Appell ippreżentat fil-25 ta’ Frar 2021 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fis-16 ta’ Diċembru 2020 fil-Kawża T-243/18, VW vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-116/21 P)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellant: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: B. Schima, B. Mongin, G. Gattinara, aġenti)
Partijiet oħra fil-proċedura: VW, Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
L-appellanti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
tannulla s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2020 (Is-Seba’ Awla), VW vs Il-Kummissjoni, mogħtija fil-Kawża T-243/18;
tiċħad ir-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza;
tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż tal-kawża fl-ewwel istanza;
tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż tal-kawża fl-appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li jikkonċerna l-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-legalità tal-għażliet magħmula mil-leġiżlatur u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni (il-punti 46 sa 49 u l-punt 58 tas-sentenza appellata). Il-Kummissjoni ssostni li:
- il-Qorti Ġenerali tbiegħdet mill-prinċipju li l-evalwazzjoni tal-legalità ta’ att tal-Unjoni fir-rigward ta’ drittijiet fundamentali ma tistax tkun ibbażata fuq allegazzjonijiet relatati mal-konsegwenzi ta’ dan l-att f’każ partikolari;
- l-illegalità ta’ dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal ma tistax tkun ibbażata fuq in-natura “irraġonevoli” tal-għażla magħmula mil-leġiżlatur;
- il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha li jikkaratterizzaw iż-żewġ sitwazzjonijiet li qegħdin jiġu pparagunati, bi ksur tal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza HK vs Il-Kummissjoni (C-460/18 P).
It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, peress li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li s-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal (punti 50 sa 61 tas-sentenza appellata) huma paragunabbli. Il-Kummissjoni tqis li:
- id-data taż-żwieġ ma hijiex l-uniku kriterju li jiddistingwi l-Artikolu 18 mill-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Id-distinzjoni ġejja minn sensiela ta’ fatturi li l-Qorti Ġenerali rrifjutat tieħu inkunsiderazzjoni;
- il-Qorti Ġenerali kellha tqis l-iskop tat-tul minimu taż-żwieġ fiż-żewġ dispożizzjonijiet inkwistjoni, li kien jenfasizza d-differenzi bejniethom;
- id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età ma hijiex stabbilita.
It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fuq diversi każijiet ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni (punti 65 sa 80 u 81 sa 88 tas-sentenza appellata):
l-ewwel parti tal-aggravju huwa bbażat fuq nuqqas li tittieħed deċiżjoni fir-rigward tal-pensjoni tas-superstiti li tinsab fl-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal;
it-tieni parti tal-aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-għan intiż li jipprevjeni l-frodi u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni (punti 65 sa 80 tas-sentenza appellata);
it-tielet parti tal-aggravju huwa bbażat fuq żball fl-interpretazzjoni tal-għan intiż għall-protezzjoni tal-bilanċ finanzjarju tal-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni (punti 81 sa 88 tas-sentenza appellata).
____________