Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta' Lulju 2012 - Al-Tabbaa vs Il-Kunsill

(Kawża T-329/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Mazen Al-Tabbaa (Bejrut, il-Lebanon) (rappreżentanti: M. Lester, Barrister u G. Martin, Solicitor)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/256/PESK, tal-14 ta' Mejju 2012, li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/782/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 126, p. 9), sa fejn tikkonċerna lir-rikorrent;

tannulla r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 410/2012, tal-14 ta' Mejju 2012, li jimplimenta l-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, sa fejn jikkonċerna lir-rikorrent;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba' motivi, fejn isostni li l-Kunsill, billi inkluda ismu fil-listi annessi mal-miżuri kkontestati,

wettaq żball manifest ta' fatt u ta' evlawazzjoni billi ddeċieda li japplika l-miżuri restrittivi inkwistjoni għar-rikorrent u billi kkunsidra li ġiet issodisfatta waħda mill-kriterji għall-inklużjoni fil-lista;

naqas milli jagħti lir-rikorrent raġunijiet suffiċjenti jew adegwati għall-inklużjoni tiegħu fil-listi;

kiser id-drittijiet fundamentali bażiċi tad-difiża tar-rikorrent u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva; u

kiser mingħajr ġustifikazzjoni jew proporzjon, id-drittijiet fundamentali tar-rikorrent, b'mod partikolari d-dritt tiegħu għall-proprjetà, il-libertà tiegħu tal-impriża, id-dritt tiegħu għar-rispett għar-reputazzjoni tiegħu u għall-ħajja privata u tal-familja tiegħu.

____________