Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta' Frar 2011 - Centre national de la recherche scientifique vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-125/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Centre national de la recherche scientifique (Pariġi, Franza) (rappreżentant: N. Lenoir, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tas-17 ta' Diċembru 2010 sa fejn tirrigwarda t-tpaċċija bejn, minn naħa, il-kreditu ta' CNRS fuq il-Komunità, li joriġina mill-Kuntratt PIEF u, min-naħa l-oħra, l-allegat kreditu tal-Komunità fil-konfront ta' CNRS mitlub skont il-Kuntratt ALLOSTEM;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha tal-istanza.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrent jinvoka sitt motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u b'mod partikolari tal-Artikolu 12(4) tar-Regolament (KE) Nru 2321/2002 1, sa fejn il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tar-rikorrent fuq il-fondatezza tad-deċiżjoni tagħha li tirkupra l-allegat kreditu tagħha permezz ta' tpaċċija.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni, peress li l-Kummissjoni llimitat ruħha sabiex tirreferi għall-kunsiderazzjonijiet ġenerali tar-rapport ta' verifika tagħha tas-16 ta' Marzu 2009 mingħajr ma spjegat ir-raġunijiet għalfejn ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ġustifikazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrent sabiex tistabbilixxi l-eliġibbiltà tal-ispejjeż iddikkjarati minnu.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq żbalji manifesti ta' evalwazzjoni, peress li l-Kummissjoni kkunsidrat li r-remunerazzjoni tas-Sinjura T., riċerkatriċi fis-CNRS, matul il-perijodu mill-1 ta' April 2006 sal-31 ta' Marzu 2007, ma kienx jaqa' taħt l-ispejjeż eliġibbli minkejja l-ġustifikazzjonijiet imressqa mir-rikorrent fil-forma ta' time-sheets u erba' artikli xjentifiċi li jirreferu għall-kuntratt inkwistjoni.

Ir-raba' motiv huwa bbażat fuq żbalji ta' liġi mwettqa, sa fejn il-Kummissjoni ċaħdet kull valur probatorju tat-time-sheets tas-Sinjura T. għall-perijodu mill-1 ta' April 2006 sal-31 ta' Marzu 2007 u ma rrikonoxxietx l-eliġibbiltà, minn naħa, tar-remunerazzjoni tas-Sinjura B., riċerkatriċi fis-CNRS, matul il-leave tal-maternità u, min-naħa l-oħra, tal-ispiża soċjali msejjħa "riżerva għat-telf tal-post tax-xogħol", imħallsa mis-CNRS skont l-assigurazzjoni għat-telf tal-post tax-xogħol tal-aġenti tagħha li ma humiex tal-post.

Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' aspettattivi leġittimi, sa fejn il-Kummissjoni:

kuntrarjament għal dak li indikat fir-rapport ta' verifika tagħha u waqt laqgħa, ċaħdet kull valur probatorju lil erba' pubblikazzjonijiet xjentifiċi;

tat interpretazzjonijiet ġodda lill-kriterji ta' eliġibbiltà tal-ispejjeż relatati mal-leave tal-maternità;

innotifikat id-deċiżjoni minkejja l-assigurazzjonijiet li kienu ngħataw matul il-proċess tas-soluzzjoni tal-kawża permezz ta' ftehim bonarju.

Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 73(1) tar-Regolament finanzjarju 2 sa fejn il-kreditu allegat mill-Kummissjoni ma kellux natura ċerta.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 23212002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta' Diċembru 2002, dwar ir-regoli għall-parteċipazzjoni ta' intrapriżi, ċentri ta'riċerka u universitajiet fi, u għad-diffużjoni tar-riżultati ta' riċerka għal, l-implimentazzjoni tas-Sitt Programm Kwadru (2002-2006) tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 31, p. 46).

2 - Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/25, tal-25 ta' Gunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74).