Language of document : ECLI:EU:C:2016:695

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

Bobek

ippreżentati fil-15 ta’ Settembru 2016 (1)

Kawża C‑375/15

BAWAG PSK Bank für Arbeit und Wirtschaft und Österreichische Postsparkasse AG

vs

Verein für Konsumenteninformation

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija)]

“Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva 2007/64/KE – Servizzi ta’ ħlas fis-suq intern – Kuntratti qafas – Informazzjoni ġenerali minn qabel – Informazzjoni relatata ma’ tibdil fil-kundizzjonijiet tal-kuntratti qafas – Rekwiżit li informazzjoni tingħata fuq mezz dejjiemi – Informazzjoni ‘provduta’ jew ‘mqiegħda għad-dispożizzjoni’ – Trażmissjoni ta’ informazzjoni permezz tal-kaxxa postali elettronika ta’ sit web tal-Internet e-banking”





I –  Introduzzjoni

1.        Id-Direttiva 2007/64/KE dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern (2) teżiġi li tibdil f’kuntratti qafas għandu jiġi pprovdut mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas lil min juża servizzi ta’ ħlas fuq il-karta jew fuq mezz dejjiemi ieħor.

2.        BAWAG PSK Bank für Arbeit und Wirtschaft und Österreichische Postsparkasse AG (iktar ’il quddiem “BAWAG”) huwa bank li jopera fl-Awstrija. Huwa joffri kuntratti għal Internet e-banking lill-klijenti tiegħu. Bħala parti mit-termini ġenerali f’tali kuntratti e-banking, BAWAG jinkludi terminu kuntrattwali li skontu “avviżi ta’ tibdil” jiġu kkomunikati lill-klijent permezz tal-kaxxa postali interna tas-sistema ta’ Internet e-banking tiegħu. Verein für Konsumenteninformationen (assoċjazzjoni għall-informazzjoni tal-konsumaturi), tqis li tali terminu kuntrattwali ma huwiex konformi mal-obbligu li informazzjoni tiġi pprovduta fuq “mezz dejjiemi” kif stabbilit fid-Direttiva 2007/64.

3.        F’din il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab taċċerta jekk informazzjoni mogħtija permezz ta’ kaxxa postali e-banking tkunx “provduta” (kuntrarjament għal sempliċement “mqiegħda għad-dispożizzjoni”) permezz ta’ “mezz dejjiemi”, skont id-Direttiva 2007/64. B’mod iktar ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda terġa’ (3) tiġi mistiedna toħloq bilanċ bejn, minn naħa, ir-rekwiżiti minimi ta’ informazzjoni u protezzjoni tal-konsumatur, u, min-naħa l-oħra, l-iżviluppi teknoloġiċi rrappreżentati mit-tendenza dejjem tikber fost l-operaturi ekonomiċi (imrewħa wkoll bla dubju, mill-preferenzi tal-konsumaturi) li jkunu stabbiliti ambjenti online u mhux fuq il-karta għall-komunikazzjoni mal-klijenti tagħhom.

II –  Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

4.        Id-Direttiva 2007/64 tistabbilixxi regoli dwar it-trasparenza tal-kundizzjonijiet u tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni għal servizzi ta’ ħlas (4). Dawn ir-regoli jispeċifikaw l-obbligi ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas li jirrigwardaw il-provvista ta’ informazzjoni lil min juża servizzi ta’ ħlas li, skont il-premessa 21, “[…] għandhom jirċievu l-istess livell għoli ta’ informazzjoni ċara […] biex ikunu jistgħu jagħmlu għażliet ibbażati fuq tagħrif siewi u jkunu jistgħu jfittxu l-aħjar offerta minn madwar l-UE […]”.

5.        Skont il-premessa 23 tad-Direttiva 2007/64, l-informazzjoni meħtieġa għandha tkun proporzjonata għall-bżonnijiet ta’ dawk li jużawha u għandha tiġi kkomunikata b’mod standard. Madankollu, din il-premessa tgħid li r-rekwiżiti ta’ informazzjoni għal tranżazzjoni waħda ta’ ħlas għandhom ikunu differenti minn dawk ta’ kuntratti qafas (li jipprovdu għal sensiela ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas). Il-premessa 24 tikkjarifika r-rekwiżiti għal informazzjoni minn qabel dwar kuntratti qafas u tagħti gwida dwar x’jikkostitwixxi “mezz dejjiemi”, billi tagħti eżempji tagħhom. Il-premessa 25 tikkjarifika r-rekwiżiti ta’ informazzjoni applikabbli għal tranżazzjonijiet ta’ ħlas wieħed kuntrarjament għal kuntratti qafas, billi tgħid li ma huwiex meħtieġ li l-informazzjoni għandha f’kull każ tingħata fuq il-karta jew fuq mezz dejjiemi ieħor, sakemm il-konsumatur ma jitlobx li jsir hekk.

6.        Il-premessa 27 tad-Direttiva 2007/64 tiddistingwi bejn żewġ modi kif l-informazzjoni għandha tingħata mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas: “jew l-informazzjoni għandha tiġi provduta, jiġifieri attivament komunikata mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas fil-ħin adatt kif rikjest minn din id-Direttiva mingħajr l-ebda talba ulterjuri min-naħa ta’ l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas, inkella l-informazzjoni għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas, b’kont meħud ta’ kwalunkwe talba li jista’ jkollu għal aktar informazzjoni.” Din il-premessa tkompli tikkjarifika u tagħti eżempji ta’ sitwazzjonijiet li fihom l-informazzjoni “titqiegħed għad-dispożizzjoni”, u l-klijent ikun irid jieħu passi attivi sabiex ikollu aċċess għaliha.

7.        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64 jipprovdi definizzjonijiet. L-Artikolu 4(12) jistabbilixxi li ‘“kuntratt qafas’ tfisser kuntratt ta’ servizzi ta’ ħlas li jirregola l-eżekuzzjoni futur ta’ transazzjonjiet ta’ ħlas individwali u suċċessivi u li jista’ jkollhom l-obbligu u l-kundizzjonijiet biex jiġi stabbilit kont tal-ħlas”. Skont l-Artikolu 4(25) “‘mezz dejjiemi’ tfisser kwalunkwe strument li jippermetti lill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas jaħżen informazzjoni indirizzata personalment lilu b’mod aċċessibbli għal referenza futura għal perijodu ta’ żmien adegwat għall-finijiet ta’ l-informazzjoni u li jippermetti riproduzzjoni mingħajr tibdil ta’ l-informazzjoni maħżuna.”

8.        It-Titolu III tad-Direttiva 2007/64, bl-isem ta’ “trasparenza ta’ kundizzjonijiet u rekwiżiti ta’ informazzjoni għal servizzi ta’ ħlas” għandu fit-tieni kapitolu tiegħu d-dispożizzjonijiet applikabbli għal “transazzjonijiet ta’ ħlas wieħed” (Artikoli 35 sa 39). It-tielet kapitolu tiegħu jsemmi d-dispożizzjonijiet applikabbli għal “kuntratti qafas” (Artikoli 40 sa 48).

9.        L-Artikolu 41 tad-Direttiva 2007/64 dwar “informazzjoni ġenerali minn qabel”, applikabbli għal “kuntratti qafas”, jgħid dan li ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li fi żmien debitu qabel ma l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas jintrabat minn xi kuntratt qafas jew offerta, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas jipprovdi lill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas bil-miktub jew b’mezz ieħor dejjiemi l-informazzjoni u l-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 42. L-informazzjoni u l-kundizzjonijiet għandhom jingħataw fi kliem li jiftiehmu faċilment u f’forma ċara u li tista’ tiftiehem sewwa, f’lingwa uffiċjali ta’ l-Istat Membru fejn ikun offrut is-servizzi ta’ ħlas jew fi kwalunkwe lingwa oħra miftiehma mill-partijiet.

[…]”.

10.      L-Artikolu 44 tad-Direttiva 2007/64 jirrigwarda tibdil fil-kundizzjonijiet ta’ kuntratti qafas. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 44(1) “[k]walunkwe bidla fil-kuntratt qafas kif ukoll l-informazzjoni u l-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 42, għandhom ikunu proposti mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas bl-istess mod kif stipulat fl-Artikolu 41(1) u mhux aktar tard minn xahrejn qabel id-data ta’ l-applikazzjoni proposta tagħhom.” Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 44(1), “[f]ejn applikabbli skond mal-punt (6)(a) ta’ l-Artikolu 42, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas għandu jinforma lill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas li huwa ser jitqies bħala li aċċetta dawn il-bidliet jekk ma jgħarrafx lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas li ma jaċċettahomx qabel id-data proposta tad-dħul fis-seħħ tagħhom. F’dan il-każ il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas għandu wkoll jispeċifika li l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas għandu d-dritt itemm il-kuntratt qafas immedjatament u mingħajr spejjeż qabel id-data ta’ l-applikazzjoni proposta tal-bidliet.”

B –    Il-liġi Awstrijaka

11.      Id-Direttiva 2007/64 kienet trasposta fid-dritt Awstrijak permezz tal-Bundesgesetz über die Erbringung von Zahlungsdiensten (Zahlungsdienstegesetz) (liġi dwar Servizzi ta’ Ħlas) (BGBl. 2009 I, Nru 66). L-Artikolu 26 ta’ din il-liġi jgħid dan li ġej:

“(1)      Il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas għandu f’waqtu, qabel ma min juża’ servizzi ta’ ħlas jintrabat b’kuntratt jew b’offerta kuntrattwali,

1.      fil-każ ta’ kuntratt qafas skont l-Artikolu 28, jikkomunika l-informazzjoni u t-termini tal-kuntratt lil min juża servizzi ta’ ħlas fuq il-karta jew, meta min juża servizzi ta’ ħlas jaqbel, fuq mezz dejjiemi ieħor, […]

[…]”.

12.      Il-kliem tal-Artikolu 29 tal-Liġi dwar Servizzi ta’ Ħlas, li tirrigwarda tibdil għal kuntratti qafas, huwa dan li ġej:

“(1)      Il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas għandu

1.      jipproponi tibdil għall-kuntratt qafas lil min juża servizzi ta’ ħlas mhux iktar tard minn xahrejn qabel id-data prevista għall-applikazzjoni tagħhom, bil-mod imsemmi fl-Artikolu 26(1)(1) u fl-Artikolu 26(2), u,

2.      Meta jkun sar ftehim skont l-Artikolu 28(1)(6)(a), jindika

(a)      li l-kunsens ta’ min juża servizzi ta’ ħlas għat-tibdil jitqies li jkun ingħata jekk dan tal-aħħar ma jkunx innotifika lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas li huwa ma jkunx aċċetta t-tibdil qabel id-data proposta għall-applikazzjoni tat-tibdil, u

(b)      li min juża servizzi ta’ ħlas ikollu d-dritt itemm il-kuntratt qafas mingħajr avviż u mingħajr spejjeż qabel ma t-tibdil jidħol fis-seħħ.”

III –  It-tilwima fil-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13.      Għal kuntratti għal servizzi bankarji mal-klijenti, BAWAG juża kuntratti ġenerali b’termini u kundizzjonijiet standard. It-terminu kuntrattwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirrigwarda, b’mod partikolari, il-parteċipazzjoni tal-klijenti fis-sistema ta’ Internet e‑banking ta’ BAWAG. Jgħid dan li ġej:

“Avviżi u dikjarazzjonijiet (b’mod partikolari informazzjoni dwar kontijiet, dikjarazzjonijiet dwar kontijiet, dikjarazzjonijiet dwar karti ta’ kreditu, avviżi ta’ tibdil, eċċ) li l-bank għandu jibgħat lill-klijent jew iqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu, il-klijent, meta huwa jkun qabel għal e-banking, għandu jirċevihom bil-posta jew elettronikament billi jkun jista’ jiksibhom jew jiġu trażmessi lilu permezz ta’ e-Banking ta’ BAWAG P.S.K..”

14.      Il-komunikazzjoni permezz tas-sistema e-banking inkwistjoni, kif deskritta mill-qorti tar-rinviju, topera kif ser jingħad: fil-qafas tas-sistema ta’ e-banking tiegħu, BAWAG joħloq kaxxa postali għal kull klijent. Klijenti jkunu jistgħu jaċċedu għal dik il-kaxxa postali billi jilloggjaw bil-password personali tagħhom permezz tas-sit web tal-e‑banking. Messaġġi elettroniċi mbagħad jiġu trażmessi mill-bank għal din il-kaxxa postali. Ma jkunx hemm komunikazzjoni supplementari, pereżempju, permezz ta’ avviż mibgħut fl-e-mail personali u privata tal-klijent sabiex ikun jaf li jkun intbagħat messaġġ fil-kaxxa postali tal-e‑banking.

15.      Fil-kawża prinċipali l-Verein für Konsumenteninformation ressqet azzjoni sabiex tipprova ma tħallix lil BAWAG milli jinkludi t-terminu kuntrattwali inkwistjoni f’kuntratti li huwa jikkonkludi mal-klijenti u milli japplika tali terminu għal dawn il-klijenti. Dik l-azzjoni rnexxiet fl-ewwel istanza u kienet ikkonfermata fl-appell. It-terminu kuntrattwali inkwistjoni nstab li kien jikser ir-rekwiżit obbligatorju tal-Artikolu 26(1)(1) flimkien mal-Artikolu 29(1)(1) tal-Liġi dwar Servizzi ta’ Ħlas. BAWAG ippreżenta appell fuq punt ta’ liġi quddiem l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija). F’dan il-kuntest l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema) issospendiet il-proċeduri u rrinvijat id-domandi li ġejjin għal deċiżjoni preliminari:

“(1)      L-Artikolu 41(1) moqri mal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2007/64/KE dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern (Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas) għandhom jiġu interpretati fis-sens li informazzjoni (f’forma elettronika), li tintbagħat mill-bank fil-kaxxa tal-posta elettronika tal-klijent fil-kuntest ta’ servizzi bankarji online (e-banking), sabiex il-kljient ikun jista’ jkollu aċċess għaliha permezz ta’ klikk wara li kien konness mas-sit tal-internet tal-e-banking, hija kkomunikata lill-klijent fuq medium dewwiemi?

(2)      Jekk id-domanda 1 tingħata risposta negattiva:

L-Artikolu 41(1) moqri mal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas għandhom jiġu intepretati fis-sens li, f’każ bħal dan

(a)      l-informazzjoni hija bla dubju magħmula disponibbli mill-bank fuq medium dewwiemi, iżda din ma hijiex ikkomunikata lill-klijent, iżda hija biss magħmula aċċessibbli lil dan tal-aħħar, jew

(b)      din hija unikament kwistjoni ta’ informazzjoni magħmula aċċessibbli mingħajr użu ta’ medium dewwiemi?”

16.      Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari kien ippreżentat fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Lulju 2015. BAWAG, il-Verein für Konsumenteninformation, il-gvern tal-Italja u l-gvern tal-Polonja u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Inżammet seduta fit-30 ta’ Ġunju 2016 li fiha l-Verein für Konsumenteninformation, BAWAG u l-Kummissjoni ssottomettew osservazzjonijiet orali.

IV –  Analiżi

A –    Osservazzjonijiet preliminari

17.      Qabel ma ssir analiżi tal-mertu tad-domandi magħmula mill-Oberster Gerichtshof (qorti suprema), jeħtieġ isiru tliet kjarifiki.

1.      Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2007/64

18.      L-ewwel nett, minkejja li l-qorti tar-rinviju għamlet id-domandi tagħha fir-rigward tal-Artikolu 41(1) tad-Direttiva 2007/64 “flimkien” mal-Artikolu 36(1) ta’ din id-direttiva, l-ewwel dispożizzjoni biss hija direttament rilevanti għal din il-kawża.

19.      Mill-informazzjoni li hemm fit-talba għal deċiżjoni preliminari, jidher li t-terminu kuntrattwali kkonċernat f’din il-kawża jinsab fi ftehim ta’ e-banking. Il-ftehim ta’ e-banking jiġi konkluż bħala komplement għal kuntratt qafas. Għalhekk, it-terminu kuntrattwali inkwistjoni jirrigwarda l-għoti ta’ informazzjoni taħt kuntratti qafas. Bħala konsegwenza, l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2007/64, li jirrigwarda biss tranżazzjonijiet ta’ ħlas wieħed, jiġifieri tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux koperti b’kuntratt qafas, ma huwiex direttament applikabbli għal din il-kawża.

20.      Madankollu, l-Artikolu 36(1) għadu jirrappreżenta fattur rilevanti għall-interpretazzjoni sistemika tad-Direttiva kollha kemm hija. Huwa jirregola l-mod kif l-informazzjoni għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni għal tranżazzjonijiet ta’ ħlas wieħed, li huwa espliċitament differenti mill-mod kif għandha tiġi pprovduta informazzjoni għal kuntratti qafas. Ir-riferiment għall-Artikolu 36(1) fid-domandi tal-qorti tar-rinviju għandu, għalhekk, jinftiehem bħala talba għal interpretazzjoni relazzjonali ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, minħabba li ż-żewġ dispożizzjonijiet li jirregolaw ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni – l-Artikolu 36 u l-Artikolu 41 – kienu interpretati mid-Direttiva b’riferiment għal xulxin.

21.      It-tieni, huwa ċar li t-terminu kuntrattwali inkwistjoni jirreferi – mill-aspett tad-Direttiva 2007/64 – għal għadd ta’ elementi pjuttost differenti. Jitkellem dwar “avviżi u dikjarazzjonijiet (b’mod partikolari informazzjoni dwar kontijiet, dikjarazzjonijiet dwar kontijiet, dikjarazzjonijiet dwar karti ta’ kreditu, avviżi ta’ tibdil, eċċ) […]” Madankollu, kif ikkonfermat mill-osservazzjonijiet orali u bil-miktub sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, din il-kawża fil-fatt tirrigwarda biss l-aħħar wieħed minn dawn l-elementi, jiġifieri “avviżi ta’ tibdil”, li huwa l-uniku element li potenzjalment jimplika tibdil għal kuntratti qafas.

22.      Id-dispożizzjoni tad-Direttiva 2007/64 rilevanti għal tibdil għal kuntratti qafas hija l-Artikolu 44. L-Artikolu 44(1) jistabbilixxi li “[k]walunkwe bidla fil-kuntratt qafas […] [għandha tkun proposta] mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas bl-istess mod kif stipulat fl-Artikolu 41(1) […]”. Għal dawn ir-raġunijiet nikkonkludi li d-dispożizzjonijiet rilevanti għall-finijiet ta’ din il-kawża huma l-Artikoli 41(1) u 44(1) tad-Direttiva 2007/64.

2.      Formulazzjoni tad-domandi magħmula

23.      Preżunzjoni li toħroġ mill-formulazzjoni tat-talba għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża hija l-eżistenza ta’ rabta bejn it-tip ta’ oġġett ta’ sostenn użat għal komunikazzjonijiet u l-mod kif l-informazzjoni tiġi kkomunikata. Il-fatt li mezz dejjiemi jeżisti jfisser neċessarjament li l-informazzjoni tkun “provduta”? Jekk l-informazzjoni ma tkunx ikkomunikata permezz ta’ mezz dejjiemi, hija tkun “tqiegħdet għad-dispożizzjoni” biss?

24.      Fl-opinjoni tiegħi dawn iż-żewġ elementi – it-tip ta’ oġġett ta’ sostenn użat għall-komunikazzjonijiet u l-mod kif l-informazzjoni tiġi kkomunikata – għandhom jitqiesu separatament. Il-mezz huwa kwistjoni separata mill-mod kif l-informazzjoni titwassal.

25.      Ma hemm xejn fid-Direttiva 2007/64 x’jindika li l-oġġett ta’ sostenn użat għall-informazzjoni u l-mod kif l-informazzjoni tiġi trażmessa għandhom imorru flimkien. Għall-kuntrarju, diversi premessi tad-direttiva jispjegaw li dawn huma żewġ kwistjonijiet differenti. Il-premessa 24 tgħid x’inhu “mezz dejjiemi” u tagħti eżempji tiegħu. Il-premessa 27 tistabbilixxi ż-żewġ modi kif l-informazzjoni tiġi kkomunikata skont id-Direttiva (“provduta” u “mqiegħda għad-dispożizzjoni”). Għalhekk huwa possibbli tkun prevista sitwazzjoni fejn l-informazzjoni, anki jekk tkun fuq “mezz dejjiemi”, ma tkunx effettivament “provduta” lill-konsumatur, iżda sempliċement tkun “tqiegħdet għad-dispożizzjoni”, kif juru diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva (5).

26.      Għal dawn ir-raġunijiet, iż-żewġ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jistgħu jiġu ssimplifikati u rriformulati kif ġej: (1) l-informazzjoni fil-kaxxa postali e-banking tikkostitwixxi informazzjoni fuq “mezz dejjiemi” u (2) din l-informazzjoni hija “provduta” mill-bank (kuntrarjament għal li sempliċement “mqiegħda għad-dispożizzjoni”)?

3.      Il-fatti kif stabbiliti mill-qorti nazzjonali

27.      Il-qorti tar-rinviju stabbilixxiet li, għall-finijiet ta’ dawn il-proċeduri, għandu jitqies li l-messaġġi elettroniċi kkomunikati mill-bank permezz tas-sistema e-banking tiegħu għall-kaxxa postali e‑banking ta’ klijenti ma jistgħux jiġu mmodifikati. Ma jitħassrux mill-bank qabel ma jkun għadda perijodu adegwat għall-għanijiet tal-informazzjoni. L-informazzjoni tista’ tiġi kkonsultata u riprodotta b’mod identiku (elettronikament jew stampata). Il-messaġġi jista’ jieħu ħsiebhom il-klijent, li jkun jista’ wkoll iħassarhom.

28.      Dawn id-dikjarazzjonijiet huma, madankollu, ikkontestati mill-Verein für Konsumenteninformation. Hija tqis li l-qorti tar-rinviju diġà qiegħda tipproċedi għal kwalifika legali tal-fatti.

29.      Hija ġurisprudenza stabbilita li proċeduri skont l-Artikolu 267 TFUE huma bbażati fuq separazzjoni ċara bejn il-funzjonijiet tal-qrati nazzjonali u tal-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa għall-qorti tar-rinviju biss li tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża quddiemha (6).

30.      F’din il-kawża l-qorti tar-rinviju qieset pjuttost b’mod dettaljat il-karatteristiċi tal-kaxxa postali u tas-sistema e-banking inkwistjoni. Għalhekk l-analiżi li ġejja fit-taqsima B.1 ta’ dawn il-konklużjonijiet għandha l-għan li tiċċara l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “mezz dejjiemi” skont id-Direttiva 2007/64.

31.      L-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja jqanqlu domandi li jirrigwardaw ir-rekwiżiti li sistemi ta’ komunikazzjoni bbażati fuq l-Internet għandhom jissodisfaw sabiex jitqiesu bħala “mezzi dejjiema”. F’dan l-isfond, anki jekk huwa biss għall-qorti nazzjonali li tevalwa, bħala elementi fattwali, il-karatteristiċi tekniċi tas-sistema e-banking inkwistjoni ta’ BAWAG f’din il-kawża, jistgħu jiġu pprovduti xi kriterji utli permezz tal-interpretazzjoni tad-definizzjoni ta’ “mezz dejjiemi” tad-Direttiva 2007/64.

B –    Analiżi

1.      Mezz dejjiemi

32.      Ir-rekwiżiti sostantivi sabiex oġġett ta’ sostenn jew mezz jitqiesu bħala “mezz dejjiemi” jinsabu fid-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 4(25) tad-Direttiva 2007/64: (a) huwa għandu jippermetti li informazzjoni indirizzata lill-klijent personalemt tinħażen b’mod aċċessibbli għal referenza futura għal perijodu ta’ żmien adegwat, u (b) huwa għandu jiggarantixxi r-riproduzzjoni mingħajr tibdil tal-informazzjoni maħżuna.

33.      Dawn l-istess elementi jinsabu wkoll f’diversi strumenti oħra ta’ leġiżlazzjonijiet sekondarji tal-Unjoni li jirreferu għall-kunċett ta’ “mezz dejjiemi”. Dan il-kunċett, maħluq għall-ewwel darba fid-Direttiva 97/7/KE fil-qasam ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (7), jipprovdi alternattiva għall-karta bħala l-oġġett ta’ sostenn jew il-mezz għal informazzjoni. Minkejja li d-Direttiva 97/7 ma kellhiex definizzjoni ta’ “mezz dejjiemi”, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat dak li dan il-kunċett kien jinftiehem b’mod uniformi fid-dritt tal-Unjoni billi straħet fuq l-elementi li kien hemm fid-definizzjoni ta’ “mezz dejjiemi” mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea f’testi leġiżlattivi oħra (8). L-elementi tad-definizzjoni msemmija fil-punt 32 iktar ’il fuq jinsabu wkoll f’leġiżlazzjoni sekondarja sussegwenti (9) u f’atti ta’ implementazzjoni (10).

34.      Il-komponenti bażiċi tad-definizzjoni – kapaċità ta’ ħażna u riproduzzjoni – jinsabu wkoll fi strumenti oħra li ma jirreferux espliċitament għall-kunċett ta’ “mezz dejjiemi”, bħad-Direttiva 2000/31/KE dwar il-kummerċ elettroniku (11).

a)      Mezzi dejjiema u l-Internet

35.      L-introduzzjoni tal-kunċett ta’ “mezz dejjiemi” u l-elementi tad-definizzjoni tiegħu jindikaw ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jirrikonċilja t-tensjoni bejn (i) il-ħtieġa ta’ aġġustament tal-evoluzzjoni tat-teknoloġija li tagħmel it-tranżazzjonijiet kummerċjali iktar mexxejja permezz tal-Internet u ta’ mezzi oħra ta’ komunikazzjoni elettronika, u (ii) il-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur permezz ta’ informazzjoni lill-konsumatur. Billi tagħmel l-oġġett ta’ sostenn bil-kitba ugwali għal “mezzi dejjiema” oħra f’sitwazzjonijiet speċifiċi, id-dritt tal-Unjoni jirrikonoxxi l-evoluzzjoni teknoloġika u l-interess ekonomiku kemm tal-klijenti kif ukoll tal-fornituri ta’ servizzi sabiex jeliminaw oġġetti ta’ sostenn li jużaw il-karti.

36.      Fl-istess waqt, madankollu, l-elementi tad-definizzjoni ta’ “mezz dejjiemi” – kapaċità ta’ ħażna u riproduzzjoni mingħajr tibdil – għandhom l-għan li jipproteġu lill-konsumaturi bħala l-parti iktar vulnerabbli f’relazzjonijiet kuntrattwali billi ma jħallux li tingħathalhom informazzjoni b’mod sempliċement effimeru (12) u billi ma jħallux li informazzjoni tinbidel b’mod unilaterali minn fornituri ta’ servizzi. Dawn il-karatteristiċi jfissru, fi kliem l-Avukat Ġenerali Mengozzi, “li l-informazzjoni tpoġġiet taħt il-kontroll tal-klijent, u ma għadhiex taħt il-kontroll tal-persuna li tipprovdiha” (13).

37.      Minkejja d-definizzjoni relattivament ċara tal-kunċett ta’ “mezz dejjiemi”, id-dibattitu f’din il-kawża huwa jekk il-messaġġi trażmessi permezz ta’ kaxxa postali e-banking humiex konformi mal-elementi ta’ “mezzi dejjiema” kif spjegat fil-punt 32 iktar ’il fuq.

38.      Bħala punt ta’ tluq, il-Verein für Konsumenteninformation tqis li siti e-mail u tal-Internet ma jistgħux jitqiesu bħala “mezzi dejjiema” minħabba li ma jistgħux jikkostitwixxu strument fiżiku ta’ ħażna.

39.      Fil-fehma tiegħi, dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

40.      Issa huwa ċar li l-kunċett ta’ “mezz dejjiemi” huwa ddefinit b’mod flessibbli. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset dan il-kunċett bħala “ekwivalenti funzjonali” għall-karta (14), sabiex b’hekk emanċipatu minn kull prekonċett dwar x’għandu jkun l-oġġett ta’ sostenn materjali tal-informazzjoni.

41.      Barra dan, ir-riferiment fl-Artikolu 4(25) tad-Direttiva 2007/64 għal “kwalunkwe strument” tikkonferma li “mezz dejjiemi” għandha tiġi ddefinita b’mod wiesgħa, mingħajr l-esklużjoni a priori ta’ kull mod potenzjali ta’ komunikazzjoni.

42.      Il-kunċett ta’ “mezz dejjiemi” huwa, għalhekk, indipendenti mill-istruttura fiżika jew mill-karatteristiċi hardware ta’ mezz jew oġġett ta’ sostenn. Għandu rabta, pjuttost, mal-karatteristiċi funzjonali li jirregolaw il-mod kif jopera u jippermettulu jissodisfa r-rekwiżiti ta’ kapaċità ta’ ħażna u ta’ riproduzzjoni mingħajr tibdil, fis-sens tal-Artikolu 4(25) tad-Direttiva. Għalhekk, sakemm dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti, it-tip u l-forma ta’ “mezz dejjiemi” jistgħu jinbidlu mal-evoluzzjoni ta’ possibbiltà teknika tul iż-żmien.

43.      Ċertament, l-evoluzzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni turi ċertu grad ta’ inċertezza fl-evalwazzjoni ta’ jekk komunikazzjoni bl-Internet tistax tissodisfa r-rekwiżiti ta’ “mezzi dejjiema”. Tabilħaqq, il-premessa 20 tad-Direttiva 2002/65 u l-Artikolu 2(12) tad-Direttiva 2002/92 huma pjuttost siekta dwar l-Internet, billi jgħidu li siti tal-Internet ma humiex koperti mill-kunċett ta’ “mezz dejjiemi” sakemm ma jissodisfawx il-kriterji tad-definizzjoni.

44.      Madankollu, il-premessa 23 tad-Direttiva 2011/83 telenka l-e‑mails fost l-eżempji ta’ mezzi dejjiema. Barra dan, id-Direttiva 2007/64 probabbli dawret l-approċċ ta’ skiet għal siti tal-Internet. Il-premessa 24 ta’ din id-direttiva issa espliċitament tinkludi bħala eżempju ta’ “mezzi dejjiema” dawk is-siti tal-Internet li “huma aċċessibbli għal referenza futura għal perijodu ta’ żmien adegwat għall-finijiet ta’ informazzjoni u jippermettu r-riproduzzjoni mingħajr tibdil ta’ l-informazzjoni maħżuna”.

45.      Fl-aħħar nett, il-kwalifika ta’ sit tal-Internet bħala “mezz dejjiemi” skont il-karatteristiċi funzjonali tiegħu kienet ikkonfermata wkoll mill-Qorti tal-EFTA fil-kawża Inconsult Anstalt vs Finanzmarktaufsicht (15), fil-kuntest ta’ kawża li kienet tinvolvi l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “mezz dejjiemi” skont id-Direttiva 2002/92. F’din il-kawża l-Qorti tal-EFTA ddikjarat li, filwaqt li siti web “ordinarji” ma jkunux konformi mar-rekwiżiti sabiex jitqiesu mezz dejjiemi (16), siti web “sofistikati” jistgħu jkunu, jekk dawn ikunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fid-definizzjoni applikabbli (17).

46.      F’dan l-istadju, il-konklużjoni għandha tkun li sistemi ta’ komunikazzjoni bbażati fuq l-Internet ma humiex per se esklużi milli jkunu “mezzi dejjiema”. Sabiex ikunu hekk, iżda, il-mod kif jiffunzjonaw u joperaw għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(25) tad-Direttiva 2007/64, imsemmija iktar ’il fuq, fil-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

b)      “Kaxxa postali e-banking” bħala mezz dejjiemi

47.      BAWAG u l-Kummissjoni jqisu, minħabba l-informazzjoni pprovduta fit-talba għal deċiżjoni preliminari, li l-kaxxa postali e‑banking inkwistjoni fil-fatt hija konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(25) tad-Direttiva.

48.      Għall-kuntrarju, il-Verein für Konsumenteninformation issostni li s-sistema e-banking inkwistjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti msemmija iktar ’il fuq minħabba li BAWAG innifsu jopera s-server li fih ikun hemm il-kaxxa postali. Għalhekk ma hemmx garanzija li l-informazzjoni li jkun hemm fil-kaxxa postali tibqa’ mhux mibdula. Barra dan, min jipprovdi s-servizz jista’ jimblokka l-aċċess għal min jużaha. Bl-istess mod il-gvern Pollakk iqis li e-mails u messaġġi trażmessi permezz ta’ e-banking jikkostitwixxu żewġ strumenti distinti minħabba li dawn tal-aħħar ġeneralment jippermettu lil dawk li jipprovdu servizzi ta’ ħlas jibdlu unilateralment il-messaġġi jew jimblokkaw l-aċċess, partikolarment wara t-tmiem ta’ kuntratt, sabiex b’hekk ma jkunx hemm garanzija ta’ riproduzzjoni identika tal-informazzjoni.

49.      Fl-opinjoni tiegħi, jekk kaxxa postali e-banking tistax titqies bħala “mezz dejjiemi” jew le jiddependi minn jekk ikunux issodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(25) tad-Direttiva 2007/64, li huwa għall-qorti nazzjonali li tevalwa fid-dawl tal-kriterji interpretattivi stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

50.      Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Content Services hija ta’ utilità limitata għal dawn il-finijiet. F’dik il-kawża, fil-kuntest tad-Direttiva 97/7, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li informazzjoni kkomunikata lill-konsumatur permezz biss ta’ hyperlink fuq sit web ma setgħetx titqies “medium li jservi” skont it-tifsira tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva (18). Il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, ma kellhiex l-opportunità tindirizza s-sitwazzjoni li fiha sit web jiżgura li informazzjoni tkun tista’ tinħażen, ikun hemm aċċess għaliha u tiġi riprodotta mill-konsumatur (19). Sitwazzjoni bħal din tqieset, madankollu, mill-Qorti tal-EFTA fil-kawża Inconsult Anstalt vs Finanzmarktaufsicht (20).

51.      Filwaqt li nieħu approċċ simili għal dak tal-Qorti tal-EFTA fil-kawża Inconsult Anstalt vs Finanzmarktaufsicht, inqis li tipi differenti ta’ arranġamenti tekniċi bħal sistemi ta’ kaxxa postali abbażi tal-Internet jistgħu, skont il-karatteristiċi u l-funzjonalitajiet tagħhom, ikunu konformi mar-rekwiżiti ta’ “mezzi dejjiema”.

52.      Mingħajr ma nipprova nkun eżawrjenti jew li nillimita l-firxa ta’ arranġamenti tekniċi eżistenti jew possibbli li jistgħu jkunu konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(25) tad-Direttiva 2007/64, fil-fehma tiegħi, kaxex postali e-banking jistgħu jitqiesu bħala “mezzi dejjiema” f’żewġ ipoteżijiet (21). L-ewwel, kaxxa postali e-banking tista’ titqies bħala li tissodisfa l-kundizzjonijiet li tkun “mezz dejjiemi” per se. It-tieni, tali sistema tista’ titqies li tikkostitwixxi mezz għat-trażmissjoni ta’ dokumenti elettroniċi, li, jekk ikunu pprovduti f’format xieraq, jistgħu jikkostitwixxu “mezzi dejjiema” fihom infushom. Id-domanda ewlenija fiż-żewġ ipoteżijiet hija jekk l-informazzjoni tkunx tista’ tinħażen għal perijodu adegwat u jekk ir-riproduzzjoni tagħha mingħajr tibdil tkunx iggarantita. Fiż-żewġ ipoteżijiet, madankollu, l-eżistenza ta’ “kaxxa postali” tippreżupponi spazju għall-ħażna indipendenti u sigur li min jużaha jkollu aċċess għaliha b’username u password.

53.      Fl-ewwel ipoteżi, kaxxa postali e-banking tikkostitwixxi sistema li tippermetti lill-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas jittrażmettu informazzjoni u tippermetti lil min juża servizzi ta’ ħlas jaħżen u jirriproduċi din l-informazzjoni. Madankollu, f’dan il-każ, il-funzjonijiet separati tal-kaxxa postali bħala “mezz dejjiemi”, minn naħa, u bħala “oġġett ta’ sostenn għall-ħażna”, min-naħa l-oħra, jiġu rfinati kunsiderevolment.

54.      Fir-rigward tar-rekwiżit ta’ kapaċità ta’ ħażna, l-informazzjoni għandha tkun aċċessibbli għal perijodu ta’ żmien adegwat għall-finijiet tal-informazzjoni kkonċernata, jiġifieri, sakemm tibqa’ rilevanti għal min juża servizzi ta’ ħlas għall-protezzjoni tal-interessi tiegħu b’rabta mal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas (22). Għalhekk il-perijodu li matulu tkun tista’ tinkiseb l-informazzjoni jista’ jvarja, skont il-kontenut ta’ dik l-informazzjoni u d-drittijiet u l-obbligi kuntrattwali milquta (23). Fir-rigward ta’ tibdil fil-kundizzjonijiet tal-kuntratt qafas, il-perijodu li jdum l-aċċess jista’ jkompli wara l-għeluq tal-kont jew it-tmiem tal-kuntratt sabiex min juża servizzi ta’ ħlas ikun jaf bid-drittijiet kuntrattwali tiegħu u, jekk ikun meħtieġ, ifittex rimedju.

55.      Ladarba l-kwistjoni tal-kapaċità ta’ ħażna ta’ informazzjoni għal perijodu adegwat tkun ġiet indirizzata, ir-rekwiżit ta’ “riproduzzjoni mingħajr tibdil” għandu wkoll ikun issodisfatt. Riproduzzjoni mingħajr tibdil tfisser li għandu jkun teknikament impossibbli għal min jipprovdi servizzi ta’ ħlas li unilateralment jibdel jew iħassar informazzjoni ladarba tkun intbagħtet lil min ikun ser jużaha (24). B’riżultat ta’ dan, kaxxa postali miżmuma mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas u amministrata minnu aktarx li ma tkunx konformi mar-rekwiżit li jiggarantixxi “riproduzzjoni mingħajr tibdil”, minħabba li teknikament tkun ikkontrollata mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas.

56.      Minkejja l-kumplessità li jidher li hemm fil-kuntest ta’ teknoloġiji ġodda, il-punt bażiku jibqa’ straordinarjament sempliċi: l-għan prinċipali tal-leġiżlazzjoni relatata ma’ informazzjoni lill-konsumatur fil-formazzjoni jew fil-modifika ta’ kuntratti huwa li l-konsumaturi jkunu mgħarrfa b’ċertu mod u li huma jżommu din l-informazzjoni f’format sikur għal finijiet ta’ prova għall-quddiem. Mingħajr la tiġi implikata ebda mala fide min-naħa tal-waħda jew l-oħra tal-partijiet kontraenti, “kaxxa postali” li tkun fil-kontroll tal-fornitur ta’ servizzi ma tistax, minnha nfisha, tiżgura li l-konsumaturi jkunu jistgħu jżommu informazzjoni mibgħuta f’dik il-kaxxa postali f’format sigur għal referenza jew użu fil-futur. B’mod analogu mal-epoka “previrtwali”, tali kaxxa postali tixbah sitwazzjoni li fiha l-klijenti kienu jingħataw verżjonijiet fuq il-karta tal-kuntratti tagħhom ma’ bank, iżda fi żmien meta dawk id-dokumenti kuntrattwali kollha kienu ta’ bilfors iridu jinħażnu f’kamra arkivju fil-bank stess. Anki jekk il-karta hija sa ċertu punt dejjiema, l-informazzjoni f’dawk id-dokumenti kuntrattwali arkivjati bilkemm setgħet tiġi kklassifikata, mill-aspett tal-klijent, bħala aċċessibbli għal referenza futura” u li kienet tippermetti “riproduzzjoni mingħajr tibdil” skont l-Artikolu 4(25) tad-Direttiva 2007/64.

57.      Hemm, madankollu, it-tieni ipoteżi msemmija iktar ’il fuq. Skont l-ewwel ipoteżi, u b’mod ugwali fl-osservazzjonijiet kważi kollha sottomessi f’din il-kawża, id-diskussjoni kkonċentrat fuq il-kwistjoni ta’ jekk il-kaxxa postali nfisha tistax titqies bħala “mezz dejjiemi”. Madankollu, din il-konċentrazzjoni tista’ tiżvija xi ftit. Kaxxa postali tista’ titqies bħala portal sabiex tingħata informazzjoni. F’din l-ipoteżi l-kaxxa postali ma titqiesx bħala oġġett ta’ sostenn għall-informazzjoni nfisha. Fi kliem ieħor, il-kaxxa postali ta’ sistema e-banking tista’ titqies bħala “passaġġ” li minnu tiġi trażmessa l-informazzjoni rilevanti fil-forma ta’ dokumenti elettroniċi. Jekk din l-ipoteżi tkun aċċettata, id-domanda ewlenija ma tkunx “liema huma l-parametri tekniċi tal-kaxxa postali?”, iżda x’aktarx “kif jidhru li huma l-messaġġi individwali li jintbagħtu fiha?”.

58.      Jekk wieħed jikkonċentra fuq il-format meħtieġ tal-informazzjoni pprovduta, l-informazzjoni personalment indirizzata lill-klijent għandha tingħata f’dokument elettroniku li l-format tiegħu jiggarantixxi r-riproduzzjoni mingħajr tibdil ta’ din l-informazzjoni. Bla ħsara għal soluzzjonijiet tekniċi possibbli, dan jista’ jiġi żgurat permezz ta’ format elettroniku, li, bħala prinċipju, ma jħallix li jkun hemm bidliet, u b’hekk jiggarantixxi livell raġonevoli ta’ awtentiċità tal-informazzjoni, jekk fil-futur il-klijent potenzjalment jistrieħ fuqha.

59.      Minħabba li, fit-tieni ipoteżi, il-kaxxa postali hija l-kanal għat-trażmissjoni ta’ dokumenti iżda mhux mezz fih innifsu ta’ ħażna, id-dokumenti elettroniċi għandhom ikunu jistgħu jinħażnu separatament b’mod li min jużaha jkun jista’ jniżżel u/jew jistampa d-dokument. Tabilħaqq, minħabba s-separazzjoni kunċettwali bejn il-kaxxa postali bħala passaġġ u l-mezz ta’ ħażna, ir-rekwiżit ta’ kapaċità ta’ ħażna jfisser, f’din l-ipoteżi, li l-kaxxa postali għandha ġġib informazzjoni li tgħaddi minnha u l-possibbiltajiet ta’ ħażna għall-attenzjoni tal-klijent permezz ta’ interface faċli għal min jużaha. Kif il-Qorti tal-EFTA enfasizzat, “hija għandha jkollha karatteristiċi li jwasslu lill-konsumatur kważi b’mod ċert sabiex jikseb l-informazzjoni fuq il-karta jew jerfagħha fuq mezz dejjiemi ieħor” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. (25)

60.      Meta l-informazzjoni rilevanti tkun ġiet trażmessa f’forma ta’ dokument elettroniku li jikkostitwixxi “mezz dejjiemi” fih innifsu, il-possibbiltà li d-dokument elettroniku jinħażen fil-hard-drive personali jew jiġi kkonservat bħala kopja stampata f’fajl personali mill-klijent, għandha, bħala prinċipju, tissodisfa l-kriterju temporali relatat mal-aċċessibbiltà tal-informazzjoni maħżuna. Madankollu, għandu jiġi nnutat li, meta jistabbilixxi “kaxxa postali”, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ikun qiegħed joħloq dak li jidher li jkun spazju indipendenti b’ċerta kapaċità ta’ ħażna għall-konsumatur. Dan ifisser li t-tul ta’ żmien ta’ aċċessibbiltà għall-messaġġi fil-forma ta’ dokumenti elettroniċi fil-kaxxa postali nfisha għandu jkun adegwat għall-finijiet tal-informazzjoni kkonċernata sakemm ma jkunx indikat ċar lill-klijent li d-dokument elettroniku jkun jista’ jinħażen fil-kaxxa postali e-banking temporanjament biss u li ser jitneħħa wara perijodu ta’ żmien raġonevoli ddikjarat espliċitament.

61.      Għalhekk, fil-fehma tiegħi, ir-rekwiżit ta’ informazzjoni fuq “mezz dejjiemi” skont l-Artikolu 4(25) tad-Direttiva 2007/64 jitħares jekk l-informazzjoni tiġi offruta lill-klijenti f’format faċilment aċċessibbli u sigur permezz ta’ kaxxa postali elettronika u fejn il-klijenti jkunu liberi jamministraw dik l-informazzjoni bil-mod li huma jqisu adattat. B’paragun ma’ uffiċċju tal-posta: kaxxa postali hija effettivament l-istess bħal “ittra” li tingħata lill-klijent. X’jagħmel biha l-klijent individwali – jekk jerfagħhiex jew jarmiha – hija għalkollox biċċa tiegħu.

62.      Fl-aħħar nett, ta’ min iżid ukoll li ż-żewġ ipoteżijiet deskritti fil-qosor iktar ’il fuq ma jeskludux lil xulxin b’mod reċiproku. Ċertament, sabiex ikun hemm konformità, fl-opinjoni tiegħi, mar-rekwiżiti ta’ komunikazzjoni permezz ta’ “mezz dejjiemi”, għall-inqas għandu jkun hemm waħda miż-żewġ ipoteżijiet. Madankollu, il-karatteristiċi tekniċi taż-żewġ alternattivi jistgħu jkunu flimkien. Pereżempju, sistema ta’ e‑banking li tiggarantixxi lil min juża s-servizz kontroll fuq il-kaxxa postali tiegħu u li ma tħallix lil min jipprovdi servizzi milli unilateralment jimmodifika jew iħassar il-kontenut, tista’ fl-istess waqt taħdem bħala l-passaġġ li permezz tiegħu titwassal informazzjoni rilevanti permezz ta’ dokumenti elettroniċi f’format li jiggarantixxi li ma jinbidlux u li jkollhom il-kapaċità li jinħażnu, u li tippermetti lil min jużaha jerfa’ d-dokument billi jistampah jew iniżżlu.

63.      B’riżultat ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, fil-fehma tiegħi l-Artikolu 44(1) flimkien mal-Artikolu 41(1) u l-Artikolu 4(25) tad-Direttiva 2007/64 għandhom jiġu interpretati li jfissru li l-informazzjoni trażmessa minn fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas għall-kaxxa postali e‑banking tal-klijent tikkostitwixxi informazzjoni fuq “mezz dejjiemi”, bil-kundizzjoni li l-kaxxa postali e-banking tkun tippermetti lil min juża servizzi ta’ ħlas jaħżen informazzjoni indirizzata lilu personalment b’mod li din tkun aċċessibbli għal referenza futura għal perijodu ta’ żmien adegwat fid-dawl tal-finijiet tal-informazzjoni. Barra dan hija għandha tippermetti r-riproduzzjoni mingħajr tibdil tal-informazzjoni maħżuna, sabiex b’hekk il-fornitur ta’ servizzi ma jitħalliex ikollu aċċess, ibiddel jew iħassar dik l-informazzjoni. Kaxxa postali e-banking tista’ wkoll tikkostitwixxi kanal adattat għat-trażmissjoni ta’ informazzjoni fil-forma ta’ dokumenti elettroniċi jekk dawn id-dokumenti nfushom ikunu konformi mar-rekwiżiti li jagħmluhom “mezz dejjiemi” u jekk tali sistema tħeġġeġ lil min jużaha sabiex jaħżen elettronikament u/jew jistampa dawn id-dokumenti permezz ta’ funzjoni aċċessibbli faċilment.

2.      Informazzjoni “provduta” jew “mqiegħda għad-dispożizzjoni”

64.      Fil-każ li l-qorti nazzjonali ssib li l-kaxxa postali e-banking inkwistjoni jew l-informazzjoni pprovduta fiha jissodisfaw ir-rekwiżiti sabiex jitqiesu “mezz dejjiemi”, ikun għad jonqos jiġi aċċertat jekk l-informazzjoni dwar “avviżi ta’ tibdil” tistax titqies bħala li tkun “provduta” skont l-Artikolu 41(1) tad-Direttiva 2007/64.

65.      Kif diġà ġie deskritt fil-qosor iktar ’il fuq fil-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-Direttiva 2007/64 tistabbilixxi żewġ sistemi differenti ta’ komunikazzjoni b’rekwiżiti differenti.

66.      Kif il-gvern Taljan korrettament indika fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, it-terminoloġija differenti użata fl-Artikoli 36 u 37 (informazzjoni “mqiegħda għad-dispożizzjoni”), kuntrarjament għall-Artikoli 41 u 42 (informazzjoni li tiġi “provduta”) tad-Direttiva 2007/64 tesprimi żewġ standards differenti ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni għal min juża servizzi ta’ ħlas. Meta d-Direttiva tuża l-verb “ipprovda”, fil-fehma tiegħi hija tkun qiegħda tirreferi għal obbligu msaħħaħ ta’ informazzjoni.

67.      Informazzjoni relatata ma’ tibdil fil-kundizzjonijiet ta’ kuntratti qafas, li hija l-kwistjoni f’din il-kawża, hija rregolata mill-Artikolu 44(1) tad-Direttiva 2007/64. Din id-dispożizzjoni tgħid fl-ewwel paragrafu tagħha li kwalunkwe bidla fil-kuntratt qafas, kif ukoll l-informazzjoni u l-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 42, għandhom ikunu proposti mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas bl-istess mod kif stipulat fl-Artikolu 41(1) u mhux iktar tard minn xahrejn qabel id-data tal-applikazzjoni proposta tagħhom. L-informazzjoni għandha tiġi “provduta” skont l-Artikolu 41(1) tad-direttiva.

68.      Il-premessa 27 tad-Direttiva 2007/64 tagħti gwida siewja dwar it-termini “provduta” u “mqiegħda għad-dispożizzjoni”. Skont din il-premessa, informazzjoni tkun “provduta” jekk tiġi “attivament komunikata mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas fil-ħin adatt […] mingħajr l-ebda talba ulterjuri min-naħa ta’ l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas”.

69.      Meta informazzjoni “titqiegħed għad-dispożizzjoni”, min jużaha għandu jieħu rwol iktar attiv billi jitlob għall-informazzjoni mingħand il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas. Il-premessa 27 tad-Direttiva 2007/64 tagħti l-eżempji li ġejjin ta’ “tqegħid għad-dispożizzjoni”: min jużaha jitlobha espliċitament minn mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas, jilloggja f’kaxxa postali ta’ kont tal-bank, jew idaħħal kard tal-bank fi printer għal dikjarazzjonijiet dwar il-kont. Għalhekk, il-kunċett ta’ “tqegħid għad-dispożizzjoni” jipprospetta rwol iktar attiv għal min juża servizzi ta’ ħlas, li għandu jitlob lill-fornitur ta’ servizzi sabiex itih l-informazzjoni.

70.      Il-fatt li l-premessa 27 tirreferi għal “jilloggja f’kaxxa postali ta’ kont tal-bank” bħala eżempju ta’ informazzjoni li “titqiegħed għad-dispożizzjoni” ma huwiex, kuntrarjament għal dak li tgħid il-qorti tar-rinviju, f’kontradizzjoni mal-premessa 24 tad-Direttiva, li ssemmi siti tal-Internet possibbilment bħala “mezzi dejjiema”. Il-fatt li kaxxa postali e-banking tista’ tkun konformi mal-kundizzjonijiet sabiex titqies bħala “mezz dejjiemi” ma jwassalx għall-konklużjoni li din l-informazzjoni tkun ġiet “provduta” mill-bank lill-klijent. Kif kien spjegat iktar ’il fuq fil-punti 23 sa 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-għajnuna li biha l-informazzjoni tiġi pprovduta hija separata mill-mod li bih l-informazzjoni tiġi trażmessa.

71.      L-inklużjoni ta’ “kaxxa postali ta’ kont tal-bank” bħala eżempju ta’ informazzjoni li “titqiegħed għad-dispożizzjoni” skont il-premessa 27 tad-Direttiva hija mmotivata preċiżament mill-karatteristiċi speċifiċi ta’ komunikazzjoni permezz ta’ sistemi ta’ e-banking.

72.      Għall-BAWAG (kif ukoll għall-qorti tar-rinviju), dak li huwa deċiżiv huwa li jiġi ddeterminat min ikun ħa l-inizjattiva sabiex l-informazzjoni tiġi kkomunikata. Skont din is-sottomissjoni, minħabba li l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ikun ħa l-inizjattiva li jittrażmetti l-informazzjoni permezz tal-kaxxa postali e-banking lill-klijent, l-informazzjoni tkun ġiet “provduta” skont l-Artikolu 41(1) tad-Direttiva 2007/64.

73.      Jiena ma naqsamx din il-fehma. Fl-opinjoni tiegħi, l-inizjattiva ġenerali ma hijiex il-fattur uniku jew konklussiv sabiex ikun aċċertat jekk l-informazzjoni tkunx ġiet “provduta” jew sempliċement “tqiegħdet għad-dispożizzjoni”. Dak li huwa iktar importanti huwa t-trażmissjoni effettiva tal-informazzjoni. L-informazzjoni għandha titlaq mill-pussess tal-fornitur ta’ servizzi sabiex tgħaddi f’dak ta’ min ikun irid jużaha sabiex isir jaf biha. B’riżultat ta’ dan, anki jekk l-inizjattiva tat-trażmissjoni tal-informazzjoni permezz ta’ kaxxa postali e-banking interna tkun tiddependi mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas, dan il-kanal fih innifsu ma jiżgurax, bħala tali, li l-informazzjoni tkun effettivament ġiet trażmessa għal għand il-klijent sabiex b’hekk isir jaf biha.

74.      Lura għall-analoġija użata diġà mad-“dinja previrtwali”, kaxxa postali e-banking amministrata mill-fornitur ta’ servizzi tixbah ħafna lil kaxxa postali f’uffiċċju tal-posta jew lil kaxxa ta’ sigurtà personali li tkun tinsab fil-bini ta’ bank. Fin-nuqqas ta’ notifika jew twissija, ittri mqiegħda f’tali kaxxa u indirizzati lill-klijent ftit li xejn jistgħu jitqiesu li jkunu waslu fil-pussess personali tal-klijent.

75.      Naqbel mal-gvern Pollakk li għandu jkun hemm distinzjoni bejn e-mail personali u l-inbox interna ta’ sistema e-banking. Kont b’e-mail illum jikkostitwixxi mod regolari u normali ta’ komunikazzjoni u jifforma parti mill-ħajja ta’ kuljum ta’ kważi l-konsumaturi medji kollha. Għall-kuntrarju, anki jekk eventwalment tkun tista’ tiġi assimilata teknikament għal e-mail, għalkemm b’xi riżervi, il-kaxxa postali ta’ sistema e-banking bilkemm tista’ titqabbel ma’ mezz użat regolarment għal komunikazzjonijiet ġenerali u ta’ kuljum ta’ konsumaturi. Hija tikkostitwixxi ambjent partikolari għar-relazzjoni tagħhom ma’ entità speċifika (jiġifieri, f’dan il-każ, bank) fil-qafas speċifiku tal-operazzjonijiet bankarji tagħhom. Tipikament, ma tippermettix, madankollu, komunikazzjonijiet ġenerali ma’ partijiet terzi oħra. Barra dan, ma huwiex raġonevolment mistenni li l-konsumaturi jikkonsultaw kuljum sistemi dejjem jiżdiedu ta’ komunikazzjoni elettronika ta’ kull fornitur ta’ servizzi fid-diversi relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom.

76.      Bħala riżultat, informazzjoni li titqiegħed f’kaxxa postali e‑banking, anki b’inizjattiva tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas, ma titlaqx mill-pussess partikolari tal-bank sabiex tidħol f’dak ta’ strumenti ta’ komunikazzjoni regolari użati minn klijenti fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. F’dan is-sens l-informazzjoni ma tkunx “provduta”.

77.      Dan huwa iktar u iktar minnu meta, jekk ikun mgħarraf skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 44(1) (jekk maqbul, skont l-Artikolu 42(6)(a) tad-Direttiva), il-konsumatur jitqies li jkun aċċetta tibdil fil-kundizzjonijiet ta’ kuntratt qafas jekk ma jinnotifikax lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas li ma jaċċettahomx qabel id-data proposta għad-dħul fis-seħħ tagħhom. Kif jissuġġerixxi l-gvern Pollakk, jekk dik l-informazzjoni tiġi kkomunikata biss permezz ta’ kaxxa postali e‑banking interna, ikun possibbli, jew anki wisq probabbli, li klijenti ma jkunux jafu li jkun hemm informazzjoni importanti ġdida għalihom.

78.      Madankollu, għal finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi nnotat li jistgħu jintużaw soluzzjonijiet tekniċi oħra sabiex ikun żgurat li l-informazzjoni tkun effettivament “provduta” minn fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas lil dawk li jużawhom.

79.      Fil-fehma tiegħi, jista’ jkun hemm il-“provvista” ta’ informazzjoni bħala riżultat ta’ operazzjoni ta’ “żewġ stadji”. Tista’ tiġi stabbilita sistema li tiżgura li jintbagħat avviż jew twissija fl-indirizz e‑mail privat tal-klijent (jew messaġġ testwali fis-sistema telefonika personali tiegħu, jew anki sempliċi ittra ta’ twissija), sabiex il-klijent ikun jaf li jkun hemm messaġġi ġodda disponibbli fil-kaxxa postali e‑banking tiegħu. Proċedura bħal din tkun, fil-fehma tiegħi, komplement adattat għal informazzjoni kkomunikata permezz ta’ kaxxa postali e-banking b’mezz dejjiemi sabiex tikkostitwixxi “provvista” ta’ informazzjoni. Dan it-tip ta’ soluzzjoni teknika jiżgura l-provvista effettiva ta’ informazzjoni lil min juża servizzi ta’ ħlas u jippreżerva, fl-istess waqt, il-benefiċċji tas-sistema ta’ kaxxa postali e-banking, bħall-possibbiltà li jiġi żgurat ir-rikonoxximent ta’ rċevuta.

80.      Ma naħsibx li jekk isir hekk ikun kuntrarju għal dak li kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Content Services. Huwa minnu li, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, meta informazzjoni li tkun tinsab f’sit web il-klijent ikun jista’ jkollu aċċess għaliha permezz ta’ link mibgħut lilu b’e-mail, din l-informazzjoni la tkun “provduta” lil dak il-konsumatur, u lanqas ma tkun “riċevuta” minnu, skont it-tifsira tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 97/7 (26). Madankollu, mhux biss l-għan tad-Direttiva 97/7 huwa differenti minn dak tad-Direttiva 2007/64, iżda anki l-kliem tad-dispożizzjonijiet rilevanti f’kull waħda minn dawn l-istrumenti ma jidhirx li jsegwi l-istess tifsila (27). Barra dan, iċ-ċirkustanzi fil-kawża Content Services, fejn l-informazzjoni kienet intbagħtet biss permezz ta’ link għal sit web u li ma kinitx tissodisfa l-kriterji li jikkostitwixxu “mezz dejjiemi”, kienu wkoll radikalment differenti miċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża (28).

81.      Naqbel mal-qorti tar-rinviju, jiġifieri ma naħsibx li l-għadd ta’ klikks (tal-maws) meħtieġa għall-aċċess għall-informazzjoni rilevanti għandu jiddetermina jekk din l-informazzjoni kinitx “provduta” jew le. Wara kollox, fir-rigward ta’ kuntratti qafas skont id-Direttiva 2007/64, ikun hemm ftehim bejn il-klijent u l-bank li l-komunikazzjoni ser issir permezz ta’ kaxxa postali e-banking. Meta wieħed jikklikkja diversi drabi jew anki jittajpja user name u password ma jkunx qiegħed jagħmel azzjonijiet li jmorru lil hinn minn dak li jkun mistenni minn klijenti sabiex jirċievu informazzjoni mibgħuta lilhom.

82.      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni argumentat billi ssuġġerixxiet li, minħabba li min juża servizzi ta’ ħlas ikun ftiehem li jirċievi informazzjoni permezz tal-kaxxa postali e-banking, l-istadji meħtieġa għal dħul fil-kaxxa postali ma għandhomx jitqiesu bħala li jikkostitwixxu l-inizjattiva tal-klijent. Dan l-argument għandu żewġ konsegwenzi: l-ewwel, kull komunikazzjoni permezz tal-kaxxa postali interna għandha titqies bħala “provduta”. It-tieni, konsumaturi jkunu effettivament liberi, billi jiffirmaw ftehim ta’ sistema e-banking, sabiex “itemmu kuntratt” ta’ protezzjoni previst mid-Direttiva 2007/64.

83.      Fl-opinjoni tiegħi dan l-argument għandu jiġi miċħud.

84.      Kif tgħid il-premessa 20 tad-Direttiva 2007/64, il-konsumaturi u l-impriżi ma humiex fl-istess pożizzjoni u ma għandhomx bżonn l-istess livell ta’ protezzjoni. Filwaqt li tirrikonoxxi r-realtà ta’ pożizzjonijiet ta’ negozjar inugwali b’mod inerenti, din il-premessa tkompli tgħid li huwa importanti li d-drittijiet tal-konsumatur ikunu ggarantiti b’dispożizzjonijiet li ma jkunx jista’ jkun hemm deroga minnhom b’kuntratt (29). Mingħajr ma nixtieq inkun wisq paternalistiku lejn il-konsumaturi, dan fil-fatt huwa eżattament il-qofol tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur.

85.      Filwaqt li hu hekk, allura skont l-Artikolu 42(4)(a) tad-direttiva, il-partijiet jistgħu jiftiehmu dwar il-mezzi ta’ komunikazzjoni għat-trażmissjoni ta’ informazzjoni jew notifiki. F’dan ir-rigward, il-premessa 24 tgħid li “għandu jkun possibbli li l-fornitur tas-servizzi ta’ ħlas u l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas jiftiehmu fil-kuntratt qafas dwar il-mod li bih tingħata l-informazzjoni sussegwenti dwar transazzjonijiet ta’ ħlas li saru […], per eżempju, li fl-Internet-banking l-informazzjoni kollha dwar il-kont tal-ħlas issir disponibbli on-line”. Madankollu, din id-dikjarazzjoni, dwar “il-mod li bih tingħata l-informazzjoni sussegwenti dwar transazzjonijiet ta’ ħlas li saru”, la tolqot ir-rekwiżiti dwar informazzjoni ġenerali minn qabel kif stabbilit fl-Artikolu 41(1) u lanqas obbligi ta’ informazzjoni relatati ma’ tibdil fil-kuntratti qafas skont l-Artikolu 44 tad-Direttiva 2007/64.

86.      Barra dan, derogi minn rekwiżiti ta’ informazzjoni stabbiliti fit-Titolu III tad-Direttiva 2007/64 huma espliċitament ipprovduti fl-Artikolu 34. Din id-dispożizzjoni tirreferi biss, skont it-titolu tagħha, għal strumenti ta’ ħlas ta’ valur baxx u flus elettroniċi. Skont l-Artikolu 34(1)(b) tad-Direttiva, derogi bi ftehim mir-rekwiżiti ta’ informazzjoni tal-Artikolu 44 ikunu permessi biss f’dan il-qafas speċifiku (30). Barra dan, l-informazzjoni li għandha tingħata dwar tibdil għal kuntratti qafas skont l-Artikolu 44(1) ma tippermetti li jkun hemm ebda modifika permezz ta’ ftehim, bħalma huwa l-każ ta’ tibdiliet fir-rati ta’ mgħax jew tal-kambju, bla ħsara għas-sistema speċifika tal-Artikolu 44(2) tad-Direttiva 2007/64.

87.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet jiena tal-fehma li l-Artikolu 44(1), flimkien mal-Artikolu 41(1), tad-Direttiva 2007/64 għandhom jiġu interpretati li jfissru li informazzjoni dwar tibdil għal kuntratt qafas tranżmessa minn fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas permezz biss ta’ kaxxa postali e-banking ma tkunx “provduta” skont l-Artikolu 41(1) ta’ din id-direttiva, iżda sempliċement tkun “mqiegħda għad-dispożizzjoni” ta’ min juża servizzi ta’ ħlas.

V –  Konklużjoni

88.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tagħti risposta għad-domandi preliminari magħmula mill-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija) kif ġej:

1)         L-Artikolu 44(1) flimkien mal-Artikolu 41(1) u l-Artikolu 4(25) tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE, għandhom jiġu interpretati li jfissru li l-informazzjoni trażmessa minn fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas għall-kaxxa postali e-banking tal-klijent tikkostitwixxi informazzjoni fuq “mezz dejjiemi”, bil-kundizzjoni li l-kaxxa postali e-banking tkun tippermetti lil min juża servizzi ta’ ħlas jaħżen informazzjoni indirizzata lilu personalment b’mod li din tkun aċċessibbli għal referenza futura għal perijodu ta’ żmien adegwat fid-dawl tal-finijiet tal-informazzjoni. Barra dan hija għandha tippermetti r-riproduzzjoni mingħajr tibdil tal-informazzjoni maħżuna, sabiex b’hekk il-fornitur ta’ servizzi ma jitħalliex ikollu aċċess, ibiddel jew iħassar dik l-informazzjoni. Kaxxa postali e-banking tista’ wkoll tikkostitwixxi kanal adattat għat-trażmissjoni ta’ informazzjoni fil-forma ta’ dokumenti elettroniċi jekk dawn id-dokumenti nfushom ikunu konformi mar-rekwiżiti li jagħmluhom “mezz dejjiemi” u jekk tali sistema tħeġġeġ lil min jużaha sabiex jaħżen elettronikament u/jew jistampa dawn id-dokumenti permezz ta’ funzjoni aċċessibbli faċilment.

2)         L-Artikolu 44(1) flimkien mal-Artikolu 41(1) tad-Direttiva 2007/64 għandhom jiġu interpretati li jfissru li l-informazzjoni dwar tibdil għal kuntratt qafas tranżmessa minn fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas permezz biss ta’ kaxxa postali e‑banking ma tkunx “provduta” skont l-Artikolu 41(1) ta’ din id-direttiva, iżda sempliċement “mqiegħda għad-dispożizzjoni” ta’ min juża servizzi ta’ ħlas.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU 2007 L 319, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2007/64”). Id-Direttiva 2007/64 ser titħassar u tiġi ssostitwita, b’effett mit-13 ta’ Jannar 2018, mid-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU 2015 L 337, p. 35).


3 – Ara s-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2012, Content Services (C‑49/11, EU:C:2012:419). Dwar l-interpretazzjoni tal-kliem “fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor” fil-kuntest tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66), ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Home Credit Slovakia (C‑42/15, EU:C:2016:431). Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha wkoll l-opportunità tinterpreta l-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussel I”), li jagħmel riferiment għal “komunikazzjoni b’mezzi elettroniċi li tipprovdi meżż dewwiemi […]” fis-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015 fil-kawża El Majdoub (C‑322/14, EU:C:2015:334).


4 – Ara l-Artikolu 1(2) u l-premessa 18.


5 – Pereżempju, l-Artikolu 43 jgħid li l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas għandu jkollu d-dritt li jirċievi t-termini kuntrattwali meta jitlobhom (għalhekk l-inizjattiva tkun tal-konsumatur) “bil-miktub jew fuq strument dejjiemi ieħor”.


6 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-18 ta’ Frar 2016 fil-kawża Finanmadrid EFC (C‑49/14, EU:C:2016:98, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tat-3 ta’ Settembru 2015 fil-kawża Costea (C‑110/14, EU:C:2015:538, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).


7 – Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Mejju 1997, dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 319), imħassra mid-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2011, dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011 L 304, p. 64). L-Artikolu 5 tad-Direttiva 97/7 jistabbilixxi li l-konsumatur għandu jirċievi konferma bil-miktub jew konferma “f’medium ieħor li jservi” li jkun aċċessibbli għalih, tal-informazzjoni li tkun ngħatat qabel, li saret referenza għaliha fl-Artikolu 4(1)(a) sa (f) ta’ din id-direttiva.


8 – Sentenza tal-5 ta’ Lulju 2012, Content Services (C‑49/11, EU:C:2012:419, punt 44). Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għall-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Settembru 2002, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 97/7/KE u 98/27/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 321); għall-Artikolu 2(12) tad-Direttiva 2002/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Diċembru 2002, dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 330); għall-Artikolu 3(m) tad-Direttiva 2008/48 u għall-Artikolu 2(10) tad-Direttiva 2011/83.


9 – Ara, pereżempju, l-Artikolu 2(1)(h) tad-Direttiva 2008/122/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Jannar 2009, dwar il-protezzjoni tal-konsumatur rigward ċerti aspetti ta’ kuntratti ta’ timeshare, kuntratti dwar prodotti ta’ vaganza għal perijodu fit-tul, kuntratti ta’ bejgħ mill-ġdid u kuntratti ta’ skambju (ĠU 2009 L 33, p. 10); l-Artikolu 2(1)(m) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU 2009 L 302, p. 32); l-Artikolu 2(17) tad-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Lulju 2014, dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi (ĠU 2014 L 257, p. 214); l-Artikolu 4(1)(62) tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Mejju 2014, dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU 2014 L 173, p. 349); u l-Artikolu 2(1)(18) tad-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Jannar 2016, dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (riformulazzjoni) (ĠU 2016 L 26, p. 19).


10 – Ara, pereżempju, l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/73/KE, tal-10 ta’ Awwissu 2006, li timplimenta d-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-rekwiżiti organizzattivi u l-kundizzjonijiet ta’ ħidma tal-kumpaniji tal-investiment u t-termini definiti għall-għanjiet ta’ dik id-direttiva (ĠU 2008 L 338M, p. 463).


11 – Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399), li l-Artikolu 10(3) tagħha jipprovdi li “[t]ermini ta’ kuntratt u kundizzjonijiet ġenerali ipprovduti lil dak li jirċievi għandhom ikunu disponibbli b’tali mod li jippermettulu li jżommhom u wkoll li jkun jista’ jirriproduċihom.”


12 – Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Home Credit Slovakia (C‑42/15, EU:C:2016:431, punt 24).


13 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Content Services (C‑49/11, EU:C:2012:126, punt 42).


14 – Sentenza tal-5 ta’ Lulju 2012, Content Services (C‑49/11, EU:C:2012:419, punti 40 u 42).


15 – Sentenza tas-27 ta’ Jannar 2010, E-4/09 Rapport tal-Qorti tal-EFTA 2010, p. 86.


16 – Il-Qorti tal-EFTA kkonstatat, fil-punt 63 tas-sentenza tagħha tas-27 ta’ Jannar 2010, Inconsult Anstalt vs Finanzmarktaufsicht (E-4/09, Rapport tal-Qorti tal-EFTA 2010, p. 86), li “sit web ordinarju” – li jservi bħala fonti jew portal elettroniku dinamiku sabiex tingħata informazzjoni li, ġeneralment, tista’ tinbidel liberament mill-proprjetarju tas-sit web – ma jissodisfax ir-rekwiżiti sabiex tiġi ggarantita r-riproduzzjoni mingħajr tibdil u, għalhekk, ma jistax jitqies bħala mezz dejjiemi.


17 – Din id-distinzjoni tinsab fir-Rapport tal-2007 tal-Grupp Espert tas-Swieq Ewropej tat-Titoli (GESET) “Dwar il-mezz dejjiemi- id-Direttiva dwar Tqegħid fis-Suq b’Distanza u d-Direttiva dwar Swieq fi Strumenti Finanzjarji”, li jinsab fi http://ec.europa.eu/finance/securities/docs/esme/durable_medium_en.pdf.


18 – Sentenza tal-5 ta’ Lulju 2012, Content Services (C‑49/11, EU:C:2012:419, punt 51).


19 – Sentenza tal-5 ta’ Lulju 2012, Content Services (C‑49/11, EU:C:2012:419, punt 46).


20 – Sentenza tal-Qorti tal-EFTA tas-27 ta’ Jannar 2010, Inconsult Anstalt vs Finanzmarktaufsicht, (E-4/09, Rapport tal-Qorti tal-EFTA 2010, p. 86).


21 – Is-sentenza tal-Qorti tal-EFTA tas-27 ta’ Jannar 2010, Inconsult Anstalt vs Finanzmarktaufsicht (E-4/09, Rapport tal-Qorti tal-EFTA 2010, p. 86), identifikat dawk iż-żewġ ċirkustanzi fil-kuntest ta’ siti web, b’mod ġenerali. Ara l-punt 64 et seq. ta’ dik is-sentenza.


22 – Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-EFTA tas-27 ta’ Jannar 2010, Inconsult Anstalt vs Finanzmarktaufsicht (E-4/09, Rapport tal-Qorti tal-EFTA 2010, p. 86, punt 44).


23 – Ibid.


24 – Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-EFTA tas-27 ta’ Jannar 2010, Inconsult Anstalt vs Finanzmarktaufsicht (E-4/09, Rapport tal-Qorti tal-EFTA 2010, p. 86, punt 66).


25 – Sentenza tal-Qorti tal-EFTA tas-27 ta’ Jannar 2010, Inconsult Anstalt vs Finanzmarktaufsicht (E-4/09, Rapport tal-Qorti tal-EFTA 2010, p. 86, punti 64 u 65).


26 – Sentenza tal-5 ta’ Lulju 2012, Content Services (C‑49/11, EU:C:2012:419, punt 37).


27 – Il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikoli 5(1) u 4(1) tad-Direttiva 97/7 jużaw termini differenti meta mqabbla mal-kliem tal-Artikoli 41(1) u 36(1) tad-Direttiva 2007/64. Ara s-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2012, Content Services (C‑49/11, EU:C:2012:419, punt 35).


28 – Ara s-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2012, Content Services (C‑49/11, EU:C:2012:419, punt 46).


29 – Din il-premessa tkompli tgħid li, madankollu, huwa raġonevoli li l-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet jitħallew jiftiehmu mod ieħor. Madankollu, l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibiltà li jipprovdu li l-mikrointrapriżi għandhom ikunu trattati bl-istess mod bħall-konsumaturi.


30 – Skont din id-dispożizzjoni deroga tista’ tkun prevista biss fir-rigward ta’ “transazzjonijiet ta’ ħlas individwali li ma jeċċedux l-EUR 30 jew li għandhom limitu ta’ nfiq ta’ EUR 150 jew li jaħżnu fondi li fl-ebda ħin ma [jeċċedu] l-EUR 150”. Dawn il-limiti jistgħu jitnaqqsu jew jirdoppjaw għal tranżazzjonijiet ta’ ħlas nazzjonali, u jistgħu jiżdiedu fil-każ ta’ strumenti ta’ ħlas imħallsa minn qabel, skont l-Artikolu 34(2).