Language of document : ECLI:EU:C:2012:107

Kawża C-280/10

Kopalnia Odkrywkowa Polski Trawertyn P. Granatowicz, M. Wąsiewicz spółka jawna

vs

Dyrektor Izby Skarbowej w Poznaniu

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny)

“VAT — Direttiva 2006/112/KE — Artikoli 9, 168, 169 u 178 — Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa għal tranżazzjonijiet li jsiru bil-għan tat-twettiq ta’ proġett ta’ attività ekonomika — Xiri ta’ art mis-soċji ta’ kumpannija — Fatturi maħruġa qabel ir-reġistrazzjoni tal-kumpannija li titlob it-tnaqqis”

Sommarju tas-sentenza

1.        Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa — Oriġini u portata tad-dritt għal tnaqqis — Spejjeż ta’ investiment imħallsa mis-soċji bil-għan tal-ħolqien u għall-bżonnijiet ta’ soċjetà li ma tkunx għadha rreġistrata

(Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikoli 9, 168 u 169)

2.        Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa — Obbligi tal-persuna taxxabbli — Pussess ta’ fattura li għandha ċerti indikazzjonijiet

(Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikoli 168 u 178(a))

1.        L-Artikoli 9, 168 u 169 tad-Direttiva 2006/112, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermetti la lis-soċji ta’ kumpannija u lanqas lil din il-kumpannija jinvokaw dritt għal tnaqqis tat-taxxa tal-input fuq il-valur miżjud imħallsa fuq spejjeż tal-investiment li jkunu saru, minn dawn is-soċji, qabel il-ħolqien u r-reġistrazzjoni ta’ din il-kumpannija, għall-bżonnijiet u bil-għan tal-attività ekonomika tagħha.

Fil-fatt, dawn is-soċji jistgħu jiġu kkunsidrati bħala persuni taxxabbli għall-bżonnijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud u għalhekk, bħala prinċipju, huma awtorizzati sabiex japplikaw dritt għal tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa. Sa fejn, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, dawn is-soċji, ma jistgħu bl-ebda mod jibbażaw ruħhom fuq tranżazzjonijiet taxxabbli mwettqa mil-kumpannija sabiex jevitaw l-ispiża tat-taxxa fuq il-valur miżjud marbuta mat-tranżazzjonijiet ta’ investment li saru għall-bżonnijiet u bil-għan tal-attività ta’ din il-kumpannija, din tal-aħħar għandha, sabiex tkun tista’ tiggarantixxi n-newtralità tal-oneru fiskali, tkun fil-pożizzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni dawn it-tranżazzjonijiet ta’ investiment waqt it-tnaqqis tat-taxxa fuq valur miżjud.

(ara l-punti 31, 35, 38 u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikoli 168 u 178(a) tad-Direttiva 2006/112, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li skont din, it-taxxa tal-input fuq il-valur miżjud imħallsa ma tistax tiġi dedotta minn kumpannija meta l-fattura, maħruġa qabel ir-reġistrazzjoni u l-identifikazzjoni ta’ din il-kumpannija għall-finijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud, tkun inħarġet f’isem is-soċji tagħha, filwaqt li l-kundizzjonijiet sostantivi previsti fl-imsemmi Artikolu 168(a) jidhru sodisfatti sabiex, b’mod partikolari, din il-kumpannija tkun tista’ tibbenefika mid-dritt għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li l-informazzjoni neċessarja biex tiġi żgurata perċezzjoni affidabbli u effettiva tat-taxxa hija stabbilita.

Peress li l-impossibbiltà għal tali kumpannija li teżerċita d-dritt tagħha għal tnaqqis tirrigwarda l-fatt li, fid-data tat-tfassil tal-fattura, din il-kumpannija kienet għadha mhux irreġistrata u lanqas identifikata għall-finijiet tat-taxxa fuq valur miżjud u li l-fattura, għaldaqstant, tfasslet f’isem is-soċji, u għalkemm kien hemm xebh bejn il-persuni li kellhom iħallsu t-taxxa tal-input fuq il-valur miżjud u dawk li jikkostitwixxu l-imsemmija kumpannija, din l-impossibbiltà għandha tiġi kkunsidrata bħala li tirriżulta minn obbligu purament formali. L-osservanza ta’ tali obbligu ma tistax tintalab peress li dan ir-rekwiżit għandu bħala effett li jġib fix-xejn l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis u, għaldaqstant, li jqajjem dubju dwar in-newtralità tat-taxxa fuq valur miżjud.

(ara l-punti 44-46, 49, 50 u d-dispożittiv 2)