Language of document : ECLI:EU:T:2012:77

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

14 ta’ Frar 2012 (*)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark Komunitarja verbali BIGAB — Raġuni assoluta għal rifjut — Assenza ta’ mala fide — Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑33/11,

Peeters Landbouwmachines BV, stabbilita fi Etten-Leur (il-Pajjiżi l‑Baxxi), irrappreżentata minn P. Claassen, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn P. Geroulakos, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

AS Fors MW, stabbilita fi Saue (l-Estonja), irrappreżentata minn M. Nielsen u J. Hansen, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-Deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal‑Appell tal-UASI, tal-4 ta’ Novembru 2010 (Każ R 210/2010‑1), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Peeters Landbouwmachines BV u AS Fors MW,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn N. J. Forwood (Relatur), President, F. Dehousse u J. Schwarcz, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Jannar 2011,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Mejju 2011,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ April 2011,

wara li rat l-assenza ta’ talba għal fissazzjoni ta’ seduta ppreżentata mill-partijiet fi żmien xahar min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub u wara li għaldaqstant iddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-31 ta’ Marzu 2005, l-intervenjenti, AS Fors MW, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali BIGAB.

3        Il-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 6, 7 u 12 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrevedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        Klassi 6: “Metalli komuni u l-ligi tagħhom; kejbils u wajers mhux tal-elettriku, tal-metall; oġġetti tal-metall komuni li ma humiex inklużi fi klassijiet oħrajn; kontenituri tal-metall”;

–        Klassi 7: “Magni u għodda tal-magni; muturi u magni (ħlief għal muturi u magni ta’ vetturi ta’ fuq l-art); komponenti li jigganċjaw il-magni u organi tat-trażmissjoni (ħlief għal dawk ta’ vetturi ta’ fuq l-art); għodod tal-agrikoltura minbarra dawk li jitħaddmu bl-idejn; apparat li jiġbed; krejnijiet (apparat ta’ rfigħ)”;

–        Klassi 12: “Vetturi; apparat għaċ-ċaqliq bl-art, bl-ajru jew bl-ilma, karrijiet tal-irfigħ bil-ganċ; karrijiet bil-bajla; karrijiet ta’ trasport; karrijiet tal-injam”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 45/2005, tas-7 ta’ Novembru 2005, u t-trade mark BIGAB ġiet irreġistrata bħala trade mark Komunitarja fl-20 ta’ Marzu 2006, bin-numru 4363842.

5        Fis-6 ta’ Settembru 2007, ir-rikorrenti, Peeters Landbouwmachines BV, ippreżentat, quddiem l-UASI, talba għal għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ din it-trade mark għall-prodotti kollha li għalihom hija kienet ġiet irreġistrata. Il-motivi għall-invalidità li ġew invokati insostenn ta’ din it-talba kienu dawk msemmija fl-Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009], fl-Artikolu 52(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009], moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009), u fl-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 53(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009], moqri flimkien mal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009).

6        Essenzjalment, ir-rikorrenti allegat li, fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, l-intervenjenti kienet in mala fide. Permezz ta’ din l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, l-intervenjenti fil-fatt kellha biss l-għan li tipprekludi lir-rikorrenti milli tkompli bil-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal agrikolu bit-trade mark BIGA, u dan minkejja l-fatt li r-rikorrenti kellha dritt preċedenti fuq din tal-aħħar.

7        Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Diċembru 2009, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kollha kemm hi.

8        Fit-2 ta’ Frar 2010, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

9        B’deċiżjoni tal-4 ta’ Novembru 2010 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad dan l-appell, u dan billi bbaża ruħu essenzjalment fuq ir-raġunijiet li ġejjin:

–        il-qafas ġuridiku stabbilit bir-Regolament Nru 207/2009 huwa bbażat fuq il-prinċipju tal-“ewwel depożitant”, fis-sens li l-proprjetà ta’ trade mark Komunitarja ma tinkisibx bl-użu preċedenti, iżda permezz ta’ reġistrazzjoni preċedenti;

–        waħda mill-applikazzjonijiet ta’ din ir-regola hija prevista bl-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, li jgħid li l-invalidità ta’ trade mark Komunitarja tiġi ddikjarata meta l-applikant ikun aġixxa in mala fide fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal din it-trade mark, u l-mala fide, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tfisser “prattika diżonesta li ma tissodisfax il-kriterji ta’ aġir kummerċjali aċċettabbli”;

–        ir-rikorrenti ma wrietx li l-intervenjenti aġixxiet in mala fide;

–        fil-fatt, it-trade mark BIGAB kienet ilha tintuża sa mill-1991, l-ewwel minn predeċessur tal-proprjetarju attwali tal-imsemmija trade mark, imbagħad minn dan il-proprjetarju stess, jiġifieri, l-intervenjenti, filwaqt li r-rikorrenti bdiet tuża s-sinjal BIGA fl-1996;

–        ma’ din iċ-ċirkustanza jiżdied il-fatt li s-sinjal ikkontestat joriġina mill-isem tal-kumpannija li l-intervenjenti akkwistat iktar tard, jiġifieri Blidsberg Investment Group BIG AB;

–        għaldaqstant, l-intervenjenti kienet libera li tapplika għar-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark bħala trade mark Komunitarja, sabiex issaħħaħ il-protezzjoni tagħha fuq livell Ewropew; ir-rikorrenti kienet tgawdi mill-istess libertà, iżda ma ħaditx l-inizjattiva li tirreġistra s-sinjal Komunitarju, minkejja li għamlet użu minnu sa mill-1996;

–        Dawn it-talbiet ma humiex diskussi fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (C-529/07, Ġabra p. I-4893), peress li l-intenzjoni prinċipali u minn qabel tal-intervenjenti kienet li tipproteġi d-drittijiet tagħha tat-trade mark fuq l-iskala Ewropea u mhux li tipprekludi lir-rikorrenti milli tuża t-trade mark BIGA; indikazzjoni ta’ din l-intenzjoni tidher fil-fatt li l-intervenjenti kienet għamlet użu mit-trade mark ikkontestata f’għadd ta’ pajjiżi tal-Unjoni Ewropea qabel ma talbet ir-reġistrazzjoni tagħha bħala trade mark Komunitarja;

–        f’dan ir-rigward, ftit li xejn jimporta li l-intervenjenti kienet taf, jew tal-inqas, kellha tkun taf bl-użu tas-sinjal BIGA mir-rikorrenti fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u li r-rikorrenti kienet f’pożizzjoni jew le li ssostni ċertu livell ta’ protezzjoni ġuridika fuq it-trade mark mhux irreġistrata BIGA, skont l-Artikolu 2.4(1)(f) tal-Konvenzjoni Benelux fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (trade marks u disinni), iffirmata f’Den Haag, fil-25 ta’ Frar 2005, peress li ntwera li, fi kwalunkwe każ, id-dritt tal-intervenjenti kien preċedenti.

 It-talbiet tal-partijiet

10      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna lill-UASI jannulla r-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja li għaliha tirreferi t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jew, sussidjarjament, tordna lill-UASI jannulla l-istess reġistrazzjoni, sa fejn din tikkonċerna l-prodotti fil-klassi 7;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

11      L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali

12      L-UASI jikkontesta l-ammissibbiltà tal-provi prodotti mir-rikorrenti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali. Dawn huma l-annessi 19 u 20 tar-rikors, liema annessi jinkludu, rispettivament, kopji ta’ diversi paġni meħuda mis-sit internet tal-intervenjenti u estratti differenti ta’ paġni ta’ mutur ta’ tfittxija, li jirrigwarda t-trade marks BIFA, FARMA u NIAB.

13      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali huwa maħsub sabiex isir stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-bordijiet tal-appell, fis-sens tal-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009, u li, fil-proċeduri kontenzjużi dwar l-annullament, il-legalità tal-att ikkontestat għandha tiġi evalwata skont il-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data li fiha ġie adottat l-att. Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiemha. Fil-fatt, l-ammissjoni ta’ tali dokumenti tkun tmur kontra l-Artikolu 135(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li jgħid li s-sottomissjonijiet tal-partijiet ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal-kontroversja quddiem il-Bord tal-Appell (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Novembru 2009, Frag Comercio Internacional vs UASI — Tinkerbell Modas (Green by missako), T‑162/08, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 17).

14      Minn dan isegwi li d-dokumenti kontenzjużi li ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

 Fuq il-mertu

15      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv uniku, ibbażat fuq nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Skont din, il-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi meta ma kkonkludiex li l-intervenjenti kienet in mala fide meta hija ppreżentat applikazzjoni quddiem l-UASI, intiża sabiex tirreġistra t-trade mark ikkontestata bħala trade mark Komunitarja.

16      Hekk kif ġustament sostna l-Bord tal-Appell fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, is-sistema ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja tistrieħ fuq il-prinċipju tal-“ewwel depożitant”, stabbilit fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 207/2009. Skont dan il-prinċipju, sinjal jista’ biss jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja sa fejn trade mark preċedenti ma tkunx tostakolah, kemm jekk din tkun trade mark Komunitarja, trade mark irreġistrata fi Stat Membru jew mill-Uffiċċju Benelux dwar il-proprjetà intellettwali jew inkella trade mark li kisbet reġistrazzjoni internazzjonali li għandha effett fl-Unjoni. Min-naħa l-oħra, bla ħsara għal applikazzjoni eventwali tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, is-sempliċi użu minn terz ta’ trade mark mhux irreġistrata ma jostakolax trade mark identika jew simili milli tiġi rreġistrata bħala trade mark Komunitarja, għal prodotti jew servizzi identiċi jew simili.

17      L-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju hija kkwalifikata, b’mod partikolari, mill-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, li skont tali artikolu, l-invalidità ta’ trade mark Komunitarja għandha tiġi ddikjarata, fuq talba mressqa quddiem l-UASI jew fuq kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni, f’każ fejn l-applikant kien in mala fide matul il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għat-trade mark. Huwa l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li beħsiebu jibbaża ruħu fuq dan il-motiv li għandu jistabbilixxi ċ-ċirkustanzi li jippermettu li jiġi konkluż li l-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja kien in mala fide fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ din tal-aħħar.

18      Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet għadd ta’ kjarifiki dwar il-mod kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ mala fide stabbilit fl-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (ara, b’analoġija, is-sentenza Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli, punt 9 iktar ’il fuq). Hija rrilevat ukoll li l-mala fide tal-applikant, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandha tiġi evalwata b’mod globali, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni tal-fatturi kollha rilevanti għal dan il-każ, u b’mod partikolari:

–        il-fatt li l-applikant jaf jew għandu jkun jaf li terz juża, tal-inqas fi Stat Membru wieħed, sinjal identiku jew li jixxiebah għal prodott identiku jew li jixxiebah li kapaċi jwassal għal konfużjoni mas-sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni;

–        l-intenzjoni tal-applikant li jipprekludi lil dan it-terz milli jkompli juża dan is-sinjal;

–        il-livell ta’ protezzjoni li jgawdu minnha s-sinjal tat-terz u s-sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

19      Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll, fil-punt 44 tas-sentenza Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli, punt 9 iktar ’il fuq, li l-intenzjoni li prodott jiġi prekluż milli jiġi kkummerċjalizzat tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tikkaratterizza l-mala fide tal-applikant. Dan ikun partikolarment il-każ meta jirriżulta, iktar tard, li dan tal-aħħar ikun irreġistra sinjal bħala trade mark Komunitarja mingħajr l-intenzjoni li jużah, unikament sabiex jipprekludi d-dħul fis-suq ta’ terz.

20      Madankollu, hekk kif ġustament enfasizza l-Bord tal-Appell fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, mir-redazzjoni tas-sentenza Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli, punt 9 iktar ’il fuq jirriżulta li t-tliet fatturi elenkati fil-punt 18 hawn fuq huma biss eżempji fost numru ta’ elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiddeċiedi dwar l-eventwali mala fide ta’ applikant għal trade mark fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni.

21      Għaldaqstant hemm lok li jiġi kkunsidrat li, fil-kuntest tal-analiżi globali mwettqa skont l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, tista’ wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni l-oriġini tas-sinjal ikkontestat u l-użu tiegħu sa mill-ħolqien tiegħu kif ukoll il-loġika kummerċjali li ntużat fil-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ dan is-sinjal bħala trade mark Komunitarja.

22      F’dan il-każ, huwa stabbilit li t-trade mark ikkontestata bdiet tintuża fl-1991, l-ewwel minn Blidsberg Investment Group BIG AB, fejn it-trade mark BIGAB tirrappreżenta l-inizjali, u mbagħad, mill-1999, bdiet tintuża mill-intervenjenti, wara l-akkwist tad-drittijiet kollha relatati ma’ din it-trade mark. Min-naħa tagħha, ir-rikorrenti bdiet tuża t-trade mark BIGA fl-1996. Barra minn hekk, fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, it-trade mark BIGA la kienet ġiet irreġistrata fuq il-livell Ewropew, la fuq il-livell tal-Benelux u lanqas fuq l-iskala nazzjonali. Dawn iċ-ċirkustanzi jistabbilixxu li s-sinjal ikkontestat la kien ġie maħluq u lanqas użat mill-intervenjenti bl-għan speċifiku li jiġġenera konfużjoni bejn is-sinjal eżistenti u, b’hekk, li jikkompeti mal-proprjetarju ta’ dan is-sinjal b’mod żleali.

23      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, mill-perspettiva kummerċjali wieħed jifhem li l-intervenjenti xtaqet testendi l-protezzjoni tat-trade mark ikkontestata billi jirreġistraha bħala trade mark Komunitarja. Fil-fatt, matul il-perijodu ta’ qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, l-intervenjenti wettqet id-dħul mill-bejgħ tagħha fir-rigward tat-trade mark BIGAB minn numru dejjem jikber ta’ Stati Membri. Hekk kif irrileva ġustament il-Bord tal-Appell, fil-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata, dan il-kuntest kien jikkostitwixxi motiv plawżibbli li jiġġustifika l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja.

24      Barra minn hekk, l-intervenjenti ma tistax tiġi akkużata li rreġistrat it-trade mark ikkontestata mingħajr l-intenzjoni li tużaha u bl-għan biss li tipprekludi d-dħul ta’ terz fis-suq, u dan peress li, sa mid-data tar-reġistrazzjoni tagħha, xi prodotti ġew ikkummerċjalizzati b’din it-trade mark f’għadd kbir ta’ partijiet tal-Unjoni.

25      F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li fil-prinċipju, huwa leġittimu li impriża titlob ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark, mhux biss għall-kategoriji ta’ prodotti u servizzi li hija tkun tikkummerċjalizza fil-mument tal-preżentazzjoni, iżda wkoll għal kategoriji oħra ta’ prodotti u servizzi li hija għandha l-intenzjoni li tikkummerċjalizza fil-futur.

26      F’dan il-każ, bl-ebda mod ma ntwera li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, sa fejn din kienet maħsuba għall-prodotti fil-klassi 7, b’mod partikolari l-krejnijiet, kellha natura artifiċjali u kienet nieqsa minn loġika fuq il-pjan kummerċjali għall-intervenjenti. Dan huwa iktar u iktar minnu peress li ma huwiex ikkontestat li xi prodotti li jaqgħu fl-imsemmija klassi kienu ġew ikkummerċjalizzati mill-intervenjenti, anki kieku dan seħħ taħt trade mark oħra. Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kienet intiża għal prodotti ta’ din il-klassi, li taħtha jaqgħu l-prodotti kkummerċjalizzati mir-rikorrenti, ma huwiex ta’ natura tali li juri li din l-applikazzjoni kienet immotivata biss mix-xewqa tal-intervenjenti li xxekkel lir-rikorrenti milli tibqa’ tuża t-trade mark BIGA.

27      Barra minn dan, iċ-ċirkustanza li l-applikant jaf jew għandu jkun jaf li terz ilu żmien twil juża, tal-inqas fi Stat Membru wieħed, sinjal identiku jew li jixxiebah għal prodott identiku jew li jixxiebah li kapaċi jwassal għal konfużjoni mas-sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma hijiex biżżejjed, waħedha, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-mala fide tal-applikant (sentenza Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli, punt 9 iktar ’il fuq, punt 40). Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li, meta diversi prodotturi jużaw, fis-suq, sinjali identiċi jew li jixxiebħu għal prodotti identiċi jew li jixxiebħu li kapaċi jwasslu għal konfużjoni mas-sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, l-applikant isegwi, permezz tar-reġistazzjoni ta’ dan is-sinjal, għan leġittimu (sentenza Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli, punt 9 iktar ’il fuq, punt 48). Hekk kif irrimarkat l-intervenjenti, dan jista’ jkun b’mod partikolari l-każ fejn l-applikant, fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, ikun jaf li impriża terza tagħmel użu mit-trade mark suġġetta għar-reġistrazzjoni billi toħloq fil-klijentela tagħha l-illużjoni li hija tiddistribwixxi uffiċjalment il-prodotti mibjugħa b’dik it-trade mark, filwaqt li hija ma tkunx irċiviet l-awtorizzazzjoni biex tagħmel dan.

28      Fir-rigward tal-ilment dwar l-inkoerenza li rriżultat, għall-intervenjenti, mill-fatt li fittxet li tipproteġi t-trade mark ikkontestata bħala trade mark Komunitarja, iżda mhux iż-żewġ trade marks l-oħra li tagħhom hija proprjetarja, jiġifieri t-trade marks FARMA u NIAB, anki jekk wieħed jassumi li dan għandu jitqies bħala ammissibbli meta dan jitqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, dan ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, meta jipprovdi li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, tista’ tkun proprjetarja ta’ trade mark Komunitarja, l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 207/2009 joħloq sempliċement għażla li ssir reġistrazzjoni, liema għażla hija totalment f’idejn il-proprjetarju ta’ trade mark. Minn dan isegwi li l-bona fide tal-applikant għat-trade mark ma tistax tiġi kkontestata minħabba l-fatt biss li dan l-istess applikant huwa proprjetarju ta’ trade marks oħra u li ma ħax l-inizjattiva li jitlob ir-reġistrazzjoni ta’ dawn tal-aħħar bħala trade marks Komunitarji.

29      L-eżistenza ta’ mala fide eventwali tal-intervenjenti lanqas ma setgħet tintwera permezz taċ-ċirkustanza waħedha li din tal-aħħar irrinunzjat għar-reġistrazzjoni tat-trade mark BIGAB bħala trade mark Benelux, peress li l-għażla li tipproteġi trade mark sew fuq l-iskala nazzjonali kif ukoll fuq l-iskala tal-Benelux jew l-iskala Komunitarja tirriżulta biss mill-istrateġija kummerċjali tal-proprjetarju tagħha u għaldaqstant la huwa l-UASI u lanqas il-Qorti Ġenerali li għandhom jinterferixxu ma’ tali evalwazzjoni.

30      Għandu jingħad ukoll li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza tal-mala fide tal-applikant, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell ta’ reputazzjoni li jgawdi minnha sinjal fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni sabiex jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja, u dan peress li tali livell ta’ reputazzjoni jista’ preċiżament jiġġustifika l-interess tal-applikant sabiex jiżgura protezzjoni legali iktar estiża tas-sinjal tiegħu (sentenza Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli, punt 9 iktar ’il fuq, punt 51 u 52).

31      F’dan ir-rigward, fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, it-trade mark ikkontestata kienet diġà ilha tintuża għal erbatax-il sena. Barra minn hekk, hekk kif il-Bord tal-Appell irrileva fil-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata, din it-trade mark kibret fl-Ewropa fis-snin ta’ qabel ir-reġistrazzjoni tagħha bħala trade mark Komunitarja. Dan it-tkabbir kompla jsaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ din it-trade mark, liema fatt jappoġja l-idea li l-intervenjenti kellha interess kummerċjali leġittimu li tiżgura li din it-trade mark ikollha protezzjoni iktar estensiva u, għaldaqstant, ma kinitx in mala fide meta ppreżentat l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi ma huwiex rilevanti jekk il-prodotti kkummerċjalizzati mir-rikorrenti taħt it-trade mark BIGA jixbhux jew le, jew humiex identiċi jew le għall-prodotti kkummerċjalizzati mill-intervenjenti bit-trade mark ikkontestata, u dan għaliex, fi kwalunkwe każ, din ma wrietx li r-reġistrazzjoni kellha biss l-għan li tipprekludi lir-rikorrenti milli tkompli tuża t-trade mark BIGA.

33      Bl-istess mod, il-fatt li l-intervenjenti, xi ġimgħat qabel kisbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, intimat lir-rikorrenti kif ukoll lil kumpannija oħra sabiex tieqaf tuża s-sinjal BIGA fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom ma tikkostitwixxix indikazzjoni ta’ mala fide, billi tali applikazzjoni taqa’ fost il-prerogattivi marbuta mar-reġistrazzjoni ta’ trade mark bħala trade mark Komunitarja, imsemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 207/2009.

34      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li hija għamlet użu mis-sinjal BIGA fil-pajjiżi tal-Benelux qabel ma sar użu mis-sinjal ikkuntestat fuq dan l-istess territorju, dan ma huwiex tali li jikkonfuta l-preżunzjoni tal-bona fide tal-intervenjenti fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Fil-fatt, anki kieku din kellha tkun stabbilita, din iċ-ċirkustanza ma taffettwax il-konstatazzjoni li t-trade mark ikkontestata ġiet maħluqa u użata fir-relazzjonijiet kummerċjali qabel it-trade mark tar-rikorrenti. Barra minn hekk, hekk kif indika l-Bord tal-Appell fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-prinċipju ma hemm xejn li jxekkel lir-rikorrenti milli tirreġistra t-trade mark BIGA kemm fuq il-livell nazzjonali kif ukoll fuq il-livell tal-Benelux jew fuq il-livell Komunitarju, liema reġistrazzjoni kienet tkun tista’ tipproteġiha kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata bħala trade mark Komunitarja.

35      Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-ilment dwar l-iżball imwettaq mill-Bord tal-Appell ispirat mir-riferiment għall-“użi tajba fl-oqsma industrijali u [jew] kummerċjali”, kif użat fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 207/2009, bil-għan li jiddefinixxi l-mala fide fis-sens tal-Artikolu 52(1)(b) tal-istess regolament, ma jistax jintlaqa’.

36      Huwa ċertament minnu li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom għan differenti, b’waħda minnhom tirrigwarda l-attitudni ta’ terz fir-rigward ta’ proprjetarju tat-trade mark u l-oħra tirrigwarda l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark bħala trade mark Komunitarja. Madankollu, il-Bord tal-Appell ma wettaq l-ebda żball meta għamel tali approssimazzjoni, billi din kienet iġġustifikata miċ-ċirkustanza li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet kienu intiżi sabiex jissanzjonaw aġir diżonest fuq il-pjan kummerċjali.

37      Fi kwalunkwe każ, il-Bord tal-Appell ma llimitax ruħu li jagħmel biss din l-approssimazzjoni sabiex jinterpreta l-kunċett ta’ mala fide fis-sens tal-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 207/2009. Hekk kif jirriżulta mill-punti 22 sa 34 iktar ’il fuq, għall-kuntrarju hija applikat b’mod korrett il-prinċipji ta’ interpretazzjoni identifikati f’dan ir-rigward mill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli, punt 9 iktar ’il fuq.

38      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell ikkonstata b’mod ġust, fil-punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata, li, anki jekk l-intervenjenti kienet taf jew kellha tkun taf bl-użu mir-rikorrenti tas-sinjal BIGA għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ miksers vertikali tal-ikel, hija ma aġixxietx in mala fide meta talbet għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.

39      Minn dan isegwi li l-motiv uniku għandu jiġi miċħud bħala infondat, l-istess bħar-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

40      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

41      Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI u mill-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Peeters Landbouwmachines BV hija kkundannata għall-ispejjeż.

Forwood

Dehousse

Schwarcz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Frar 2012.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.