Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta' Frar 2010 - Jackson International vs UASI - Royal Shakespeare (ROYAL SHAKESPEARE)

(Kawża T-60/10)

Lingwa tar-rikors: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Jackson International Trading Company Kurt D. Brühl Gesellschaft m.b.H. & Co. KG (Graz, l-Awstrija) (rappreżentanti: S. Di Natale u H. G. Zeiner, avukati)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: The Royal Shakespeare Company (Stratford-upon-Avon, ir-Renju Unit)

Talbiet tar-rikorrenti

Tannulla d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tad-19 ta' Novembru 2009, fil-Każ R 317/2009-1; u

tikkundanna lill-konvenut u lill-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Trade mark Komunitarja rreġistrata li hija s-suġġett tat-talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità: it-trade mark verbali "ROYAL SHAKESPEARE" għall-prodotti u servizzi fil-klassijiet 32, 33 u 42

Proprjetarju tat-trade mark Komunitarja: ir-rikorrenti

Parti li qed titlob id-dikjarazzjoni ta' invalidità tat-trade mark Komunitarja: il-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell

Dritt tat-trade mark tal-parti li qed titlob id-dikjarazzjoni ta' invalidità: trade mark verbali Komunitarja "RSC-ROYAL SHAKESPEARE COMPANY" irreġistrata għal servizzi fil-klassi 41; it-trade mark figurattiva Britannika "RSC-ROYAL SHAKESPEARE COMPANY" irreġistrata għal servizzi fil-klassi 41; trade mark mhux irreġistrata "ROYAL SHAKESPEARE COMPANY" użata fil-kummerċ fir-Renju Unit għal diversi servizzi.

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni: talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità miċħuda

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: l-annullament tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u, b'hekk, l-annullament tar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja li kienet is-suġġett tat-talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità

Motivi invokati : ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009 sa fejn il-Bord tal-Appell ikkonkluda, b'mod żbaljat, li ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni.

____________