Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Arbeits- und Sozialgericht Wien (l-Awstrija) fit-23 ta’ April 2018 – Minoo Schuch-Ghannadan vs Medizinische Universität Wien

(Kawża C-274/18)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Arbeits- und Sozialgericht Wien

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Minoo Schuch-Ghannadan

Konvenuta: Medizinische Universität Wien

Domandi preliminari

Il-prinċipju ta’ pro rata temporis previst fil-punt 2 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal-15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time 1 , ikkunsidrat flimkien mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni previst fil-punt 1 tal-klawżola 4, japplika għal dispożizzjoni leġiżlattiva li tipprevedi li t-tul totali tar-relazzjonijiet ta’ xogħol konsekuttivi ta’ ħaddiem jew ta’ ħaddiema ta’ università Awstrijaka, impjegat jew impjegata fil-kuntest ta’ proġetti ffinanzjati minn terzi jew ta’ proġetti ta’ riċerka, huwa ta’ 6 snin għall-ħaddiema impjegati full-time iżda ta’ 8 snin fil-każ ta’ attività part-time u, barra minn hekk, estensjoni ġdida waħda ta’ tul totali li jista’ jilħaq l-10 snin għall-impjegati full-time u 12-il sena fil-każ ta’ attività part-time, hija awtorizzata jekk ikun hemm ġustifikazzjoni oġġettiva, b’mod partikolari sabiex jitkomplew jew jitlestew proġetti ta’ riċerka jew ta’ pubblikazzjoni?

Dispożizzjoni leġiżlattiva bħal dik deskritta fl-ewwel domanda tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta minħabba s-sess fis-sens tal-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid), meta, fost il-ħaddiema impjegati kollha li għalihom tapplika din id-dispożizzjoni, din tal-aħħar tikkonċerna perċentwali kunsiderevolment ikbar ta’ nisa milli ta’ rġiel?

L-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 20062 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid), għandu jiġi interpretat fis-sens li mara li, fil-qasam ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva bħal dik deskritta fl-ewwel domanda, tinvoka diskriminazzjoni indiretta minħabba s-sess, għar-raġuni li numru kunsiderevolment ikbar ta’ nisa milli ta’ rġiel huma impjegati part-time, għandha tistabbilixxi n-natura verosimili ta’ din iċ-ċirkustanza, b’mod partikolari l-fatt li minn perspettiva ta’ statistika huma n-nisa li huma l-iktar ikkonċernati, billi tippreżenta statistika preċiża jew fatti preċiżi u billi tipproduċi provi adegwati?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267.

2 ĠU 2006, L 204, p. 23.