Language of document : ECLI:EU:C:2016:421

Kawża C‑586/14

Vasile Budișan

vs

Administrația Județeană a Finanțelor Publice Cluj

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Cluj)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxi interni – Artikolu 110 TFUE – Taxxa miġbura minn Stat Membru fuq il-karozzi waqt l-ewwel reġistrazzjoni jew l-ewwel trasferiment tad-dritt ta’ proprjetà – Newtralità fiskali bejn il-karozzi użati minn Stati Membri oħra u l-karozzi simili disponibbli fis-suq nazzjonali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tad-9 ta’ Ġunju 2016

1.        Dispożizzjonijiet fiskali – Taxxi interni – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bejn merkanzija importata u merkanzija nazzjonali simili – Prodotti simili – Kunċett – Karozzi użati preżenti fis-suq ta’ Stat Membru u karozzi użati importati tal-istess tip, tal-istess karatteristiċi u ta’ deprezzament indaqs – Inklużjoni

(Artikolu 110 TFUE)

2.        Dispożizzjonijiet fiskali – Taxxi interni – Taxxa fuq il-karozzi użati importati mal-ewwel reġistrazzjoni tagħhom fi Stat Membru u l-vetturi diġà rreġistrati fl-imsemmi Stat Membru mal-ewwel trasferiment f’dan l-Istat tad-dritt ta’ proprjetà fuq dawn tal-aħħar – Ammissibbiltà

(Artikolu 110 TFUE)

3.        Dispożizzjonijiet fiskali – Taxxi interni – Taxxa fuq il-karozzi użati importati mal-ewwel reġistrazzjoni tagħhom fi Stat Membru u l-vetturi diġà rreġistrati fl-imsemmi Stat Membru mal-ewwel trasferiment f’dan l-Istat tad-dritt ta’ proprjetà fuq dawn tal-aħħar – Eżenzjoni tal-vetturi diġà rreġistrati li kienet suġġetta għal taxxa preċedentement fis-seħħ meqjusa inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni – Inammissibbiltà

(Artikolu 110 TFUE)

4.        Domandi preliminari – Interpretazzjoni – Effetti ratione temporis tas-sentenzi ta' interpretazzjoni – Effett retroattiv – Limitazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja – Kundizzjonijiet – Sinjifikat għall-Istat Membru kkonċernat tal-konsegwenzi finanzjarji tas-sentenza – Kriterju mhux deċiżiv

(Artikolu 267 TFUE)

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 24)

2.        L-Artikolu 110 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jistabbilixxi taxxa fuq il-karozzi imposta fuq il-vetturi użati li jiġu importati mal-ewwel reġistrazzjoni tagħhom f’dan l-Istat Membru u fuq il-vetturi diġà rreġistrati fl-imsemmi Stat Membru mal-ewwel trasferiment f’dan l-istess Stat Membru tad-dritt għall-proprjetà fuq dawn tal-aħħar.

Fil-fatt, sistema bħal din, hija newtrali fir-rigward tal-kompetizzjoni bejn il-karozzi użati provenjenti minn Stati Membri oħra u l-vetturi simili nazzjonali diġà rreġistrati fl-Istat Membru kkonċernat u li ma jiġux eżentati minn tali taxxa. Newtralità bħal din teżisti, minn naħa, meta sistema bħal din tiggarantixxi li l-ammont tat-taxxa tal-boll ambjentali jitnaqqas skont approssimazzjoni raġonevoli tal-valur reali tal-vettura, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju u, min-naħa l-oħra, meta l-imsemmija sistema twassal għall-istess piż fiskali kemm għall-persuni taxxabbli li xtraw karozza użata provenjenti minn Stat Membru ieħor u li rreġistrawha fl-Istat Membru li stabbilixxa t-taxxa inkwistjoni kif ukoll għall-persuni taxxabbli li xtraw f’dan l-aħħar Stat Membru karozza użata diġà rreġistrata f’dan l-Istat Membru, li fir-rigward tagħha hemm lok li jsir l-ewwel trasferiment tad-dritt ta’ proprjetà mingħajr ma jibbenefikaw minn eżenzjoni bbażata fuq il-ħlas ta’ taxxa preċedenti, ġaladarba din l-aħħar vettura hija, fil-mument tal-ġbir tat-taxxa tal-boll ambjentali, tal-istess tip, tal-istess karatteristiċi u ta’ deprezzament indaqs għall-vettura provenjenti minn Stat Membru ieħor.

(ara l-punti 30, 32, 33, 43 u d-dispożittiv)

3.        L-Artikolu 110 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li li jipprekludi li Stat Membru jeżenta minn taxxa fuq il-karozzi, imposta fuq il-vetturi użati li jiġu importati mal-ewwel reġistrazzjoni tagħhom f’dan l-Istat Membru u fuq il-vetturi diġà rreġistrati fl-imsemmi Stat Membru mal-ewwel trasferiment f’dan l-istess Stat tad-dritt għall-proprjetà fuq dawn tal-aħħar, il-vetturi diġà rreġistrati li fir-rigward tagħhom tħallset iżda ma tħallsitx lura taxxa preċedentement fis-seħħ li ġiet iddikjarata inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

Fil-fatt, taxxa inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni għandha titħallas lura bl-interessi u l-ammont tagħha għandu, konsegwentement, jitqies li ma għadux inkorporat fil-valur fis-suq tal-karozzi li fuqhom hija imposta din it-taxxa. Peress li l-ammont residwu tal-imsemmija taxxa fil-valur ta’ dawn il-karozzi huwa ta’ żero, dan l-ammont huwa għaldaqstant neċessarjament inqas mit-taxxa l-ġdida, taħt forma ta’ taxxa tal-boll ambjentali, imposta fuq karozza użata importata tal-istess tip, tal-istess karatteristiċi u ta’ deprezzament indaqs. Madankollu, dan l-ammont residwu ma jibqax jiġi inkorporat fil-valur fis-suq ta’ vettura ġaladarba l-proprjetarju ta’ din il-vettura jkollu, skont id-dritt tal-Unjoni, il-possibbiltà li jikseb il-ħlas lura ta’ din it-taxxa, indipendentement mill-fatt jekk hija effettivament tħallsitx lura jew le fid-data tal-bejgħ tal-imsemmija vettura.

Fil-fatt, din is-sempliċi possibbiltà hija tali li tinċentiva lill-proprjetarji tal-vetturi użati tal-Istat Membru inkwistjoni sabiex jitolbu, għal dawn il-vetturi, anki jekk it-taxxa kkonċernata ma tkunx għadha tħallset lura, prezz tal-bejgħ li ma tiħux lil din it-taxxa inkunsiderazzjoni. Issa, fil-każ fejn it-taxxa ma tkunx għadha tħallset lura, ix-xerrejja tal-imsemmija vetturi jiġu eżentati mit-taxxa tal-boll ambjentali. Min-naħa l-oħra, il-vetturi użati importati minn Stat Membru ieħor jiġu fi kwalunkwe każ suġġetti għat-taxxa tal-boll ambjentali meta ssir ir-reġistrazzjoni, fl-Istat Membru kkonċernat, tad-dritt ta’ proprjetà fuq dawn il-vetturi. B’hekk, eżenzjoni bħal din hija tali li tikseb vantaġġ kompetittiv lill-vetturi użati diġà preżenti fis-suq ta’ dan l-Istat Membru u, għalhekk, li tiskoraġġixxi l-importazzjoni ta’ vetturi simili minn Stati Membri oħra.

(ara l-punti 39, 41-43 u d-dispożittiv)

4.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 45‑51)