Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-17 ta’ Marzu 2016 (talba għal deċiżjoni preliminari tad-Debreceni Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság – l-Ungerija – Shiraz Baig Mirza vs Bevándorlási és Állampolgársági Hivatal

(Kawża C-695/15 PPU) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Kriterji u mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli li jikkunsidra applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali – Artikolu 3(3) – Dritt tal-Istati Membri li jibgħatu applikant lejn pajjiż terz sigur – Artikolu 18 – Obbligi tal-Istat Membru responsabbli li jeżamina l-applikazzjoni f’każ ta’ teħid lura tal-applikant – Direttiva 2013/32/UE – Proċeduri komuni għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Debreceni Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Shiraz Baig Mirza

Konvenuti: Bevándorlási és Állampolgársági Hivatal

Dispożittiv

L-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt li jintbagħat applikant għal protezzjoni internazzjonali lejn pajjiż terz sigur jista’ wkoll jiġi eżerċitat minn Stat Membru wara li dan tal-aħħar ikun aċċetta r-responsabbiltà, b’applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid lura, tal-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn applikant li telaq minn dan l-Istat Membru qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni fuq il-mertu dwar l-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiegħu.

L-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 604/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li applikant għal protezzjoni internazzjonali jintbagħat lejn pajjiż terz sigur, meta l-Istat Membru li jwettaq it-trasferiment tal-imsemmi applikant lejn l-Istat Membru responsabbli ma jkunx ġie informat, matul il-proċedura ta’ teħid lura, la bil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-aħħar Stat Membru dwar it-trasferiment tal-applikanti lejn pajjiżi terzi siguri u lanqas dwar il-prattika tal-awtoritajiet kompetenti tiegħu f’dan il-qasam.

L-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 604/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ ta’ teħid lura ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali, dan ma jimponix li l-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni tiegħu tkompli mill-istadju li fih tkun ġiet interrotta.

____________

1 ĠU C 90, 07.03.2016.