li l-ħamrija skavata inkwistjoni kienet tikkostitwixxi skart fis-sens tal-Artikolu 2(1) tal-Liġi dwar l-Immaniġġar ta’ Skart. Din l-awtorità qieset ukoll li l-ħamrija ma kisbitx l-tmiem tal-istatus ta’ skart, essenzjalment minħabba n-nuqqas ta’ konformità ma’ ċerti rekwiżiti formali stipulati fil-Pjan Federali għall-Immaniġġar ta’ Skart. Għalhekk ikkonkludiet li l-kontribuzzjoni fuq l-użu tal-iskart ma setgħetx tiġi eżentata.

18.      Il-Landesverwaltungsgericht Steiermark (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Styria, l-Awstrija), li qed tisma’ l-appell kontra din id-deċiżjoni, għandha dubji dwar il-pożizzjoni tal-awtorità konvenuta.

19.      B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tiddubita l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “skart” adottat minn din l-awtorità u l-applikazzjoni tiegħu għal ħamrija skavata mhux ikkontaminata tal-ogħla klassi ta’ kwalità, bħall-ħamrija inkwistjoni f’din il-kawża. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont id-dritt Awstrijak, materjali skavati jistgħu jiksbu tmiem tal-istatus ta’ skart biss meta jkunu ġew użati direttament bħala sostitut ta’ materja prima jew ta’ prodotti magħmula minn materja prima primarja. Dan iqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tirregolax il-kisba ta’ tmiem tal-istatus ta’ skart b’mod iktar strett mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/98 fir-rigward ta’ ħamrija mhux ikkontaminata tal-ogħla kwalità. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-dritt Awstrijak jeħtieġ, għall-finijiet tal-kisba ta’ tmiem tal-istatus ta’ skart, it-twettiq ta’ ċerti rekwiżiti formali, speċifikament obbligi ta’ żamma ta’ reġistri u ta’ dokumentazzjoni. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fir-rigward ta’ ħamrija skavata mhux ikkontaminata tal-aqwa kwalità, l-obbligu ta’ konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti, li din il-qorti tqis li ma għandhomx rilevanza ambjentali, jiksirx l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/98.

20.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesverwaltungsgericht Steiermark (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Styria) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.      Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-istatus ta’ tmiem tal-iskart jintlaħaq biss meta l-iskart jew is-sustanzi residwali jew is-sustanzi li jirriżultaw minnhom jintużaw direttament bħala sostituti ta’ materja prima jew ta’ prodotti magħmula minn materja prima jew meta jiġu ppreparati bil-għan ta’ użu mill-ġdid, tmur kontra l-Artikolu 6(1) tad-[Direttiva 2008/98]?

Fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda:

2.      Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-istatus ta’ tmiem tal-iskart, fir-rigward ta’ materjal estratt, jista’ biss jintlaħaq l-iktar kmieni permezz tas-sostituzzjoni ma’ materja prima jew ma’ prodotti mmanifatturati minn materja prima, tmur kontra l-Artikolu 6(1) tad-[Direttiva 2008/98]?

Fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel u/jew għat-tieni domanda:

3.      Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-istatus ta’ tmiem tal-iskart, fir-rigward ta’ materja estratta, ma jistax jintlaħaq jekk kriterji formali (b’mod partikolari obbligi ta’ reġistrazzjoni u dokumentazzjoni) li ma għandhomx influwenza ambjentali rilevanti fuq il-miżura implimentata, ma jiġux osservati jew ma jiġux osservati kompletament, minkejja li l-materja estratta taqa’ b’mod verifikabbli taħt il-valuri limiti previsti għall-użu konkret (klassi ta’ kwalità) preskritti minħabba l-użu speċifiku previst, tmur kontra l-Artikolu 6(1) tad-[Direttiva 2008/98]?”

IV.    Analiżi

21.      Permezz tat-talba tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li taħtha jintlaħaq tmiem tal-istatus ta’ skart, bħala regola ġenerali, biss meta l-iskart jintuża direttament bħala sostitut għall-materja prima jew jiġi ppreparat għall-użu mill-ġdid u, fil-każ partikolari ta’ materjali skavati, biss meta l-materjali skavati jkunu ntużaw direttament bħala sostitut għall-materja prima, u d-detentur tagħhom ikun issodisfa rekwiżiti formali bħaż-żamma ta’ rekords u obbligi ta’ dokumentazzjoni.

22.      Preliminarjament, irrid ninnota li, fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar jekk il-ħamrija skavata mhux ikkontaminata, ikklassifikata bħala tal-aqwa kwalità skont id-dritt nazzjonali, tikkostitwixxix skart fis-sens tal-Artikolu 3(1) Direttiva 2008/98. Wara kollox, l-applikazzjoni tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva hija bbażata fuq il-premessa li sustanza jew oġġett jiġi kkwalifikat minn qabel bħala skart. Għalkemm din il-kwistjoni partikolari ma ġietx espressament imqajma fid-domandi preliminari, l-ewwel ser neżamina jekk il-provvista minn kumpannija tal-kostruzzjoni ta’ ħamrija skavata mhux ikkontaminata tal-aqwa kwalità, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kawża bħal dik fil-kawża prinċipali, għandhiex titqies bħala skart. Fl-analiżi tiegħi, ser nindirizza wkoll il-kwistjoni, diskussa mill-partijiet waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dwar jekk il-ħamrija fornita għandhiex titqies minflok bħala prodott sekondarju fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/98.

23.      Abbażi tal-preżunzjoni li l-materjal inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa kkunsidrat bħala skart, ser neżamina t-tliet domandi preliminari flimkien. Dawn id-domandi għandhom jinqraw bħala li jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hijiex kompatibbli mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98 meta l-unika possibbiltà ta’ rkupru għal ħamrija skavata mhux ikkontaminata tal-aqwa kwalità, sabiex jintlaħaq tmiem tal-istatus ta’ skart, hija l-użu tagħha bħala sostitut għall-materja prima u t-twettiq ta’ ċerti rekwiżiti formali bħall-obbligi taż-żamma tar-rekords u tad-dokumentazzjoni.

A.      Ħamrija skavata mhux ikkontaminata talaqwa kwalità bħala skart jew bħala prodott sekondarju

1.      Ilkamp ta’ applikazzjoni tadDirettiva 2008/98

24.      Qabel ma neżamina jekk ħamrija skavata mhux ikkontaminata tal-aqwa kwalità tistax titqies bħala skart jew, alternattivament, bħala prodott sekondarju, fis-sens rispettiv tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/98, għandi fil-qosor nirrimarka li l-Artikolu 2(1)(c) ta’ din l-istess direttiva jeskludi, mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, ħamrija mhux ikkontaminata u materjal skavat ieħor li jirriżulta b’mod naturali waqt attivitajiet ta’ kostruzzjoni fejn huwa ċert li l-materjal ser jintuża għal finijiet ta’ kostruzzjoni fl-istat naturali tiegħu fuq is-sit li minnu kien skavat.

25.      Peress li, fid-dawl tal-informazzjoni mogħtija fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-ħamrija skavata inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet iddepożitata f’post differenti minn dak li minnu ġiet skavata, din ma hijiex koperta mill-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva 2008/98 u, konsegwentement, għandha tiġi kkunsidrata skont id-definizzjoni ta’ skart u d-dispożizzjonijiet għall-prodotti sekondarji ta’ din id-direttiva (6).

2.      Ilkunċetti ta’ “skart” u “prodott sekondarju”

26.      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/98 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “skart” bħala kwalunkwe sustanza jew oġġett li d-detentur jarmi jew bi ħsiebu jarmi – skart suġġettiv – jew huwa meħtieġ li jarmi – skart oġġettiv. Il-kunċett ta’ skart ġie interpretat b’mod wiesa’ mill-Qorti tal-Ġustizzja, li ddefinixxiet kriterji rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk sustanza jew oġġett, inklużi materjali, għandhomx jitqiesu bħala skart fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (7).

27.      B’mod partikolari, skont ġurisprudenza stabbilita, il-klassifikazzjoni ta’ sustanza jew oġġett bħala skart, fis-sens suġġettiv tiegħu, tirriżulta qabelxejn mill-aġir tad-detentur u mit-tifsira tal-kelma “jarmi” (8). Din it-terminu u t-terminu “skart” jinkludu kunċetti tad-dritt tal-Unjoni li, fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 2008/98 li timminimizza l-effetti negattivi tal-ġenerazzjoni u l-ġestjoni tal-iskart fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, ma jistgħux jiġu interpretati b’mod restrittiv (9).

28.      Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li, sabiex jiġi evalwat jekk sustanza jew oġġett huwiex skart, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ partikolari, filwaqt li jitqiesu l-għan tad-Direttiva 2008/98 u l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-effikaċja tagħha ma tiġix ippreġudikata (10).

29.      Fost iċ-ċirkustanzi li jistgħu jiżvelaw l-eżistenza ta’ skart hemm il-fatt, l-ewwel, li sustanza jew oġġett tkun residwu ta’ produzzjoni, jiġifieri prodott li ma jkunx ġie mfittex inkwantu tali (11). Barra minn hekk, għandha tingħata attenzjoni partikolari, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, għall-fatt li s-sustanza jew l-oġġett in kwistjoni ma hijiex jew ma tistax tibqa’ tiġi użata mid-detentur tagħha, b’mod li din is-sustanza jew dan l-oġġett tikkostitwixxi piż li huwa jrid jarmi (12). Barra minn hekk, la l-metodu ta’ pproċessar u lanqas il-mod ta’ użu ta’ sustanza ma huma determinanti għall-klassifikazzjoni ta’ sustanza bħala “skart” jew bħala mhux skart. Fl-aħħar nett, il-kunċett ta’ “skart” ma jeskludix is-sustanzi u l-oġġetti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ użu ekonomiku mill-ġdid (13).

30.      Fl-istess waqt tal-ġurisprudenza preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat ukoll il-kunċett ta’ “prodott sekondarju”, l-iktar abbażi tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 75/442 (14) u tad-Direttiva 2006/12. Din il-ġurisprudenza hija attwalment ikkodifikata fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/98, li essenzjalment jirreferi għal sustanza jew oġġett li d-detentur ma jkunx lest li jarmi, minħabba l-vantaġġ finanzjarju li jista’ jinkiseb mill-użu mill-ġdid tiegħu, u li għalhekk ma jistax jitqies bħala piż u għalhekk bħala skart. Fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jkunx iġġustifikat li sustanza jew oġġett li d-detentur ikollu l-ħsieb li jisfrutta jew jikkummerċjalizza b’termini ekonomikament vantaġġużi, fil-kuntest ta’ proċess ta’ rkupru sussegwenti, tiġi ssuġġettata għar-rekwiżiti stretti tad-Direttiva 2008/98 dwar il-protezzjoni tal-ambjent u s-saħħa tal-bniedem (15).

3.      Ħamrija skavata mhux ikkontaminata tal-aqwa kwalità mitluba għal-livellar u t-titjib ta’ art tal-kultivazzjoni

31.      Huwa finalment il-kompitu tal-qorti tar-rinviju, li unikament għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti tal-kawża adita biha, li tivverifika, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, jekk detentur ta’ materjali skavati, senjatament ħamrija mhux ikkontaminata tal-aqwa kwalità, għandux l-intenzjoni li jarmihom, li tagħti lok għal skart, jew jisfruttahom f’termini ekonomikament vantaġġużi, li tagħti lok għal prodott sekondarju (16). Dan premess, nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-gwida li ġejja sabiex issolvi t-tilwima quddiemha. Din il-gwida hija bbażata fuq iċ-ċirkustanzi speċifiċi li ma għandhomx jiġu injorati f’kawża bħal dik fil-kawża prinċipali.

a)      Ħamrija skavata talaqwa kwalità bħala skart

32.      L-ewwel, nixtieq nirrimarka li, skont il-Gvern Awstrijak, id-deċiżjoni adottata mill-awtorità konvenuta, li tikkonkludi li l-ħamrija skavata inkwistjoni għandha l-istatus ta’ skart, hija bbażata fuq il-ġurisprudenza żviluppata mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Awstrija) dwar il-kunċett ta’ “skart” kif stabbilit fl-Artikolu 2(1) tal-Liġi dwar l-Immaniġġar ta’ Skart (17). Skont din il-qorti, fejn materjali jiġu skavati jew imwaqqgħin waqt proġett ta’ kostruzzjoni, l-għan ewlieni tal-iżviluppatur tal-kostruzzjoni huwa normalment li jlesti dak il-proġett mingħajr ma jkun imxekkel minn dawn il-materjali. Għalhekk jitneħħew mis-sit bl-intenzjoni li jintremew.

33.      Naqbel li l-istandard stabbilit mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema), segwit sussegwentement fid-deċiżjoni appellata, jista’ jiġi użat, bħala regola ġenerali, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-materjali skavati li jirriżultaw minn attivitajiet ta’ kostruzzjoni għandhomx jiġu kkunsidrati bħala skart. Madankollu, kif indikat fil-punt 28 iktar ’il fuq, l-evalwazzjoni tal-eżistenza tal-iskart, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/98, teħtieġ, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha ta’ każ speċifiku. (18) Dan ifisser li, sabiex tiġi applikata din ir-regola ġenerali, l-elementi li jikkaratterizzaw l-intenzjoni konkreta ta’ detentur ta’ skart ma għandhomx jiġu injorati.

34.      Fil-fehma tiegħi, kuntrarjament għall-pożizzjoni meħuda mill-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni, hemm elementi fattwali f’dan il-każ li jistħoqqilhom li jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-intenzjoni speċifika ta’ impriża ta’ kostruzzjoni fir-rigward tal-użu ulterjuri tal-materjal li tkun skavat. Dawk l-elementi jistgħu jinkludu, pereżempju, id-domanda minn qabel għall-materjal li għandu jiġi skavat minn operaturi lokali meta dak il-materjal jista’ jiġi kkummerċjalizzat wara għażla bir-reqqa u teħid ta’ kampjuni tal-kwalità tiegħu. Essenzjalment, ma jistax jiġi eskluż li kumpanija tal-kostruzzjoni, minflok ma tipperċepixxi materjal skavat bħala residwu jew piż li għandu jintrema, tista’ minflok tfittex modi biex tikseb profitt mill-attività tagħha stess, speċjalment meta dak il-materjal huwa kklassifikat bħala li jappartjeni lill-klassi tal-ħamrija mhux ikkontaminata tal-ogħla kwalità.

35.      Tabilħaqq, il-kawża preżenti turi kif impriża ta’ kostruzzjoni tista’ tkun inklinata, mhux li tarmi materjal preċedentement skavat, iżda li tisfruttah f’termini ekonomikament vantaġġużi. Dan huwa ssuġġerit mill-fatt li kien grupp ta’ bdiewa lokali li fil-bidu kkuntattjaw lil Porr Bau sabiex iqassmu l-ħamrija skavata fuq il-proprjetajiet tagħhom għall-iskopijiet ta’ llivellar u titjib tal-art agrikola tagħhom. Filwaqt li ma kienx ċert, fiż-żmien meta l-bdiewa avviċinaw lil Porr Bau, li din l-impriża kienet se tkun f’pożizzjoni li tissodisfa t-talba tagħhom, l-inizjattiva ta’ dawn il-bdiewa ħeġġitha biex tagħżel proġett ta’ kostruzzjoni xieraq u biex tieħu kampjuni tal-ħamrija. Id-deċiżjoni tar-rinviju tindika barra minn hekk li din il-ħamrija kienet suġġetta għal kontroll ta’ kwalità u li sussegwentement ġiet ikklassifikata bħala materjal mhux ikkontaminat tal-aqwa kwalità, li, skont il-liġi Awstrijaka, huwa xieraq u awtorizzat għall-adattament u għall-iżvilupp tal-art. Fuq talba tal-bdiewa, Porr Bau tħallset ukoll biex twettaq ix-xogħlijiet għat-titjib tal-art u ż-żoni tal-kultivazzjoni kkonċernati.

36.      Huwa mbagħad diffiċli li jiġi konkluż li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża preżenti, l-intenzjoni ta’ impriża ta’ kostruzzjoni hija li tarmi ħamrija skavata li tkun ġiet magħżula bir-reqqa, suġġetta għal kontroll ta’ kwalità u pprovduta bħala materjal mhux ikkontaminat tal-aqwa kwalità sabiex tissodisfa talba speċifika minn operaturi lokali li jeħtieġu dan il-materjal. Nemmen ukoll li ma għandux jiġi preżunt li l-ħamrija kollha skavata minn impriża ta’ kostruzzjoni għandha awtomatikament tintrema. Wara kollox, ma jistax jiġi eskluż li dan il-materjal jista’ jintuża fil-proġett ta’ kostruzzjoni kkonċernat, li, kif ġie indikat fil-punt 24 iktar ’il fuq, jirrendih barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/98.

37.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, naħseb li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha xxaqleb favur il-fehma li, suġġett għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, ħamrija skavata tal-aqwa kwalità mhux ikkontaminata ma għandhiex titqies, f’kawża bħal dik preżenti, bħala skart fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/98.

b)      Ħamrija skavata talaqwa kwalità bħala prodott sekondarju

38.      Min-naħa l-oħra, analiżi mill-qrib tal-kawża turi biċ-ċar, konformement mal-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Porr Bau, li l-ħamrija inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/98 għal prodott sekondarju.

39.      F’dan ir-rigward għandi nfakkar li, skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/98, sustanza jew oġġett li jirriżultaw minn proċess ta’ produzzjoni, li l-għan primarju tagħhom ma huwiex il-produzzjoni ta’ dak l-artikolu, jistgħu jitqiesu li ma humiex skart, iżda bħala prodott sekondarju. Biex dan ikun il-każ, din id-dispożizzjoni teħtieġ ukoll li jiġu ssodisfatti erba’ kundizzjonijiet, jiġifieri (i) l-użu ulterjuri tas-sustanza jew l-oġġett ikun ċert; (ii) is-sustanza jew l-oġġett jistgħu jiġu użati direttament mingħajr kwalunkwe proċessar ulterjuri ħlief prattika industrijali; (iii) is-sustanza jew l-oġġett huma prodotti bħala parti integrali ta’ proċess ta’ produzzjoni, u (iv) l-użu ulterjuri jkun skont il-liġi. Ser neżamina fil-qosor dawk l-elementi kollha fid-dawl tal-informazzjoni li toħroġ mill-proċess tal-Qorti tal-Ġustizzja.

1)      Definizzjoni ta’ prodott sekondarju

40.      Fir-rigward, l-ewwel nett, ta’ jekk il-ħamrija skavata tistax tiġi kkunsidrata bħala “sustanza jew oġġett, li jirriżultaw minn proċess ta’ produzzjoni, li l-għan primarju tagħhom mhuwiex il-produzzjoni ta’ dak l-artikolu”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/98, li huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li l-Qorti tal-Ġustizzja tradizzjonalment iddeċidiet, fil-ġurisprudenza stabbilita tagħha, li “materjal jew materja prima li tirriżulta minn proċess ta’ estrazzjoni jew ta’ manifattura” ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala residwu, iżda bħala prodott sekondarju (19). Kif diġà ġie nnutat, din il-ġurisprudenza tinsab fil-qalba tal-kunċett ta’ “prodott sekondarju”, li sussegwentement ġie kkodifikat fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/98 bl-użu għal dan il-għan, minflok tat-termini “proċess ta’ estrazzjoni jew ta’ manifattura”, tat-termini “proċess ta’ produzzjoni”.

41.      Fil-fehma tiegħi, kuntrarjament għat-teżi difiża, essenzjalment, mill-Gvern Awstrijak fl-osservazzjonijiet tiegħu, ebda argument ma jsostni l-fehma li l-leġiżlatur tal-Unjoni, meta kkodifika l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bl-użu tat-termini “proċess ta’ produzzjoni”, kellu l-intenzjoni li jirrestrinġi l-kunsiderazzjoni ta’ prodotti sekondarji għal oġġetti sekondarji li jirriżultaw minn produzzjoni industrijali. Għall-kuntrarju, proċess ta’ produzzjoni huwa komunement iddefinit minn studjużi ekonomiċi bħala l-proċess li fih il-fatturi tal-produzzjoni, jiġifieri l-kapital, ix-xogħol, it-teknoloġija u l-art (inputs), jinbidlu f’oġġetti u servizzi (output) (20). L-art għalhekk tista’ tkun is-suġġett ta’ proċess ta’ produzzjoni, li jfisser li prodott sekondarju li jirriżulta mit-trasformazzjoni tagħha, inkluż il-ħamrija skavata, għandu jitqies li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “prodott sekondarju”, sakemm jissodisfa l-kundizzjonijiet addizzjonali stipulati fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/98.

42.      F’dan ir-rigward, nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għas-sentenza fil-kawża Brady, iċċitata iktar ’il fuq (21). Fiha, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, meta interpretat id-Direttiva 75/442, li d-demel likwidu ġġenerat fl-irziezet bħala prodott sekondarju u mibjugħ lil bdiewa oħra biex jerġa’ jintuża bħala fertilizzant jista’ jitqies bħala prodott sekondarju. Dan jindika li, anki qabel l-adozzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/98, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet, bħala prodotti sekondarji, outputs li jirriżultaw minn attivitajiet ta’ trasformazzjoni ekonomika li ma jseħħux esklużivament f’kuntest industrijali. Fuq din il-bażi, nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tadotta interpretazzjoni tat-termini “proċess ta’ produzzjoni” li, mhux biss tgħaqqad id-definizzjoni komuni ta’ dawn it-termini, iżda jsegwi wkoll il-fehim tal-kunċett ta’ “prodott sekondarju” fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja qabel l-adozzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/98.

2)      Użu ulterjuri huwa ċert biżżejjed

43.      Fir-rigward tal-kundizzjoni li l-użu ulterjuri tas-sustanza jew tal-oġġett inkwistjoni għandu jkun ċert, mingħajr preġudizzju għall-verifiki speċifiċi li l-qorti tar-rinviju ser twettaq, huwa ċert biżżejjed f’dan ir-rigward li, qabel l-iskavar tal-ħamrija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kien hemm talba espressa għall-provvista ta’ dan il-materjal minn operaturi lokali. Sussegwentement, din it-talba rriżultat f’impenn biex tiġi pprovduta l-ħamrija mitluba, flimkien ma’ ftehim li permezz tiegħu l-impriża tal-kostruzzjoni twettaq, bl-użu tal-istess materjal, ix-xogħlijiet meħtieġa għal-livellar u t-titjib tal-art agrikola kkonċernata. Anki jekk, fid-data li fiha l-bdiewa avviċinaw inizjalment lil Porr Bau, ma kienx ċert li din l-impriża setgħet takkomoda t-talba tagħhom, dan fih innifsu ma jfissirx, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-użu ulterjuri tal-ħamrija skavata kkonċernata kien inċert (22). Tabilħaqq, ir-rekwiżit taċ-ċertezza jidher li ġie ssodisfatt fi stadju bikri biżżejjed fil-kawża preżenti.

44.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilixxiet kriterji utli sabiex jiġi evalwat b’mod iktar speċifiku jekk l-użu ulterjuri ta’ materjal intiż biex jitqassam fuq art agrikola, bħall-ħamrija skavata inkwistjoni, huwiex ċert biżżejjed. Ir-rekwiżiti stabbiliti pereżempju fis-sentenza fil-kawża Brady diġà ċċitata huma dawn li ġejjin:

–        l-ewwel, l-artijiet tal-bdiewa fejn il-materjal għandu jiġi fornut għandhom ikunu identifikati b’mod ċar mill-bidu nett (23);

–        it-tieni, il-materjal – u l-kwantitajiet li għandhom jiġu kkonsenjati – għandhom fil-fatt ikunu intiżi u strettament limitati għall-ħtiġijiet tal-użu speċifiku stabbilit (24);

–        it-tielet, il-provvista tal-materjal ikkonċernat għandha tkun effettivament użata jew kkummerċjalizzata b’kundizzjonijiet li huma ekonomikament vantaġġużi għad-detentur tiegħu;

–        ir-raba’, fil-każ li l-materjal inkwistjoni ma jiġix fornut immedjatament, hemm obbligu li tintuża ħażna xierqa u suffiċjenti biex tinżamm il-ħamrija matul il-perjodu ta’ ħażna; barra minn hekk, dan il-perjodu ta’ ħażna ma għandux jaqbeż dak li huwa meħtieġ sabiex l-impriża tkun tista’ twettaq l-impenji kuntrattwali tagħha (25);

45.      Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkunsidra li tagħmel applikabbli r-rekwiżiti elaborati fis-sentenza fil-kawża Brady, dwar l-użu ulterjuri ta’ materjal li għandu jitqassam fuq art agrikola, għal kawża dwar ħamrija skavata bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Dan jgħin biex jiġi evalwat b’mod iktar speċifiku jekk l-użu ulterjuri ta’ dan il-materjal huwiex ċert biżżejjed fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2008/98. Fil-fatt, nirrileva li l-informazzjoni kondiviża mill-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tar-rinviju tidher li tiżvela li l-ewwel tliet rekwiżiti huma ssodisfatti fil-kawża prinċipali. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tar-rinviju ma fiha ebda informazzjoni dwar jekk il-ħamrija skavata inkwistjoni fil-kawża prinċipali kinitx – jew le – ġiet ipprovduta immedjatament, u dan iqajjem il-kwistjoni dwar jekk ir-rekwiżit relatat mal-ħażna ta’ dan il-materjal kienx applikabbli. Fi kwalunkwe każ, irrid nenfasizza, għal darba oħra, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq din l-evalwazzjoni u li fl-aħħar mill-aħħar tiddetermina jekk il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2008/98 għandhiex tiġi kkunsidrata bħala ssodisfatta.

3)      L-ebda pproċessar ulterjuri u parti minn proċess ta’ produzzjoni integrali

46.      Fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 5(1)(b) u (c) tad-Direttiva 2008/98, li skonthom is-sustanza jew l-oġġett għandhom jiġu użati direttament mingħajr kwalunkwe pproċessar ulterjuri ħlief prattika industrijali normali u s-sustanza jew l-oġġett għandhom jiġu prodotti bħala parti integrali ta’ proċess ta’ produzzjoni, naħseb li huwa ċar li l-ħamrija skavata fornuta għal-livellar tal-art ma teħtieġ ebda pproċessar jew trattament qabel l-użu ulterjuri tagħha. Dan iktar u iktar meta, kif intqal ripetutament, din il-ħamrija skavata għaddiet minn kontroll li jiddikjara li hija materjal mhux ikkontaminat tal-aqwa kwalità, rikonoxxut bħala tali mid-dritt nazzjonali (26).

47.      Barra minn hekk, diġà argumentajt, fil-punti 41 u 42 iktar ’il fuq, li t-terminu “proċess ta’ produzzjoni”, fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/98, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi attivitajiet ta’ trasformazzjoni ekonomika li jmorru lil hinn minn dawk li jseħħu esklużivament f’kuntest industrijali. Fir-rigward tal-kawża preżenti, huwa importanti li wieħed jifhem li l-ħamrija skavata hija r-riżultat inevitabbli ta’ wieħed mill-ewwel passi li normalment jittieħdu f’operazzjoni ta’ kostruzzjoni bħala attività ekonomika, li r-riżultat tagħha huwa t-trasformazzjoni tal-art. Għal din ir-raġuni, il-ħamrija skavata għandha titqies, bħala parti integrali minn proċess ta’ produzzjoni fis-sens tal-Artikolu 5(1)(ċ) tad-Direttiva 2008/98.

48.      Fl-aħħar nett inqis li huwa importanti li l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta wkoll ftehim dinamiku dwar il-frekwenza li ċertu prodott sekondarju jiġi fornut bħala tali minn impriża, li ma hijiex, inċidentalment, kundizzjoni espressament stabbilita mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/98. Anki jekk materjal ma kienx ipprovdut fuq bażi regolari bħala prodott sekondarju – kif jista’ jkun il-każ ta’ Porr Bau u l-ħamrija skavata inkwistjoni fil-kawża prinċipali – dan ma għandux iwassal għall-konklużjoni li l-provvista ta’ dan il-materjal ma tistax tevolvi u tinbidel f’attività li tista’ titwettaq fuq bażi iktar regolari jekk dan jirriżulta f’benefiċċju ekonomiku għal impriża.

4)      Użu ulterjuri skont il-liġi

49.      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kundizzjoni li l-użu ulterjuri tas-sustanza jew tal-oġġett inkwistjoni għandu jkun skont il-liġi, l-Artikolu 5(1)(d) tad-Direttiva 2008/98 jirrikjedi, b’mod partikolari, li s-sustanza jew l-oġġett inkwistjoni jissodisfa r-rekwiżiti rilevanti kollha tal-prodott, dawk ambjentali u ta’ protezzjoni tas-saħħa għall-użu speċifiku, u ma huwiex ser jirriżulta f’impatti ġenerali li jikkawżaw ħsara lill-ambjent jew is-saħħa tal-bniedem.

50.      F’dan ir-rigward, diġà semmejt li, skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, il-ħamrija kkonċernata fil-kawża prinċipali kienet ġiet ikklassifikata, wara analiżi ta’ kwalità li sar qabel l-użu mill-ġdid tagħha, bħala li tappartjeni għall-ogħla kwalità ta’ materjali skavati mhux ikkontaminati kif iddefinit mil-liġi Awstrijaka, b’mod partikolari taħt il-Pjan Federali għall-Immaniġġar ta’ Skart. Kif indikat fil-punt 12 iktar ’il fuq, dan il-pjan għall-immaniġjar tal-iskart jistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi dwar it-tnaqqis tal-kwantitajiet ta’ skart, tas-sustanzi li jniġġsu tiegħu u tal-effett dannuż tiegħu fuq l-ambjent u s-saħħa. Dan jiddikjara wkoll li l-użu ta’ ħamrija tal-aqwa kwalità mhux ikkontaminata huwa xieraq u awtorizzat għall-adattament u għall-iżvilupp tal-art.

51.      Għalhekk jidher li, sa fejn klassifikazzjoni tal-ħamrija skavata inkwistjoni fil-kawża prinċipali tenfasizza kemm l-istatus tagħha bħala mhux ikkontaminata kif ukoll l-adegwatezza tagħha għall-għan speċifiku ta’ adattament tal-art, ir-raba’ kundizzjoni għandha tiġi meqjusa wkoll bħala ssodisfatta fiċ-ċirkustanzi ta’ każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

c)      Rimarka finali

52.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, impriża tal-kostruzzjoni li tagħżel b’attenzjoni l-ħamrija, tissuġġettaha għal kontroll ta’ kwalità u tipprovdiha bħala materjal mhux ikkontaminat tal-aqwa kwalità sabiex tissodisfa talba speċifika minn operaturi lokali li jeħtieġu dak il-materjal ma għandhiex l-intenzjoni li tarmiha, iżda tista’ tfittex li tisfruttaha taħt kundizzjonijiet vantaġġużi għal dik l-impriża. Din il-ħamrija skavata ma għandhiex għalhekk, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża preżenti, titqies bħala skart fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/98.

53.      Min-naħa l-oħra, inqis li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/98 għandu jiġi interpretat fis-sens li ħamrija skavata tal-aqwa kwalità mhux ikkontaminata, fornuta sabiex tiġi ssodisfatta talba speċifika tal-operaturi lokali, wara li tkun intgħażlet dik il-ħamrija u tkun għaddiet minn kontroll ta’ kwalità, tikkostitwixxi prodott sekondarju sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-artikolu jiġu ssodisfatti skont il-gwida stabbilita fil-punti preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet.

B.      Ilkisba tattmiem tal-istatus ta’ skart

54.      L-analiżi preċedenti tiegħi teskludi l-ħtieġa li jiġu eżaminati t-tliet domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/98. Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li ma ssegwix il-konklużjoni li l-ħamrija skavata inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha titqies bħala prodott sekondarju, iżda minflok bħala skart, nippreżenta l-analiżi tiegħi fuq dawn it-tliet kwistjonijiet iktar ’il quddiem.

1.      LArtikolu 6 tadDirettiva 2008/98 u lġurisprudenza talQorti talĠustizzja

55.      Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98, fil-verżjoni applikabbli għall-kawża preżenti (27), ċertu skart speċifikat ma jibqax skart fis-sens tal-Artikolu 3(1) meta jkun għadda minn operazzjoni ta’ rkupru, inkluż ir-riċiklaġġ.

56.      Skont din id-dispożizzjoni, tmiem tal-istatus ta’ skart għandu wkoll jikkonforma ma’ kriterji speċifiċi żviluppati skont il-kundizzjonijiet li ġejjin: l-ewwel, is-sustanza jew l-oġġett għandhom komunement jintużaw għal skopijiet speċifiċi; it-tieni, għandu jkun hemm suq jew tkun teżisti domanda għal tali sustanza jew oġġett; it-tielet, is-sustanza jew l-oġġett għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tekniċi għall-iskopijiet speċifiċi u jissodisfaw il-leġiżlazzjoni u l-istandards eżistenti applikabbli għall-prodotti, u, ir-raba’, l-użu tas-sustanza jew l-oġġett ma għandux iwassal għal impatti ġenerali li jagħmlu ħsara lill-ambjent jew is-saħħa tal-bniedem.

57.      Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/98, id-definizzjonijiet tal-kriterji speċifiċi li jippermettu li jintlaħaq tmiem tal-istatus ta’ skart għandhom jiġu adottati primarjament mill-Kummissjoni. Madankollu, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni ta’ implementazzjoni adottata fil-livell tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/98 jippermetti lill-Istati Membri jiddeċiedu każ b’każ jekk ċertu skart waqafx ikun skart.

58.      Jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mis-sentenza tagħha fil-kawża Tallinna Vesi, li n-natura eżatta tal-miżuri relatati ma’ tmiem tal-istatus ta’ skart ta’ sustanza jew oġġett ma ġietx speċifikata mil-leġiżlatura tal-Unjoni (28). L-Istati Membri jistgħu għalhekk jadottaw leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli b’mod ġenerali li tipprovdi għall-waqfien tal-istatus ta’ skart li jikkonċerna ċerti tipi ta’ skart (29). Alternattivament, l-Istati Membri jistgħu wkoll jadottaw deċiżjonijiet dwar każijiet individwali, b’mod partikolari fuq il-bażi ta’ applikazzjonijiet imressqa mid-detenturi tas-sustanza jew oġġett ikklassifikat bħala skart (30). L-Istati Membri huma saħansitra intitolati, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jqisu li ċertu skart ma jistax ma jibqax skart u jirrinunzjaw għall-adozzjoni ta’ regolamenti dwar it-tmiem tal-istatus tiegħu ta’ skart (31).

59.      F’dawn it-tliet kuntesti, l-Istati Membri għandhom, madankollu, jiżguraw li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom – jew il-fatt li tali leġiżlazzjoni ma ġietx adottata – ma jammontawx għal ostakolu għall-kisba tal-għanijiet stabbiliti mid-Direttiva 2008/98. Dawn l-għanijiet ġew iddefiniti mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala li jinkoraġġixxu l-applikazzjoni tal-ġerarkija tal-iskart stabbilita fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, u, kif jingħad fil-premessi 8 u 29, li jinkoraġġixxu l-irkupru tal-iskart u l-użu ta’ materjal irkuprat sabiex jippreżervaw ir-riżorsi naturali u jippermettu l-iżvilupp ta’ ekonomija ċirkolari (32). Barra minn hekk, il-miżuri adottati abbażi tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/98 għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 6(1)(a) sa (d) tagħha, u, b’mod partikolari, jieħdu kont ta’ kwalunkwe impatt negattiv possibbli li s-sustanza jew l-oġġett ikkonċernat jista’ jkollu fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tal-bniedem (33).

2.      Status ta’ tmiem taliskart ta’ ħamrija skavata mhux ikkontaminata talaqwa kwalità

60.      Fil-kawża preżenti, huwa paċifiku għall-partijiet li skont l-Artikolu 5(1) tal-Liġi dwar l-Immaniġġar ta’ Skart, il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina meta l-ħamrija skavata tal-aqwa kwalità mhux ikkontaminata pprovduta minn Porr Bau lill-bdiewa lokali fil-kawża prinċipali waqfet milli tkun skart. It-tweġiba għal din il-kwistjoni hija rilevanti ħafna peress li l-ħlas ta’ kontribuzzjoni għad-depożitu ta’ skart, skont il-Liġi dwar ir-riabilitazzjoni ta’ siti perikolużi li ma għadhomx jintużaw, jiddependi mid-determinazzjoni tal-mument li fih dak il-materjal seta’ kiseb it-tmiem tal-istatus ta’ skart. (34)

a)      Dispożizzjonijiet nazzjonali u ġurisprudenza applikabbli

61.      L-Artikolu 5(1) tal-Liġi dwar l-Immaniġġar ta’ Skart jistipula, essenzjalment, li s-sustanzi jew l-oġġetti derivati mill-iskart ma jiksbux tmiem tal-istatus ta’ skart sakemm jintużaw bħala sostitut dirett ta’ materja prima jew prodotti miksuba minn materja prima primarja, jew sakemm titlesta l-preparazzjoni tagħhom għall-użu mill-ġdid.

62.      Din ir-regola tal-Liġi dwar l-Immaniġġar ta’ Skart ma tapplikax, madankollu, fl-intier tagħha għall-materjali skavati. Tabilħaqq, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, kif ikkorroborat mill-Gvern Awstrijak (35), il-materjali skavati jiġu kkunsidrati li kisbu tmiem tal-istatus ta’ skart biss ladarba jkunu ġew użati bħala sostitut dirett ta’ materja prima jew ta’ prodotti miksuba minn materja prima primarja. Għalhekk, l-irkupru permezz ta’ preparazzjoni għall-użu mill-ġdid ma huwiex disponibbli għalihom bħala riżultat ta’ deċiżjoni adottata mill-Awstrija abbażi tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri mill-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/98. Barra minn hekk, biex il-materjali skavati jiksbu tmiem tal-istatus ta’ skart, rekwiżiti formali bħaż-żamma ta’ rekords jew obbligi ta’ dokumentazzjoni għandhom jiġu ssodisfatti skont il-Pjan Federali għall-Immaniġġar ta’ Skart.

63.      Is-sors tat-tilwima preżenti huwa prinċipalment marbut man-nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet dwar meta l-ħamrija skavata inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi kkunsidrata bħala li għaddiet minn operazzjoni ta’ rkupru, kif meħtieġ mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98. Tabilħaqq, Porr Bau tqis li l-kontroll ta’ kwalità mwettaq fuq dan il-materjal, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-klassi mhux ikkontaminata tal-aqwa kwalità tiegħu, jammonta għal operazzjoni ta’ “preparazzjoni għal użu mill-ġdid” u għalhekk irkupru. Fil-fehma tagħha, li tirrifletti l-opinjoni espressa mill-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tar-rinviju, dispożizzjoni nazzjonali li tillimita din il-possibbiltà tkun kuntrarja għall-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Awstrijak isostni li kontroll ta’ kwalità tal-ħamrija skavata ma jistax jiġi kklassifikat bħala operazzjoni ta’ “preparazzjoni għal użu mill-ġdid”. Konsegwentement, dan il-materjal ma jistax jiġi kkunsidrat li għadda minn irkupru sakemm jiġi użat għall-adattament ta’ art agrikola u għat-titjib taż-żoni ta’ kultivazzjoni.

64.      F’dan ir-rigward, għandi nfakkar, fl-ewwel lok, li, skont il-premessa 22 tad-Direttiva 2008/98, għall-finijiet tal-kisba ta’ tmiem tal-istatus ta’ skart, operazzjoni ta’ rkupru tista’ tkun “sempliċi daqs l-ikkontrollar ta’ l-iskart biex ikun verifikat li jissodisfa l-kriterji tat-tmiem ta’ l-iskart”.

65.      Din il-premessa tingħata espressjoni konkreta fl-Artikolu 3(16) tad-Direttiva 2008/98, li formalment jiddefinixxi “preparazzjoni għal użu mill-ġdid” bħala operazzjoni li tikkonsisti fil-“verifika, it-tindif jew it-tiswija” ta’ prodotti jew komponenti ta’ prodotti li saru skart sabiex jiġu ppreparati sabiex jintużaw mill-ġdid mingħajr ebda proċessar bil-quddiem ieħor (36). Din l-istess dispożizzjoni tikkwalifika espressament operazzjonijiet ta’ “preparazzjoni għal użu mill-ġdid” bħala rkupru. Għalhekk, skart li jgħaddi minn tali operazzjoni ta’ “preparazzjoni għal użu mill-ġdid” għandu jitqies li ssodisfa l-ewwel rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98 għall-kisba tat-tmiem tal-istatus ta’ skart.

66.      Ta’ min jinnota wkoll li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/98, li jiddefinixxi l-ġerarkija li għandha tiġi applikata fil-leġiżlazzjoni u l-politika dwar l-iskart, ipoġġi l-“preparazzjoni għal użu mill-ġdid” fit-tieni pożizzjoni fl-ordni tal-prijoritajiet għall-immaniġġar tal-iskart, immedjatament wara il-prevenzjoni.

67.      Fit-tieni lok, sabiex l-iskart jikseb it-tmiem tal-istatus ta’ skart, dan ma għandux biss jgħaddi minn proċess ta’ rkupru, bħal verifika, kif imsemmi iktar ’il fuq. Wara kollox, biex isseħħ bidla fl-istatus ta’ ċertu skart, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-prodott inkwistjoni ma jkunx ta’ ħsara (37). Dan huwa iktar u iktar meta wieħed iqis li kif indikat reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja, it-tmiem tal-istatus ta’ skart jirriżulta fit-tmiem tal-protezzjoni li d-dritt li jirregola l-iskart jiggarantixxi fir-rigward tal-ambjent u s-saħħa tal-bniedem (38). Din hija r-raġuni għaliex, waqt l-irkupru tal-iskart, għandu jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u s-saħħa tal-bniedem (39) u għaliex operazzjoni speċifika ta’ rkupru għandha tiżgura li l-kundizzjonijiet fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98 jiġu kompletament issodisfatti.

68.      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula hawn fuq li għandu jiġi vverifikat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tagħti tmiem tal-istatus ta’ skart lill-ħamrija mhux ikkontaminata tal-aqwa kwalità biss meta tkun intużat bħala sostitut għall-materja prima u wara li jkunu ġew issodisfatti ċerti rekwiżiti formali, u mhux meta l-klassi ta’ status mhux ikkontaminat u tal-ogħla kwalità tagħha jkunu ġew iddefiniti, hijiex kompatibbli mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

b)      Kontroll ta’ kwalità bħala rkupru

69.      Minn naħa, nemmen li huwa ċar biżżejjed li eżami li jista’ jiddetermina l-kwalità u l-istatus mhux ikkontaminat ta’ ħamrija skavata huwa xieraq, minn perspettiva formali, li jiġi kkunsidrat bħala “operazzjoni ta’ kontroll”, u għalhekk jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “preparazzjoni għal użu mill-ġdid” kif iddefinit fl-Artikolu 3(16) tad-Direttiva 2008/98. Il-Gvern Awstrijak isostni li din it-tip ta’ operazzjoni hija riżervata, skont din id-dispożizzjoni, għal “prodotti jew komponenti ta’ prodotti” u li l-ħamrija skavata kkonċernata f’dan il-każ ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala tali. Madankollu, dan l-argument ma għandux jintlaqa’ għal raġunijiet simili għal dawk esposti fil-punti 41 u 42 iktar ’il fuq, li jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra attivitajiet ta’ trasformazzjoni tal-art, bħal xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, bħala proċess ta’ produzzjoni u, għalhekk, ħamrija skavata bħala prodott ta’ din l-attività. Ħamrija skavata tista’ għalhekk tkun suġġetta għal operazzjoni ta’ tħejjija għall-użu mill-ġdid.

70.      Min-naħa l-oħra, huwa ċertament il-kompitu ta’ qorti nazzjonali li tevalwa, meta jkun meħtieġ abbażi ta’ analiżi xjentifika u teknika (40), jekk kontroll ta’ kwalità u kontaminazzjoni mwettaq fuq ħamrija skavata huwiex xieraq għall-finijiet li tiġi eskluża kwalunkwe ħsara lill-ambjent u lis-saħħa tal-bniedem, u wkoll xieraq sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98, kif deskritt fil-punt 56 iktar ’il fuq, ġewx ir-rispettati. L-għan għandu jkun li jiġi żgurat li l-ħamrija skavata ma tippreżentax riskju potenzjalment ikbar minn dak ta’ materja prima komparabbli għal użu speċifiku.

71.      Fir-rigward ta’ dawn il-kundizzjonijiet, li tidher li hija s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali fi fid-dawl tal-fatti stabbiliti fid-deċiżjoni tar-rinviju. Din id-deċiżjoni tindika l-ewwel, li qabel ma sar l-iskavar, ġie stabbilit li ħamrija mhux ikkontaminata tal-aqwa kwalità ser tkun użata għal skop speċifiku illivellar u rrestawrar tal-artijiet agrikoli. It-tieni, kien hemm talba speċifika għal ħamrija skavata, b’mod partikolari mill-bdiewa li indirizzaw lid-detentur ta’ ħamrija tal-ogħla kwalità mhux ikkontaminata għal dak il-għan. It-tielet, id-deċiżjoni tar-rinviju tiddikjara li l-ħamrija skavata ssodisfat ir-rekwiżiti tekniċi u l-istandards għal-livellar u r-restawrar ta’ art agrikola u rrispettat il-leġiżlazzjoni u l-istandards rilevanti. Ir-raba’, minħabba l-aqwa kwalità tal-ħamrija skavata, skont il-Pjan Federali għall-Immaniġġar ta’ Skart, l-użu tas-sustanza jew l-oġġett ma jidhirx li jwassal għal impatti ġenerali li jikkawżaw ħsara fuq l-ambjent jew is-saħħa tal-bniedem. Infakkar, f’dan ir-rigward, li, fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju tindika espressament li l-ħamrija skavata inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet b’mod dimostrabbli taħt il-valuri ta’ limitu ta’ kontaminazzjoni definiti fil-Pjan Federali għall-Immaniġġar ta’ Skart għall-użu speċifiku ta’ adattament u żvilupp tal-art.

72.      Nixtieq nenfasizza li l-interpretazzjoni ta’ hawn fuq tal-Artikolu 3(16) u tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/98, li tagħti status ta’ tmiem tal-iskart lill-ħamrija skavata li ġiet suġġetta għall-kontroll u kklassifikata bħala li hija fil-klassi ta’ materjal tal-aqwa kwalità taħt id-dritt nazzjonali, tiżgura li l-effikaċja tad-Direttiva 2008/98 ma tiġix ippreġudikata, kif mitlub mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 59 iktar ’il fuq, li, li essenzjalment teħtieġ li l-Istati Membri jagħtu tmiem tal-istatus ta’ skart lil sustanzi jew oġġetti fejn dan jikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet tad-Direttiva 2008/98.u li s-sustanzi jew oġġetti fejn dan jikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet tad-Direttiva 2008/98.

73.      Fir-rigward ta’ din il-kawża, għandu jiġi kkunsidrat li l-użu ta’ ħamrija skavata tal-aqwa kwalità, għall-finijiet ta’ llivellar u rrestawrar ta’ art agrikola, jippermetti li tiġi rrispettata l-ġerarkija tal-iskart iddefinita fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/98 u, b’mod partikolari, li tirrispondi għall-inkoraġġiment li jiġi rkuprat l-iskart sabiex jiġu kkonservati r-riżorsi naturali u jiġi promoss l-iżvilupp ta’ ekonomija ċirkolari.

74.      Wara kollox, kif issostni Porr Bau, kieku l-materjal skavat mhux ikkontaminat ikklassifikat bħala tal-aqwa kwalità ma kienx ikkunsidrat li kiseb l-tmiem tal-istatus ta’ skart wara kontroll ta’ kwalità, din il-ħamrija, li l-proprjetajiet tagħha jistgħu jintużaw biex itejbu strutturi tal-agrikoltura, kienet tintrema f’radam, skont l-obbligi stabbiliti fid-Direttiva 2008/98 u l-leġiżlazzjoni nazzjonali Awstrijaka. Dan iwassal, mhux biss potenzjalment għall-ħsara fil-kapaċità tar-radam, iżda wkoll għall-kontaminazzjoni ta’ din il-ħamrija, li ma tistax tibqa’ tintuża għal skopijiet utli. Barra minn hekk, minflok ma jimplimenta l-ġerarkija tal-iskart u jirrispondi għall-inkoraġġiment għall-irkupru tal-iskart sabiex jiġu kkonservati r-riżorsi naturali, kif diġà indikat, id-detentur ta’ skart bħal dan ikun obbligat, skont id-dritt Awstrijak, iħallas kontribuzzjoni fir-rigward ta’ siti kkontaminati li jippreġudika l-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas li, skont il-premessi 1 u 26 tad-Direttiva 2008/98, huwa prinċipju gwida għad-dritt u l-politika ambjentali Ewropea.

75.      Konsegwentement, jiena tal-fehma li l-għoti ta’ tmiem tal-istatus ta’ skart lill-ħamrija skavata ladarba tkun ġiet suġġetta għal kontroll u ddefinita bħala materjal mhux ikkontaminat tal-aqwa kwalità tista’ tilħaq l-għanijiet tad-Direttiva 2008/98. Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li tmiem tal-istatus ta’ skart jista’ jseħħ biss meta dik it-tip ta’ ħamrija tintuża biex tissostitwixxi l-materja prima direttament, u li teskludi l-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid għaliha, taqbeż il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri u għalhekk hija prekluża mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98.

c)      Rekwiżiti formali

76.      Fir-rigward tar-rekwiżiti formali, bħall-obbligi ta’ żamma ta’ rekords u ta’ dokumentazzjoni, li, skont il-qorti tar-rinviju, għandhom jiġu ssodisfatti wkoll minn materjali skavati sabiex jintlaħaq tmiem tal-istatus ta’ skart, għandu japplika raġunament simili. B’mod partikolari, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li r-rekwiżiti formali ma jippreġudikawx l-effikaċja tad-Direttiva 2008/98. Fi kliem ieħor, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li tmiem tal-istatus ta’ skart ta’ materjali skavati ma jistax jintemm f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ obbligi formali, minkejja li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98 huma ssodisfatti, tipprevjeni milli jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva 2008/98 u għalhekk għandha tiġi mwarrba.

77.      Ċertament, kif jenfasizza l-Gvern Awstrijak, l-iffissar ta’ rekwiżiti formali għal tmiem tal-istatus ta’ skart ma huwiex kunċett ġdid għad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni meta jiġu biex jistabbilixxu l-kriterji ta’ tmiem tal-istatus ta’ skart. Madankollu, dawn ir-rekwiżiti formali għandhom jiġu definiti b’mod li jilħqu l-għanijiet tagħhom mingħajr ma jiġu ppreġudikati l-għanijiet tad-Direttiva 2008/98.

78.      Dan ma jidhirx li huwa l-każ fil-kawża prinċipali fid-dawl tad-deskrizzjoni magħmula mill-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tar-rinviju. Fil-fatt, kif jirrikonoxxi l-Gvern Awstrijak fl-osservazzjonijiet tiegħu, id-deċiżjoni appellata quddiem il-qorti tar-rinviju kkonkludiet li l-ħamrija skavata inkwistjoni ma kisbitx tmiem tal-istatus ta’ skart essenzjalment minħabba n-nuqqas ta’ konformità ma’ ċerti rekwiżiti formali stabbiliti fil-Pjan Federali għall-Immaniġġar ta’ Skart. Madankollu, kif intqal ripetutament, il-qorti tar-rinviju tindika li l-ħamrija skavata inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet ġiet ikklassifikata bħala ħamrija tal-ogħla kwalità u kienet b’mod dimostrabbli taħt il-valuri ta’ limitu ta’ kontaminazzjoni ddefiniti fil-Pjan Federali għall-Immaniġġar ta’ Skart għall-użu speċifiku tal-adattament u tal-iżvilupp tal-art.

79.      Ir-rekwiżiti formali għalhekk wasslu lill-awtorità konvenuta biex tikkunsidra l-ħamrija tal-ogħla kwalità mhux ikkontaminata bħala skart, li jinkoraġġixxi r-rimi u l-akkwist ta’ materja prima ġdida minflok jinkoraġixxi l-użu mill-ġdid ta’ materjali preeżistenti. Sa fejn l-użu mill-ġdid ta’ materjali mhux ikkontaminati tal-aqwa kwalità jista’ jiġi skoraġġut, rekwiżiti formali li ma juru li għandhom ebda rilevanza ambjentali għandhom jitqiesu li jippreġudikaw il-promozzjoni tal-ġerarkija tal-iskart iddefinita fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/98 u, bħala tali l-effikaċja ta’ dik id-direttiva.

d)      Rimarka finali

80.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti tmiem tal-istatus ta’ skart lill-ħamrija skavata mhux ikkontaminata, ikklassifikata bħala materjal tal-aqwa kwalità għall-iskop speċifiku tal-iżvilupp tal-art skont il-liġi nazzjonali, biss meta tintuża direttament bħala sostitut għall-materja prima u safejn tiċħad tmiem tal-istatus ta’ skart sakemm id-detentur jissodisfa ċerti rekwiżiti formali li ma għandhom ebda rilevanza ambjentali bħalma huma ż-żamma tar-rekords u l-obbligi ta’ dokumentazzjoni.

V.      Konklużjoni

81.      Abbażi tal-analiżi esposta iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Landesverwaltungsgericht Steiermark (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Styria, l-Awstrija) kif ġej:

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti tmiem tal-istatus ta’ skart lill-ħamrija skavata mhux ikkontaminata, ikklassifikata bħala materjal tal-aqwa kwalità għall-iskop speċifiku tal-iżvilupp tal-art skont id-dritt nazzjonali, biss meta tintuża direttament bħala sostitut għall-materja prima u safejn tiċħad tmiem tal-istatus ta’ skart sakemm id-detentur jissodisfa ċerti rekwiżiti formali li ma għandhom ebda rilevanza ambjentali bħaż-żamma tar-rekords u l-obbligi ta’ dokumentazzjoni.

Madankollu, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98 ma għandux jiġi applikat f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, sa fejn l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/98 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jfissru li din il-ħamrija skavata tal-aqwa kwalità mhux ikkontaminata, fornuta sabiex tiġi ssodisfżatta talba minn bdiewa lokali relatata mal-adattament u l-iżvilupp tal-art, wara li din il-ħamrija tkun ġiet magħżula u tkun għaddiet minn kontroll ta’ kwalità, tikkostitwixxi mhux skart, iżda prodott sekondarju, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a) sa (d) tad-Direttiva 2008/98 huma ssodisfatti. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq din l-evalwazzjoni.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008, L 312, p. 3).


3      Sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Tallinna Vesi (C‑60/18, EU:C:2019:264), iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Tallinna Vesi”).


4      Sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2020, Sappi Austria Produktion u Wasserverband “Region Gratkorn-Gratwein” (C‑629/19, EU:C:2020:824, iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Sappi”).


5      Id-Direttiva 2008/98 ġiet emendata l-aħħar bid-Direttiva (UE) 2018/851 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart (ĠU 2018, L 150, p. 109). It-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha ntemm fil‑5 ta’ Lulju 2020. Fid-deċiżjoni tar-rinviju, madankollu, il-qorti tar-rinviju tindika li l-verżjoni applikabbli tad-Direttiva 2008/98 fil-kawża prinċipali hija dik li tipproċedi l-emendi mdaħħla bid-Direttiva 2018/851 minn. Peress li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju għandha ġurisdizzjoni unika sabiex tiddetermina l-qafas legali applikabbli għal dawn il-proċeduri, jiena minix ser niddubita l-evalwazzjoni tagħha dwar il-verżjoni tad‑Direttiva 2008/98 li għandha tiġi applikata f’din il-kawża.


6      Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 11 tad-Direttiva 2008/98, in fine.


7      Għal deskrizzjoni reċenti ta’ dawn il-kriterji, ara s-sentenza fil-kawża Sappi, punti 43 sa 53 u l-ġurisprudenza ċċitata.


8      Sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2019, Tronex (C‑624/17, EU:C:2019:564, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).


9      Is-sentenza fil-kawża Sappi, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata.


10      Sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2019, Tronex (C‑624/17, EU:C:2019:564, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      Sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2008, Commune de Mesquer (C‑188/07, EU:C:2008:359, punt 41).


12      Sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2019, Tronex (C‑624/17, EU:C:2019:564, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13      Sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Brady (C‑113/12, EU:C:2013:627, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).


14      Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal‑15 ta’ Lulju 1975 dwar l-iskart (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 23), kif emendata bid-Direttiva 91/156/KEE tat‑18 ta’ Marzu 1991 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 3) u kkonsolidata fid-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2006 dwar l-iskart (ĠU 2006, L 114, p. 9).


15      Sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2019, Tronex (C‑624/17, EU:C:2019:564, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16      Is-sentenza fil-kawża Sappi, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata.


17      L-Artikolu 2(1) tal-Liġi dwar l-Immaniġġar ta’ Skart jittrasponi l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/98 fid-dritt Awstrijak.


18      Ara, bħala eżempju ieħor, is-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2007, KVZ retec (C‑176/05, EU:C:2007:123, punt 64).


19      Ara, inter alia, is-sentenza fil-kawża Sappi, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata.


20      Skont l-ekonomija klassika, il-materjali skavati huma kkategorizzati bħala prodotti sekondarji tal-art. Ara, inter alia, Pearce, D. W., Macmillan dictionary of Modern Economics, London: Macmillan Education UK, p. 311 sa 320. Ara wkoll, bħala eżempju konkret, Environmental Protection Agency of Ireland, Guidance on Soil and Stone By-products, Ġunju 2019, disponibbli fuq https://www.epa.ie/publications/licensing--permitting/waste/Guidance_on_Soil_and_Stone_By_Product.pdf


21      Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Brady (C‑113/12, EU:C:2013:627, punt 60).


22      Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Brady (C‑113/12, EU:C:2013:627, punt 48).


23      Ibid., punt 53.


24      Ibid., punt 52, 53 u 56.


25      Ibid., punti 55 u 56.


26      Kif tispjega Porr Bau fl-osservazzjonijiet tagħha, mingħajr ma ġiet ikkonfutata mill-partijiet l-oħra quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħamrija fornuta kienet “ħamrija verġni”, li ttieħdet minn sit agrikolu wieħed u kkunsinnata direttament f’sit agrikolu identiku ieħor.


27      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq.


28      Is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Tallinna Vesi (C‑60/18, EU:C:2019:264, punt 22).


29      Ibid., punti 23 u 25.


30      Ibid., punt 24.


31      Ibid., punt 26.


32      Ibid., punti 23 u 27.


33      Ibid., punt 23.


34      F’dan ir-rigward, il-Gvern Awstrijak jispjega li, skont il-ġurisprudenza tal-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema), materjali skavati meqjusa bħala skart iżommu dan l-istatus anki fil-mument meta jintużaw għall-iżvilupp tal-art. Dan ifisser li, anki jekk dawn il-materjali jiksbu t-tmiem tal-istatus ta’ skart bħala riżultat ta’ dan l-użu speċifiku, dan ma għandu ebda effett fuq l-obbligu ta’ ħlas ta’ kontribuzzjoni taħt il-Liġi dwar ir-riabilitazzjoni ta’ siti perikolużi li ma jintużawx.


35      Ara, f’dan ir-rigward, il-premessi tal-Liġi dwar l-Immaniġġar ta’ Skart.


36      Din id-dispożizzjoni ġiet trasposta fil-Liġi Awstrijaka f’dawn it-termini eżatti, b’mod partikolari fl-Artikolu 2(5)(6) tal-Liġi dwar l-Immaniġġar ta’ Skart.


37      Is-sentenza fil-kawża Tallinna Vesi, punt 23.


38      Is-sentenza fil-kawża Tallinna Vesi, punt 23.


39      Is-sentenza fil-kawża Sappi, punt 66.


40      Is-sentenza fil-kawża Sappi, punt 67.