Language of document : ECLI:EU:C:2016:188

Kawża C-695/15 PPU

Shiraz Baig Mirza

vs

Bevándorlási és Állampolgársági Hivatal

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mid-Debreceni közigazgatási és munkaügyi bíróság)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Kriterji u mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli li jikkunsidra applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali – Artikolu 3(3) – Dritt tal-Istati Membri li jibgħatu applikant lejn pajjiż terz sigur – Artikolu 18 – Obbligi tal-Istat Membru responsabbli li jeżamina l-applikazzjoni f’każ ta’ teħid lura tal-applikant – Direttiva 2013/32/UE – Proċeduri komuni għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali"

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-17 ta’ Marzu 2016

1.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Kriterji u mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli li jikkunsidra applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali – Regolament Nru 604/2013 – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi dritt għall-Istat Membru responsabbli li jibgħat lil applikant għal protezzjoni internazzjonali lejn pajjiż terz sigur – Eżerċizzju ta’ dan id-dritt wara r-rikonoxximent tar-responsabbiltà tiegħu u wara t-teħid lura tal-applikant – Ammissibbiltà

(Regolament Nru 604/2013, Artikolu 3(3))

2.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Kriterji u mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli li jikkunsidra applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali – Regolament Nru 604/2013 – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi dritt għall-Istat Membru responsabbli li jibgħat lil applikant għal protezzjoni internazzjonali lejn pajjiż terz sigur – Eżerċizzju ta’ dan id-dritt, mat-teħid lura tal-applikant, fin-nuqqas ta’ komunikazzjoni mill-Istat Membru responsabbli tal-eżistenza ta’ tali leġiżlazzjoni fl-Istat Membru ta’ trasferiment – Ammissibbiltà

(Regolament Nru 604/2013, Artikoli 3(3) u 27; Direttiva 2013/32, Artikolu 38, 39 u 46)

3.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Kriterji u mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli li jikkunsidra applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali – Regolament Nru 604/2013 – Obbligi tal-Istat Membru responsabbli li jeżamina f’każ ta’ teħid lura ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali – Obbligu li titkompla l-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni mill-istadju fejn ġiet interrotta – Assenza

(Regolament Nru 604/2013, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(2))

1.        L-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (Dublin III), għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt li jintbagħat applikant għal protezzjoni internazzjonali lejn pajjiż terz sigur jista’ wkoll jiġi eżerċitat minn Stat Membru wara li dan tal-aħħar ikun aċċetta r-responsabbiltà, b’applikazzjoni tal-imsemmi regolament u fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid lura, tal-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn applikant li telaq minn dan l-Istat Membru qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni fuq il-mertu dwar l-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiegħu.

Fil-fatt, il-preklużjoni ta’ Stat Membru milli jeżerċita d-dritt imsemmi fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Dublin III jkollha l-konsegwenza li applikant li jkun ħarab, mingħajr ma jkun stenna li tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu, lejn Stat Membru differenti minn dak li fih ikun ippreżentaha jkun, f’każ ta’ teħid lura mill-Istat Membru responsabbli, f’sitwazzjoni iktar favorevoli minn dik ta’ ħaddiehor li stenna li jintemm l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu fl-Istat Membru responsabbli. Tali interpretazzjoni tirriskja li tinkoraġġixxi liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u lill-persuni apolidi li ppreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru li jmorru fi Stati Membri oħra, u b’hekk joħolqu movimenti sekondarji li r-Regolament imsemmi iktar ’il fuq huwa intiż preċiżament li jipprevjeni billi jistabbilixxi l-mekkaniżmi u l-kriterji uniformi intiżi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli.

(ara l-punti 51-53, u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 604/2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (Dublin III), għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li applikant għal protezzjoni internazzjonali jintbagħat lejn pajjiż terz sigur, meta l-Istat Membru li jwettaq it-trasferiment tal-imsemmi applikant lejn l-Istat Membru responsabbli ma jkunx ġie informat, matul il-proċedura ta’ teħid lura, la bil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-aħħar Stat Membru dwar it-trasferiment tal-applikanti lejn pajjiżi terzi siguri u lanqas dwar il-prattika tal-awtoritajiet kompetenti tiegħu f’dan il-qasam.

Barra minn hekk, l-assenza ta’ komunikazzjoni mill-Istat Membru responsabbli lill-Istat Membru li jwettaq it-trasferiment ta’ komunikazzjoni li tikkonċerna l-leġiżlazzjoni tiegħu relattiva għall-pajjiżi terzi siguri u l-prassi amministrattiva tiegħu f’dan il-qasam ma tiksirx id-dritt tal-applikant għal rimedju effettiv kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment u kontra d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali.

Fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ trasferiment, mill-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III jirriżulta li l-applikant għandu d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew ta’ reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, mid-deċiżjoni tat-trasferiment, quddiem qorti jew tribunal.

Fir-rigward tad-deċiżjoni relattiva għall-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, l-applikant għandu, fl-Istat Membru responsabbli, dritt għal rimedju effettiv, abbażi tal-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, quddiem qorti ta’ dan l-Istat Membru li jippermettilu li jikkontesta d-deċiżjoni bbażata fuq ir-regoli tal-liġi nazzjonali relattivi għall-pajjiżi terzi siguri abbażi, skont is-sitwazzjoni individwali tiegħu, tal-Artikolu 38 jew tal-Artikolu 39 ta’ din id-direttiva.

(ara l-punti 59, 60, 62, 63, u d-dispożittiv 2)

3.        L-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 604/2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (Dublin III), għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ ta’ teħid lura ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali, dan ma jimponix li l-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni tiegħu tkompli mill-istadju li fih tkun ġiet interrotta.

Fil-fatt, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Dublin III, sa fejn jeżiġi li l-applikant ikollu d-dritt li jitlob li tittieħed deċiżjoni finali fuq l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiegħu, kemm jekk fil-kuntest tal-proċedura li ġiet interrotta jew fil-kuntest ta’ proċedura ġdida li ma għandhiex titqies li hija applikazzjoni ulterjuri, huwa intiż biex jiżgura lill-applikant eżami tal-applikazzjoni tiegħu li tissodisfa r-rekwiżiti li d-Direttiva 2013/32, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, tipprevedi għall-ewwel applikazzjonijiet fl-ewwel istanza.] Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma hija intiża la biex tistabbilixxi l-mod li bih il-proċedura għandha titkompla f’tali sitwazzjoni u lanqas biex iċċaħħad lill-Istat Membru responsabbli mill-possibbiltà li jiddikjara l-applikazzjoni inammissibbli.

(ara l-punti 66, 68, u d-dispożittiv 3)