Language of document :

Appell ippreżentat fit-13 ta' Novembru 2008 minn Paul Lafili mis-sentenza mogħtija fl-4 ta' Settembru 2008 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kawża F-22/07, Lafili vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-485/08 P)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Paul Lafili (Genk, Il-Belġju) (rappreżentant: L. Levi, avocat)

Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tal-appellant

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-UE tal-4 ta' Settembru 2008 fil-kawża F-22/07 safejn din ċaħdet il-motivi bbażati fuq ksur tal-Artikoli 4 u 46 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 7 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll fuq ksur tal-prinċipju tal-aspetattivi leġittimi;

konsegwentement, tilqa' t-talbiet tal-appellant fl-ewwel istanza u, b'hekk,

    tannulla d-deċiżjoni li tiklassifika lill-appellant fil-grad AD 13, skala 5, li tinsab f'nota tad-DĠ ADMIN tal-11 ta' Mejju 2006 u fil-karta tas-salarju tal-appellant ta' Ġunju 2006 u fil-karti tas-salarju tiegħu sussegwenti;

    konsegwentement:

tordna r-reintegrazzjoni, b'effett mill-1 ta' Mejju 2006, tal-appellant fil-grad u l-iskala AD 13, skala 2 b'żamma tal-fattur tal-moltiplikazzjoni 1,1172071

tordna r-rikostruzzjoni b'mod sħiħ tal-karriera tal-appellant b'effett retroattiv mill-1 ta' Mejju 2006 sad-data tal-klassifikazzjoni tiegħu fil-grad u skala hekk mibdul (inkluż iż-żieda fl-esperjenza tiegħu fil-klassifikazzjoi hekk mibdula, id-drittijiet tiegħu għall-avvanzament u d-drittijiet tal-pensjoni), inkluż il-ħlas tal-interessi għad-dewmien fuq il-bażi tar-rata ffissata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta' rifinanzjament, applikabbli fil-perijodu kkonċernat, miżjuda b'żewġ punti, fuq l-ammonti kollha korrispondenti għad-differenza bejn is-salarju korrispondenti għall-klassifikazzjoni tiegħu li tidher fid-deċiżjoni tal-klassifikazzjoni u l-klassifikazzjoni li għaliha huwa jmissu kellu dritt sad-data meta tiġi adottata d-deċiżjoni tal-klassifikazzjoni regolari tiegħu;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

tikundanna lill-appellata għall-ispejjeż kollha tal-ewwel istanza u tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tal-appell preżenti, l-appellant jitlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP) tal-4 ta' Settembru 2008, mogħtija fil-kawża Lafili vs Il-Kummissjoni, F-22/07, li permezz tagħha t-TSP annulla d-deċiżjoni tal-11 ta' Mejju 2006, tal-Kap tad-Diviżjoni A 6 "Struttura tal-karrieri, evalwazzjoni u promozzjoni" tad-Direttorat Ġenerali "Persunal u Amministrazzjoni" tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, sa fejn is-sentenza appellata tiċħad il-motivi tal-appellant ibbażati fuq ksur tal-Artikoli 44 u 46 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (iktar 'il quddiem ir-"Regolamenti tal-Personal") u tal-Artikolu 7 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Personal kif ukoll fuq ksur tal-prinċipji tal-aspetattivi leġittimi.

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant qajjem aggravju wieħed ibbażat fuq il-ksur, fl-ewwel istanza, tal-Artikoli 44 u 46 tar-Regolamenti tal-Personal, tal-Artikolu 7 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Personal, fuq il-ksur tal-prinċipji tal-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarja u tal-obbligu ta' motivazzjoni, kif ukoll fuq żnaturament tal- provi.

____________