Language of document : ECLI:EU:T:2012:115

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

8 ta’ Marzu 2012

Kawża T‑126/11 P

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Rimbors ta’ spejjeż mediċi — Att li jikkawża preġudizzju — Rifjut impliċitu — Obbligu ta’ motivazzjoni — Appell parzjalment manifestament infondat u parzjalment manifestament inammissibbli”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (Imħallef uniku) tal-14 ta’ Diċembru 2010, Marcuccio vs Il-Kummissjoni (F-1/10), u intiż għall-annullament parzjali ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud bħala parzjalment manifestament inammissibbli u bħala parzjalment manifestament infondat fid-dritt. L-appell inċidentali huwa miċħud bħala parzjalment manifestament inammissibbli u bħala parzjalment manifestament infondat fid-dritt. L. Marcuccio huwa kkundannat, minbarra għall-ispejjeż tiegħu, għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest tal-appell. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha fil-kuntest tal-appell inċidentali.

Sommarju

1.      Appell — Aggravji — Stħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-klassifikazzjoni ġuridika ta’ atti mwettqa mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Ammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 48(2))

2.      Appell — Aggravji — Aggravju intiż kontra d-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku dwar l-ispejjeż — Inammissibbiltà fil-każ ta’ ċaħda tal-aggravji l-oħra kollha

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(2))

3.      Appell — Aggravji — Stħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-evalwazzjoni tal-provi mwettqa mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1))

4.      Uffiċjali — Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju — Obbligu ta’ motivazzjoni — Assenza totali ta’ motivazzjoni — Regolarizzazzjoni wara l-preżentata ta’ rikors — Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25)

1.      Il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ att imwettqa mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, bħall-kwistjoni dwar jekk nota mfassla mill-Kummissjoni bħala risposta għal talba għar-rimbors addizzjonali ta’ spejjeż mediċi għandhiex titqies li hija att li jikkawża preġudizzju, tikkostitwixxi kwistjoni ta’ dritt li tista’ titqajjem fil-kuntest ta’ appell.

(ara l-punti 27 u 29)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C‑136/92 P, Ġabra p. I‑1981, punt 49; 26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI, C‑412/05 P, Ġabra p. I‑3569, punti 38 sa 40

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 13 ta’ Ottubru 2008, Neophytou vs Il-Kummissjoni, T‑43/07 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑53 u II‑B‑1‑373, punt 45

2.      Mill-Artikolu 11(2) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell ma jistax jikkonċerna biss l-ammont tal-ispejjeż u l-parti kkundannata għal tali spejjeż. Minn dan isegwi li, fis-sitwazzjoni fejn l-aggravji l-oħra kollha ta’ appell minn deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkunu ġew miċħuda, it-talbiet li jikkonċernaw l-allegata irregolarità tad-deċiżjoni dwar l-ispejjeż tal-imsemmi Tribunal, għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

(ara l-punt 37)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 9 ta’ Settembru 2009, Nijs vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑375/08 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑65 u II‑B‑1‑413, punt 71, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      In-natura probatorja jew le ta’ atti proċedurali għandha tiġi evalwata mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku biss u ma tistax tistħarreġ mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ appell, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi prodotti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jew meta l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tal-imsemmi Tribunal tirriżulta mid-dokumenti tal-proċess.

(ara l-punt 41)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 10 ta’ Lulju 2001, Ismeri Europa vs Il-Qorti tal-Awdituri, C‑315/99 P, Ġabra p. I‑5281, punt 19, u l-ġurisprudenza ċċitata

Il-Qorti Ġenerali: 21 ta’ Ġunju 2011, Rosenbaum vs Il-Kummissjoni, T‑452/09 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 41

4.      L-assenza totali ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni qabel il-preżentata ta’ rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma tistax tiġi rrimedjata bi spjegazzjonijiet mogħtija wara li tkun saret tali preżentata. Fil-fatt, il-possibbiltà li tiġi rrimedjata l-assenza totali ta’ motivazzjoni, wara li jkun ġie ppreżentat rikors, tippreġudika d-drittijiet tad-difiża peress li r-rikorrent ikollu biss ir-replika sabiex jinvoka l-motivi tiegħu kontra l-motivazzjoni li jkollu għarfien tagħha biss wara li jkun ippreżenta r-rikors.

(ara l-punt 47)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 20 ta’ Settembru 1990, Hanning vs Il-Parlament, T‑37/89, Ġabra p. II‑463, punti 41 u 44; 12 ta’ Frar 1992, Vogler vs Il-Parlament, T‑52/90, Ġabra p. II‑121, punti 40 u 41; 4 ta’ Lulju 2006, Tzirani vs Il-Kummissjoni, T‑88/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑149 u II‑A‑2‑703, punt 46

Il-Qorti Ġenerali: 2 ta’ Marzu 2010, Doktor vs Il-Kunsill, T‑248/08 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 93