Language of document : ECLI:EU:C:2014:1516

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

5 ta’ Ġunju 2014 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ miżuri provviżorji u kawtelatorji — Annullament tad-deċiżjoni inizjali — Żamma tat-talba għal deċiżjoni preliminari — Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”

Fil-Kawża C‑350/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākās tiesas Senāts (il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Ġunju 2013, fil-proċedura

Antonio Gramsci Shipping Corp.,

Apollo Holdings Corp.,

Arctic Seal Shipping Co. Ltd,

Atlantic Leader Shipping Co. Ltd,

Cape Wind Trading Co. Ltd,

Clipstone Navigation SA,

Dawnlight Shipping Co. Ltd,

Dzons Rids Shipping Co.,

Faroship Navigation Co. Ltd,

Gaida Shipping Co.,

Gevostar Shipping Co. Ltd,

Hose Marti Shipping Co.,

Imanta Shipping Co. Ltd,

Kemeri Navigation Co.,

Klements Gotvalds Shipping Co.,

Latgale Shipping Co. Ltd,

Limetree Shipping Co. Ltd,

Majori Shipping Co. Ltd,

Noella Marītime Co. Ltd,

Razna Shipping Co.,

Sagewood Trading Inc.,

Samburga Shipping Co. Ltd,

Saturn Trading Co.,

Taganroga Shipping Co.,

Talava Shipping Co. Ltd,

Tangent Shipping Co. Ltd,

Viktorio Shipping Co.,

Wilcox Holding Ltd,

Zemgale Shipping Co. Ltd,

Zoja Shipping Co. Ltd

vs

Aivars Lembergs,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn C. G. Fernlund, President tal-Awla, A. Ó Caoimh u C. Toader (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn J. Beeko, bħala aġent, assistita minn B. Kennelly, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Sauka u A.‑M. Rouchaud-Joët, bħala aġenti,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Antonio Gramsci Shipping Corp. u 29 rikorrenti oħra, u A. Lembergs, dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Commercial Court) (Ir-Renju Unit), li ordnat it-tqegħid taħt sekwestru ta’ oġġetti li jappartjenu għall-konvenut fil-kawża prinċipali jew li huma kkontrollati minnu (iktar ’il quddiem id-“digriet ta’ tqegħid taħt sekwestru”).

3        Il-qorti tar-rinviju ssostni li deċiżjoni ta’ tqegħid taħt sekwestru, li fil-“Common law” hija msejħa bil-frażi “ordni Mareva”, għandha effett in personam sa fejn din timponi fuq ċerta persuna li ma tittrasferixxix lil persuni oħra ċerti assi. Għaldaqstant, din ma tolqotx lill-assi fihom infushom, iżda lill-persuna.

4        Issa, huwa essenzjali, skont il-qorti tar-rinviju, li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest tal-proċedura ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor, id-dannu lil persuni, li ma humiex partijiet fil-proċedura inizjali, jista’ jkun raġuni ta’ implementazzjoni tal-klawżola ta’ ordni pubbliku li tinsab fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Augstākās tiesas Senāts iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)       L-Artikolu 34(1) tar-Regolament [Nru 44/2001] għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tal-proċedura għal rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija minn qorti [ta’ Stat Membru ieħor], il-ksur tad-drittijiet ta’ persuni li ma humiex partijiet fil-proċedura għal kawża prinċipali jista’ jkun motiv ta’ implementazzjoni tal-klawżola ta’ ordni pubbliku prevista fl-imsemmi Artikolu 34(1) u sabiex jiġi rrifjutat li tiġi rikonoxxuta din is-sentenza [...] sa fejn din taffettwa dawn il-persuni li ma humiex partijiet fil-proċedura għal kawża prinċipali?

2)       F’każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 1, l-Artikolu 47 tal-Karta [tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipji ta’ ekwità fil-qasam ġudizzjarju li huma previsti hemmhekk jippermettu, fl-istabbiliment tal-miżuri kawtelatorji f’kawża, li jillimitaw id-drittijiet għall-proprjetà ta’ persuni li ma humiex partijiet fl-imsemmija kawża, anki jekk huwa madankollu mistenni li kull persuna li hija affettwata minn deċiżjoni dwar miżuri kawtelatorji għandha d-dritt fi kwalunkwe mument li titlob lill-qorti kkonċernata t-tibdil jew l-annullament tas-sentenza, u li tħalli f’idejn ir-rikorrenti sabiex jinnotifikaw is-sentenza lill-persuni kkonċernati?”

5        Fl-istadju tal-proċedura bil-miktub, il-Gvern tar-Renju Unit osserva li d-digriet ta’ tqegħid taħt sekwestru ġie annullat. B’mod iktar preċiż, mill-elementi kollha għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan id-digriet ġie invalidat mill-qorti li tat dak id-digriet, f’kompożizzjoni differenti, u ddeċidiet fuq il-mertu, permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2012. Fl-appell, din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2013 tal-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division). Fis-26 ta’ Lulju 2013, l-azzjoni kontra din l-aħħar deċiżjoni ġiet miċħuda mis-Supreme Court of the United Kingdom, tant li l-annullament tad-digriet ta’ tqegħid taħt sekwestru kiseb l-awtorità ta’ res judicata.

6        Wara din in-notifika, ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Novembru 2013, stieden lill-qorti tar-rinviju tindikalu jekk hija kinitx qiegħda żżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari. Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Frar 2014, din il-qorti indikat li, waqt is-seduta tat-22 ta’ Jannar 2014, ir-rappreżentant tal-konvenut, A. Lembergs, esprima l-opinjoni li, minkejja li r-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi tal-qorti tar-rinviju ma kinux għadhom rilevanti fil-każ inkwistjoni, peress li d-digriet ta’ tqegħid taħt sekwestru kien ġie annullat, madankollu huwa xieraq li wieħed ikollu dawn ir-risposti peress li din il-qorti kienet adita b’kawża analoga. Il-qorti tar-rinviju għaldaqstant iddeċidiet li żżomm id-domandi preliminari tagħha.

7        Qabelxejn għandu jitfakkar li skont il-punt 30 tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja lill-qrati nazzjonali dwar ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2012, C 338, p. 1), “[f]l-interess tal-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u sabiex tinżamm l-effettività tagħha, il-qorti tar-rinviju għandha tavża lill-Qorti tal-Ġustizzja b’kull kwistjoni proċedurali li jista’ jkollha effett fuq it-talba mressqa quddiemha u, b’mod partikolari, bl-ammissjoni ta’ partijiet ġodda fil-proċedura nazzjonali”.

8        Sussegwentement, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali skont l-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li jkollha tagħti d-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza Di Donna, C‑492/11, EU:C:2013:428, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

9        Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, hija għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija tiġi adita mill-qorti nazzjonali bil-għan li tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess. Hija tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara s-sentenza Di Donna, EU:C:2013:428, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

10      Għalhekk, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta kemm mill-kliem u mill-formulazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari tassumi li kawża hija effettivament pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha huma mistennija jagħtu deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni preliminari (ara s-sentenzi Di Donna, EU:C:2013:428, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Pohotovosť, C‑470/12, EU:C:2014:101, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

11      Fil-kawża preżenti, il-qorti tar-rinviju stess qiegħda tikkonstata li d-digriet ta’ tqegħid taħt sekwestru, li tiegħu huma mitluba r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni, ġie annullat. Għaldaqstant, din il-qorti ma għadhiex adita b’kawża pendenti quddiema u, għalhekk, id-domandi magħmula fil-kuntest tal-preżenti kawża saru ipotetiċi. Il-fatt li kawżi analogi jkunu pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju ma għandux rilevanza fuq din il-konstatazzjoni.

12      Fi kwalunkwe każ, fl-ipoteżi fejn għas-soluzzjoni ta’ kawża oħra tkun meħtieġa interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju għandha, jekk ikun il-każ, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha u dejjem skont l-Artikolu 267 TFUE, il-possibbiltà li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja.

13      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari.

14      L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-partijiet fil-kawża prinċipali, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tordna:

Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākās tiesas Senāts (il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.