Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Okresný súd Prešov (is-Slovakkja) fis-6 ta’ Jannar 2022 – UR vs 365.bank a.s.

(Kawża C-12/22)

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Qorti tar-rinviju

Okresný súd Prešov

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: UR

Konvenut: 365.bank a.s.

Domandi preliminari

L-informazzjoni li tinsab fil-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum konkluż fil-21 ta’ Diċembru 2016, kif riprodotta f’dan id-digriet, tikkorrispondi għal indikazzjoni ċara u konċiża tat-tip ta’ kreditu, kif jirrikjedi l-Artikolu 10(2)(a) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE 1 ?

L-informazzjoni li tinsab fil-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum konkluż fil-21 ta’ Diċembru 2016, kif riprodotta f’dan id-digriet, tikkorrispondi għal indikazzjoni ċara u konċiża tat-tul tal-kuntratt ta’ kreditu, kif jirrikjedi l-Artikolu 10(2)(ċ) tad-Direttiva 2008/48?

L-informazzjoni li tinsab fil-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum konkluż fil-21 ta’ Diċembru 2016, kif riprodotta f’dan id-digriet, tikkorrispondi għal indikazzjoni ċara u konċiża tat-tip ta’ kreditu, kif jirrikjedi l-Artikolu 10(2)(g) tad-Direttiva 2008/48 u

il-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum għandu jinkludi formola matematika għall-kalkolu tar-rata perċentwali annwali ta’ imposta (iktar ’il quddiem ir-“RPAI”) flimkien mal-varjabbli speċifikati kif ukoll il-kalkolu stess,

huwa biżżejjed li l-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum jindika l-varjabbli meħtieġa għall-kalkolu tar-RPAI jew dawn għandhom jiġu indikati mill-ġdid filwaqt li jiġi speċifikat li dawn huma ipoteżijiet għall-kalkolu tar-RPAI?

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur 1 tista’ tiġi interpretata fis-sens li tirrikjedi leġiżlazzjoni jew ġurisprudenza nazzjonali li jipprovdu li qorti hija obbligata tiddikjara li klawżola kuntrattwali hija abbużiva anki wara li r-relazzjoni kuntrattwali tkun intemmet, bħalma huwa l-każ fil-kawża ineżami?

Ġurisprudenza li, fil-każ ta’ lment ibbażat fuq l-assenza ta’ informazzjoni obbligatorja fil-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, titlaq mill-prinċipju li dan il-fatt kien diġà magħruf mill-konsumatur fil-mument tal-iffirmar tal-kuntratt ta’ kreditu, b’mod partikolari meta l-konsumatur ikun espliċitament irrikonoxxa li ħa konjizzjoni tal-kuntratt ta’ kreditu billi ffirma dokumenti oħra ta’ kreditu konnessi (bħalma huma formola b’informazzjoni standard dwar il-kreditu għall-konsum, lista ta’ dokumenti rċevuti, eċċ) hija kuntrarja għad-Direttiva 93/13 fl-intier tagħha u, b’mod partikolari, għall-ħames premessa tagħha (premessa li tiddikjara li: “Billi, ġeneralment, il-konsumaturi ma jkunux jafu r-regoli tal-liġi li, fi Stati Membri li ma jkunux tagħhom stess, jiggwidaw kuntratti għall-bejgħ ta’ merkanzija jew servizzi; billi dan in-nuqqas ta’ kuxjenza jista’ jżommhom lura minn transazzjonijiet diretti għax-xiri ta’ merkanzija jew servizzi fi Stat Membru ieħor”)?

Huwa kuntrarju għall-prinċipju ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u għall-prinċipju ta’ effettività li d-dritt nazzjonali jipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni li ma huwiex biss suġġettiv iżda wkoll oġġettiv marbut ma’ kriterju newtrali (l-arrikkiment indebitu) fir-rigward tal-ħlas lura tas-somma miksuba b’mod indebitu mill-bejjiegħ jew fornitur għad-detriment tal-konsumatur, bil-għan li jiġi evitat li l-mument li minnu jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni jkun iddeterminat biss fuq il-bażi tal-ilment tal-konsumatur u b’hekk mingħajr ma l-bejjiegħ jew fornitur ikollu possibbiltà reali li jiddefendi ruħu billi jqajjem eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni?

Huwa konformi mal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u mal-prinċipju ta’ effettività li kull difett li jivvizzja l-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum imfassal mill-bejjiegħ jew fornitur għandu jitqies awtomatikament li huwa l-konsegwenza ta’ nuqqas intenzjonat min-naħa tal-bejjiegħ jew fornitur?

Il-prinċipju ta’ effettività stabbilit fis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitati iktar ’il quddiem għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ azzjoni għall-irkrupru ta’ ammonti miksuba indebitament fil-kuntest ta’ self li huwa eżentat minn interessi u minn spejjeż minħabba difett għandu jibda jiddekorri biss mid-deċiżjoni tal-qorti dwar tali difett (b’mod partikolari deċiżjoni li tikkonstata li s-self huwa eżentat minn interessi u minn spejjeż)?

Skont il-prinċipju ta’ effettività, kif applikat fis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitati iktar ’il quddiem, f’liema mument għandu jibda t-terminu ta’ preskrizzjoni?

____________

1     ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40 u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46.

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.