Language of document : ECLI:EU:T:2022:556

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

14 ta’ Settembru 2022 (*)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf – Dokument ta’ gwida tal-EFSA dwar l-evalwazzjoni tar-riskji tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għan-naħal – Pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri – Rifjut ta’ aċċess – Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali”

Fil-Kawżi magħquda T‑371/20 u T‑554/20,

Pollinis France, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn C. Lepage u T. Bégel, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Delaude, C. Ehrbar u G. Gattinara, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża),

komposta minn A. Marcoulli (Relatriċi), Presidenta, S. Frimodt Nielsen, J. Schwarcz, C. Iliopoulos u R. Norkus, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li rat id-deċiżjoni tal‑15 ta’ Diċembru 2020 li tgħaqqad il-Kawżi T‑371/20 u T‑554/20 għall-finijiet tat-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, tal-eventwali fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza,

wara s-seduta tas‑6 ta’ Mejju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Pollinis France, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 4231 final tad‑19 ta’ Ġunju 2020 (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni kkontestata”), u tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 5120 final tal‑21 ta’ Lulju 2020 (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni kkontestata”), li permezz tagħhom din irrifjutatilha l-aċċess għal ċerti dokumenti li jikkonċernaw id-Dokument ta’ gwida tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) dwar l-evalwazzjoni tar-riskji tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għan-naħal, adottat mill-EFSA fis‑27 ta’ Ġunju 2013, inizjalment ippubblikat fl‑4 ta’ Lulju 2014 (iktar ’il quddiem id-“Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013”), u tatha aċċess parzjali għal ċerti dokumenti oħra li jikkonċernaw id-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013.

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Ir-rikorrenti hija organizzazzjoni mhux governattiva Franċiża li topera għad-difiża tal-ambjent u li għandha l-għan li tipproteġi n-naħal selvaġġ u tal-għasel u li tippromwovi l-agrikoltura sostenibbli bl-għan li tgħin li jiġu ppreżervati l-pollinaturi.

A.      Kawża T371/20

3        Fis‑27 ta’ Jannar 2020, skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), u r-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13), ir-rikorrenti ppreżentat lill-Kummissjoni Ewropea talba għal aċċess għal ċerti dokumenti li jikkonċernaw id-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013.

4        Wara skambji li l-Kummissjoni kellha mar-rikorrenti sabiex tiddefinixxi u tnaqqas il-portata tat-talba tagħha, din it-talba ġiet limitata, essenzjalment, għad-dokumenti li jiddokumentaw il-pożizzjoni tal-Istati Membri, tal-Membri tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf (Standing Committee on Plants, Animals, Food and Feeds) (iktar ’il quddiem is-“Scopaff”) u tal-Kummissjoni dwar id-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 kif ukoll għal kull abbozz li jirrigwarda dan is-suġġett irċevut jew imfassal mill-Kummissjoni sa minn Ottubru 2018.

5        Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni identifikat 25 dokument li jaqgħu taħt it-talba għal aċċess tar-rikorrenti, indikat li 6 dokumenti (dokumenti 20 sa 25) kienu disponibbli fuq is-sit internet Europa u ċaħdet it-talba għal aċċess għad‑19‑il dokument li jifdal (dokumenti 1 sa 19) bis-saħħa tal-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Mit-tabella annessa ma’ din l-ittra jirriżulta li l-imsemmija dokumenti 1 sa 19 huma messaġġi elettroniċi, li xi drabi għandhom annessi, mibgħuta minn ċerti Stati Membri fi ħdan is-Scopaff bejn Jannar u Lulju 2019 u li jirrigwardaw, essenzjalment, id-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 jew l-implimentazzjoni tiegħu, b’mod partikolari dwar abbozz ta’ emenda tal-prinċipji uniformi ta’ evalwazzjoni u ta’ awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti msemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009, L 309, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“prinċipji uniformi”).

6        Fil‑25 ta’ Marzu 2020, ir-rikorrenti ppreżentat talba konfermattiva għal aċċess għal dokumenti.

7        Permezz ta’ messaġġ elettroniku tal‑15 ta’ April 2020, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li t-terminu sabiex tingħata tweġiba għat-talba konfermattiva għal aċċess kellu jiġi estiż u, permezz ta’ messaġġ elettroniku tal‑11 ta’ Mejju 2020, hija informat lir-rikorrenti li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tikkomunikalha tweġiba għat-talba konfermattiva fl-imsemmi terminu estiż.

8        Fl-assenza ta’ tweġiba espliċita għat-talba konfermattiva, ir-rikorrenti ppreżentat, fil‑15 ta’ Ġunju 2020, rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda”), konformement mal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

9        Permezz tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, mibgħuta lir-rikorrenti permezz ta’ messaġġ elettroniku tat‑22 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni wieġbet espliċitament għat-talba konfermattiva, billi tat aċċess parzjali għad-dokument 2, peress li l-aċċess għal ċerti partijiet minnu kien ġie rrifjutat skont l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1)(b) u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, u billi rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti l-oħra kollha msemmija f’din it-talba (dokumenti 1 u 3 sa 19) skont l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

B.      Kawża T554/20

10      Fit‑8 ta’ April 2020, ir-rikorrenti ppreżentat lill-Kummissjoni talba oħra għal aċċess għal ċerti dokumenti li jikkonċernaw id-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013. Din it-talba kienet tikkonċerna, essenzjalment, il-korrispondenza, l-aġendi, il-minuti jew ir-rapporti tal-laqgħat bejn il-membri tas-Scopaff u ċerti uffiċjali jew Membri tal-Kummissjoni dwar id-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 matul il-perijodu bejn Lulju 2013 u Settembru 2018.

11      Permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni identifikat 59 dokument li jaqgħu taħt it-tieni talba għal aċċess tar-rikorrenti u ċaħdet din it-talba għall-imsemmija dokumenti kollha bis-saħħa tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Mit-tabella annessa ma’ din l-ittra jirriżulta li l-imsemmija dokumenti huma messaġġi elettroniċi jew “kummenti”, li xi drabi għandhom annessi, trażmessi minn ċerti Stati Membri fi ħdan is-Scopaff bejn Settembru 2013 u Diċembru 2018 u li jirrigwardaw, essenzjalment, id-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 jew l-implimentazzjoni tiegħu (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien mad-dokumenti 1 sa 19 imsemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq, id-“dokumenti mitluba”).

12      Fil‑25 ta’ Mejju 2020, ir-rikorrenti ppreżentat talba konfermattiva għal aċċess għall-imsemmija dokumenti.

13      Permezz ta’ messaġġ elettroniku tas‑17 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li t-terminu sabiex tingħata tweġiba għat-talba konfermattiva kellu jiġi estiż.

14      Permezz tat-tieni deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wieġbet għat-talba konfermattiva billi tat aċċess parzjali għal erba’ dokumenti (dokumenti 3, 10, 12 u 33), peress li l-aċċess għal ċerti partijiet minnhom ġie rrifjutat skont l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1)(b) u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, u billi rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti l-oħra kollha koperti minn din it-talba (dokumenti 1, 2, 4 sa 9, 11, 13 sa 32 u 34 sa 59) skont l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-imsemmija dokumenti kienu kollha messaġġi elettroniċi.

II.    Ittalbiet talpartijiet

15      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara n-nota ta’ adattament tar-rikors ammissibbli u fondata fil-Kawża T‑371/20;

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat fil-Kawża T‑554/20;

–        tannulla l-ewwel u t-tieni deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tħallasha EUR 3 000 bħala spejjeż f’kull kawża magħquda.

16      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara li r-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda ma għandux skop u tiddikjara inammissibbli n-nota ta’ adattament tar-rikors u, sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat fil-Kawża T‑371/20;

–        tiċħad ir-rikors fil-Kawża T‑554/20;

–        tiċħad bħala inammissibbli t-talba intiża għall-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas ta’ EUR 3 000 bħala spejjeż f’kull kawża magħquda;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Iddritt

17      Ir-rikorrenti tressaq erba’ motivi, essenzjalment identiċi, kontra kull waħda mid-deċiżjonijiet ikkontestati.

18      L-ewwel motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq il-ksur tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li l-Kummissjoni ma applikatx b’mod korrett l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali. It-tieni motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq il-ksur tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li interess pubbliku superjuri jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti mitluba, li għandhom jibbenefikaw mill-aċċess usa’ mogħti lid-dokumenti leġiżlattivi. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, peress li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandha tiġi interpretata iktar u iktar b’mod strett meta l-informazzjoni mitluba tikkonċerna emissjonijiet fl-ambjent. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(1)(b) u tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001.

19      Qabel ma jiġu eżaminati dawn il-motivi, għandu jiġi ppreċiżat is-suġġett tar-rikors fil-Kawża T‑371/20, fid-dawl tat-talba tal-Kummissjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni u tan-nota ta’ adattament tar-rikors tar-rikorrenti.

A.      Fuq issuġġett tarrikors fil-Kawża T371/20

20      Fil‑15 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni ppreżentat talba sabiex jiġi deċiż li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors fil-Kawża T‑371/20. Ir-rikorrenti ppreżentat nota ta’ adattament tar-rikors fit‑18 ta’ Awwissu 2020. L-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fuq it-talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni u l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni fuq in-nota ta’ adattament tar-rikors ġew ippreżentati rispettivament fil‑31 ta’ Awwissu u fl‑1 ta’ Ottubru 2020. Fit‑13 ta’ Novembru 2020, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tgħaqqad mal-mertu l-eżami tat-talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni.

21      Fl-ewwel lok, huwa stabbilit bejn il-partijiet li d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda ġiet issostitwita bl-ewwel deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tal-aħħar tagħti tweġiba espliċita għat-talba konfermattiva mressqa mir-rikorrenti fil‑25 ta’ Marzu 2020.

22      Għandu jitfakkar li, fejn deċiżjoni impliċita ta’ rifjut ta’ aċċess tkun ġiet irtirata permezz ta’ deċiżjoni espliċita meħuda sussegwentement, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors sa fejn dan huwa dirett kontra l-imsemmija deċiżjoni impliċita (sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2015, Typke vs Il‑Kummissjoni, T‑214/13, EU:T:2015:448, punt 36; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2014, Strack vs Il‑Kummissjoni, C‑127/13 P, EU:C:2014:2250, punti 88 u 89).

23      Konsegwentement, kif issostni l-Kummissjoni, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda.

24      Fit-tieni lok, madankollu, skont l-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ppreżentat nota ta’ adattament tar-rikors fid-dawl tal-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kkontestata wara l-preżentata tagħha, intiża sabiex ir-rikors issa jitqies li qiegħed jitlob l-annullament ta’ din id-deċiżjoni espliċita.

25      Issa, għalkemm it-talbiet tal-partijiet huma kkaratterizzati, bħala prinċipju, mill-immutabbiltà tagħhom, l-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi deroga minn dan il-prinċipju. Għalhekk, konformement mal-Artikolu 86(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta att, li jkun qiegħed jintalab l-annullament tiegħu, jiġi ssostitwit b’att ieħor li jkollu l-istess suġġett, ir-rikorrent jista’, qabel l-għeluq tal-fażi orali jew qabel id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi mingħajr il-fażi orali tal-proċedura, jadatta r-rikors sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni dan l-element ġdid billi jintroduċi l-imsemmi adattament permezz ta’ att separat u fit-terminu previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE li fih jista’ jintalab l-annullament tal-att li jiġġustifika l-adattament tar-rikors.

26      F’dan il-każ, id-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda ġiet issostitwita bl-ewwel deċiżjoni kkontestata u n-nota ta’ adattament tar-rikors ġiet ippreżentata fil-forom u fit-terminu previsti għal dan l-għan, fatt li barra minn hekk il-Kummissjoni rrikonoxxiet espressament fl-osservazzjonijiet tagħha fuq l-imsemmija nota ta’ adattament.

27      Minn naħa, il-Kummissjoni madankollu osservat, b’mod ġenerali, li ma kienx ippreċiżat b’mod ċar jekk din in-nota tissostitwixxix jew tikkompletax ir-rikors, iżda bbażat ruħha fuq dan l-aħħar fehim. Mistoqsija f’dan ir-rigward fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrenti, fir-risposta tagħha ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ Marzu 2022, ikkonfermat li, fil-fatt, in-nota ta’ adattament tagħha kkompletat ir-rikors. Issa, sa fejn dan tal-aħħar huwa l-fehim komuni tal-partijiet u, barra minn hekk, kif jirriżulta mill-Artikolu 86(4) tar-Regoli tal-Proċedura, in-nota ta’ adattament ma għandhiex tissostitwixxi r-rikors b’mod sħiħ, iżda għandha tinkludi t-talbiet adattati u, jekk ikun il-każ, il-motivi u l-argumenti adattati kif ukoll il-provi u l-offerti ta’ provi marbuta mal-adattament tat-talbiet, l-osservazzjoni tal-Kummissjoni ma tistax tikkontesta l-ammissibbiltà tan-nota ta’ adattament bħala tali.

28      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni eċċepixxiet in-natura inammissibbli, ineffettiva jew manifestament infondata tal-motivi ppreżentati fin-nota ta’ adattament. Madankollu, peress li dawn il-kritiki jirrigwardaw l-ammissibbiltà, in-natura effettiva jew il-fondatezza tal-imsemmija motivi, dawn jaqgħu taħt l-evalwazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn il-motivi u għalhekk huma irrilevanti fir-rigward tal-ammissibbiltà tan-nota ta’ adattament kollha kemm hi.

29      Konsegwentement, peress li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 86(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura ġew issodisfatti f’dan il-każ, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikors fil-Kawża T‑371/20 issa għandu bħala suġġett talba għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni kkontestata.

30      Barra minn hekk, f’dan l-aħħar rigward, il-Kummissjoni indikat, abbażi ta’ sentenza li tinsab fl-osservazzjonijiet fuq it-talba li ma hemmx lok li tittieħed deċiżjoni mressqa mir-rikorrenti, li din ma kinitx tidher li qiegħda tikkontesta l-ewwel deċiżjoni kkontestata sa fejn din kienet tat aċċess parzjali għad-dokument 2 (ara l-punt 9 iktar ’il fuq). Issa, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li s-sentenza tar-rikorrenti invokata mill-Kummissjoni sempliċement issemmi l-interess tagħha li tikseb l-annullament tal-ewwel deċiżjoni kkontestata billi tfakkar li din kompliet tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti l-oħra kollha (punt 9 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, li n-nota ta’ adattament tar-rikors ma tillimitax is-suġġett tar-rikors biss għad-dokumenti li kienu s-suġġett ta’ rifjut totali ta’ aċċess. Barra minn hekk, meta ġiet mistoqsija waqt is-seduta, ir-rikorrenti kkonfermat li r-rikorsi tagħha kienu intiżi li jikkontestaw id-deċiżjonijiet ikkontestati, inkluż sa fejn dawn jagħtu aċċess parzjali għal ċerti dokumenti, u dan tniżżel fil-proċess verbal tas-seduta. Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li, kuntrarjament għal dak sostnut mill-Kummissjoni, ir-rikors fil-Kawża T‑371/20 għandu bħala suġġett talba għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi.

B.      Fuq lewwel motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq ilksur talArtikolu 4(3) tarRegolament Nru 1049/2001, sa fejn ilKummissjoni ma applikatx b’mod korrett leċċezzjoni dwar ilprotezzjoni talproċess deċiżjonali

31      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, ċertament, it-titolu u l-punti inizjali u finali tal-ewwel motiv tar-rikorsi kif żviluppati fin-nota ta’ adattament fil-Kawża T‑371/20 u fir-rikors fil-Kawża T‑554/20 jirreferu għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, billi jirriproduċu t-terminoloġija u l-istruttura tal-ewwel motiv ippreżentat fir-rikors fil-Kawża T‑371/20, dwar id-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda. Madankollu, l-iżviluppi relatati mal-imsemmi motiv, inklużi fin-nota ta’ adattament fil-Kawża T‑371/20 u fir-rikors fil-Kawża T‑554/20, ma jirrigwardawx biss l-allegat ksur tat-tieni subparagrafu tal-imsemmija dispożizzjoni, iżda jirreferu b’mod iktar konkret għar-raġunijiet mogħtija mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati u jirrigwardaw ukoll l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

32      L-ewwel motiv huwa għalhekk essenzjalment maqsum f’żewġ partijiet, li jirrigwardaw il-ksur, l-ewwel, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, it-tieni, tal-ewwel subparagrafu tal-istess dispożizzjoni.

33      Qabel kollox, fir-rigward tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, kif issostni l-Kummissjoni, sa fejn ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq argument ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, jew saħansitra fuq assenza ta’ indikazzjoni tar-raġunijiet li jippermettu l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li din il-parti hija ineffettiva, peress li ma tistax twassal għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Fil-fatt, fihom, il-Kummissjoni ma applikatx it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, iżda rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti mitluba abbażi tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tal-istess regolament. Barra minn hekk, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni, fl-ittra tagħha tas‑16 ta’ Marzu 2020 (ara l-punt 5 iktar ’il fuq), invokat it-tieni subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 4(3) peress li dawn il-kawżi ma humiex intiżi għall-annullament tal-imsemmija ittra, iżda tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li fihom il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tal-imsemmi regolament. Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva.

34      It-tieni parti tal-ewwel motiv, li tirrigwarda l-ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, tinkludi żewġ ilmenti. Ir-rikorrenti tikkontesta, essenzjalment, minn naħa, ir-rilevanza tal-eċċezzjoni prevista fl-imsemmija dispożizzjoni, invokata mill-Kummissjoni, peress li l-proċess deċiżjonali inkwistjoni ma kienx għadu pendenti, u, min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet mogħtija mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni.

1.      Osservazzjonijiet preliminari

35      Skont il-premessa 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 jirrifletti r-rieda li tinħoloq unjoni li fiha d-deċiżjonijiet jittieħdu bl-ikbar rispett possibbli tal-prinċipju ta’ ftuħ u b’mod li kemm jista’ jkun ikun qrib iċ-ċittadini. Kif tfakkar il-premessa 2 tal-imsemmi regolament, id-dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huwa marbut man-natura demokratika ta’ dawn tal-aħħar (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2018, De Capitani vs Il‑Parlament, T‑540/15, EU:T:2018:167, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Għal dan l-għan, ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż, kif jindikaw il-premessa 4 u l-Artikolu 1 tiegħu, sabiex jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess l-iktar wiesa’ possibbli (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2018, De Capitani vs Il‑Parlament, T‑540/15, EU:T:2018:167, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Dan id-dritt huwa suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat. B’mod partikolari, u f’konformità mal-premessa 11 tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi, fl-Artikolu 4 tiegħu, sistema ta’ eċċezzjonijiet li jawtorizzaw lill-istituzzjonijiet li jirrifjutaw l-aċċess għal dokument f’każ li l-iżvelar ta’ dan tal-aħħar ikun jippreġudika wieħed mill-interessi protetti minn dan l-artikolu (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2018, De Capitani vs Il‑Parlament, T‑540/15, EU:T:2018:167, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Peress li tali eċċezzjonijiet jidderogaw mill-prinċipju tal-iktar aċċess wiesa’ possibbli tal-pubbliku għal dokumenti, huma għandhom jiġu interpretati u applikati strettament (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2018, De Capitani vs Il‑Parlament, T‑540/15, EU:T:2018:167, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Skont il-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta, meta l-istituzzjoni kkonċernata tiddeċiedi li tirrifjuta l-aċċess għal dokument mitlub lilha, hija għandha, bħala prinċipju, tipprovdi spjegazzjonijiet dwar b’liema mod l-aċċess għal dan id-dokument jista’ jippreġudika b’mod konkret u effettiv l-interess protett minn eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 li din l-istituzzjoni tinvoka. Barra minn hekk, ir-riskju ta’ tali dannu għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux biss ipotetiku. Is-sempliċi fatt li dokument jikkonċerna interess protett minn eċċezzjoni ma jistax ikun suffiċjenti sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2018, De Capitani vs Il‑Parlament, T‑540/15, EU:T:2018:167, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Għandu jitfakkar ukoll li l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 tippreżumi li jintwera li l-aċċess għad-dokumenti mitluba seta’ jippreġudika b’mod konkret u effettiv il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni u li dan ir-riskju ta’ preġudizzju kien raġonevolment prevedibbli u mhux sempliċement ipotetiku (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2018, De Capitani vs Il‑Parlament, T‑540/15, EU:T:2018:167, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Sabiex jaqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-preġudizzju għall-proċess deċiżjonali jrid ikun gravi. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-iżvelar tad-dokument imsemmi jkollu impatt sostanzjali fuq il-proċess deċiżjonali. L‑evalwazzjoni tal-gravità tiddependi fuq iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari fuq l-effetti negattivi ta’ dan l-iżvelar fuq il-proċess deċiżjonali invokati mill-istituzzjoni (sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2011, Toland vs Il‑Parlament, T‑471/08, EU:T:2011:252, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      L-istituzzjonijiet ma jistgħux jintalbu jipproduċu provi intiżi sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali riskju. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li d-deċiżjoni tinkludi elementi tanġibbli li minnhom jista’ jiġi konkluż li r-riskju ta’ preġudizzju għall-proċess deċiżjonali huwa, fid-data tal-adozzjoni tagħha, raġonevolment prevedibbli u mhux sempliċement ipotetiku, u li b’mod partikolari tintwera l-eżistenza, f’tali data, ta’ raġunijiet oġġettivi li abbażi tagħhom jista’ jiġi raġonevolment previst li tali preġudizzju jseħħ fil-każ ta’ żvelar tad-dokumenti mitluba (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2018, De Capitani vs Il‑Parlament, T‑540/15, EU:T:2018:167, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Huwa fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi eżaminata t-tieni parti tal-ewwel motiv tar-rikorsi.

2.      Fuq lewwel ilment tattieni parti talewwel motiv, ibbażat fuq lassenza ta’ natura pendenti filproċess deċiżjonali

44      Ir-rikorrenti ssostni li l-interpretazzjoni u l-użu mill-Kummissjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma humiex iġġustifikati. Skont ir-rikorrenti, ir-raġuni mogħtija mill-Kummissjoni għar-rifjut tal-aċċess, jiġifieri li tipproteġi l-proċess deċiżjonali pendenti, hija f’kontradizzjoni mal-indikazzjoni tal-Kummissjoni li skontha ġie mwaqqaf il-proċess deċiżjonali. Din l-aħħar indikazzjoni hija sors ta’ konfużjoni u tqarraq, peress li l-proċess huwa jew “imwaqqaf”, jew inkella “pendenti”. Anki jekk jiġi aċċettat li l-proċess deċiżjonali jiġi sospiż u rivist fuq verżjoni riveduta tad-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013, dak id-dokument ma jibqax l-istess.

45      Il-Kummissjoni tirribatti li l-proċess deċiżjonali inkwistjoni ma ġiex ikkompletat u tippreċiża li, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, hija użat il-kelma “imwaqqaf” bħala li tfisser “sospiża” jew “imqiegħed f’pawża”. Barra minn hekk, il-fatt li d-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 jista’ jiġi emendat ma huwiex rilevanti għall-applikazzjoni tal-eċċezzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Għaldaqstant, il-motivazzjoni ta’ kull waħda mid-deċiżjonijiet ikkontestati ma hijiex kontradittorja.

46      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, għalkemm il-Kummissjoni kkontestat l-ammissibbiltà u r-rilevanza ta’ diversi argumenti ppreżentati mir-rikorrenti fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel motiv sa fejn dawn ma jirrigwardawx l-eċċezzjoni applikata fid-deċiżjonijiet ikkontestati jew li kienu ġew ippreżentati indebitament fl-istadju tar-replika, dan ma huwiex neċessarjament il-każ għall-argumenti li jirrigwardaw in-natura pendenti tal-proċess deċiżjonali riprodott fil-punt 44 iktar ’il fuq. Fil-fatt, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ adattament tar-rikors fil-Kawża T‑371/20, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li tali argumenti kienu jinsabu fl-imsemmija nota ta’ adattament u kienu jirrigwardaw l-eċċezzjoni invokata fid-deċiżjonijiet ikkontestati, billi indikat li, “irrispettivament mill-punti […] tan-nota ta’ adattament, li [kienu] jirreferu għan-natura pendenti tal-proċess deċiżjonali, ir-rikorrenti ma adattatx il-motivi tagħha għall-bażi legali ġdida invokata fl-[ewwel deċiżjoni kkontestata]”. Għandu effettivament jiġi kkonstatat li dawn l-argumenti ġew ippreżentati fin-nota ta’ adattament fil-Kawża T‑371/20. Barra minn hekk, dawn l-argumenti ġew ippreżentati, b’mod identiku, fir-rikors fil-Kawża T‑554/20. Konsegwentement, kull allegazzjoni ulterjuri tal-Kummissjoni, ippreżentata b’mod partikolari fir-risposti tagħha jew waqt is-seduta, intiża sabiex tissuġġerixxi li dawn l-argumenti huma inammissibbli jew ineffettivi jew li r-rikorrenti ma tikkontestax li l-proċess deċiżjonali inkwistjoni huwa pendenti għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

47      Għaldaqstant, għandha tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ dan l-ewwel ilment tar-rikorrenti.

48      Mill-proċess jirriżulta li d-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 ġie ppreparat mill-EFSA fl‑2013 fuq talba tal-Kummissjoni. Dan id-dokument ġie ppreżentat mill-Kummissjoni lis-Scopaff fl‑2013 għal opinjoni, għall-adozzjoni tiegħu skont il-proċedura konsultattiva prevista mir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU 2011, L 55, p. 13), u dan skont l-Artikoli 77 u 79(2) tar-Regolament Nru 1107/2009.

49      Huwa stabbilit bejn il-partijiet li d-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 kien is-suġġett ta’ diskussjonijiet għal diversi snin fi ħdan is-Scopaff, mingħajr ma seta’ jintlaħaq ftehim fuq it-test tiegħu, minħabba n-nuqqas ta’ qbil bejn l-Istati Membri, u mingħajr ma l-Kummissjoni b’hekk waslet sabiex tadotta l-imsemmi dokument ta’ gwida.

50      Fl-assenza ta’ adozzjoni tad-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 bħala tali u għall-finijiet tal-implimentazzjoni parzjali tal-imsemmi dokument, fl‑2018, il-Kummissjoni pproponiet li timplimenta ċerti partijiet tiegħu, u dan billi introduċiet emendi għall-prinċipji uniformi previsti mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 546/2011 tal‑10 ta’ Ġunju 2011 li jimplimenta r-Regolament Nru 1107/2009 dwar prinċipji uniformi għall-evalwazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU 2011, L 155, p. 127). Il-Kummissjoni għalhekk issottomettiet, fl‑2018, abbozz ta’ regolament li jemenda r-Regolament Nru 546/2011 lis-Scopaff għal opinjoni, bl-għan li dan jiġi adottat skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124), u dan skont l-Artikolu 29(6), l-Artikolu 78(1)(c) u l-Artikolu 79(4) tar-Regolament Nru 1107/2009.

51      Huwa stabbilit bejn il-partijiet li s-Scopaff ta opinjoni pożittiva fuq abbozz ta’ regolament li jemenda r-Regolament Nru 546/2011 matul ix-xahar ta’ Lulju 2019, iżda li dan lanqas ma ġie adottat mill-Kummissjoni, peress li, fil-kuntest tal-proċedura regolatorja bi skrutinju, il-Parlament Ewropew oppona l-adozzjoni tiegħu fix-xahar ta’ Ottubru 2019, billi qies, essenzjalment, li l-imsemmi abbozz ma kienx jipprevedi livell suffiċjenti ta’ protezzjoni.

52      Filwaqt li, sal‑2018, hija ma kinitx ippjanat reviżjoni tad-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013, matul ix-xahar ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni talbet lill-EFSA sabiex twettaq reviżjoni tal-imsemmi dokument, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-iżvilupp xjentifiku sa mill‑2013.

53      Huwa għalhekk f’dan il-kuntest li, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, adottati matul ix-xhur ta’ Ġunju u ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni indikat li, fl-istennija tal-finalizzazzjoni tar-reviżjoni tad-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 mill-EFSA, l-eżami tagħha fi ħdan is-Scopaff kien “imwaqqaf” u li dan kien ifisser li l-proċess deċiżjonali seta’ jiġi kkunsidrat bħala “pendenti”, peress li kien ser jitkompla biss wara li l-EFSA kienet temmet ir-reviżjoni tal-imsemmi dokument ta’ gwida. Fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni barra minn hekk indikat li hija enfasizzat mal-EFSA l-importanza li tibgħat “ir-rapport rivedut tagħha” għax-xahar ta’ Marzu 2021 u li talbitha wkoll sabiex tinvolvi lill-esperti tal-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perspettivi kollha, li għandu jippermetti aċċettazzjoni rapida tad-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal Rivedut.

54      Mistoqsija dwar l-istat tad-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal Rivedut matul is-seduta, il-Kummissjoni indikat li kull kunsiderazzjoni dwar il-kontenut u n-natura eventwalment vinkolanti ta’ dan id-dokument kienet ipotetika, peress li l-proċess ta’ reviżjoni tal-imsemmi dokument mill-EFSA kien għadu ma tlestiex. L-istess japplika għal kull kunsiderazzjoni dwar il-forma tal-eventwali adozzjoni tagħha mill-Kummissjoni u għall-proċedura li tista’ tiġi segwita għal dan l-għan.

55      Miċ-ċirkustanzi esposti fil-punti 48 sa 54 iktar ’il fuq jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li tqies mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-proċess deċiżjonali li għalih jirreferu d-dokumenti mitluba ma setax jitqies li kien pendenti fil-mument tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjonijiet.

56      Fil-fatt, jista’, ċertament, jitqies li d-dokumenti mitluba jirrigwardaw proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni li seħħ mill‑2013 sal‑2019 u li kien intiż għall-implimentazzjoni totali jew parzjali, mill-Kummissjoni, tad-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013, jew billi jiġi adottat l-imsemmi dokument ta’ gwida bħala tali skont il-proċedura konsultattiva prevista mir-Regolament Nru 182/2011, jew billi jiġu emendati l-prinċipji uniformi previsti mir-Regolament Nru 546/2011 skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista mid-Deċiżjoni 1999/468. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, l-ebda proċess deċiżjonali ma kien intiż sabiex jimplimenta l-imsemmi dokument ta’ gwida tal‑2013, la bħala tali u lanqas bħala emenda tal-prinċipji uniformi. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni kienet iddeċidiet, impliċitament iżda neċessarjament, li ma tibqax timplimenta dan id-dokument ta’ gwida tal‑2013 u kienet saħansitra talbet espressament lill-EFSA sabiex tipproċedi għar-reviżjoni tiegħu, peress li tali reviżjoni, li kienet għadha pendenti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, kienet timplika barra minn hekk l-impossibbiltà li jiġi ddeterminat il-kontenut tal-eventwali dokument ta’ gwida rivedut, il-forma tal-eventwali adozzjoni tiegħu u l-proċedura li eventwalment kienet ser tiġi segwita għal dan l-għan. Din ir-reviżjoni timplika, għaldaqstant, l-assenza stess tas-suġġett ta’ proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

57      L-argument tal-Kummissjoni li, minkejja ċ-ċirkustanzi msemmija fil-punti 48 sa 54 iktar ’il fuq, hija dejjem kellha l-għan li timplimenta dokument ta’ gwida dwar in-naħal, sabiex tipprovdi lill-awtoritajiet tal-Istati Membri dokument li juri “tagħrif xjentifiku u tekniku attwali” skont l-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, ma jistax iwassal għal konklużjoni differenti. Fil-fatt, anki jekk jitqies li tali għan huwa kkonfermat, dan bl-ebda mod ma jimplika, fih innifsu, li proċess deċiżjonali li għandu tali dokument bħala suġġett kien pendenti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Għall-kuntrarju, l-elementi tal-proċess jidhru li juru li l-Kummissjoni kienet iddeċidiet li ma tibqax timplimenta d-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 u li, jekk meħtieġ, proċess deċiżjonali li kellu bħala suġġett dokument ta’ gwida dwar in-naħal rivedut seta’ jseħħ meta l-EFSA kienet bagħtet dan id-dokument lill-Kummissjoni u din tal-aħħar kienet iddeċidiet li timplimentah, li kien barra minn hekk ipotetiku fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati u kien għadu hekk fid-data tas-seduta. Għall-istess raġunijiet, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-fatt li r-rikorrenti talbet, jew għadha qiegħda titlob, li d-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 jiġi adottat fl-intier tiegħu bl-ebda mod ma jimplika li proċess deċiżjonali li jirrigwarda dan id-dokument kien pendenti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati jew li saħansitra għadu għaddej.

58      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-fatt li r-reviżjoni tad-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 mill-EFSA kienet għadha għaddejja bl-ebda mod ma jimplika li proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dan l-istess dokument kien għadu għaddej fid-dati tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Għall-kuntrarju, l-iżvolġiment stess ta’ dan il-proċess ta’ reviżjoni jikkorrobora l-konstatazzjoni li, wara ċ-ċaħda tal-emenda tal-prinċipji uniformi, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni ma kienet għadha tmexxi l-ebda proċess deċiżjonali dwar id-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013. Fil-fatt, kif enfasizzat ir-rikorrenti mingħajr ma ġiet kontradetta mill-Kummissjoni, sal‑2018, din tal-aħħar ma kinitx ippjanat li titlob tali reviżjoni. Issa, kif jirriżulta mid-deċiżjonijiet ikkontestati, din ir-reviżjoni tidher li ġiet ikkunsidrata fid-dawl tal-impossibbiltà li jiġi adottat id-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 u bl-għan li tippermetti aċċettazzjoni rapida ta’ dokument ta’ gwida dwar in-naħal rivedut.

59      Minn dan isegwi li l-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni li kellu bħala suġġett id-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 kien ġie konkluż fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati u li, konsegwentement, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dawn il-kawżi, il-Kummissjoni ma setgħetx validament tibbaża l-imsemmija deċiżjonijiet fuq l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, intiża sabiex tipproteġi l-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni dwar kwistjoni li fuqha din tkun għadha ma ħaditx deċiżjoni.

60      Fil-fatt, l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jagħmel distinzjoni ċara skont jekk proċedura tkunx ingħalqet jew le. Ladarba d-deċiżjoni adottata, ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali huma inqas akuti, b’mod li l-iżvelar ta’ kull dokument minbarra dawk imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jista’ qatt jippreġudika l-imsemmi proċess u r-rifjut ta’ żvelar ta’ tali dokument ma jistax jiġi awtorizzat, minkejja li l-iżvelar tiegħu jippreġudika serjament dan il-proċess kieku seħħ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni. B’hekk, ir-raġunijiet invokati minn istituzzjoni u li jistgħu jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ aċċess għal tali dokument li ntalbet il-komunikazzjoni tiegħu qabel l-għeluq tal-proċedura amministrattiva jistgħu ma jkunux suffiċjenti sabiex jopponu r-rifjut ta’ żvelar tal-istess dokument wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, L‑Isvezja vs MyTravel u Il‑Kummissjoni, C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punti 78, 80 u 82).

61      Għaldaqstant, l-ewwel ilment tat-tieni parti tal-ewwel motiv għandu jintlaqa’ u, konsegwentement, id-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jiġu annullati sa fejn dawn jirrifjutaw l-aċċess għad-dokumenti mitluba abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

62      Fiċ-ċirkustanzi ta’ dawn il-kawżi, madankollu, għandu jiġi eżaminat ukoll, barra minn hekk, it-tieni lment tat-tieni parti tal-ewwel motiv, li jirrigwarda r-raġunijiet mogħtija mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, jekk jitqies għalhekk li din id-dispożizzjoni hija applikabbli f’dan il-każ.

3.      Fuq ittieni lment tattieni parti talewwel motiv, dwar irraġunijiet mogħtija fiddeċiżjonijiet ikkontestati

63      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni bbażat ruħha, essenzjalment, fuq grupp ta’ tliet raġunijiet marbuta sabiex tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti mitluba abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Skont il-Kummissjoni, l-ewwel, il-proċeduri ta’ komitoloġija jippreżervaw il-kunfidenzjalità tal-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri. It-tieni, l-iżvelar tal-pożizzjonijiet tal-Istati Membri skambjati f’kuntest ta’ kunfidenzjalità jikkomprometti l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kif ukoll il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Ċerti ċirkustanzi li jirrigwardaw id-diskussjonijiet dwar id-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 jikkostitwixxu provi solidi tal-kumplessità u tan-natura sensittiva tal-proċess deċiżjonali inkwistjoni, li għandu jiġi protett. It-tielet, il-Kummissjoni kienet, u dejjem kienet, il-mira ta’ pressjoni esterna li ġejja minn diversi partijiet ikkonċernati li għandhom interessi kontradittorji, b’tali mod li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba jesponi proċess deċiżjonali twil u kumpless għal iktar pressjoni esterna. L-iżvelar tad-dokumenti mitluba jnaqqas il-marġni ta’ manuvra u l-flessibbiltà tal-Istati Membri, li għandhom ikunu liberi li jesploraw, mingħajr pressjoni esterna, l-għażliet kollha fi ħdan il-kumitati permanenti.

64      Qabel ma jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jikkontestaw dawn ir-raġunijiet mogħtija mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati, qabel kollox għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tal-imsemmija argumenti, ikkontestata mill-Kummissjoni minħabba li dawn jikkostitwixxu motiv ġdid.

a)      Fuq lammissibbiltà talargumenti tarrikorrenti

65      Ir-rikorrenti, fir-replika, tindika li hija tikkonferma li d-deċiżjonijiet ikkontestati jiksru wkoll l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, u dan mingħajr ma jinbidlu l-argumenti tagħha, ħlief sabiex “‘it-tieni subparagrafu’ jiġi ssostitwit bl-‘ewwel subparagrafu’”, peress li d-dritt applikabbli huwa l-istess. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti rreferiet espressament għall-imsemmi l-ewwel subparagrafu fin-nota ta’ adattament tagħha tar-rikors fil-Kawża T‑371/20 u fir-rikors fil-Kawża T‑554/20. Dan l-argument għalhekk ma huwiex “motiv ġdid”, peress li r-raġunament espost huwa eżattament l-istess u r-rikorrenti diġà għamlet riferiment għalih. Barra minn hekk, billi tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza dwar l-estensjoni tal-motivi, ir-rikorrenti ssostni li, f’dan il-każ, iż-żewġ subparagrafi jikkostitwixxu “żidiet meħtieġa għall-kundizzjonijiet ta’ żvelar tad-dokumenti […] f’dak li jirrigwarda n-neċessità li jiġi protett il-proċess deċiżjonali” u li s-sens tal-argument tagħha, fir-rikors u fir-replika ppreżentati f’kull waħda mill-kawżi magħquda, huwa l-istess. Ir-rikorrenti tikkonkludi li l-ewwel motiv għaldaqstant ma huwiex inammissibbli sa fejn dan jirrigwarda l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

66      Il-Kummissjoni, fil-kontroreplika, fir-rigward tal-possibbiltà għar-rikorrenti li tippreċiża l-portata tal-ewwel motiv, preliminarjament, tosserva li l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jikkonċernaw l-istess eċċezzjoni waħda, filwaqt li dawn jirrigwardaw żewġ eċċezzjonijiet differenti li japplikaw b’mod alternattiv. F’dan il-kuntest, minn naħa, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti kkonfermat li hija kellha l-intenzjoni tinvoka ksur tat-tieni subparagrafu tal-imsemmija dispożizzjoni, u għalhekk l-invokazzjoni ta’ dan is-subparagrafu ma kinitx żball materjali. Għall-kuntrarju, huwa r-riferiment għall-ewwel subparagrafu tal-imsemmija dispożizzjoni (darba fin-nota ta’ adattament fil-Kawża T‑371/20 u darba fir-rikors fil-Kawża T‑554/20) li jikkostitwixxi żball materjali, peress li ma hemm l-ebda argument awtonomu f’dan ir-rigward, iktar u iktar peress li ż-żewġ eċċezzjonijiet japplikaw alternattivament. Jekk ir-rikorrenti kellha l-intenzjoni tiżviluppa raġunament sussidjarju jew kumulattiv dwar l-ewwel subparagrafu, hija kellha tindika dan b’mod ċar fin-nota ta’ adattament fil-Kawża T‑371/20 jew fir-rikors fil-Kawża T‑554/20; hija ma tistax tapplika tali estensjoni b’mod retroattiv. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma tistax tinvoka fir-replika argumenti li jirrigwardaw l-ewwel subparagrafu minħabba li dawn huma strettament marbuta ma’ dawk imressqa fir-rikors, peress li ż-żewġ eċċezzjonijiet huma differenti u jipproteġu żewġ interessi differenti. Il-fatt li d-dokumenti jistgħu jaqgħu taħt iż-żewġ eċċezzjonijiet ma għandu l-ebda effett fuq l-evalwazzjoni li l-Kummissjoni għandha twettaq, li tvarja skont jekk l-interess protett huwiex proċess deċiżjonali pendenti jew magħluq. Barra minn hekk, il-fatt li r-rikorrenti setgħet tibbaża ruħha fuq l-istess argument ma huwiex rilevanti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li r-rikorrenti, fir-replika, invokat motiv ġdid li huwa inammissibbli.

67      L-ewwel, għandha tiġi miċħuda l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-argument żviluppat fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jista’ jiġi traspost għall-ewwel subparagrafu tal-istess dispożizzjoni, minħabba li d-dritt applikabbli huwa l-istess u li l-argument tar-rikorrenti jista’ għalhekk jibqa’ l-istess billi sempliċement jiġi ssostitwit il-kliem “it-tieni subparagrafu” bil-kliem “l-ewwel subparagrafu”. Fil-fatt, din l-allegazzjoni hija bbażata fuq premessi żbaljati. Kif jirriżulta mill-punt 60 iktar ’il fuq, ir-raġunament applikabbli fil-kuntest ta’ waħda jew l-oħra minn dawn l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma huwiex l-istess, peress li dawn iż-żewġ eċċezzjonijiet huma intiżi sabiex jipproteġu żewġ interessi differenti u huma suġġetti għal kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni differenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax validament tippretendi li tista’ tibbaża ruħha fuq dispożizzjonijiet oħra li ma humiex dawk invokati minħabba li hemm bżonn jinbidel, fl-argumenti tagħha, is-sempliċi riferiment għad-dispożizzjonijiet inkwistjoni.

68      It-tieni, madankollu, ir-rikorrenti ssostni li, fi kwalunkwe każ, fl-atti promoturi, hija invokat ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u li, konsegwentement, fir-replika, hija tista’ testendi l-argumenti żviluppati insostenn ta’ tali invokazzjoni.

69      F’dan ir-rigward, minn naħa, huwa biżżejjed li jitfakkar li, effettivament, kif jirriżulta barra minn hekk mill-punti 44 sa 46 iktar ’il fuq, fin-nota ta’ adattament tar-rikors fil-Kawża T‑371/20 u fir-rikors fil-Kawża T‑554/20, fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti espressament invokat il-ksur tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, billi indikat li “ir-rikorrenti [qieset] li l-interpretazzjoni u l-użu mill-Kummissjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) (protezzjoni tal-proċess deċiżjonali pendenti) tar-Regolament […] Nru 1049/2001 ma [kinitx] iġġustifikata”.

70      Barra minn hekk, b’mod koerenti ma’ tali invokazzjoni, fin-nota ta’ adattament fil-Kawża T‑371/20 u fir-rikors fil-Kawża T‑554/20, fl-argumenti żviluppati fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti fakkret espressament “ir-raġuni mogħtija mill-Kummissjoni sabiex tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti, jiġifieri ‘li tipproteġi l-proċess deċiżjonali pendenti’”.

71      Bl-istess mod, fil-parti introduttiva tan-nota ta’ adattament fil-Kawża T‑371/20 kif ukoll tar-rikors fil-Kawża T‑554/20, ir-rikorrenti fakkret li kull waħda mid-deċiżjonijiet ikkontestati kienet “ibbażata fuq l-eċċezzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) (protezzjoni tal-proċess deċiżjonali pendenti) tar-Regolament Nru 1049/2001”.

72      Barra minn hekk, fin-nota ta’ adattament fil-Kawża T‑371/20 u fir-rikors fil-Kawża T‑554/20, fil-kuntest tat-tielet motiv tar-rikorsi, ir-rikorrenti invokat il-ksur tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, fir-rigward tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

73      Għalhekk, mill-kontenut tal-ewwel motiv, kif ukoll mir-rikorsi kollha kemm huma, jirriżulta li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ġie espressament invokat mir-rikorrenti fil-kuntest tal-iżviluppi relatati mal-ewwel motiv tar-rikorsi. Għaldaqstant, l-argument tal-Kummissjoni li dawn ir-riferimenti huma żbalji tal-pinna tar-rikorrenti ma jistax jintlaqa’.

74      Għalkemm huwa ċertament ta’ dispjaċir li, fin-nota ta’ adattament fil-Kawża T‑371/20 u fir-rikors fil-Kawża T‑554/20, fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti invokat mingħajr distinzjoni dispożizzjonijiet li għandhom portata differenti, bħall-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, xorta jibqa’ l-fatt li l-invokazzjoni tal-ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 tirriżulta kemm min-nota ta’ adattament fil-Kawża T‑371/20 kif ukoll mir-rikors fil-Kawża T‑554/20.

75      Min-naħa l-oħra, huwa ċertament minnu li, minbarra l-argumenti diġà mfakkra fil-punt 44 iktar ’il fuq, huwa biss fir-replika li, b’risposta għall-kritika tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti kompliet tartikola tali invokazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, billi żviluppat argumenti intiżi sabiex ikomplu jsostnu t-tieni parti tal-ewwel motiv.

76      Skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat fil-mori tal-kawża, ħlief jekk dan il-motiv ikun ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, motiv li jikkostitwixxi l-estensjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors u li għandu rabta stretta miegħu, għandu jiġi ddikjarat ammissibbli. Minbarra dan, l-argumenti li s-sustanza tagħhom għandha rabta stretta ma’ motiv mogħti fir-rikors ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala motivi ġodda u l-preżentazzjoni tagħhom hija ammessa fl-istadju tar-replika jew tas-seduta (sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2018, “Pro NGO!” vs Il‑Kummissjoni, T‑454/17, EU:T:2018:755, punt 70).

77      Issa, f’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-argumenti żviluppati mir-rikorrenti fir-replika ma jikkostitwixxux motiv ġdid, iżda għandhom rabta stretta mal-invokazzjoni tal-ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 li kien diġà inkluż fin-nota ta’ adattament fil-Kawża T‑371/20 u fir-rikors fil-Kawża T‑554/20.

78      Fil-fatt, fin-nota ta’ adattament fil-Kawża T‑371/20 u fir-rikors fil-Kawża T‑554/20, ir-rikorrenti sostniet li l-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 “ma [kinitx] iġġustifikata”. Barra minn hekk, fl-imsemmija atti, ir-rikorrenti żiedet, ċertament b’mod ġenerali, li “il-Kummissjoni [naqset] milli tispjega kif l-aċċess għad-dokumenti mitluba jippreġudika speċifikament u effettivament il-proċess deċiżjonali”. Fir-replika, ir-rikorrenti spjegat għaliex, fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni “ma [kinitx] uriet li l-awtorizzazzjoni tal-iżvelar tad-dokumenti mitluba kienet twassal għal riskju konkret u effettiv għall-proċess deċiżjonali pendenti” u, b’mod iktar preċiż, għaliex ir-raġunijiet mogħtija fid-deċiżjonijiet ikkontestati ma jurux “b’mod adegwat li l-awtorizzazzjoni tal-iżvelar tad-dokumenti kienet ser twassal għal riskju konkret, effettiv u serju fil-proċess deċiżjonali pendenti”. L-argumenti esposti fir-replika f’kull kawża huma intiżi għalhekk sabiex jiżviluppaw direttament l-ilment li jinsab fl-atti introduttivi li jirrigwardaw l-assenza ta’ ġustifikazzjoni adegwata li tippermetti l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

79      Konsegwentement, peress li, f’dan il-każ, l-argumenti ppreżentati fir-replika f’kull kawża dwar il-ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jikkostitwixxu estensjoni tal-motiv imsemmi fin-nota ta’ adattament fil-Kawża T‑371/20 u fir-rikors fil-Kawża T‑554/20 dwar din l-istess dispożizzjoni, dawn għandhom jitqiesu li huma ammissibbli.

80      Barra minn hekk, minbarra dan, għandu jiġi rrilevat li dawn l-argumenti, sa fejn jirrigwardaw ir-raġunijiet mogħtija fid-deċiżjonijiet ikkontestati, jikkoinċidu, essenzjalment, mal-argumenti żviluppati – b’mod ċertament kultant sfortunatament impreċiż fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li l-ksur tagħhom kien invokat – fin-nota ta’ adattament fil-Kawża T‑371/20 u fir-rikors fil-Kawża T‑554/20 fir-rigward tal-kontenut konkret tad-deċiżjonijiet ikkontestati (ara l-punti 31 u 74 iktar ’il fuq).

81      Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti fir-replika sabiex jiġu kkontestati r-raġunijiet imfakkra fil-punt 63 iktar ’il fuq mogħtija mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati.

b)      Fuq ilfondatezza talargumenti tarrikorrenti

82      Ir-rikorrenti ssostni, minn naħa, li r-Regoli standard ta’ proċedura għall-kumitati (ĠU 2011, C 206, p. 11, iktar ’il quddiem ir-“Regoli proċedurali standard”) ma jistgħux jipprevalu fuq ir-Regolament Nru 1049/2001 u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni ma spjegatx kif l-iżvelar tad-dokumenti mitluba kien iwassal għal riskju konkret u effettiv għall-proċess deċiżjonali pendenti. L-ewwel, il-Kummissjoni ma turix kif l-effett fuq il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali. Il-fatt li d-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 ilu jkun diskuss għal iktar minn seba’ snin jew qiegħed jiġi rrivedut huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. It-tieni, il-pressjoni esterna invokata mill-Kummissjoni lanqas ma tipprova li l-iżvelar kien jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali. Din il-pressjoni lanqas ma għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, peress li ma hijiex il-konsegwenza diretta tal-iżvelar tad-dokumenti u huma l-istituzzjonijiet li għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jevitawha. F’dan il-każ, il-Kummissjoni mhux biss ma stabbilixxietx ir-realtà tal-pressjoni allegata, iżda ma spjegatx għal liema raġunijiet din il-pressjoni toħloq “riskju serju” għall-proċess deċiżjonali. It-tielet, il-Kummissjoni kellha turi l-eżistenza ta’ riskju speċifiku fir-rigward ta’ kull wieħed mid-dokumenti mitluba.

83      Il-Kummissjoni ssostni li l-argumenti tar-rikorrenti huma infondati. Minn naħa, ir-rikorrenti tinjora l-kuntest ġuridiku rilevanti, b’mod partikolari r-Regoli proċedurali standard. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tidher li qiegħda tikkontesta għall-ewwel darba, u b’mod inkoerenti mal-argumenti preċedenti tagħha, il-fatt li l-Kummissjoni ġarrbet pressjoni esterna. L-elementi li jsostnu l-eżistenza tar-riskju għall-proċess deċiżjonali ma għandhomx jiġu kkunsidrati b’mod iżolat, iżda bħala li jagħmlu parti minn sensiela ta’ indizji konkordanti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tippreċiża li hija ma applikatx preżunzjoni ġenerali, iżda evalwat b’mod speċifiku l-kontenut tad-dokumenti kollha mitluba.

84      Qabel kollox, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati l-argumenti tar-rikorrenti sa fejn dawn jistgħu jinftiehmu bħala li jinvokaw nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 63 iktar ’il fuq, id-deċiżjonijiet ikkontestati jesponu r-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti mitluba. Għall-kuntrarju, il-kwistjoni dwar jekk ir-raġunijiet mogħtija mill-Kummissjoni jippermettux li tali rifjut jiġi ġġustifikat validament taqa’ taħt il-fondatezza tad-deċiżjonijiet ikkontestati, u mhux taħt in-nuqqas jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tagħhom. Għaldaqstant, dawn ir-raġunijiet għandhom jiġu eżaminati.

1)      Fuq ilpożizzjoni individwali talIstati Membri filproċeduri ta’ komitoloġija

85      Fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni indikat li l-proċeduri ta’ komitoloġija jippreżervaw il-kunfidenzjalità tal-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri u li dan huwa rifless f’ċerti dispożizzjonijiet tar-Regoli proċedurali standard, adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 182/2001, dispożizzjonijiet li, skont il-Kummissjoni, “jeskludu espressament il-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri mill-aċċess tal-pubbliku”.

86      Ir-rikorrenti ssostni li r-Regoli proċedurali standard ma jistgħux jipprevalu fuq ir-Regolament Nru 1049/2001.

87      Il-Kummissjoni tirrispondi li r-rikorrenti tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest ġuridiku rilevanti.

88      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li din it-tilwima ma tirrigwardax, b’mod ġenerali, ir-regoli li jirregolaw ix-xogħol tal-kumitati ta’ komitoloġija, u lanqas l-aċċess dirett għal dan ix-xogħol, iżda biss l-aċċess, wara talba għal aċċess imressqa skont ir-Regolament Nru 1049/2001 mir-rikorrenti, għal ċerti dokumenti skambjati fi ħdan is-Scopaff fil-kuntest tal-eżami tad-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013, peress li dawn id-dokumenti huma messaġġi elettroniċi li jinkludu, essenzjalment, il-pożizzjoni individwali ta’ ċerti Stati Membri dwar l-imsemmi dokument ta’ gwida jew dwar abbozz ta’ emenda tal-prinċipji uniformi intiżi sabiex jimplimentawh (ara l-punti 5, 11 u 14 iktar ’il fuq).

89      Fl-ewwel lok, f’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, sabiex issostni r-raġuni li l-pożizzjoni individwali tal-Istati Membri kellha tiġi protetta fil-proċeduri ta’ komitoloġija u għalhekk kellha tiġi eskluża mill-aċċess tal-pubbliku, il-Kummissjoni bbażat ruħha biss fuq il-kontenut ta’ żewġ dispożizzjonijiet tar-Regoli proċedurali standard, jiġifieri l-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 13(2) tagħhom: l-ewwel waħda mill-imsemmija dispożizzjonijiet tindika li l-“kitba fil-qosor m’għandhiex issemmi l-pożizzjoni individwali tal-membri waqt id-diskussjonijiet tal-kumitat” u, it-tieni waħda, li d-“diskussjonijiet tal-kumitat għandhom ikunu kunfidenzjali.”

90      Fi kliem ieħor, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni la bbażat ruħha fuq dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001, la fuq ir-Regolament Nru 182/2011, u lanqas fuq il-kontenut ta’ regoli interni li s-Scopaff kien effettivament adotta.

91      Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, meta ġiet mistoqsija fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, dwar il-kwistjoni jekk is-Scopaff kellux regoli interni, il-Kummissjoni, fit-tweġiba tagħha ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Marzu 2022, indikat li dan il-kumitat ma kellux regoli interni, iżda li kien jorganizza x-xogħol tiegħu skont ir-Regoli proċedurali standard. Madankollu, il-Kummissjoni ma pproduċiet l-ebda prova insostenn ta’ din l-aħħar indikazzjoni. Mistoqsija waqt is-seduta abbażi ta’ dan l-approċċ tas-Scopaff, il-Kummissjoni ma semmietx xi bażi partikolari, iżda indikat, essenzjalment, li peress li s-Scopaff, filwaqt li ma rriproduċiex ir-regoli tar-Regoli proċedurali standard f’regoli interni, irrefera għalihom “b’mod prattiku” sabiex jorganizza x-xogħol tiegħu.

92      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, b’differenza mis-sitwazzjoni meħuda inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali fil-punt 86 tas-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, ViaSat vs Il‑Kummissjoni (T‑649/17, mhux ippubblikata, EU:T:2020:235), dwar ċerti attivitajiet ta’ kumitat ta’ komitoloġija ieħor, f’dan il-każ, l-ebda element fil-proċess ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li s-Scopaff adotta regoli interni li jikkorrispondu għad-dispożizzjonijiet tar-Regoli proċedurali standard invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati u li jenfasizzaw l-importanza li dan il-kumitat jagħti lill-kunfidenzjalità ta’ ċerta informazzjoni skambjata fi ħdanha u tad-diskussjonijiet tagħha.

93      Fit-tieni lok, fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li s-Scopaff adotta jew segwa “b’mod prattiku” ir-regoli tar-Regoli proċedurali standard, inklużi d-dispożizzjonijiet invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati, tali fatt ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li dawn id-dispożizzjonijiet, anki jekk kellhom jiġu interpretati fis-sens li huma jenfasizzaw in-natura kunfidenzjali tad-diskussjonijiet tas-Scopaff u tal-pożizzjonijiet espressi mill-Istati Membri f’dan il-kuntest, jistgħu jeskludu, bħala prinċipju, ċerti dokumenti mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001.

94      Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-premessa 19 tar-Regolament Nru 182/2011 tippreċiża li għandu jiġi ggarantit l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni dwar ix-xogħol tal-kumitati, konformement mar-Regolament Nru 1049/2001. Għal dan l-għan, l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 182/2011 jistabbilixxi li l-prinċipji u l-kundizzjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess tal-pubbliku għal dokumenti li huma applikabbli għall-Kummissjoni japplikaw għall-kumitati (dispożizzjoni identika kienet barra minn hekk tinsab fl-Artikolu 7(2) tad-Deċiżjoni 1999/468). Ir-Regolament Nru 182/2011 ifakkar ukoll li l-kumitati huma suġġetti għall-istess regoli bħall-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-aċċess tal-pubbliku għal dokumenti, jiġifieri dawk tar-Regolament Nru 1049/2001, u ma fihx regola speċifika li tirrigwarda l-aċċess tal-pubbliku għal dokumenti li jikkonċernaw ix-xogħol tal-kumitati.

95      Ċertament, l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 182/2011 jipprevedi li kull kumitat għandu jadotta r-regoli interni tiegħu abbażi tar-Regoli proċedurali standard, li huma mfassla mill-Kummissjoni, wara li tkun ikkonsultat lill-Istati Membri, u ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

96      Madankollu, id-dispożizzjonijiet tar-regoli interni ta’ kumitat, jew anki dawk tar-Regoli proċedurali standard, irrispettivament minn jekk ġewx riprodotti mill-kumitat fir-regoli interni tiegħu jew le, ma jistgħux jippermettu l-għoti, bi tweġiba għal talba għal aċċess mill-pubbliku, ta’ protezzjoni għal dokumenti li jmorru lil hinn minn dak li huwa previst mir-Regolament Nru 1049/2001.

97      B’hekk, id-dispożizzjonijiet tar-Regoli proċedurali standard invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati ma jistgħux jippermettu li jiġu protetti l-pożizzjonijiet individwali espressi mill-Istati Membri lil hinn minn dak li huwa previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2008, Muñiz vs Il‑Kummissjoni, T‑144/05, mhux ippubblikata, EU:T:2008:596, punt 92).

98      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-aċċess għal dokumenti ma tistax tiġġustifika li istituzzjoni tirrifjuta, bħala prinċipju, l-aċċess għal dokumenti li jirrigwardaw id-diskussjonijiet tagħha minħabba li dawn jinkludu informazzjoni dwar il-pożizzjoni meħuda mir-rappreżentanti tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2001, British American Tobacco International (Investments) vs Il‑Kummissjoni, T‑111/00, EU:T:2001:250, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99      Minn dan jirriżulta li, fir-rigward tal-aċċess tal-pubbliku għal dokumenti inerenti għax-xogħol tal-kumitati ta’ komitoloġija, il-Kummissjoni ma tistax tikkunsidra li l-kuntest ġuridiku rilevanti jeskludi, bħala prinċipju, l-aċċess tal-pubbliku għall-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri.

100    Fit-tielet lok, barra minn hekk, għandu jiġi osservat li d-dispożizzjonijiet tar-Regoli proċedurali standard invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jeskludu l-aċċess tal-pubbliku, fuq talba, għall-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri.

101    L-ewwel, l-Artikolu 10(2) tar-Regoli proċedurali standard jirrigwarda l-kontenut tar-“rapport sommarju” tax-xogħol tal-kumitati. Issa, kif jirriżulta mill-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 182/2011, ir-rapport sommarju huwa wieħed mid-dokumenti li jagħmlu parti mir-reġistru tax-xogħol tal-kumitati miżmum mill-Kummissjoni skont din l-aħħar dispożizzjoni, dokumenti li r-referenzi tagħhom huma ppubblikati fl-imsemmi reġistru, konformement mal-paragrafu 5 tal-istess dispożizzjoni. L-Artikolu 10 tar-Regoli proċedurali standard iżid, ċertament, fil-paragrafu 2 tiegħu, li, għalkemm ir-rapport sommarju għandu jiddeskrivi l-punti tal-aġenda u r-riżultati tal-voti, huwa “m’[għandux isemmi] l-pożizzjoni individwali tal-membri waqt id-diskussjonijiet tal-kumitat”. Madankollu, din l-aħħar dispożizzjoni ma tirrigwardax l-aċċess tal-pubbliku għal dokumenti tal-kumitati, iżda l-kontenut tar-reġistru tax-xogħol tal-kumitati, b’mod partikolari l-kontenut ta’ wieħed mid-dokumenti li jikkostitwixxuh, ir-rapport sommarju. Issa, il-fatt li r-rapport sommarju ma jsemmix il-pożizzjoni individwali tal-Istati Membri ma għandux effett fir-rigward tal-aċċess għal dokumenti u għalhekk ma jistax jippreġudika l-aċċess tal-pubbliku, fuq talba, għal dokumenti li juru l-imsemmija pożizzjonijiet individwali. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, l-imsemmija dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-pożizzjoni individwali tal-Istati Membri ma għandha tiġi rreġistrata fl-ebda dokument, peress li l-imsemmija dispożizzjoni tikkonċerna biss il-kontenut tar-rapport sommarju.

102    Barra minn hekk, sa fejn, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni bbażat ruħha wkoll fuq l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 182/2011 sabiex issostni li l-pożizzjoni individwali tal-Istati Membri għandha tiġi protetta, peress li huma biss ir-riżultati tal-voti li jidhru fir-reġistru tax-xogħol tal-kumitati, tali argument għandu wkoll jiġi miċħud skont l-istess loġika. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni tikkonċerna biss il-kontenut tar-reġistru tax-xogħol tal-kumitat, u mhux l-aċċess tal-pubbliku għal dokumenti, li, kif jirriżulta mill-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 182/2011, jista’ jseħħ skont ir-Regolament Nru 1049/2001.

103    It-tieni, l-Artikolu 13(2) tar-Regoli proċedurali standard jindika, ċertament, li “[i]d-diskussjonijiet tal-kumitat għandhom ikunu kunfidenzjali”.

104    Madankollu, minn naħa, l-imsemmija dispożizzjoni sempliċement issemmi n-natura kunfidenzjali tad-“diskussjonijiet tal-kumitat”, u mhux il-proċedura kollha li fi tmiemha l-membri tal-kumitat jiddeliberaw (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2017, Saint-Gobain Glass Deutschland vs Il‑Kummissjoni, C‑60/15 P, EU:C:2017:540, punt 81). Min-naħa l-oħra, mingħajr ma hemm lok li jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “diskussjonijiet tal-kumitat” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-portata ta’ din id-dispożizzjoni tidher irrelativizzata mill-Artikolu 13 kollu tar-Regoli proċedurali standard. Fil-fatt, il-paragrafu 1 tiegħu jindika li t-talbiet għal aċċess għal dokumenti tal-kumitat għandhom jiġu ttrattati mill-Kummissjoni skont ir-Regolament Nru 1049/2001 u l-paragrafu 3 tiegħu jżid li “[d]okumenti mgħoddija lil membri tal-kumitat, lil esperti u lil rappreżentanti ta’ partijiet terzi għandhom ikunu kunfidenzjali […], dment li ma jingħatax aċċess għal dawk id-dokumenti skont il-paragrafu 1 jew li ma jsirux pubbliċi b’mod ieħor mill-Kummissjoni”.

105    B’hekk, l-Artikolu 13(1) u (3) tar-Regoli proċedurali standard jipprevedi l-possibbiltà li, konformement mar-Regolament Nru 1049/2001, l-aċċess jingħata b’mod partikolari għal dokumenti mibgħuta minn membru tal-kumitat lill-membri l-oħra tal-kumitat u li, f’tali każ, dawn id-dokumenti ma jkunux kunfidenzjali jew ma jkunux għadhom kunfidenzjali. Issa, dawn id-dispożizzjonijiet bl-ebda mod ma jeskludu d-dokumenti, bħal messaġġi elettroniċi, li jinkludu l-osservazzjonijiet jew il-proposti ta’ membru tal-kumitat dwar abbozz ta’ miżura, ħlief sabiex titnaqqas indebitament il-portata tal-imsemmi paragrafu 3 fir-rigward tal-aċċess għal dokumenti.

106    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, xejn ma jsostni l-interpretazzjoni li, fid-dawl tal-allegata kunfidenzjalità li tirriżulta mill-Artikolu 13(2) tar-Regoli proċedurali standard, id-diskussjonijiet ta’ kumitat huma, bħala prinċipju, sensittivi.

107    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, kuntrarjament għal dak sostnut mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-proċeduri ta’ komitoloġija, u b’mod partikolari r-Regoli proċedurali standard, ma jirrikjedux, bħala tali, li l-aċċess għal dokumenti li jirreferu għall-pożizzjoni individwali tal-Istati Membri fi ħdan is-Scopaff jiġi rrifjutat sabiex jiġi protett il-proċess deċiżjonali ta’ dan il-kumitat, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, li bl-ebda mod ma jipprekludi lill-Kummissjoni, f’każijiet debitament iġġustifikati, milli tirrifjuta l-aċċess għal dokumenti li jirrigwardaw il-pożizzjoni individwali tal-Istati Membri fi ħdan l-imsemmi kumitat meta l-iżvelar tagħhom jirriskja li jippreġudika b’mod konkret l-interessi protetti mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001.

2)      Fuq ilkooperazzjoni u lfiduċja reċiproka kif ukoll fuq ilkumplessità u ssensittività talproċess deċiżjonali

108    Fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni indikat li l-iżvelar tal-pożizzjoni individwali tal-Istati Membri, espressa f’kuntest ta’ kunfidenzjalità, jaffettwa negattivament il-kooperazzjoni tagħhom “fil-proċeduri ta’ komitoloġija” u jaffettwa l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Il-Kummissjoni żiedet, essenzjalment, li l-fatt li d-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 kien is-suġġett ta’ diskussjonijiet għal iktar minn sitt snin, il-fatt li ma kienx intlaħaq ftehim bejn l-Istati Membri matul dan il-perijodu u l-fatt li l-imsemmi dokument ta’ gwida kien is-suġġett ta’ reviżjoni kienu jikkostitwixxu prova solida tal-kumplessità u tas-sensittività tal-proċess deċiżjonali li kellu jiġi protett f’dan il-każ. Barra minn hekk, fit-tieni deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni semmiet in-natura politikament sensittiva tad-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013, liema fatt intwera mit-tul tad-diskussjonijiet f’dan ir-rigward.

109    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma spjegatx kif l-effett tal-fiduċja reċiproka jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali u li ċ-ċirkustanzi invokati fid-deċiżjonijiet ikkontestati huma irrilevanti, filwaqt li hija pjuttost l-assenza ta’ trasparenza li tostakola l-proċess deċiżjonali.

110    Il-Kummissjoni twieġeb, essenzjalment, li l-elementi invokati fid-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jiġu kkunsidrati mhux individwalment, iżda meħuda flimkien.

111    Fl-ewwel lok, sa fejn, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni invokat in-neċessità li tiġi protetta l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq motivazzjoni ta’ natura astratta, fir-rigward tal-preżervazzjoni ta’ din il-kooperazzjoni fil-proċeduri ta’ komitoloġija inġenerali. Bl-istess mod, sa fejn, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni semmiet in-neċessità li tipproteġi l-fiduċja reċiproka bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, peress li l-pożizzjonijiet individwali ta’ dawn tal-aħħar ġew skambjati f’ “kuntest ta’ kunfidenzjalità”, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni bbażat ruħha wkoll fuq motivazzjoni ta’ natura ġenerali. Dawn il-ġustifikazzjonijiet huma bbażati fuq il-premessa li l-proċeduri ta’ komitoloġija jipproteġu, fir-rigward ta’ talba għal aċċess għal dokumenti, il-kunfidenzjalità tal-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri espressi fi ħdan il-kumitati, premessa li, madankollu, diġà ġiet miċħuda fil-punt 107 iktar ’il fuq. Għalhekk dawn huma ġustifikazzjonijiet li ma għandhom l-ebda rabta konkreta maċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-proċess deċiżjonali inkwistjoni f’din il-kawża.

112    Konsegwentement, kif tirrileva r-rikorrenti, l-ispjegazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjonijiet ikkontestati ma humiex ta’ natura li juru kif il-kooperazzjoni u l-fiduċja reċiproka fil-proċess deċiżjonali inkwistjoni jkunu affettwati fil-każ tal-iżvelar tad-dokumenti mitluba.

113    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Istati Membri huma marbuta b’obbligu ta’ kooperazzjoni leali bejniethom u mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni skont l-Artikolu 4 TUE, b’tali mod li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba ma jistax, fi kwalunkwe każ, iwassal għal biża’ li jkun hemm nuqqas ta’ osservanza ta’ tali obbligu u d-dgħufija tad-dmirijiet tal-Istati Membri f’dan ir-rigward.

114    Fit-tieni lok, sa fejn, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq ċerti ċirkustanzi fattwali sabiex issostni li l-proċess deċiżjonali li hemm lok li jiġi protett f’dan il-każ huwa kumpless u sensittiv, u anki li d-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 huwa politikament sensittiv, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma rreferietx għall-kontenut tad-dokumenti mitluba, iżda, b’mod ġenerali, għall-proċess deċiżjonali inkwistjoni kollu kemm hu jew għad-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013.

115    F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni għalhekk la sostniet, u lanqas a fortiori ma wriet, li d-dokumenti mitluba kienu ta’ natura sensittiva jew li dawn huma dokumenti sensittivi fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1049/2001, dispożizzjoni li bl-ebda mod ma hija inkwistjoni f’dan il-każ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni lanqas ma sostniet li xi Stat Membru kien talabha, skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, li ma tiżvelax, mingħajr il-kunsens tiegħu, il-pożizzjoni tiegħu fuq id-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013.

116    Sussegwentement, għandu jiġi osservat li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kumplessità allegata tal-proċess deċiżjonali ma tikkostitwixxix, fiha nnifisha, raġuni partikolari sabiex ikun hemm biża’ li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba jippreġudika dan il-proċess serjament (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2011, Toland vs Il‑Parlament, T‑471/08, EU:T:2011:252, punt 81). Bl-istess mod, il-fatt li suġġett ikun sensittiv lanqas ma jista’ jikkostitwixxi, fih innifsu, raġuni oġġettiva suffiċjenti li tiġġustifika l-biża’ ta’ preġudizzju serju għall-proċess deċiżjonali f’każ tal-iżvelar tad-dokumenti mitluba (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2011, Toland vs Il‑Parlament, T‑471/08, EU:T:2011:252, punt 80, u tal‑20 ta’ Settembru 2016, PAN Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑51/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:519, punt 34). Fil-fatt, suġġett allegatament sensittiv ma jistax jiġi konfuż ma’ dokument sensittiv (sentenza tal‑21 ta’ April 2021, Pech vs Il‑Kunsill, T‑252/19, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2021:203, punt 57).

117    B’hekk il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li l-kumplessità tad-diskussjonijiet, il-possibbiltà ta’ diverġenzi ta’ opinjonijiet bejn il-parteċipanti jew in-natura sensittiva ta’ dibattitu ma jippermettux li tiġi ġġustifikata, bħala tali, l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ April 2021, Pech vs Il‑Kunsill, T‑252/19, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2021:203, punt 56).

118    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li ċ-ċirkustanzi invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati ma jippermettux li jkun hemm biża’ ta’ preġudizzju serju għall-proċess deċiżjonali fil-każ tal-iżvelar tad-dokumenti mitluba.

119    L-ewwel, il-fatt li d-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 kien is-suġġett ta’ diskussjonijiet għal diversi snin u l-fatt li, matul dan iż-żmien, ma nstabx ftehim bejn l-Istati Membri ma jikkorroborawx ir-rekwiżit ta’ protezzjoni tad-dokumenti mitluba invokat mill-Kummissjoni, iżda, għall-kuntrarju, fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, għandhom tendenza li jikkontradixxuha. Fil-fatt, il-proċess deċiżjonali inkwistjoni ma wassalx għall-adozzjoni tad-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 minkejja li huwa stabbilit li dan il-proċess seħħ mingħajr ma l-pubbliku kellu aċċess għall-pożizzjoni individwali tal-Istati Membri f’dan ir-rigward. Għalhekk, minn naħa, l-assenza ta’ konklużjoni tal-proċess ma għandha l-ebda rabta ma’ xi forma ta’ informazzjoni jew ta’ trasparenza fir-rigward tal-pubbliku u, min-naħa l-oħra, ma huwiex stabbilit li l-assenza ta’ aċċess għad-dokumenti mitluba tippermetti li dan il-proċess jiġi konkluż. Għaldaqstant, l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti ma jidhirx li jista’ jippreġudika l-proċess deċiżjonali inkwistjoni.

120    It-tieni, il-fatt li d-Dokument ta’ Gwida dwar in-Naħal tal‑2013 huwa s-suġġett ta’ reviżjoni mill-EFSA lanqas ma jikkorrobora r-rekwiżit ta’ protezzjoni invokat mill-Kummissjoni. Fil-fatt, l-iżvelar tad-dokumenti mitluba ma għandux impatt fuq l-imsemmija reviżjoni, li saret mill-EFSA, u mhux mill-Kummissjoni.

121    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raġuni invokata fid-deċiżjonijiet ikkontestati dwar il-kooperazzjoni u l-fiduċja reċiproka kif ukoll il-kumplessità u s-sensittività tal-proċess deċiżjonali ma hijiex ta’ natura li turi, fiċ-ċirkustanzi ta’ dawn il-kawżi, riskju ta’ preġudizzju serju għall-proċess deċiżjonali inkwistjoni.

3)      Fuq ilpressjonijiet esterni, ilmarġni ta’ manuvra u lflessibbiltà

122    Fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni indikat li hija kienet, u dejjem kienet, il-mira ta’ pressjoni esterna min-naħa ta’ diversi partijiet ikkonċernati, li kultant jirrappreżentaw interessi diverġenti. Hija żiedet li l-Istati Membri, u l-Kummissjoni stess, għandhom ikunu liberi li jesploraw l-għażliet kollha fil-“kumitati permanenti” u jkunu ħielsa minn pressjoni esterna. L-iżvelar tad-dokumenti mitluba jesponi proċess deċiżjonali twil u diffiċli għal iktar pressjoni esterna. B’hekk, skont il-Kummissjoni, l-iżvelar tad-dokumenti mitluba jnaqqas il-marġni ta’ manuvra tal-Istati Membri waqt il-voti kif ukoll il-flessibbiltà tagħhom, billi jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali li ser iseħħ fi ħdan il-Kummissjoni.

123    Ir-rikorrenti ssostni li l-pressjoni esterna ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni u li, fi kwalunkwe każ, din ma hijiex il-konsegwenza tal-iżvelar tad-dokumenti mitluba.

124    Il-Kummissjoni tirribatti li r-rikorrenti stess ammettiet l-eżistenza ta’ din il-pressjoni.

125    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-pressjoni esterna invokata fid-deċiżjonijiet ikkontestati, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali kontra pressjoni esterna mmirata tista’ tikkostitwixxi raġuni leġittima sabiex jiġi ristrett l-aċċess għal dokumenti relatati ma’ dan il-proċess deċiżjonali. Madankollu, ir-realtà ta’ tali pressjoni esterna għandha tiġi stabbilita b’ċertezza u għandha tiġi prodotta prova li r-riskju li l-proċess deċiżjonali pendenti jiġi affettwat b’mod sostanzjali kien raġonevolment prevedibbli, minħabba l-imsemmija pressjoni esterna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2008, Muñiz vs Il‑Kummissjoni, T‑144/05, mhux ippubblikata, EU:T:2008:596, punt 86).

126    Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, ir-raġuni marbuta mal-eżistenza ta’ pressjoni esterna tressqet mill-Kummissjoni b’mod ġenerali u vag.

127    Qabel kollox, għalkemm il-Kummissjoni indikat li hija kienet, u dejjem kienet, il-mira ta’ pressjoni esterna min-naħa ta’ diversi partijiet ikkonċernati, għandu jiġi rrilevat li din il-pressjoni kienet sempliċement allegata, u r-realtà tagħha ma ġietx ipprovata fid-deċiżjonijiet ikkontestati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni semmiet tali pressjoni b’mod tant astratt (“[i]l-Kummissjoni kienet, u għadha, il-mira ta’ pressjoni esterna min-naħa ta’ diversi partijiet ikkonċernati, li kultant jirrappreżentaw interessi diverġenti”) li tali ġustifikazzjoni tista’ tintuża għal kwalunkwe proċess deċiżjonali fi kwalunkwe qasam.

128    Ċertament, kif issostni l-Kummissjoni, fin-nota ta’ adattament tar-rikors fil-Kawża T‑371/20, ir-rikorrenti indikat li hija “[kienet] tirrikonoxxi li, f’dan il-proċess, il-Kummissjoni [kienet] il-mira ta’ pressjoni esterna”. Madankollu, minbarra l-fatt li l-istħarriġ tal-legalità tal-Qorti Ġenerali jirrigwarda d-deċiżjonijiet ikkontestati u li tali dikjarazzjoni tar-rikorrenti ma tistax għalhekk tagħmel tajjeb għall-assenza ta’ indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjonijiet ikkontestati, din id-dikjarazzjoni hija wkoll vaga u ġenerali bħal dik tal-Kummissjoni. Fil-fatt, għalkemm ir-rikorrenti tirreferi għal “dan il-proċess”, hija lanqas ma tippreċiża l-pressjoni esterna inkwistjoni, b’tali mod li ma jistax jiġi konkluż li r-“realtà” tal-imsemmija pressjoni inkisbet “b’ċertezza” fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 125 iktar ’il fuq.

129    Sussegwentement, fi kwalunkwe każ, kif tenfasizza, essenzjalment, ir-rikorrenti, il-ġustifikazzjoni mogħtija fid-deċiżjonijiet ikkontestati tikkonċerna biss il-pressjoni esterna li l-Kummissjoni stess kienet il-mira tagħha. Għall-kuntrarju, id-deċiżjonijiet ikkontestati ma jirreferu għal ebda pressjoni esterna li ġiet sostnuta mill-Istati Membri. Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet ikkontestati ma jipprovdu l-ebda element li jippermetti li tiġi stabbilita rabta bejn il-pressjoni esterna sostnuta mill-Kummissjoni, jekk jiġi preżunt li din ġiet ipprovata, u l-preġudizzju li jirriżulta mill-iżvelar tad-dokumenti mitluba, li jirrigwardaw il-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri.

130    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni ma sostnietx li n-nuqqas ta’ konklużjoni tal-proċess deċiżjonali kien il-konsegwenza ta’ pressjoni esterna, iżda indikat espressament li dan kien jirriżulta minn nuqqas ta’ qbil bejn l-Istati Membri, li ma għandu l-ebda rabta mal-allegata pressjoni sostnuta mill-Kummissjoni.

131    Fl-aħħar nett, għalkemm il-Kummissjoni indikat li l-Istati Membri u hija nnifisha kellhom ikunu ħielsa minn pressjoni esterna sabiex jesploraw kull għażla fil-“kumitati permanenti”, huwa biżżejjed li jiġi osservat li hija ma rreferietx għall-proċess deċiżjonali inkwistjoni fi ħdan is-Scopaff, iżda semmiet espressament, b’mod ġenerali, il-“kumitati permanenti” kollha kemm huma.

132    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-marġni ta’ manuvra u tal-flessibbiltà invokati fid-deċiżjonijiet ikkontestati, qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni sempliċement ressqet affermazzjonijiet ġenerali, li ma jippermettux li jiġi stabbilit li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba jwassal għal tnaqqis tal-marġni ta’ manuvra jew tal-flessibbiltà tal-Istati Membri fi ħdan is-Scopaff.

133    Fil-fatt, il-Kummissjoni ma rreferiet għal ebda element konkret li jista’ juri xi deterjorament tal-pożizzjoni tal-Istati Membri fil-każ tal-iżvelar tad-dokumenti mitluba. Għall-kuntrarju, kif ġie osservat fil-punt 131 iktar ’il fuq, meta hija indikat li l-Istati Membri kellhom ikunu jistgħu jesploraw l-għażliet kollha, hija ma rreferietx għas-sitwazzjoni fi ħdan is-Scopaff fil-kuntest tal-proċess deċiżjonali inkwistjoni, iżda, b’mod ġenerali, għall-pożizzjoni tagħhom fi ħdan “kumitati permanenti”.

134    Sussegwentement, sa fejn id-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jinftiehmu bħala li huma intiżi li jistabbilixxu rabta bejn it-tnaqqis tal-marġni ta’ manuvra tal-Istati Membri u l-pressjoni esterna sostnuta mill-Kummissjoni, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda element li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-imsemmija pressjoni li hija ssostni jkollha impatt fuq il-pożizzjoni tal-Istati Membri u li, għaldaqstant, l-iżvelar tad-dokumenti mitluba jnaqqas il-marġni ta’ manuvra tagħhom jew il-flessibbiltà tagħhom.

135    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt li l-marġni ta’ manuvra u l-kapaċità li jinkiseb kompromess bejn l-Istati Membri jkunu mnaqqsa ma jistax jikkaratterizza riskju suffiċjentement serju u raġonevolment prevedibbli sabiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, PAN Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑51/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:519, punt 36).

136    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raġuni invokata fid-deċiżjonijiet ikkontestati dwar il-pressjonijiet esterni, il-marġni ta’ manuvra u l-flessibbiltà ma hijiex ta’ natura li turi, fiċ-ċirkustanzi ta’ dawn il-kawżi, riskju ta’ preġudizzju serju għall-proċess deċiżjonali inkwistjoni.

137    Minn dan isegwi li r-raġunijiet mogħtija mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati ma jistgħux jiġġustifikaw, fiċ-ċirkustanzi ta’ dawn il-kawżi, l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, anki jekk jitqies, kif ġie invokat fil-punt 62 iktar ’il fuq, li din id-dispożizzjoni hija applikabbli f’dan il-każ.

138    Għaldaqstant, it-tieni lment tat-tieni parti tal-ewwel motiv għandu jintlaqa’ wkoll u, fuq din il-bażi wkoll, id-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jiġu annullati sa fejn dawn jirrifjutaw l-aċċess għad-dokumenti mitluba abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

4.      Konklużjonijiet fuq lewwel motiv

139    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni kisret l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 billi rrifjutat l-iżvelar tad-dokumenti mitluba minħabba li minn dan jirriżulta preġudizzju serju għall-proċess deċiżjonali pendenti.

140    Konsegwentement, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti mitluba fid-dawl tan-natura leġiżlattiva u ambjentali tagħhom, kwistjoni mqajma fil-kuntest tat-tieni u tat-tielet motivi.

141    Għall-kuntrarju, għandu jiġi eżaminat ir-raba’ motiv.

C.      Fuq irraba’ motiv, ibbażat fuq lapplikazzjoni żbaljata talArtikolu 4(1)(b) u talArtikolu 4(6) tarRegolament Nru 1049/2001

142    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma jistgħux ikunu bbażati fuq in-neċessità li tiġi protetta l-ħajja privata u l-integrità tal-individwu fir-rigward tad-data personali li tinsab fid-dokumenti mitluba, peress li, jekk tali informazzjoni tinsab f’dawn id-dokumenti, il-Kummissjoni jkollha tanonimazzahom u tiżvela l-partijiet l-oħra tad-dokumenti.

143    Ir-rikorrenti żżid li hija ma hijiex marbuta bil-kontenut tad-deċiżjonijiet ikkontestati u li hija ssostni li l-Kummissjoni setgħet tiżvela d-dokumenti mitluba wara li tkun anonimizzat l-informazzjoni dwar id-data personali: għalkemm il-Kummissjoni għamlet dan għad-dokument 2 imsemmi fl-ewwel deċiżjoni kkontestata u għad-dokumenti 3, 10, 12 u 33 imsemmija fit-tieni deċiżjoni kkontestata, il-kumplament tad-dokumenti għadhom ma ġewx ippubblikati.

144    Il-Kummissjoni twieġeb li r-raba’ motiv huwa żbaljat fuq il-livell fattwali u huwa ineffettiv.

145    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni tat aċċess parzjali skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 għal ċerti dokumenti mitluba, jiġifieri d-dokument 2 imsemmi fl-ewwel deċiżjoni kkontestata u d-dokumenti 3, 10, 12 u 33 imsemmija fit-tieni deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 9 u 14 iktar ’il fuq). Għalhekk, filwaqt li tat aċċess għal ċerti partijiet tal-imsemmija dokumenti, il-Kummissjoni rrifjutat l-aċċess għal partijiet oħra ta’ dawn id-dokumenti. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-eċċezzjonijiet intiżi sabiex jipproteġu, minn naħa, il-proċess deċiżjonali pendenti, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, u, min-naħa l-oħra, il-ħajja privata u l-integrità tal-individwu, skont l-Artikolu 4(1)(b) tal-istess regolament. Huwa fir-rigward tal-imsemmija dokumenti li r-rikorrenti kellha aċċess parzjali għalihom li l-Kummissjoni, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, applikat l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, sabiex tipproteġi d-data personali ta’ ċerti individwi.

146    Issa, kif jirriżulta mill-argumenti żviluppati mir-rikorrenti fir-rigward tar-raba’ motiv, u kif ikkonfermat waqt is-seduta, permezz ta’ dan il-motiv hija ma għandhiex l-għan li ssostni li, fir-rigward tad-dokumenti li għalihom hija kellha aċċess parzjali, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, billi ma tathiex aċċess għad-data personali li l-aċċess għaliha ġie rrifjutat abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni. Fi kliem ieħor, filwaqt li tikkontesta d-deċiżjonijiet ikkontestati sa fejn dawn taw aċċess parzjali għal uħud mid-dokumenti mitluba, ir-rikorrenti ma titlobx li jkollha aċċess għad-data personali protetta mill-Kummissjoni li tinsab f’dawn id-dokumenti u, barra minn hekk, hija ma ressqet l-ebda argument intiż li jikkontesta l-applikazzjoni li l-Kummissjoni għamlet tal-imsemmija eċċezzjoni f’dan ir-rigward. Għall-kuntrarju, dak li r-rikorrenti ssostni, essenzjalment, huwa li l-Kummissjoni kellha ssegwi l-istess approċċ għad-dokumenti l-oħra mitluba, fis-sens li hija kellha wkoll tagħtiha aċċess parzjali għal dawn id-dokumenti l-oħra billi tillimita ruħha li tipproteġi d-data possibbilment personali li kienet tinsab fihom. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti huwa intiż, essenzjalment, sabiex isostni li l-Kummissjoni applikat indebitament l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

147    F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif issostni l-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li r-raba’ motiv huwa ineffettiv, peress li, minn naħa, ma tistax tiġi kkontestata l-applikazzjoni li l-Kummissjoni għamlet f’dan il-każ tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 u li, min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni ma għandhiex effett fuq dik tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, il-possibbiltà ta’ ksur tal-ewwel dispożizzjoni, anki jekk dan il-ksur jiġi stabbilit, ma tistax twassal, fiha nnifsha, għall-iżvelar ta’ dokumenti jew ta’ partijiet ta’ dokumenti mitluba li għalihom l-aċċess ġie rrifjutat bis-saħħa tat-tieni dispożizzjoni.

148    Għalhekk, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

149    Peress li t-tieni parti tal-ewwel motiv intlaqgħet fl-ewwel ilment tagħha (ara l-punti 61 u 62 iktar ’il fuq) u fit-tieni ilment tagħha (ara l-punti 137 u 138 iktar ’il fuq), u billi kull wieħed minn dawn l-ilmenti milqugħa għandu jwassal, fih innifsu, għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, hemm lok li l-imsemmija deċiżjonijiet jiġu annullati.

IV.    Fuq lispejjeż

150    Ir-rikorrenti titlob li l-Kummissjoni tiġi kkundannata, f’kull waħda minn dawn il-kawżi, sabiex tħallasha ammont ta’ EUR 3 000 bħala spejjeż.

151    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza, il-Qorti Ġenerali tiddetermina esklużivament it-tqassim tal-oneru tal-ispejjeż bejn il-partijiet, mingħajr ma tiddeċiedi fuq l-ammont tagħhom. Fil-każ ta’ kontestazzjoni, l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru jista’ jkun is-suġġett ta’ proċedura awtonoma, irregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 170 tar-Regoli tal-Proċedura, distinta mid-deċiżjoni dwar it-tqassim tal-ispejjeż. Għalhekk, l-intaxxar tal-ispejjeż jista’ jsir biss wara s-sentenza jew id-digriet li jtemmu l-istanza (sentenza tas‑6 ta’ Frar 2019, Karp vs Il‑Parlament, T‑580/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:62, punt 100).

152    Konsegwentement, hemm lok li tiġi miċħuda bħala inammissibbli l-parti tal-kap tat-talbiet tar-rikorrenti dwar l-ispejjeż li fiha hija titlob li l-Qorti Ġenerali tiffissa l-ammont li l-Kummissjoni għandha tħallasha bħala spejjeż f’kull waħda minn dawn il-kawżi għal EUR 3 000.

153    Xorta jibqa’ l-fatt li r-rikorrenti titlob il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż.

154    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

155    Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk tar-rikorrenti, kif mitlub minn din tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea C(2020) 4231 final tad19 ta’ Ġunju 2020 u C(2020) 5120 final tal21 ta’ Lulju 2020 huma annullati, sa fejn dawn jirrifjutaw l-aċċess għad-dokumenti mitluba abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

2)      Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

Marcoulli

Frimodt Nielsen

Schwarcz

Iliopoulos

 

      Norkus

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑14 ta’ Settembru 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.