Language of document : ECLI:EU:C:2017:135

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis-16 ta’ Frar 2017 (1)

Kawża C‑74/16

Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania

vs

Ayuntamiento de Getafe

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Contencioso-administrativo no 4 de Madrid (qorti amministrattiva Nru 4 ta’ Madrid, Spanja)]

“Kompetizzjoni – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE – Taxxa Spanjola fuq il-kostruzzjoni, l-installazzjonijiet u x-xogħlijiet – Eżenzjoni mit-taxxa għall-Knisja Kattolika – Distinzjoni bejn l-attività ekonomika u mhux ekonomika tal-Knisja Kattolika – Attivitajiet tal-Knisja Kattolika li ma jsegwux skop strettament reliġjuż – Attivitajiet fil-kuntest tal-missjoni soċjali, kulturali jew edukattiva tal-Knisja Kattolika – Knejjes, gruppi reliġjużi u komunitajiet reliġjużi – Artikolu 17 TFUE – Artikolu 351 TFUE”






I –    Introduzzjoni

1.        Meta Stat Membru jeħles komunità reliġjuża minn ċerti taxxi, u jagħmel dan fil-fatt ukoll għal attivitajiet li ma għandhomx skop strettament reliġjuż, dan jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat ipprojbita skont l-Artikolu 107(1) TFUE? Din hija fil-qofol il-kwistjoni li dwarha l-qorti Spanjola f’dan il-każ qiegħda titlob kjarifika mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja.

2.        Din il-kwistjoni titqajjem fl-isfond ta’ diversi eżenzjonijiet mit-taxxa li r-Renju ta’ Spanja kkonċeda lill-Knisja Kattolika bis-saħħa ta’ Ftehim internazzjonali li ġie konkluż fl-1979 mas-Santa Sede. Abbażi ta’ dan il-ftehim, fil-każ inkwistjoni hawnhekk il-Knisja Kattolika, bħala l-entità responsabbli għal skola tal-knisja, tixtieq tibbenefika mir-rimbors ta’ taxxa muniċipali li hija kellha tħallas fl-okkażjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li saru fuq bini tal-iskola.

3.        Peress li d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni japplika biss għal impriżi, is-soluzzjoni ta’ dan il-każ tiddependi mid-distinzjoni, mhux dejjem faċli, bejn attività ekonomika u mhux ekonomika. Il-fatt li speċjalment is-settur tal-edukazzjoni jinsab f’intersezzjoni bejn kompiti intraprenditorjali u soċjali, u saħansitra dawk kulturali, ġie rrikonoxxut suffiċjentement minn sentenzi preċedenti (2).

4.        Iżda, f’dan il-każ, il-problema tikseb dimensjoni ġdida minħabba l-fatt li, fl-aħħar mill-aħħar, tikkonċerna r-relazzjoni bejn l-Istat u l-Knisja, li tingħata attenzjoni partikolari fid-dritt primarju tal-Unjoni bl-Artikolu 17 TFUE. Fid-dawl tad-dibattitu, ta’ spiss imqanqal, dwar ir-rwol tar-reliġjon u l-komunitajiet reliġjużi f’soċjetà Ewropea moderna (3), dan il-każ ma setax ikun iktar kurrenti minn hekk. Il-kwistjonijiet legali mqajma wisq probabbli huma ta’ interess kbir ukoll għal għadd ta’ Stati Membri oħrajn lil hinn minn Spanja.

5.        Peress li l-Ftehim ta’ Spanja mas-Santa Sede joriġina minn żmien qabel l-adeżjoni ta’ Spanja mal-Komunitajiet Ewropej, għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-każ għandhom, barra minn hekk, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 108 TFUE u l-Artikolu 351 TFUE.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

6.        Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni għal dan il-każ huwa stabbilit permezz tal-Artikolu 107(1) TFUE, li huwa inkluż fil-Kapitolu 1 (“Regoli li jirregolaw il-kompetizzjoni”) tat-Titolu VII tat-Trattat FUE:

“Ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.”

7.        Minbarra dan, għandha ssir referenza għall-Artikolu 17(1) TFUE, li jinsab fit-Titolu II (“Dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni ġenerali”) tal-Ewwel Parti tat-Trattat FUE, u li huwa mfassal kif ġej:

“L-Unjoni tirrispetta u ma tippreġudikax l-istatus li jgawdu minnu, taħt il-liġi nazzjonali, il-knejjes u l-assoċjazzjonijiet jew il-komunitajiet reliġjużi fl-Istati Membri.”

8.        Finalment huwa ta’ rilevanza l-Artikolu 351 TFUE, dispożizzjoni li tinsab fis-Seba’ Parti tat-Trattat FUE (“Dispożizzjonijiet ġenerali u finali”):

“Id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim konklużi qabel l-1 ta’ Jannar 1958 jew, għal Stati li jingħaqdu, id-data ta’ l-Adeżjoni, bejn Stat Membru wieħed jew iktar u Stat mhux membru wieħed jew iktar, m’għandhomx jintlaqtu mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati.

Sa fejn dawn il-ftehim ma’ jkunux kompatibbli mat-Trattati, l-Istat Membru jew Stati Membri in kwistjoni għandhom jieħdu l-miżuri opportuni sabiex titneħħa l-inkompatibbiltà li tista’ tinstab. Jekk ikun hemm bżonn, l-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin biex jintlaħaq dan il-għan, u fejn ikun opportun, għandhom jadottaw linja komuni.

Fl-implimentazzjoni tal-ftehim imsemmija fl-ewwel paragrafu, l-Istati Membri għandhom iqisu li l-vantaġġi mogħtija bit-Trattati minn kull Stat Membru jagħmlu parti integrali mill-istabbiliment ta’ l-Unjoni u huma għalhekk marbuta inseparabbilment mal-kreazzjoni ta’ l-istituzzjonijiet komuni, ma’ l-għotja lilhom tas-setgħat tagħhom u l-konċessjoni ta’ l-istess vantaġġi mill-Istati Membri l-oħra kollha.”

B –    Id-dritt internazzjonali

9.        Fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu IV(1)(B) tiegħu, il-Ftehim tat-3 ta’ Jannar 1979 bejn l-Istat Spanjol u s-Santa Sede dwar affarijiet ekonomiċi (4) jipprevedi “eżenzjoni sħiħa u permanenti mit-taxxi reali u mit-taxxi fuq il-profitti kif ukoll mit-taxxa fuq id-dħul u mit-taxxa fuq il-ġid” għall-proprjetà immobbli tal-Knisja Kattolika.

10.      Madankollu, kif jirriżulta mit-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, l-eżenzjoni mit-taxxa msemmija ma tapplikax “għal dħul minn attivitajiet ekonomiċi jew mill-isfruttament tal-assi tal-Knisja meta dan l-isfruttament kien mgħoddi lil terzi”, u lanqas ma tapplika “għal profitti minn kapital kif ukoll għal dħul suġġett għat-tnaqqis tat-taxxa fuq id-dħul f’ras il-għajn”.

11.      Fl-Artikolu VI tal-Ftehim tal-1979 huwa previst mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim, skont liema s-Santa Sede u l-Gvern Spanjol jobbligaw ruħhom li jsolvu problemi relatati mal-interpretazzjoni u mal-applikazzjoni tal-Ftehim bi qbil komuni u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipji inklużi fil-Ftehim.

C –    Id-dritt nazzjonali

12.      It-taxxa miġbura fi Spanja fuq il-kostruzzjoni, l-installazzjonijiet u x-xogħlijiet (5) tmur lura għal liġi tal-1988. Fil-preżent din hija bbażata fuq l-Artikolu 100(1) tal-Liġi li tirregola l-finanzi lokali (6), fil-verżjoni tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali (7) Nru 2/2004 tal-5 ta’ Marzu 2004 (8). Hija kkonċernata taxxa reali muniċipali indiretta, li d-dħul minnha jitqassam lill-muniċipalitajiet Spanjoli.

13.      B’digriet tal-5 ta’ Ġunju 2001 (9), il-Ministeru tal-Finanzi Spanjol ikkjarifika li t-taxxa fuq il-kostruzzjoni, l-installazzjonijiet u x-xogħlijiet taqa’ taħt l-Artikolu IV(1)(B) tal-Ftehim tal-1979. Dan id-digriet tal-2001 iktar tard kien ippreċiżat bid-digriet tal-15 ta’ Ottubru 2009 (10), b’tali mod li l-eżenzjoni mit-taxxa inkwistjoni tapplika biss għall-bini eżentat mit-taxxa fuq il-proprjetà (11), jiġifieri għal bini li huwa ddedikat esklużivament għal skopijiet reliġjużi (12). Madankollu, id-digriet tal-2009 kien iddikjarat null b’sentenza tal-Audiencia Nacional tad-9 ta’ Diċembru 2013 peress li jippreġudika l-Artikolu IV(1)(B) u l-Artikolu VI tal-Ftehim tal-1979 (13).

III – Il-fatti u l-kawża prinċipali

14.      Il-Congregación de Escuelas Pías Provincia de Betania (Comunidad de Casa de Escuelas Pías de Getafe, PP. Escolapios) (14) hija istituzzjoni tal-Knisja Kattolika u, bħala tali, hija suġġetta għall-Ftehim tal-1979. Din hija s-sid ta’ biċċa art fil-muniċipalità ta’ Getafe, qrib Madrid, li fuqha tinsab l-iskola “La Inmaculada”.

15.      Fl-4 ta’ Marzu 2011, il-Congregación talbet permess tal-bini mingħand il-muniċipalità ta’ Getafe għar-rinnovazzjoni u l-estensjoni ta’ bini wieqaf waħdu fuq dik il-biċċa art. Il-bini msemmi jservi bħala s-sala tal-iskola. L-intenzjoni kienet li din is-sala tiġi attrezzata b’450 siġġu sabiex tkun tista’ tintuża għal laqgħat, korsijiet, konferenzi eċċ..

16.      L-approvazzjoni tal-bini ngħatat fit-28 ta’ April 2011, u fir-rigward tagħha l-Congregación kienet ħallset it-taxxa fuq il-kostruzzjoni, l-installazzjonijiet u x-xogħlijiet li kienet tammonta għal EUR 23 730.41.

17.      Madankollu, iktar tard, filwaqt li invokat l-Artikolu IV(1)(B) tal-Ftehim tal-1979, il-Congregación ressqet applikazzjoni għar-rimbors tat-taxxa mħallsa minnha.

18.      L-applikazzjoni tal-aħħar kienet miċħuda mill-awtorità tat-taxxa (15) tal-muniċipalità b’deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2013. Bħala raġuni hija spjegat li l-eżenzjoni mit-taxxa ma tapplikax hawnhekk, peress li hija kkonċernata attività li ma hijiex relatata mal-miri reliġjużi tal-Knisja Kattolika. Wara li sar appell min-naħa tal-Congregación, id-deċiżjoni ta’ rifjut ġiet ikkonfermata mill-kap tal-awtorità tat-taxxa tal-muniċipalità b’deċiżjoni tas-27 ta’ Frar 2014. Fil-21 ta’ Mejju 2014, il-Congregación ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Juzgado de lo Contencioso-administrativo no 4 de Madrid (qorti amministrattiva Nru 4 ta’ Madrid), li hija l-qorti tar-rinviju.

IV – It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19.      B’deċiżjoni tas-26 ta’ Jannar 2016, il-Juzgado de lo Contencioso-administrativo no 4 de Madrid (qorti amministrattiva Nru 4 ta’ Madrid) ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja skont l-Artikolu 267 TFUE:

“L-eżenzjoni lill-Knisja Kattolika tat-Taxxa fuq il-kostruzzjoni, installazzjonijiet u xogħlijiet fir-rigward ta’ kostruzzjoni, installazzjonijiet u xogħlijiet imwettqa fi proprjetà immobbli intiża għall-iżvilupp ta’ attivitajiet eknomiċi li ma għandhom ebda għan strettament reliġjuż tmur kontra l-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea?”

20.      Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub mir-Renju ta’ Spanja u mill-Kummissjoni Ewropea. Minbarra dawn l-intervenjenti, fis-seduta tal-10 ta’ Jannar 2017 dehru wkoll il-Congregación u l-Ayuntamiento de Getafe bħala partijiet fil-kawża prinċipali.

V –    Analiżi

A –    L-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

21.      Kif speċifikat fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (16), minbarra d-domanda preliminari, it-talba għal deċiżjoni preliminari trid tinkludi wkoll l-informazzjoni meħtieġa dwar il-qafas ta’ fatt u ta’ liġi tal-kawża prinċipali. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju għandha turi x’rabta hemm bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għandhom jiġu interpretati u l-kawża prinċipali, filwaqt li għandha tindika r-raġunijiet għal xiex għandha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Skont il-ġurisprudenza, l-informazzjoni dwar il-qafas ta’ fatt u ta’ liġi hija ta’ importanza speċjali fi proċeduri relatati mad-dritt tal-kompetizzjoni (17).

22.      F’dan l-isfond, kemm il-Gvern Spanjol kif ukoll il-Kummissjoni jesprimu dubji dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari f’dan il-każ. Madankollu, l-ebda wieħed minn dawn l-ilmenti ma jidhirli li huwa validu.

23.      L-ewwel nett, ftit hija konvinċenti l-allegazzjoni min-naħa tal-Gvern Spanjol li t-talba għal deċiżjoni preliminari tqajjem kwistjoni purament ipotetika u li din hija intiża għal interpretazzjoni konsultattiva tad-dritt tal-Unjoni li ma għandha x’taqsam xejn mar-realtà tal-kawża prinċipali.

24.      Dan peress li, minn naħa, skont ġurisprudenza stabbilita, għad-domandi preliminari li jikkonċernaw id-dritt tal-Unjoni tapplika preżunzjoni ta’ rilevanza (18), u l-qorti tar-rinviju tgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward (19). Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ ma hemm l-ebda evidenza li l-interpretazzjoni mitluba tal-Artikolu 107 TFUE ma għandhiex rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali. Għall-kuntrarju, il-ftehim korrett tal-Artikolu 107(1) TFUE huwa ta’ importanza sinjifikattiva għall-eżitu tat-talba tal-Congregación, peress li din tista’ tgawdi biss mill-eżenzjoni mit-taxxa mixtieqa minnha sakemm ma tkunx f’kunflitt mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. Id-dubji tal-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward huma suffiċjentement evidenti fit-talba għal deċiżjoni preliminari.

25.      F’dak li t-tieni nett għandu x’jaqsam mal-espożizzjoni tal-qafas ġuridiku tal-kawża prinċipali, it-talba għal deċiżjoni preliminari, għall-kuntrarju tal-argumentazzjoni tal-Gvern Spanjol, ma fihiex lakuni manifesti. Id-deċiżjoni tar-rinviju tirrappreżenta b’mod ċar id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni fiskali Spanjola kif ukoll id-dispożizzjonijiet internazzjonali rilevanti tal-Ftehim tal-1979. Barra minn hekk, il-Gvern Spanjol ma identifika l-ebda dispożizzjoni li l-qorti tar-rinviju injorat jew nesiet issemmi.

26.      It-tielet nett, anki l-espożizzjoni, fid-deċiżjoni tar-rinviju, tal-qafas ta’ fatt tal-kawża prinċipali hija suffiċjenti. Huwa minnu li l-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni osservaw bir-raġun li l-qorti tar-rinviju setgħet tiddeskrivi iktar fid-dettall l-attività tal-Congregación fil-qasam tat-tagħlim b’mod ġenerali kif ukoll l-użu tal-bini kkontestat b’mod speċjali. Fl-istess waqt, id-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi l-informazzjoni kollha li hija neċessarja għall-komprensjoni tad-domanda preliminari u tal-portata tagħha. Dan huwa evidenti, l-aħħar iżda mhux l-inqas, mill-osservazzjonijiet li l-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni stess ressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (20), li għalihom bir-raġun għamel referenza l-Ayuntamiento de Getafe (muniċipalità ta’ Getafe) fis-seduta.

27.      Jista’ għalhekk jiġi konkluż li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

B –    Kunsiderazzjoni fuq il-mertu tad-domanda

28.      Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq issir taf jekk l-eżenzjoni mit-taxxa kontenzjuża għandhiex titqies bħala għajnuna mill-Istat ipprojbita fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE fil-każ tal-applikazzjoni tagħha fuq bini tal-iskejjel.

1.      Applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat

29.      L-ewwel nett għandu jiġi diskuss jekk il-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat inkluża fl-Artikolu 107(1) TFUE tistax qabelxejn tiġi applikata f’każ bħal dan, meta wieħed jikkunsidra li l-Artikolu 17 TFUE jobbliga lill-Unjoni tirrispetta u ma tippreġudikax l-istatus tal-knejjes (21) fl-Istati Membri (22).

30.      Bl-Artikolu 17 TFUE msemmi, it-Trattat ta’ Lisbona adotta dispożizzjoni li kienet diġà inkluża fl-Artikolu I-52 tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa (23) u li l-oriġini tagħha tmur lura għad-dikjarazzjoni adottata fl-1997 dwar l-istatus tal-knejjes u organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali (24).

31.      Finalment, l-Artikolu 17 TFUE jispeċifika u jissupplimenta l-prinċipju iktar ġenerali stabbilit fl-Artikolu 4(2) TUE dwar l-osservanza mill-Unjoni tal-identità nazzjonali tal-Istati Membri inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali fundamentali tagħhom.

32.      Ma hemmx dubju li r-rwol soċjali speċjali tal-knejjes fl-Istati Membri huwa espress b’mod prominenti permezz tal-Artikolu 17 TFUE. Din id-dispożizzjoni iżda ma tistax tinftiehem fis-sens ta’ eċċezzjoni settorjali li tistabbilixxi li l-attività tal-knejjes ġeneralment taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi applikat meta l-knejjes jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi (25), kif il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi fil-ġurisprudenza stabbilita tagħha anki fir-rigward tal-klabbs tal-isport jew għaqdiet tal-isport (26) u fir-rigward tal-istituzzjonijiet edukattivi (27).

33.      Għalhekk, f’każ bħal dak inkwistjoni, l-importanza speċjali tal-Artikolu 17 TFUE ma tinsabx fiċ-ċirkustanza li l-attività tal-knejjes hija ġeneralment eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda wisq iktar fiċ-ċirkustanza li fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-istatus tal-knejjes għandu jiġi mħares u ma jistax jiġi ppreġudikat.

2.      Il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE

34.      Il-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE għandha l-għan li tipprevjeni li l-kummerċ bejn l-Istati Membri jiġi affettwat minn vantaġġi permessi mill-awtoritajiet pubbliċi li, f’diversi forom, joħolqu jew jheddu li joħolqu distorsjoni għall-kompetizzjoni billi jiffavorixxu ċerti impriżi jew ċerti produtturi (28).

35.      Fid-deċiżjoni preliminari tiegħu, il-qorti nazzjonali titlaq espliċitament mill-premessa li l-bini skolastiku inkwistjoni huwa intiż li jintuża għal skopijiet ekonomiċi u għaldaqstant ma jservix użu purament reliġjuż. Iżda sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli li tippermettilha, bl-aħjar mod possibbli, issib soluzzjoni għall-kawża prinċipali (29), fil-kuntest tal-argumenti tiegħi dwar l-Artikolu 107(1) TFUE ser infakkar, l-ewwel nett, dwar il-kundizzjonijiet li taħthom, minn perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, tkun qabelxejn preżenti attività ekonomika [ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima (a)], qabel ma nindirizza l-elementi kostitwenti individwali tal-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat [ara, f’dan ir-rigward, iktar ’l isfel, it-Taqsima (b)].

a)      Il-kunċett ta’ impriża bħala prerekwiżit fundamentali għall-applikazzjoni tad-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni.

36.      L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jikkonċerna biss l-attività ta’ impriżi (30).

37.      Il-kunċett ta’ impriża għandu jinftiehem funzjonalment u jkopri kull unità li teżerċita attività ekonomika, irrispettivament mill-forma ġuridika tagħha u mill-mod tal-finanzjament tagħha (31). Entità li ma twettaqx attività ekonomika ma hijiex impriża fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni (32).

38.      Iċ-ċirkustanza li fiċ-ċentru tal-attività tal-knejjes normalment ikun hemm it-twettiq tal-kompiti reliġjużi, pastorali u soċjali fiha nfisha ma teskludix li xi attivitajiet individwali tal-knejjes jistgħu fl-istess waqt ikunu attribwiti lill-ekonomija. Fil-fatt, id-distinzjoni bejn attività ekonomika u dik mhux ekonomika għandha ssir separatament għal kull attività mwettqa minn entità partikolari (33).

39.      Attività ekonomika hija kwalunkwe attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ prodotti u servizzi f’suq partikolari.(34) F’dan ir-rigward, l-assenza ta’ skop kummerċjali jew l-assenza ta’ skop ta’ lukru fihom infushom ma jistgħux jipprekludu l-preżunzjoni ta’ attività ekonomika sakemm jiġu offruti prodotti u servizzi (35).

40.      L-eżenzjoni mit-taxxa kkontestata fil-kawża prinċipali qed tintalab mill-Congregación fir-rigward tax-xogħlijiet fuq waħda mill-iskejjel tagħha. Għalhekk, finalment, din hija relatata mal-attività edukattiva tal-Congregación bħala l-entità responsabbli għall-iskola “La Inmaculada”.

41.      Il-kwistjoni ta’ jekk tali attività ta’ tagħlim għandhiex tiġi kklassifikata bħala attività ekonomika tiddependi minn analiżi globali taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ individwali, li tinsab f’idejn il-qorti nazzjonali. F’dan ir-rigward għandhom jitqiesu kemm il-finanzjament tat-tagħlim kif ukoll il-kompiti u l-għanijiet tal-iskola segwiti mill-entità responsabbli għall-iskola (36).

42.      Jekk entità tal-knisja topera l-istituzzjonijiet edukattivi tagħha għalkollox jew fil-biċċa l-kbira b’mod kummerċjali u essenzjalment tipprovdi t-tagħlim li jsir hemmhekk bħala eżekuzzjoni korrispettiva għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji u għal benefiċċji monetarji oħrajn (37) mill-istudenti jew mill-ġenituri tagħhom, f’dan ir-rigward din tkun qiegħda toffri servizzi fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE (38) u konsegwentement hija attiva ekonomikament.

43.      Min-naħa l-oħra, ma jistax jingħad l-istess jekk l-entità tal-knisja ma toperax l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni tagħha b’mod kummerċjali, iżda bħala parti mill-missjoni ġenerali tagħha fil-qasam soċjali, kulturali u edukattiv filwaqt li ma tirrikorrix, jew bilkemm tirrikorri, għal kontribuzzjonijiet mill-istudenti jew mill-ġenituri tagħhom għall-finanzjament tat-tagħlim li jsir fiha. F’tali każ, din ma tkunx qiegħda toffri servizzi fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE (39) u għalhekk lanqas ma ssir attiva ekonomikament.

44.      Għall-kuntrarju tal-fehma tal-qorti tar-rinviju, l-allokazzjoni tas-servizzi ta’ tagħlim tal-knisja għall-qasam mhux ekonomiku ma teħtieġx li bit-tagħlim innifsu – u finalment anki bil-binjiet li fihom iseħħ dan it-tagħlim – ikun segwit “għan strettament reliġjuż” (40). Għall-kuntrarju, għall-preżunzjoni tan-natura mhux ekonomika tas-servizzi ta’ tagħlim huwa suffiċjenti li jkun segwit għan soċjali, kulturali u edukattiv awtentiku.

45.      Din il-perspettiva hija affermata, l-aħħar u mhux l-inqas, mill-obbligu stabbilit fl-Artikolu 17(1) TFUE għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-istatus speċjali tal-knejjes. Dan peress li dan l-istatus jirriżulta mill-fatt li fis-soċjetà l-knejjes ma jwettqux biss kompiti strettament reliġjużi, iżda jipprovdu wkoll kontribuzzjoni importanti fit-twettiq ta’ għanijiet soċjali, kulturali u edukattivi. Li kieku l-attività tal-knejjes fis-settur soċjali, kulturali jew edukattiv kellha tiġi allokata globalment għall-ekonomija normali, wieħed ikun qiegħed jonqos milli jieħu inkunsiderazzjoni n-natura speċjali tal-attività u għalhekk, finalment, tal-istatus speċjali tal-knejjes.

46.      Kif ġie stabbilit waqt is-seduta, il-biċċa l-kbira tal-ispazji tal-iskola “La Inmaculada” qegħdin jintużaw għal servizzi ta’ tagħlim li huma ekwivalenti għat-tagħlim obbligatorju pprovdut fl-iskejjel tal-Istat (l-hekk imsejħa educación obligatoria, li tikkonsisti mill-educación primaria u mill-educación secundaria obligatoria). Dawn is-servizzi ta’ tagħlim huma pprovduti kif speċifikat fi ftehim bejn il-Congregación u r-reġjun Spanjol kompetenti – il-Comunidad de Madrid (il-Komunità Awtonoma ta’ Madrid) – u l-parti l-kbira tagħhom hija ffinanzjata minn fondi pubbliċi, filwaqt li pagamenti jew kontribuzzjonijiet monetarji mill-istudenti jew mill-ġenituri tagħhom għandhom rwol kompletament sekondarju biss (41). Għaldaqstant, jista’ jiġi preżunt li t-tagħlim obbligatorju pprovdut fl-iskola “La Inmaculada” huwa integrat għalkollox fis-sistema tal-edukazzjoni pubblika ta’ Spanja.

47.      Tali ċirkustanzi kollha kemm huma jkomplu jikkonfermaw il-preżunzjoni li l-użu tal-bini skolastiku inkwistjoni – tas-sala – isegwi missjoni soċjali, kulturali u edukattiva speċifika u li l-attività tal-Congregación, f’dan ir-rigward, ma hijiex ta’ natura ekonomika, anki jekk taf teżisti xi tip ta’ “kompetizzjoni” fost l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni minħabba l-possibbiltajiet ta’ għażla għall-istudenti u għall-ġenituri bejn diversi skejjel operati minn sid pubbliku jew privat.

48.      Madankollu, fis-seduta ħareġ li minbarra t-tagħlim obbligatorju, fl-iskola “La Inmaculada” huma offruti wkoll servizzi ta’ tagħlim oħrajn li fis-sistema Spanjola jitqiesu bħala volontarji, u dawn fil-fatt minn naħa waħda jikkonsistu fl-edukazzjoni infantili (educación infantil) u min-naħa l-oħra fl-edukazzjoni postobbligatorja (educación postobligatoria), li jistgħu jwasslu għal matrikola avvanzata (bachillerato) jew għal formazzjoni professjonali (formación profesional). Kif ikkonċeda r-rappreżentant proċedurali tal-Congregación quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finanzjament tal-offerti tat-tagħlim volontarji tinġabar miżata skolastika mingħand il-ġenituri tal-istudenti.

49.      Is-sitwazzjoni tal-aħħar tindika li għall-inqas parti mis-servizzi ta’ tagħlim ipprovduti mill-Congregación fl-iskola “La Inmaculada” għandha n-natura ta’ provvista ta’ servizz klassiku fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE jew, fi kwalunkwe każ, tippreżenta similaritajiet qawwijin għal tali provvista ta’ servizz (42).

50.      Taħt dawn iċ-ċirkustanzi wieħed għandu jassumi li, bis-servizzi ta’ tagħlim ipprovduti fl-iskola tagħha “La Inmaculada”, il-Congregación hija parzjalment attiva ekonomikament u parzjalment mhux ekonomikament u li, għaldaqstant, lanqas is-sala inkwistjoni ma hija ddedikata esklużivament għal għan soċjali, kulturali u edukattiv, iżda hija użata, mill-inqas fuq bażi proporzjonali, għal attività intraprenditorjali tal-Congregación.

51.      Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl-aħħar mill-aħħar ma ħarġitx biċ-ċar id-dimensjoni li għandu t-tagħlim volontarju meta mqabbel mat-tagħlim obbligatorju fl-iskola “La Inmaculada”, hekk li, fi kwalunkwe każ, ma jistax jiġi kkwantifikat, abbażi tal-informazzjoni li għandna preżenti, il-proporzjon tal-attività ekonomika u dik mhux ekonomika tal-Congregación.

52.      Fi kwalunkwe każ, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li, fil-qafas tal-awtonomija proċedurali nazzjonali, tasal għall-konstatazzjonijiet neċessarji relatati mal-attività tal-Congregación li minnhom ikun jista’ jiġi dedott l-użu tas-sala inkwistjoni. F’dan ir-rigward wieħed ċertament ma jistax jieħu inkunsiderazzjoni biss x’sehem mill-ispazji kollha li jikkostitwixxu l-iskola “La Inmaculada” – b’referenza għaż-żona utli sħiħa tal-kumpless ta’ bini – huwa ddedikat lil forma partikolari tat-tagħlim jew oħra (43). Fil-fehma tiegħi, għandha tingħata importanza ħafna ikbar lil ċifri ewlenin oħrajn, bħal partikolarment in-numru tal-klassijiet fl-iskola u s-sigħat tat-tagħlim kif ukoll l-ammont ta’ studenti (44) u ta’ għalliema li jaqgħu taħt forma tat-tagħlim minnhom jew l-oħra; barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-baġit medju annwali li l-iskola tonfoq fuq forma jew oħra tat-tagħlim.

53.      Jekk l-attività intraprenditorjali tal-Congregación ma jkollhiex portata notevoli meta mqabbla mas-servizzi ta’ tagħlim tagħha li għandhom motivazzjoni soċjali, kulturali u edukattiva, u tirriżulta li għandha natura anċillari għal kollox, ikun iġġustifikat li fl-intier tkun preżunta attività mhux ekonomika tal-Congregación. Anki l-Kummissjoni bir-raġun ammettiet dan quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

54.      Tali mod ta’ kunsiderazzjoni huwa partikolarment iġġustifikat minħabba raġunijiet ta’ simplifikazzjoni u jwassal għal applikazzjoni kemm jista’ jkun mingħajr burokrazija tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. Madankollu, sabiex tinżamm konformità mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, huwa neċessarju li jiġi rrikonoxxut livell minimu li jista’ jintuża mill-impriżi u mill-awtoritajiet nazzjonali bħala regola ġenerali sabiex attività ekonomika tiġi kklassifikata bħala kompletament anċillari.

55.      Il-Kummissjoni tidher li qiegħda tassumi li attività ekonomika li ma taqbiżx l-20 % tal-portata sħiħa tat-tagħlim offrut minn istituzzjoni bħalma hija l-Congregación tikkostitwixxi attività purament sekondarja li għandha importanza kompletament anċillari. Sabiex issostni dan l-argument, il-Kummissjoni tinvoka r-Regolament dwar eżenzjonijiet ġenerali (45) kif ukoll il-Qafas dwar l-għajnuna mill-Istat għar-riċerka maħruġ minnha (46).

56.      Huwa ċert li r-Regolament dwar eżenzjonijiet ġenerali – att vinkolanti fi ħdan it-tifsira tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE – għandu jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod sinjifikattiv waqt l-analiżi ta’ din is-sitwazzjoni. Iżda, meta osservata iktar fid-dettall, il-parti operattiva ta’ dan ir-regolament ma fiha l-ebda referenza għal xi tip ta’ livell minimu ta’ 20 %. Huwa biss fil-preambolu tar-regolament imsemmi li, f’kuntest speċifiku għall-aħħar, fi kliem ieħor f’dak li għandu x’jaqsam ma’ infrastrutturi tar-riċerka, tissemma tali perċentwali bħala indikazzjoni (47). Formulazzjoni li essenzjalment hija identika tinsab – mill-ġdid b’referenza għal istituzzjonijiet tar-riċerka jew infrastrutturi tar-riċerka – fil-Qafas tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għar-riċerka, li huwa komunikazzjoni legalment mhux vinkolanti tal-Kummissjoni, li permezz tagħha tavża dwar il-prassi amministrattiva tagħha u tipproponi ċerti miżuri lill-Istati Membri (48).

57.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma ninsabx konvinta li l-livell minimu komparattivament għoli ta’ 20 %, żviluppat mill-Kummissjoni speċifikament għal infrastrutturi tar-riċerka, għandu jiġi ġġeneralizzat u li dan jiġi kkonsultat b’mod ġenerali fil-kuntest tad-determinazzjoni tan-natura ekonomika jew mhux ekonomika ta’ attività.

58.      Għall-kuntrarju – konformement mal-livelli minimi ġeneralment applikati fid-dritt tal-kompetizzjoni (49) u f’materji oħrajn rilevanti għas-suq intern (50) – għandu jiġi preżunt li, f’każijiet normali, attività ekonomika tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompletament anċillari, fil-konfront tal-attività mhux ekonomika, meta, fir-rigward tal-portata tagħha, din tikkonsisti f’inqas minn 10 % tal-attività inkwistjoni tal-istituzzjoni kkonċernata fis-settur rilevanti fil-każ ineżami (hawnhekk: 10 % tal-attività tal-Congregación fil-qasam tas-servizzi ta’ tagħlim skolastiku).

59.      Min-naħa l-oħra, jekk attività ekonomika ta’ istituzzjoni bħalma hija l-Congregación tikkonsisti f’10 % jew iktar, ikollu jiġi preżunt li din l-istituzzjoni hija parzjalment attiva ekonomikament u parzjalment attiva b’mod mhux ekonomiku. Għaldaqstant, anki t-trattament preferenzjali statali mogħti lilha – hawnhekk: l-eżenzjoni mit-taxxa – għandu proporzjonalment (pro rata) jitqies bħala vantaġġ possibbli li jeħtieġ jiġi kkunsidrat fir-rigward tal-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE.

60.      Bħala konklużjoni, nista’ nikkonstata li eżenzjoni mit-taxxa bħal dik ikkontestata hawnhekk ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE minħabba n-nuqqas ta’ attività ekonomika tal-Knisja Kattolika, sakemm din tikkonċerna bini ta’ skola li jintuża mill-Knisja għall-provvista ta’ servizzi ta’ tagħlim fil-qafas tal-missjoni soċjali, kulturali u edukattiva tagħha. Min-naħa l-oħra, teżisti attività ekonomika fejn il-bini kkonċernat jintuża għal skopijiet kummerċjali awtentiċi.

b)      L-erba’ kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE

61.      Huwa biss sa fejn il-Congregación tkun attiva ekonomikament skont il-punti preċedenti (51) u għalhekk titqies bħala impriża li l-eżenzjoni mit-taxxa mixtieqa minnha għandha titkejjel abbażi tal-istandard tal-Artikolu 107(1) TFUE.

62.      Skont l-Artikolu 107(1) TFUE, “[ħ]lief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.”

63.      Il-klassifikazzjoni bħala “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE titlob li l-kundizzjonijiet kollha previsti f’din id-dispożizzjoni jiġu ssodisfatti (52).

64.      B’hekk, l-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkollu l-potenzjal li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, dan għandu jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’ nett, huwa għandu joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni għall-kompetizzjoni (53).

65.      Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-verifika ta’ dawn il-kundizzjonijiet, l-għanijiet suġġettivi ddikjarati mill-awtoritajiet nazzjonali huma inqas deċiżivi mill-effetti tal-interventi li ttieħdu (54).

i)      Intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat

66.      L-ewwel nett, fir-rigward tal-kriterju tal-“għajnuna […] mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat” huwa rrikonoxxut li l-Artikolu 107(1) TFUE jinkludi mhux biss benefiċċji pożittivi bħal sussidji, iżda wkoll interventi li, f’forom differenti, itaffu l-piżijiet li normalment itaqqlu l-baġit ta’ impriża u li, għaldaqstant, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi (55).

67.      Vantaġġ fiskali li, għalkemm ma jkunx jinvolvi l-allokazzjoni ta’ riżorsi tal-Istat, iqiegħed lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli minn dik tal-persuni taxxabbli l-oħra, jaqa’ wkoll taħt l-Artikolu 107(1) TFUE (56). Naturalment dan japplika wkoll meta l-vantaġġ korrispondenti jingħata minn subdiviżjoni statali – hawnhekk: mingħand muniċipalità – jew inkella jwassal sabiex jonqos id-dħul tagħha; dan peress li l-Artikolu 107(1) TFUE jirreferi għall-interventi kollha li huma ffinanzjati minn riżorsi tal-Istat u li huma attribwibbli lill-Istat (57).

68.      Il-fatt li l-eżenzjoni mit-taxxa inkwistjoni f’dan il-każ tirriżulta mill-Ftehim tal-1979, u għaldaqstant għandha l-oriġini tagħha fid-dritt internazzjonali pubbliku, ma jnaqqsilhiex mill-karattru tagħha bħala intervent mill-Istat iffinanzjat minn riżorsi tal-Istat. L-ewwel nett, il-Ftehim tal-1979 intlaħaq bl-involviment sinjifikattiv tal-Istat Spanjol kif ukoll ġie rrettifikat minn dan; għaldaqstant, f’dak li għandu x’jaqsam id-dritt tal-Unjoni, dan għandu jiġi ttrattat bħad-dritt nazzjonali. It-tieni nett, fir-rigward tat-taxxa fuq il-kostruzzjoni, l-installazzjonijiet u x-xogħlijiet, il-Ftehim iwassal għal telf ta’ dħul tas-settur pubbliku fi Spanja. It-tielet nett, l-Istat Spanjol huwa involut ukoll b’mod sinjifikattiv fl-interpretazzjoni u fl-ispeċifikazzjoni tal-Ftehim, kif fl-aħħar mill-aħħar jixhdu d-diversi digrieti tal-Ministeru tal-Finanzi (58). U, ir-raba’ nett, il-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim skont l-Artikolu VI tal-Ftehim ukoll jikkonċedi rwol deċiżiv lill-Istat Spanjol fl-interpretazzjoni u fl-iżvilupp ulterjuri tal-Ftehim.

ii)    Vantaġġ selettiv

69.      L-Artikolu 107(1) TFUE jipprojbixxi l-għajnuna li “tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi”, jiġifieri l-għajnuna selettiva (59). Skont il-ġurisprudenza, il-karatteristika ta’ din in-natura selettiva tal-vantaġġ hija li ċerti impriżi jew ċerti produtturi jiġu ffavoriti meta mqabbla ma’ impriżi jew ma’ produtturi oħra li, fid-dawl tal-għan segwit permezz tas-sistema kkonċernata, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi komparabbli (60).

70.      Kif speċifikat fil-ġurisprudenza stabbilita, sabiex vantaġġ fiskali jiġi stmat bħala selettiv huwa determinanti li l-miżura statali li fuqha huwa bbażat tidderoga mis-sistema komuni sa fejn hija tagħmel distinzjoni mhux iġġustifikata bejn operaturi ekonomiċi li, fid-dawl tal-għan segwit mis-sistema fiskali ta’ dan l-Istat Membru, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi komparabbli (61).

71.      Skont is-“sistema komuni” li hija kkonċernata f’dan il-każ, fi Spanja tinġabar taxxa għall-benefiċċju tal-muniċipalitajiet fuq il-kostruzzjonijiet, l-installazzjonijiet u x-xogħlijiet kollha. Il-fatt li l-Knisja Kattolika biss ma għandhiex għalfejn tħallas din it-taxxa abbażi tal-Ftehim tal-1979 jikkostitwixxi – sakemm din tkun attiva b’mod ekonomiku u għalhekk intraprenditorjali – vantaġġ għaliha li jpoġġiha f’qagħda finanzjarja aħjar meta mqabbla mal-operaturi ekonomiċi l-oħrajn (62). Bl-ebda mod ma huwa kkonċernat vantaġġ li huwa bbażat fuq miżura ġenerali applikabbli, mingħajr distinzjoni, għall-operaturi ekonomiċi kollha u li jista’ jibbenefika minnu kull min jissodisfa l-kundizzjonijiet tiegħu (63).

72.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament tirrikonoxxi li vantaġġ fiskali ma huwiex selettiv meta l-vantaġġ ikun jista’ jiġi ġġustifikat minħabba n-natura jew l-iskop ġenerali tas-sistema li jkun jagħmel parti minnha, b’mod partikolari meta dispożizzjoni fiskali tkun ibbażata direttament fuq prinċipji bażiċi jew prinċipali tas-sistema fiskali nazzjonali (64). Madankollu, skont l-informazzjoni li għandna disponibbli, ma jidhirx li fil-każ inkwistjoni hija mogħtija tali ġustifikazzjoni. Dan peress li r-raġunijiet għall-eżenzjoni mit-taxxa tal-Knisja Kattolika la jirriżultaw mill-iskop ġenerali tad-dispożizzjoni fiskali rilevanti u lanqas mill-prinċipji bażiċi jew prinċipali tas-sistema fiskali Spanjola. Għall-kuntrarju, l-eżenzjoni mit-taxxa kontenzjuża tistrieħ fuq il-Ftehim tal-1979. Għaldaqstant, din hija bbażata fuq evalwazzjonijiet li għandhom l-oriġini tagħhom barra mid-dritt fiskali Spanjol u konsegwentement ma humiex adattati sabiex jeskludu n-natura selettiva tal-vantaġġ.

73.      Fl-istess waqt jista’ jkun nieqes vantaġġ selettiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE fil-każ li l-eżenzjoni mit-taxxa inkwistjoni tikkostitwixxi biss il-kumpens għan-nefqa eventwalment imġarrba mill-Knisja Kattolika fil-qasam tas-servizzi pubbliċi. F’dan ir-rigward huma rilevanti l-kriterji stabbiliti fil-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Altmark Trans (65).

74.      Fl-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji – filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-obbligu kostituzzjonali fl-Artikolu 17(1) TFUE – għandu jittieħed inkunsiderazzjoni kif xieraq l-istatus speċjali tal-knejjes. Huwa minnu li dan jaf tabilħaqq iwassal sabiex is-servizzi ta’ tagħlim offruti fi skola tal-knisja jitqiesu bħala kontribut għall-interess ġenerali, għall-inqas meta dawn is-servizzi ta’ tagħlim jkunu inkorporati fis-sistema edukattiva statali (66).

75.      Madankollu, l-eżenzjoni ġenerali tal-Knisja Kattolika mit-taxxa fuq il-kostruzzjoni, l-installazzjonijiet u x-xogħlijiet fiha nfisha ma sservix bħala kumpens, oġġettiv u partikolarment ikkalkolat b’mod trasparenti, għall-piżijiet speċifiċi li l-Knisja ġarrab fl-implementazzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku (67). Għall-kuntrarju, tali kumpens huwa possibbli biss permezz ta’ miżuri mmirati, partikolarment permezz ta’ allokazzjoni finanzjarja konkreta mill-Istat, filwaqt li, madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk l-allokazzjoni finanzjarja, li l-Congregación xorta waħda qiegħda tingħata mill-Istat Spanjol, tikkostitwixxix diġà kumpens suffiċjenti.

76.      Mingħajr l-arranġamenti msemmija iktar ’il fuq, il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Altmark Trans ma tistax twassal għall-esklużjoni ta’ vantaġġ selettiv għall-Knisja Kattolika f’każ bħal dak inkwistjoni.

iii) Fuq il-kundizzjonijiet tal-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u fuq id-distorsjoni għall-kompetizzjoni

77.      It-tielet u r-raba’ kundizzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, relatati flimkien mill-qrib, jikkonċernaw, it-tnejn li huma, l-impatt tal-għajnuna mill-Istat fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ intern tal-Unjoni. Skont ġurisprudenza stabbilita, f’dan ir-rigward ma hijiex meħtieġa l-prova ta’ effett reali fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li l-kompetizzjoni tkun attwalment is-suġġett ta’ distorsjoni, iżda għandu jiġi eżaminat biss jekk miżura tistax tolqot tali kummerċ u tistax tikkawża distorsjoni għall-kompetizzjoni (68).

78.      Miżura diġà tista’ tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri meta ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta mqabbla ma’ impriżi oħrajn li jikkompetu f’dan il-kummerċ. L-impriża li tibbenefika ma hijiex meħtieġa tipparteċipa hija nfisha fil-kummerċ bejn l-Istati Membri (69).

79.      Fir-rigward tal-kundizzjoni tad-distorsjoni għall-kompetizzjoni, għandu jiġi osservat li l-għajnuna li tippermetti lil impriża sabiex din ma tħallasx l-ispejjeż li normalment kien ikollha tħallas għall-ġestjoni tagħha ta’ kuljum jew għall-attivitajiet normali tagħha toħloq, bħala prinċipju, distorsjoni għall-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni (70).

80.      Għal servizzi ta’ tagħlim ipprovduti kummerċjalment, kif qed niddiskutihom f’din it-taqsima tal-konklużjonijiet tiegħi – jiġifieri fi kliem ieħor l-offerta tat-tagħlim volontarju u offerti fakultattivi oħrajn tal-iskola – pjuttost jeżisti suq li fih jistgħu jkunu attivi transkonfinalment fornituri kbar u saħansitra dawk żgħar. Jekk wieħed mill-fornituri ta’ tali servizzi ta’ tagħlim – bħal fil-każ tal-Knisja Kattolika hawnhekk – jingħata eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kostruzzjoni, l-installazzjonijiet u x-xogħlijiet, filwaqt li l-kompetituri reali jew potenzjali tiegħu jkollhom iħallsu din it-taxxa f’sitwazzjoni komparabbli, dan il-fornitur ikun qiegħed jibbenefika minn vantaġġ fir-rigward tal-ispejjeż, li jista’ jkollu effett pożittiv għalih fil-kompetizzjoni.

81.      Wieħed irid jikkonċedi li s-somma tat-taxxa ta’ EUR 23 730.41, li l-Congregación kellha tħallas f’dan il-każ għall-konverżjoni tas-sala tal-iskola “La Inmaculada”, hija ta’ natura relattivament żgħira meta mqabbla ma’ fatturi tan-nefqa oħrajn rilevanti għas-suq intern.

82.      Iżda, skont ġurisprudenza stabbilita, fid-dritt tal-Unjoni ma hemmx limitu minimu jew perċentwali minima, li taħthom jista’ jiġi kkunsidrat li l-kummerċ bejn l-Istati Membri ma huwiex milqut. La l-ammont relattivament żgħir tal-għajnuna u lanqas id-daqs relattivament żgħir tal-impriża benefiċjarja ma jeskludu a priori l-possibbiltà li l-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jkun milqut (71).

83.      Għaldaqstant, jekk l-attività ekonomika ta’ istituzzjoni għandha piż suffiċjenti sabiex l-istituzzjoni tiġi kklassifikata bħala impriża fis-sens tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni (li hija kwistjoni preliminari għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107 TFUE (72)), imbagħad anki għajnuna komparattivament żgħira tista’ tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

84.      Barra minn hekk, fid-dritt tal-kompetizzjoni Ewropew, l-effetti ta’ miżuri fuq il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni u fuq il-kompetizzjoni fis-suq intern qatt ma għandhom jiġu analizzati b’mod iżolat, iżda dejjem fil-kuntest ekonomiku u ġuridiku tagħhom. F’dan ir-rigward għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, inter alia, jekk huwiex ikkonċernat każ individwali iżolat wieħed jew ħafna każijiet (“sensiela ta’ każijiet”) ta’ problemi simili (73).

85.      Jekk istituzzjoni – bħalma hija l-Knisja Kattolika hawnhekk – tkun fil-pussess ta’ għadd ta’ proprjetajiet immobbli li kollha kemm huma jgawdu mill-eżenzjoni mit-taxxa inkwistjoni, il-vantaġġ kompetittiv tagħha huwa b’mod ċar ogħla minn dak li kapaċi tissuġġerixxi, prima facie, is-somma inkwistjoni fil-kawża prinċipali ta’ EUR 23 730.41 għal proġett ta’ bini wieħed – hawnhekk ir-rinnovazzjoni tas-sala tal-iskola “La Inmaculada”. Dan peress li, bħala fornitur ta’ servizzi ta’ tagħlim, fil-kalkolu tan-nefqa tagħha l-Knisja Kattolika tista’ ġeneralment tikkunsidra l-vantaġġ li jinħolqilha għall-binjiet skolastiċi kollha tagħha permezz tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kostruzzjoni, l-installazzjonijiet u x-xogħlijiet. Jekk wieħed iqis ukoll li l-Ftehim tal-1979 jipprevedi sensiela ta’ eżenzjonijiet mit-taxxa oħrajn, dan il-vantaġġ huwa saħansitra iktar qawwi.

86.      Barra minn hekk, skont ir-regola de minimis adottata mill-Kummissjoni Ewropea (74), huma biss il-miżuri ta’ għajnuna li f’perijodu ta’ tliet snin fiskali ma jaqbżux somma totali ta’ EUR 200 000 li jitqiesu bħala “miżuri […] li ma jissodisfawx il-kriterji [kollha] tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat”. L-eżenzjoni mit-taxxa inkwistjoni hawnhekk, kif speċifikata fil-Ftehim tal-1979, ma ġġorrx tali restrizzjoni f’termini ta’ żmien u ta’ ammont u, skont l-Artikolu IV(1)(B) ta’ dan il-ftehim, tapplika b’mod ġenerali u mingħajr restrizzjoni għall-kostruzzjonijiet, għall-installazzjonijiet u għax-xogħlijiet kollha tal-Knisja Kattolika fi Spanja. Konsegwentement, din l-eżenzjoni mit-taxxa ma tistax tibbenefika mir-regola de minimis.

c)      Riżultat interim

87.      Għalhekk, sakemm il-Congregación tkun attiva ekonomikament skont il-punti preċedenti u għaldaqstant għandha titqies bħala impriża (75), eżenzjoni mit-taxxa bħal dik ikkontestata fil-kawża prinċipali għandha tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat li għaliha tapplika l-projbizzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE.

3.      Il-konsegwenzi tal-eventwali klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat

88.      Jonqos li tiġi diskussa l-kwistjoni dwar il-konsegwenzi li jistgħu jinħolqu għall-kawża prinċipali minħabba l-klassifikazzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa kontenzjuża bħala għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE. Fil-fatt, mill-Artikolu 108 TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE jistgħu jirriżultaw partikolaritajiet li għalihom ġibed l-attenzjoni bis-sħiħ partikolarment il-Gvern Spanjol. Sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli, finalment għandhom jiġu indirizzati fil-qosor dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet u l-problemi li jirriżultaw minnhom (76).

a)      Fuq id-distinzjoni bejn għajnuna eżistenti u għajnuna ġdida fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 108 TFUE

89.      L-Artikolu 108 TFUE jagħmel distinzjoni bejn skemi ta’ għajnuna eżistenti u għajnuna ġdida. Filwaqt li għajnuna ġdida ma tistax tkun imwettqa sakemm ma tkunx ġiet approvata mill-Kummissjoni [Artikolu 108(3) TFUE], l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti huma sempliċement suġġetti għal eżaminazzjoni kontinwa mill-Kummissjoni [Artikolu 108(1) TFUE]. Fil-qosor, għal għajnuna ġdida konsegwentement japplika obbligu ta’ notifika u projbizzjoni dwar l-implementazzjoni fejn, f’każ ta’ ksur, l-għoti tal-għajnuna għandu jitqies illegali (77), filwaqt li skemi ta’ għajnuna eżistenti jistgħu jiġu implementati b’mod regolari sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ikkonstatat l-irregolarità tagħhom (78).

90.      Dan ifisser li, f’każ li fir-rigward tal-eżenzjoni mit-taxxa inkwistjoni hija kkonċernata skema ta’ għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 108(1) TFUE, il-qorti tar-rinviju ma tistax tikklassifika l-konċessjoni tagħha bħala illegali, sakemm il-Kummissjoni ma tkunx iddikjaratha bħala inkompatibbli mas-suq intern.

91.      Prima facie, il-preżunzjoni ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti hija msaħħa bil-fatt li l-Ftehim tal-1979 joriġina minn żmien qabel l-adeżjoni ta’ Spanja fil-Komunitajiet Ewropej; kif huwa magħruf, din l-adeżjoni ma saritx qabel l-1986.

92.      Iżda għall-kategorizzazzjoni ta’ miżura bħala skema ta’ għajnuna eżistenti jew bħala għajnuna ġdida għandu jkun determinanti biss il-mument li fih tibda, jew ikun hemm theddida li tibda, distorsjoni għall-kompetizzjoni marbuta mal-għajnuna (79). F’dan il-każ tali distorsjoni għall-kompetizzjoni ma setgħetx isseħħ qabel l-1988, meta Spanja introduċiet it-taxxa fuq il-kostruzzjoni, l-installazzjonijiet u x-xogħlijiet. F’dan il-mument Spanja kienet diġà membru tal-Komunitajiet Ewropej.

93.      Għaldaqstant, eżenzjoni mit-taxxa bħal dik inkwistjoni hawnhekk ma tistax tiġi kklassifikata bħala skema ta’ għajnuna eżistenti iżda għandha tiġi kkunsidrata bħala għajnuna ġdida. Konsegwentement, l-Artikolu 108 TFUE ma jipprekludix lill-qorti tar-rinviju milli tassumi konċessjoni ta’ għajnuna illegali fil-kawża prinċipali.

b)      Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 351 TFUE fir-rigward tal-Ftehim tal-1979

94.      Finalment jonqos li jiġi mistħarreġ jekk l-Artikolu 351 TFUE jippermettix lill-qorti tar-rinviju, jew saħansitra jekk jobbligahiex, tidderoga, fil-kawża prinċipali, mill-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE u tagħti lill-Knisja Kattolika l-eżenzjoni mit-taxxa kontenzjuża, saħansitra anki jekk fil-verità tkun ikkonċernata għajnuna mill-Istat illegali.

95.      Kif speċifikat fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn konvenzjoni rregolata mid-dritt internazzjonali pubbliku, li Stat Membru jkun ikkonkluda ma’ pajjiż terz qabel l-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni, ma jintlaqtux mid-dritt tal-Unjoni.

96.      L-Artikolu 351 TFUE għandu portata ġenerali u jgħodd għall-konvenzjonijiet internazzjonali kollha li jistgħu jaffettwaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, irrispettivament mis-suġġett tagħhom (80). Għalhekk, din id-dispożizzjoni fil-fatt hija applikabbli wkoll fir-rigward tal-Ftehim tal-1979.

97.      Madankollu, mill-Artikolu 351 TFUE ma jirriżultax obbligu li ssir deroga minn dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni bħall-Artikolu 107(1) TFUE. Għall-kuntrarju, l-Istati Membri għandhom sempliċement jingħataw il-possibbiltà li jħarsu kwalunkwe obbligi taħt id-dritt internazzjonali pubbliku adottati qabel l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni (81) filwaqt li, fejn hemm bżonn, issir deroga mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni sabiex jintlaħaq dan l-għan (82). Min-naħa l-oħra, fejn il-konvenzjoni rregolata mid-dritt internazzjonali pubbliku inkwistjoni tippermetti li l-Istat Membru jkollu marġni ta’ diskrezzjoni, dan irid juża dan il-marġni b’tali mod li jikkonforma mad-dritt tal-Unjoni (83).

98.      Fi kwalunkwe każ, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda tal-qorti nazzjonali, li tikkonstata l-ambitu tal-obbligi taħt id-dritt internazzjonali pubbliku li jirriżultaw għal Spanja mill-Ftehim tal-1979 (84).

99.      Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju ser ikollha teżamina jekk l-Artikolu IV(1)(B) tal-Ftehim tal-1979 jistabbilixxix, b’mod imperattiv, li l-Knisja Kattolika trid tiġi eżentata b’mod ġenerali mit-taxxa fuq il-kostruzzjoni, l-installazzjonijiet u x-xogħlijiet, għall-binjiet kollha tagħha fi Spanja – anki dawk li huma kompletament jew parzjalment iddedikati għal attività ekonomika. Huwa biss f’dan il-każ li jeżisti kunflitt mal-projbizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE, u hawnhekk biss l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE jippermetti lill-qorti tar-rinviju tidderoga mill-Artikolu 107(1) TFUE waqt is-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

100. B’mod marġinali ninnota li, kif stabbilit flit-tieni paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, l-Istat Spanjol, f’każ bħal dak inkwistjoni, għandu l-obbligu li japplika l-miżuri opportuni sabiex titneħħa inkompatibbiltà eventwali tal-Artikolu IV(1)(B) tal-Ftehim tal-1979 mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar għajnuna mill-Istat. L-ewwel nett, Spanja jkollha tagħmel użu b’mod attiv mill-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim, kif stabbilit fl-Artikolu VI tal-Ftehim, sabiex – għall-inqas għall-ġejjieni – tasal, bi qbil mas-Santa Sede, għal interpretazzjoni tal-Artikolu IV(1)(B) tal-Ftehim li hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u partikolarment mal-Artikolu 107(1) TFUE. Fil-każ li dan l-approċċ ma jwassalx għal soluzzjoni, li tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni, fi żmien adegwat, Spanja jkollha tikkanċella dan il-ftehim (85).

4.      Sommarju

101. Bħala konklużjoni, nista’ nikkonstata:

Eżenzjoni mit-taxxa bħal dik inkwistjoni hawnhekk ma tmurx kontra l-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn huwa kkonċernat bini tal-iskola li jintuża mill-Knisja Kattolika għall-provvista tas-servizzi ta’ tagħlim fil-qafas tal-missjoni soċjali, kulturali u edukattiva tagħha. Min-naħa l-oħra, tali eżenzjoni mit-taxxa tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat ipprojbita skont l-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-bini kkonċernat jintuża għal skopijiet kummerċjali awtentiċi.

VI – Konklużjoni

102. Fl-isfond tal-argumenti esposti iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta segwenti għat-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Juzgado de lo Contencioso-administrativo no 4 de Madrid (qorti amministrattiva Nru 4 ta’ Madrid):

Eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kostruzzjoni, l-installazzjonijiet u x-xogħlijiet, bħal dik li għandha dritt għaliha l-Knisja Kattolika skont il-Ftehim tat-3 ta’ Jannar 1979 bejn l-Istat Spanjol u s-Santa Sede dwar affarijiet ekonomiċi, ma tmurx kontra l-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn din tikkonċerna bini tal-iskola li l-Knisja Kattolika ma tużax għall-provvista kummerċjali ta’ servizzi ta’ tagħlim, iżda għall-provvista ta’ servizzi ta’ tagħlim fil-qafas tal-missjoni soċjali, kulturali u edukattiva tagħha.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Ara partikolarment is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1988, Humbel u Edel (263/86, EU:C:1988:451), tas-7 ta’ Diċembru 1993, Wirth (C‑109/92, EU:C:1993:916), kif ukoll tal-11 ta’ Settembru 2007, Schwarz u Gootjes-Schwarz (C‑76/05, EU:C:2007:492) u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑318/05, EU:C:2007:495); ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-EFTA tal-21 ta’ Frar 2008, Private Barnehagers vs Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA (E-5/07, Report of the EFTA Court 2008, 61).


3 – Ara reċentement, pereżempju, il-kawżi Achbita (C‑157/15) u Bougnaoui u ADDH (C‑188/15).


4BOE Nru 300 tal-15 ta’ Diċembru 1979, p. 28782 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim tal-1979” jew sempliċement il-“Ftehim”).


5 – Impuesto sobre Construcciones, Instalaciones y Obras (ICIO).


6 – Ley reguladora de las Haciendas Locales.


7 – Real Decreto Legislativo.


8BOE Nru 59 tad-9 ta’ Marzu 2004, p. 10284.


9BOE Nru 144 tas-16 ta’ Ġunju 2001, p. 21427 (iktar ’il quddiem id-“digriet tal-2001”).


10 – EHA/2814/2009, BOE Nru 254 tal-21 ta’ Ottubru 2009, p. 88046 (iktar ’il quddiem id-“digriet tal-2009”).


11 – Impuesto sobre Bienes Inmuebles (IBI).


12 – Skont l-informazzjoni tal-Gvern Spanjol, din il-kjarifika seħħet “bi ftehim mal-Konferenza tal-Isqfijiet Spanjola” u serviet sabiex twarrab it-tħassib espress min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tal-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat (Az. SA.22829, Spanja – Eżenzjoni mit-taxxa għall-benefiċċju tal-istituzzjonijiet Kattoliċi [E 2/2007]).


13 – ECLI:ES:AN:2013:5382 (is-sentenza tal-aħħar kienet ikkonfermata permezz tas-sentenza tat-Tribunal Supremo Spanjol tad-19 ta’ Novembru 2014, ECLI:ES:TS:2014:4901).


14 – Iktar ’il quddiem il-“Congregación”.


15 – Órgano de Gestión Tributaria.


16 – Il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza l-bżonn li jitħares l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura pereżempju fid-digriet tat-12 ta’ Mejju 2016, Security Service et (C‑692/15 sa C‑694/15, EU:C:2016:344, punt 18). Fil-ġurisprudenza stabbilita preċedenti diġà kienu fformulati rekwiżiti bl-istess kontenut dwar l-ammissibbiltà ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari; ara, inter alia, is-sentenzi tal-24 ta’ April 2012, Kamberaj (C‑571/10, EU:C:2012:233, punt 42), u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Vervloet et (C‑76/15, EU:C:2016:975, punti 56 u 57).


17 – Fl-istess sens ara d-digriet tat-8 ta’ Ottubru 2002, Viacom (C‑190/02, EU:C:2002:569, punti 21 u 22), kif ukoll is-sentenzi tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7 (C‑380/05, EU:C:2008:59, punt 58), tal-21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa (C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 20), u tat-13 ta’ Frar 2014, Airport Shuttle Express et (C‑162/12 u C‑163/12, EU:C:2014:74, punt 38).


18 – Sentenzi tas-7 ta’ Settembru 1999, Beck u Bergdorf (C‑355/97, EU:C:1999:391, punt 22), tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 25), tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 20), u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Vervloet et (C‑76/15, EU:C:2016:975, punt 57).


19 – Sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 2008, Commune de Mesquer (C‑188/07, EU:C:2008:359, punt 31), u tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 36).


20 – Ara, fl-istess sens, inter alia, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Boxus et (C‑128/09 sa C‑131/09, C‑134/09 u C‑135/09, EU:C:2011:667, punt 27).


21 – Għal finijiet ta’ semplifikazzjoni, f’dan il-każ ser nirrinunzja r-referenza speċifika “[għall-]assoċjazzjonijiet jew il-komunitajiet reliġjużi”, li wkoll huma kkunsidrati fl-Artikolu 17 TFUE.


22 – Fejn fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-Congregación invokat il-libertà tar-reliġjon (Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali), l-argumenti tiegħi dwar l-Artikolu 17 TFUE japplikaw korrispondentement.


23 – Iffirmat f’Ruma fid-29 ta’ Ottubru 2004 (ĠU 2004, C 310, p. 1).


24 – Dikjarazzjoni Nru 11 dwar l-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adottat it-Trattat ta’ Amsterdam iffirmat fit-2 ta’ Ottubru 1997 (ĠU 1997, C 340, p. 133).


25 – Sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1988, Steymann (196/87, EU:C:1988:475, punti 9 u 14), u tal-14 ta’ Marzu 2000, Église de scientologie (C‑54/99, EU:C:2000:124).


26 – Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1974, Walrave u Koch (36/74, EU:C:1974:140), tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, EU:C:1995:463), tat-18 ta’ Lulju 2006, Meca-Medina u Majcen vs Il-Kummissjoni (C‑519/04 P, EU:C:2006:492), tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (C‑49/07, EU:C:2008:376), u tas-16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais (C‑325/08, EU:C:2010:143).


27 – Sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2007, Schwarz u Gootjes-Schwarz (C‑76/05, EU:C:2007:492) u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑318/05, EU:C:2007:495).


28 – Sentenzi tat-2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni (173/73, EU:C:1974:71, punt 26), tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et (C‑39/94, EU:C:1996:285, punt 58), u tal-15 ta’ Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium (C‑393/04 u C‑41/05, EU:C:2006:403, punt 27).


29 – Ara f’dan ir-rigward, inter alia, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1990, SARPP (C‑241/89, EU:C:1990:459, punt 8), tat-2 ta’ Diċembru 2009, Aventis Pasteur (C‑358/08, EU:C:2009:744, punt 50), tas-17 ta’ Lulju 2014, Leone (C‑173/13, EU:C:2014:2090, punti 56 u 64), u tat-13 ta’ Lulju 2016, Pöpperl (C‑187/15, EU:C:2016:550, punt 35).


30 – Sentenzi tas-16 ta’ Novembru 1977, GB-Inno-BM (13/77, EU:C:1977:185, punt 31), tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et (C‑280/06, EU:C:2007:775, punt 38), tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 20), u tal-5 ta’ Marzu 2015, Il-Kummissjoni et vs Versalis et (C‑93/13 P u C‑123/13 P, EU:C:2015:150, punt 88).


31 – Sentenzi tat-23 ta’ April 1991, Höfner u Elser (C‑41/90, EU:C:1991:161, punt 21), tas-16 ta’ Marzu 2004, AOK Bundesverband et (C‑264/01, C‑306/01, C‑354/01 u C‑355/01, EU:C:2004:150, punt 46), u tas-17 ta’ Settembru 2015, Total vs Il-Kummissjoni (C‑597/13 P, EU:C:2015:613, punt 33); b’mod simili s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1984, Hydrotherm Gerätebau (170/83, EU:C:1984:271, punt 11).


32 – Sentenza tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C‑309/99, EU:C:2002:98, punt 112).


33 – Sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 25, l-aħħar sentenza). Fl-istess sens is-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 1987, Il-Kummissjoni vs L-Italja (118/85, EU:C:1987:283, punt 7), tat-18 ta’ Marzu 1997, Diego Calì & Figli (C‑343/95, EU:C:1997:160, punti 16 u 18), u tal-24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (C‑82/01 P, EU:C:2002:617, punt 75), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Viacom Outdoor (C‑134/03, EU:C:2004:676, punt 72) u MOTOE (C‑49/07, EU:C:2008:142, punt 49).


34 – Sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 1998, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑35/96, EU:C:1998:303, punt 36), tat-12 ta’ Settembru 2000, Pavlov et (C‑180/98 sa C‑184/98, EU:C:2000:428, punt 75), tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et (C‑222/04, EU:C:2006:8, punt 108), tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 22), u tat-23 ta’ Frar 2016, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C‑179/14, EU:C:2016:108, punt 149).


35 – Fl-istess sens is-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et (C‑222/04, EU:C:2006:8, punti 122 sa 124), u tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 27); fl-istess sens ara s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Jundt (C‑281/06, EU:C:2007:816, punt 33).


36 – Is-sempliċi libertà li jiġu mwaqqfa stabbilimenti ta’ tagħlim [Artikolu 14(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali] u anki l-libertà tar-reliġjon hija komponent tat-tagħlim [it-tieni sentenza tal-Artikolu 10(1)], fihom infushom ma jagħtux indikazzjoni dwar jekk is-servizzi tat-tagħlim ipprovduti fi stabbiliment ta’ tagħlim partikolari għandhomx ikunu attribwiti lill-ekonomija jew le.


37 – Hawnhekk huma konċepibbli partikolarment donazzjonijiet materjali mill-istudenti u l-ġenituri tagħhom, kif ukoll il-finanzjament privat ta’ ċerti kostruzzjonijiet jew xogħlijiet.


38 – F’dan is-sens – b’rabta mal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni privati – is-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 1993, Wirth (C‑109/92, EU:C:1993:916, punt 17), kif ukoll tal-11 ta’ Settembru 2007, Schwarz u Gootjes-Schwarz (C‑76/05, EU:C:2007:492, punt 40) u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑318/05, EU:C:2007:495, punt 69).


39 – F’dan is-sens – b’rabta mal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni statali – is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1988, Humbel u Edel (263/86, EU:C:1988:451, punti 17 u 18), tas-7 ta’ Diċembru 1993, Wirth (C‑109/92, EU:C:1993:916, punti 15 u 16), kif ukoll tal-11 ta’ Settembru 2007, Schwarz u Gootjes-Schwarz (C‑76/05, EU:C:2007:492, punt 39) u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑318/05, EU:C:2007:495, punt 68). Kif tenfasizza l-Qorti tal-EFTA, din il-ġurisprudenza fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi hija trasferibbli għad-dritt tal-kompetizzjoni u partikolarment għall-qasam tal-għajnuna mill-Istat (sentenza tal-21 ta’ Frar 2008, Private Barnehagers vs Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, E-5/07, Report of the EFTA Court 2008, 61, punti 80 sa 83). Bl-istess sens tesprimi ruħha wkoll il-Kummissjoni fil-punti 28 sa 30 fl-Avviż tagħha dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat (ĠU 2016, C 262, p. 1).


40 – Hekk il-formulazzjoni tad-domanda mressqa lilna mill-qorti tar-rinviju.


41 – Apparti minn donazzjonijiet volontarji, f’dan ir-rigward il-ġenituri qegħdin iħallsu biss għal offerti fakultattivi tal-iskola, bħalma huma t-trasport għall-istudenti u l-ikliet ta’ nofsinhar.


42 – B’mod marġinali biss ninnota li attività intraprenditorjali tkun preżenti wkoll jekk is-sala tal-iskola tiġi mikrija lil terzi f’portata notevoli għal avvenimenti mhux skolastiċi mingħajr rilevanza soċjali jew kulturali.


43 – B’rabta ma’ dan jirriżulta, mill-proċess, li 5.46 % taż-żona utli tal-binjiet tal-iskola “La Inmaculada” jintużaw minn istituzzjoni mingħajr skop ta’ lukru, għal servizzi ta’ tagħlim li ma humiex kofinanzjati mill-Istat. L-evalwazzjoni dwar jekk dawn l-attivitajiet speċifiċi humiex parti mit-tagħlim volontarju msemmi hawn fuq, jew jekk hijiex ikkonċernata offerta tat-tagħlim kummerċjali separata, li tmur lil hinn minn dan, tinsab f’idejn il-qorti nazzjonali.


44 – Waqt is-seduta, il-Kummissjoni argumentat li n-numru ta’ studenti li jagħmlu użu mill-offerta tat-tagħlim volontarju tal-iskola “La Inmaculada” kapaċi jilħaq sa 23 %. Din tistqarr li dan in-numru jirriżulta mill-informazzjoni ppubblikata mill-iskola nfisha fuq is-sit elettroniku tagħha. F’dan ir-rigward, hija tidher li qiegħda tibbaża d-dikjarazzjonijiet tagħha fuq in-numri ta’ studenti fil-fergħat skolastiċi bachillerato u formación profesional fis-sena skolastika 2008/2009 (ara www.escolapiosdegetafe.es/historia, aċċessat l-aħħar fit-12 ta’ Jannar 2017). Ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-korrettezza u l-kompletezza ta’ din l-informazzjoni.


45 – Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014, tas-17 ta’ Ġunju 2014, li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU 2014, L 187, p. 1).


46 – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Qafas għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni (ĠU 2014, C 198, p. 1).


47 – Premessa 49 tar-Regolament Nru 651/2014.


48 – Punt 20 tal-Qafas.


49 – Sabiex jiġi evalwat jekk, fil-qafas tal-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 102 TFUE, ċerti prattiki tal-impriżi jistgħux ikollhom impatti sinjifikattivi fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, kemm fil-ġurisprudenza kif ukoll fil-prassi tal-Kummissjoni – minbarra kriterji oħrajn – huwa stabbilit limitu minimu fir-rigward tas-sehem mis-suq li jammonta għal 5 %; ara, f’dan ir-rigward, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Linji Gwida dwar l-effett fuq il-kunċett ta’ kummerċ li jinsab fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat”, punti 46, 52 u 53 (ĠU 2004, C 101, p. 81).


50 – Bl-istess mod fil-qasam tal-VAT, il-Ġermanja ngħatat is-setgħa mill-Kunsill sabiex teskludi t-tnaqqis tat-taxxa tal-input għal merkanzija u servizzi li 90 % jew iktar tagħhom qegħdin jintużaw għal skopijiet privati tal-persuna taxxabbli jew tal-persunal tagħha, jew ġeneralment għal skopijiet barra dawk tan-negozju (Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/186/KE tat-28 ta’ Frar 2000; ĠU 2000, L 59, p. 12). Għaldaqstant, hawnhekk hija preżunta attività ekonomika anċillari biss jekk tammonta għal inqas minn 10 % tal-attività totali.


51 – Ara l-punti 36 sa 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


52 – Sentenzi tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415, punt 74), tat-8 ta’ Mejju 2013, Libert et (C‑197/11 u C‑203/11, EU:C:2013:288, punt 74), kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck (C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punt 40) u Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et (C‑20/15 P u C-21/15 P, EU:C:2016:981, punt 53).


53 – Sentenzi tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415, punt 75), tat-8 ta’ Mejju 2013, Libert et (C‑197/11 u C‑203/11, EU:C:2013:288, punt 74), kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck (C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punt 40) u Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et (C‑20/15 P u C-21/15 P, EU:C:2016:981, punt 53).


54 – Sentenzi tat-3 ta’ Marzu 2005, Heiser (C‑172/03, EU:C:2005:130, punt 46), tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il-Kummissjoni (C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/01 P, EU:C:2011:368, punt 94), tas-26 ta’ Ottubru 2016, Orange vs Il-Kummissjoni (C‑211/15 P, EU:C:2016:798, punt 38), u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck (C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punt 48).


55 – Sentenzi tat-23 ta’ Frar 1961, De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs Hohe Behörde (30/59, EU:C:1961:2, p. 43), tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España (C‑387/92, EU:C:1994:100, punt 13), tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et (C‑39/94, EU:C:1996:285, punt 58), u tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech (C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 33).


56 – Sentenzi tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España (C‑387/92, EU:C:1994:100, punt 14), tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit (C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punt 72), tad-9 ta’ Ottubru 2014, Ministerio de Defensa u Navantia (C‑522/13, EU:C:2014:2262, punt 23), u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et (C‑20/15 P u C-21/15 P, EU:C:2016:981, punt 56); similarment is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni (C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416, partikolarment punt 81).


57 – F’dan is-sens ara s-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 1987, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (248/84, EU:C:1987:437, punt 17), u tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni (C‑88/03, EU:C:2006:511, punt 55).


58 – Ara l-punt 13 iktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


59 – Sentenza tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech (C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 54).


60 – Sentenzi tat-3 ta’ Marzu 2005, Heiser (C‑172/03, EU:C:2005:130, punt 40), tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech (C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 55), kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck (C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punti 41 u 54) u Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et (C‑20/15 P u C-21/15 P, EU:C:2016:981, punt 54); fl-istess sens is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (C‑143/99, EU:C:2001:598, punt 41).


61 – Sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (C‑143/99, EU:C:2001:598, punti 41 u 42), tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni (C‑88/03, EU:C:2006:511, punti 54 u 56), tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit (C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punti 73, 75 u 101), u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et (C‑20/15 P u C-21/15 P, EU:C:2016:981, punti 54 u 60).


62 – Ara, rigward il-kriterju tal-pożizzjoni finanzjarja aħjar, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium (C‑393/04 u C‑41/05, EU:C:2006:403, punt 30), tad-9 ta’ Ottubru 2014, Ministerio de Defensa u Navantia (C‑522/13, EU:C:2014:2262, punt 23), tat-8 ta’ Settembru 2015, Taricco et (C‑105/14, EU:C:2015:555, punt 61), u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et (C‑20/15 P u C-21/15 P, EU:C:2016:981, punt 56).


63 – Ara, rigward il-problema tal-miżura ġenerali applikabbli mingħajr distinzjoni għall-operaturi ekonomiċi kollha, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, P (C‑6/12, EU:C:2013:525, punt 18), tad-9 ta’ Ottubru 2014, Ministerio de Defensa u Navantia (C‑522/13, EU:C:2014:2262, punt 23), u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et (C‑20/15 P u C-21/15 P, EU:C:2016:981, punti 56 u 59); fl-istess sens is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (C‑143/99, EU:C:2001:598, punt 35).


64 – Sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni (C‑159/01, EU:C:2004:246, punti 42 u 43), tat-18 ta’ Lulju 2013, P (C‑6/12, EU:C:2013:525, punt 22), kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et (C‑20/15 P u C-21/15 P, EU:C:2016:981, punt 58) u Il-Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck (C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punt 41); similarment is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (C‑143/99, EU:C:2001:598, punt 42), u tad-9 ta’ Ottubru 2014, Ministerio de Defensa u Navantia (C‑522/13, EU:C:2014:2262, punti 42 u 43).


65 – Sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415, punti 83 sa 94, partikolarment il-punti 88 sa 93); ġurisprudenza stabbilita sussegwenti; ara wkoll is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016, Orange vs Il-Kummissjoni (C‑211/15 P, EU:C:2016:798, punti 42 u 44).


66 – L-ewwel kriterju tal-ġurisprudenza Altmark Trans (sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, EU:C:2003:415, punt 89).


67 – It-tieni kriterju tal-ġurisprudenza Altmark Trans (sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, EU:C:2003:415, punti 90 u 91).


68 – Sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et (C‑222/04, EU:C:2006:8, punt 140), tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech (C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 65), tas-26 ta’ Ottubru 2016, Orange vs Il-Kummissjoni (C‑211/15 P, EU:C:2016:798, punt 64), u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Vervloet et (C‑76/15, EU:C:2016:975, punt 102).


69 – Sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et (C‑222/04, EU:C:2006:8, punti 141 sa 143), tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech (C‑518/13, EU:C:2015:9, punti 66 u 67), u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Vervloet et (C‑76/15, EU:C:2016:975, punt 104).


70 – Sentenzi tat-30 ta’ April 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja u Wam (C‑494/06 P, EU:C:2009:272, punt 54), u tas-26 ta’ Ottubru 2016, Orange vs Il-Kummissjoni (C‑211/15 P, EU:C:2016:798, punt 66).


71 – Sentenza tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (“Tubemeuse”, C‑142/87, EU:C:1990:125, punt 43), tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415, punt 81), tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech (C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 68), u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Vervloet et (C‑76/15, EU:C:2016:975, punt 107).


72 – Ara, f’dan ir-rigward, l-argumenti tiegħi iktar ’il fuq dwar il-kunċett ta’ impriża, partikolarment il-punti 53 u 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


73 – Essenzjali għal dan hija s-sentenza tat-28 ta’ Frar 1991, Delimitis (C‑234/89, EU:C:1991:91, punti 19 sa 27), skont liema, waqt l-analiżi ta’ effetti eventwalment antikompetittivi ta’ ftehimiet bejn l-impriżi, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod sinjifikattiv, li fis-suq jeżistu “sensiela ta’ kuntratti simili”, li jistgħu jiġġeneraw “effett kumulattiv tal-esklużjoni”; ara, barra minn hekk, is-sentenzi tas-27 ta’ April 1994, Almelo (C‑393/92, EU:C:1994:171, punt 37), u tas-26 ta’ Novembru 2015, Maxima Latvija (C‑345/14, EU:C:2015:784, punt 26); b’mod simili s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 79).


74 – Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013, tat-18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna de minimis (ĠU 2013, L 352, p. 1). Kif indikat fl-Artikolu 7(1) tiegħu, dan ir-regolament japplika wkoll għal għajnuna mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu.


75 – Ara l-punti 36 sa 60, iktar ’il fuq, ta’ dawn il-konklużjonijiet.


76 – Dwar in-neċessità li l-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli filwaqt li, fejn hemm bżonn, jiġu diskussi wkoll aspetti tad-dritt tal-Unjoni li ma humiex espliċitament is-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari, ara s-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1990, SARPP (C‑241/89, EU:C:1990:459, punt 8), tat-2 ta’ Diċembru 2009, Aventis Pasteur (C‑358/08, EU:C:2009:744, punt 50), tat-18 ta’ Diċembru 2014, Centre public d’action sociale d’Ottignies-Louvain-La-Neuve (C‑562/13, EU:C:2014:2453, punt 37), u tas-17 ta’ Diċembru 2015, Neptune Distribution (C‑157/14, EU:C:2015:823, punti 33 u 34).


77 – Sentenzi tal-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑301/87, EU:C:1990:67, punt 17), tat-12 ta’ Frar 2008, Centre d’exportation du livre français (C‑199/06, EU:C:2008:79, punti 36 u 37), tal-21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa (C‑284/12, EU:C:2013:755, punti 25 u 26), u tal-11 ta’ Novembru 2015, Klausner Holz Niedersachsen (C‑505/14, EU:C:2015:742, punti 18 u 19).


78 – Sentenzi tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España (C‑387/92, EU:C:1994:100, punt 20), tat-18 ta’ Lulju 2013, P (C‑6/12, EU:C:2013:525, punt 36), u tas-26 ta’ Ottubru 2016, DEI vs Il-Kummissjoni (C‑590/14 P, EU:C:2016:797, punt 45).


79 – F’dan is-sens ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Vervloet et (C‑76/15, EU:C:2016:386, punt 115), fir-rigward tal-kwistjoni dwar meta għajnuna ġdida għandha tiġi kkunsidrata bħala “stabbilita” jew “imwettqa” fis-sens tal-Artikolu 108(3) TFUE. L-istess kriterju relatat mal-bidu tad-distorsjoni għall-kompetizzjoni jista’ jintuża wkoll għad-distinzjoni bejn għajnuna ġdida u skemi ta’ għajnuna eżistenti.


80 – Sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 1980, Burgoa (812/79, EU:C:1980:231, punt 6), u tat-2 ta’ Awwissu 1993, Levy (C‑158/91, EU:C:1993:332, punt 11).


81 – Sentenzi tat-28 ta’ Marzu 1995, Evans Medical u Macfarlan Smith (C‑324/93, EU:C:1995:84, punt 27), tal-14 ta’ Jannar 1997, Centro-Com (C‑124/95, EU:C:1997:8, punt 56), u tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 61).


82 – F’dan is-sens is-sentenzi tal-14 ta’ Jannar 1997, Centro-Com (C‑124/95, EU:C:1997:8, punt 61), u tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 301).


83 – Sentenza tat-28 ta’ Marzu 1995, Evans Medical u Macfarlan Smith (C‑324/93, EU:C:1995:84, punt 32).


84 – Sentenzi tat-2 ta’ Awwissu 1993, Levy (C-158/91, EU:C:1993:332 punt 21), tat-28 ta’ Marzu 1995, Evans Medical u Macfarlan Smith (C-324/93, EU:C:1995:84 punt 29), u tal-14 ta’ Jannar 1997, Centro-Com (C-124/95, EU:C:1997:8 punt 58).


85 – Sentenzi tal-14 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑170/98, EU:C:1999:411, punt 42), kif ukoll tal-4 ta’ Lulju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑62/98, EU:C:2000:358, punt 49) u Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑84/98, EU:C:2000:359, punt 58).