Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mid-Debreceni Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (l-Ungerija) fit-23 ta’ Diċembru 2015 – Shiraz Baig Mirza vs Bevándorlási és Állampolgársági Hivatal

(Kawża C-695/15)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Debreceni Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Shiraz Baig Mirza

Konvenut: Bevándorlási és Állampolgársági Hivatal

Domandi preliminari

L-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida 1 (“ir-Regolament Dublin III”) għandu jiġi interpretat fis-sens li

(a)    l-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw id-dritt li jibagħtu applikant lejn pajjiż terz li huwa sigur biss qabel ma jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli jew jistgħu jeżerċitaw dan id-dritt ukoll wara li jiddeterminaw dan?

(b)    Ir-risposta għad-domanda preċedenti hija differenti jekk l-Istat Membru jistabbilixxi li huwa l-Istat responsabbli mhux fiż-żmien meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għall-ewwel darba quddiem l-awtoritajiet tiegħu skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Dublin III u l-Kapitolu III tal-imsemmi regolament iżda meta jirċievi l-applikant minn Stat Membru ieħor wara trasferiment jew talba għal teħid lura skont il-Kapitoli V u VI tar-Regolament Dublin III?

Jekk, abbażi tal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja b’risposta għall-ewwel domanda, id-dritt li applikant jintbagħat lejn pajjiż terz li huwa sigur jista’ jiġi eżerċitat ukoll wara transferiment imwettaq skont il-proċedura Dublin:

L-Artikolu 3(3) tar-Regolament Dublin III jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw dan id-dritt ukoll jekk, matul il-proċedura Dublin, l-Istat Membru li jwettaq it-transferiment ma jkunx ġie informat bir-regoli nazzjonali rilevanti li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt jew bil-prassi applikata mill-awtoritajiet nazzjonali?

L-Artikolu 18(2) tar-Regolament Dublin III jista’ jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ applikant li ttieħed lura skont l-Artikolu 18[(1)](ċ) ta’ dan ir-regolament, il-proċedura għandha titkompla fl-istadju fejn ġiet interrotta matul il-proċedura preċedenti?

____________

1 ĠU 2013 L 180, p. 31.