Language of document : ECLI:EU:C:2017:71

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

31 ta’ Jannar 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Ażil – Id-Direttiva 2004/83/KE – Livelli minimi tal-kundizzjonijiet li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew li persuni mingħajr stat għandhom jissodisfaw sabiex ikunu jistgħu jitolbu l-istatus ta’ refuġjat – Artikolu 12(2)(ċ) u 12(3) – Esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat – Kunċett ta’ ‘atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti’ – Portata – Membru mexxej ta’ organizzazzjoni terroristika – Kundanna kriminali għal parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ grupp terroristiku – Eżami individwali”

Fil-Kawża C-573/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (kunsill tal-istat, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Novembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Diċembru 2014, fil-proċedura

Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides

vs

Mostafa Lounani

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, M. Ilešič, L. Bay Larsen, J. L. da Cruz Vilaça, E. Juhász, M. Berger u E. Regan, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas (Relatur), A. Borg Barthet, J. Malenovský, E. Levits, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Frar 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Commissaire général aux réfugiés u aux apatrides, minn E. Derriks, avukat,

–        għal M. Lounani, minn C. Marchand u D. Alamat, avukati,

–        għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet u M. Jacobs kif ukoll minn S. Vanrie, bħala aġenti, assistiti minn D. Matray, C. Piront u N. Schynts, avukati,

–        għall-Gvern Elleniku, minn M. Michelogiannaki, bħala aġent,

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González u L. Banciella Rodríguez-Miñón, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn F. X. Bréchot u D. Colas, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Salvatorelli, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u M. Tátrai, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn M. Holt u S. Brandon kif ukoll minn V. Kaye, bħala aġenti, assistiti minn D. Blundell, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-31 ta’ Mejju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(2)(ċ) u tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat [status] ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Commissaire générali aux réfugiés et aux apatrides (il-Kummissarju Ġenerali għar-refuġjati u l-persuni mingħajr stat, iktar ’il quddiem il-“Kummissarju Ġenerali”) u Mostafa Lounani, ċittadin Marokkin, rigward l-applikazzjoni għal dan tal-aħħar tal-kawża tal-esklużjoni minn status ta’ refuġjat minħabba atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

 Il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti

3        Skont il-punti 1 u 3 tal-Artikolu 1 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, iffirmata f’San Francisco (L-Istati Uniti) fis-26 ta’ Ġunju 1945:

“L-għanijiet tan-Nazzjonijiet Uniti huma li ġejjin:

1.      Iż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali u għal dan il-għan: tieħu miżuri kollettivi effettivi għall-prevenzjoni u t-tneħħija ta’ theddid għall-paċi u għat-trażżin ta’ atti ta’ aggressjoni jew ksur ieħor tal-paċi, u għat-twettiq, permezz ta’ mezzi paċifiċi, konformement mal-prinċipji tal-ġustizzja u tad-dritt internazzjonali, l-aġġustament jew is-soluzzjoni ta’ tilwim jew ta’ sitwazzjonijiet, ta’ natura internazzjonali, li jistgħu jwasslu għal ksur tal-paċi; [traduzzjoni mhux uffiċjali]

[…]

3.      It-twettiq ta’ kooperazzjoni internazzjonali fis-soluzzjoni tal-problemi internazzjonali tat-tip ekonomiku, soċjali, intelletwali jew umanitarju, billi tiżviluppa u tinkoraġġixxi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali għal kulħadd, bla distinzjoni ta’ razza, ta’ sess, ta’ lingwa jew ta’ reliġjon”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-Konvenzjoni ta’ Genève

4        Il-Konvenzjoni dwar l-istatus ta’ refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 [Recueil des traités des Nations unies, I‑2545, Vol. 189, p. 150, n° 2545 (1954)], daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954. Hija ġiet ikkompletata mill-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York, fil-31 ta’ Jannar 1967, u li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”).

5        L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, wara li jiddefinixxi, b’mod partikolari, fit-Taqsima A, il-kunċett ta’ “refuġjat” għall-finijiet tal-imsemmija konvenzjoni, jistabbilixxi, fit-Taqsima F:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni ma japplikawx għall-persuni li dwarhom ikun hemm raġuni serja li jiġi susspettat li:

[…]

c)      saru ħatja ta’ atti kuntrarju għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Nazzjonijiet Uniti

6        Fit-28 ta’ Settembru 2001, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem il-“Kunsill tas-Sigurtà”) adotta r-Riżoluzzjoni 1373 (2001) li l-preambolu tagħha jtenni, b’mod partikolari, “il-ħtieġa tal-ġlieda bil-mezzi kollha, skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, kontra t-theddid għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali li joħolqu l-atti ta’ terroriżmu”.

7        Skont il-punt 3(f) u (g) tal-imsemmija riżoluzzjoni, l-Istati huma mitluba “jieħdu l-miżuri xierqa, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u tad-dritt internazzjonali, inklużi l-liġijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, sabiex jiġi żgurat, qabel ma jingħata l-istatus ta’ refuġjat, li l-applikanti għal ażil ma jkunux organizzaw jew iffaċilitaw it-twettiq ta’ atti terroristiċi u li ma jkunux ħadu sehem fihom”, u, min-naħa l-oħra sabiex “jieħdu ħsieb, skont id-dritt internazzjonali, biex l-awturi jew l-organizzaturi ta’ atti terroristiċi jew dawk li jiffaċilitaw dawn l-atti ma jużawx għall-benefiċċju tagħhom l-istatus ta’ refuġjat”.

8        Fil-punt 5 ta’ din l-istess riżoluzzjoni, il-Kunsill tas-Sigurtà jiddikjara “li l-atti, il-metodi u l-prattiki terroristiċi jmorru kontra l-għanijiet u l-prinċipji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u li l-finanzjament u l-organizzazzjoni ta’ atti terroristiċi jew l-istigazzjoni biex jitwettqu dawn l-atti, magħmula bil-ħsieb, imorru wkoll kontra l-għanijiet u l-prinċipji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti”.

9        Fit-12 ta’ Novembru 2001, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 1377 (2001), li fil-punt 5 li fiha “[t]enfasizza li l-atti ta’ terroriżmu internazzjonali huma kuntrarji għall-għanijiet u għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-finanzjament, l-ippjanar u t-tħejjija ta’ atti ta’ terroriżmu internazzjonali, kif ukoll kull forma oħra ta’ sostenn f’dan ir-rigward, huma bl-istess mod kuntrarji għall-għanijiet u għall-prinċipji stabbiliti [fiha]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      Ir-Riżoluzzjoni 1624 (2005), adottata fl-14 ta’ Settembru 2005 mill-Kunsill tas-Sigurtà, tfakkar, b’mod partikolari, li “l-Istati kollha għandhom jikkooperaw bla riservi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, konformement mal-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali, sabiex isibu, jiċħdu l-ażil u jġibu għall-ġustizzja […] kull min jagħti l-appoġġ għall-finanzjament, għall-organizzazzjoni, għall-preparazzjoni jew għat-twettiq ta’ atti ta’ terroriżmu, jew jikkontribwixxi, jipparteċipa jew jipprova jipparteċipa jew jagħti kenn lill-awturi tagħhom”.

11      Fil-punt 1 tar-Riżoluzzjoni 1624 (2005), il-Kunsill tas-Sigurtà jitlob “L-Istati kollha li jadottaw miżuri li jistgħu ikunu neċessarji jew xierqa u li huma konformi mal-obbligi kollha tagħhom skont id-dritt internazzjonali, sabiex:

a)      jipprojbixxu skond il-liġi inċitazzjoni li jitwettaq att jew jitwettqu atti terroristiċi;

b)      jipprevjenu tali inċitazzjoni;

c)      jiċħdu l-ażil lil dawk il-persuni kollha li dwarhom ikun hemm informazzjoni kredibbli u rilevanti li hemm raġunijiet serji li jitqiesu li huma ħatja ta’ tali inċitament”.

12      Ir-Riżoluzzjoni 2178 (2014), adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà fl-24 ta’ Settembru 2014, tafferma, fil-punt 5 tagħha, li “l-Istati Membri […] ma għandhomx iħallu u għandhom irażżnu r-reklutaġġ, l-organizzazzjoni, it-trasport u t-tgħammir ta’ individwi li jivvjaġġaw lejn Stat ieħor li ma jkunx l-Istat tar-residenza jew taċ-ċittadinanza tagħhom bil-għan li jikkommettu, jippjanaw jew iħejju, jew jipparteċipaw f’atti terroristiċi jew li jħarrġu jew jitħarrġu f’atti terroristiċi, u l-finanzjament tal-vjaġġi jew tal-attivitajiet tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

13      Fil-punt 6 ta’ din l-istess riżoluzzjoni, il-Kunsill tas-Sigurtà jfakkar li:

“[…] fir-Riżoluzzjoni tiegħu 1373 (2001), ġie deċiż li l-Istati Membri kollha għandhom jiżguraw li kwalunkwe persuna li tipparteċipa fil-finanzjament, fl-organizzazzjoni, fil-preparazzjoni ta’ atti ta’ terroriżmu jew li jagħtihom appoġġ jiinġieb quddiem il-ġustizzja, u ġie deċiż li l-Istati Membri kollha għandhom jiżguraw li l-kwalifika tar-reati fil-leġiżlazzjoni tagħhom u fir-regolamentazzjoni interna tagħhom, jippermettu, fi proporzjon mal-gravità tar-reat, li jħarrku u li jikkastigaw:

[…]

c)      l-organizzazzjoni deliberata, minn ċittadini tagħhom jew fuq it-territorju tagħhom, ta’ trasport ta’ persuni li jivvjaġġaw lejn Stat ieħor li ma jkunx l-Istat tar-residenza jew taċ-ċittadinanza tagħhom, bil-għan li jwettqu, jippjanaw jew iħejju, jew jipparteċipaw jew li jħarrġu jew jitħarrġu f’atti terroristiċi, jew jipparteċipaw f’attivitajiet oħra li jiffaċilitaw dawn l-atti, inkluż ir-reklutaġġ; [traduzzjoni mhux uffiċjali].

[…]”.

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2004/83

14      Skont il-premessa 3 tad-Direttiva 2004/83, il-Konvenzjoni ta’ Genève tipprovdi l-bażi tar-reġim legali internazzjonali għall-protezzjoni ta’ refuġjati.

15      Il-premessi 16, 17 u 22 ta’ din id-direttiva huma fformulati kif ġej:

“(16) Livelli stabbiliti minimi għad-definizzjoni u l-kontenut ta’ stat ta’ refuġjat għandhom jiġu preskritti sabiex jiggwidaw il-korpi nazzjonali kompetenti ta’ l-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

(17)      Huwa meħtieġ li jiddaħħlu kriterji komuni għall-għarfien ta’ applikanti għal kenn [ażil] (asylum) bħala refuġjati fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

[…]

(22)      Atti għall-kuntrarju għall-għanijiet u l-prinċiji tan-Nazzjonijiet Uniti huma dikjarati fil-Preamblu u l-Artikoli 1 u 2 tal-[Karta] tan-Nazzjonijiet Uniti u huma, fost oħrajn, ġor-Risoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti li għandhom x’jaqsmu ma’ miżuri li jiġġieldu kontra t-terroriżmu, li jiddikjaraw li ‘atti, metodi u prattiċi ta’ terroriżmu huma kuntrarju għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti’ u li l-‘finanzjament, l-ippjanar u t-tqanqil ta’ atti terroristiċi apposta huma wkoll kuntrarju għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti’”.

16      L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/83, intitolat “Esklużjoni” u li jinsab fil-Kapitolu III tagħha li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Kwalifika biex wieħed ikun refuġjat”, jipprovdi, fil-paragrafi (2) u (3) tiegħu:

“2.      Ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandu jiġi eskluż milli jkun refuġjat meta jkun hemm raġunijiet serj[i] li jitqiesu li:

[…]

c)      huwa jew hija kienu ħatja ta’ atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti kif dikjarat fil-Preamblu u l-Artikoli 1 u 2 tal-[Karta] tan-Nazzjonijiet Uniti.

3.      Paragrafu 2 japplika għal persuni li jinstigaw jew inkella jipparteċipaw fil-kommissjoni tad-delitti jew atti msemmija fih.”

 Id-Deċiżjoni Qafas 2002/475/ĠAI

17      Skont il-premessa 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/475/ĠAI tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 18).

“It-tifsira ta’ reati terroristiċi għandha tkun approssimata fl-Istati Membri kollha, inklużi dawk ir-reati dwar il-gruppi terroristiċi. Minn barra dan, għandhom jingħataw penali u s-sanzjonijiet lill-persuni naturali u ġuridiċi li wettqu jew li huma responsabbli għal dawn ir-reati, li jirriflettu s-serjetà ta’ dawn ir-reati.”

18      L-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Reati terroristiċi u d-drittijiet u prinċipji fundamentali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżgura li l-atti intenzjonali msemmija hawn taħt fil-punti (a) sa (i), kif imfissra bħala reati skont il-liġi nazzjonali, li, minħabba n-natura jew il-kuntest tagħhom, jistgħu jagħmlu ħsara serja lill-pajjiż jew organizzazzjoni internazzjonali fejn dawn isiru bl-iskop illi […]:

[…]

a)      l-attakki fuq il-ħajja ta’ persuna li jistgħu jikkaġunaw il-mewt;

b)      l-attakki fuq l-integrità fiżika tal-persuna;

(c)      il-ħtif ta’ persuna jew il-ħtif ta’ ostaġġi;

(d)      id-distruzzjoni estensiva lil Gvern jew faċilità pubblika, sistema ta’ trasport, faċilità [ta’] infrastruttura; […];

(e)      ħtif ta’ ajruplani, vapuri […];

(f)      il-fabbrikazzjoni, il-pussess, l-akkwist, it-trasport, il-kunsinna jew l-użu ta’ armi, splussivi […];

(g)      il-ħelsien ta’ sustanzi perikolużi, jew li joħolqu n-nirien, għargħar jew splussjonijiet li l-effett tagħhom huwa li joħolqu periklu għall-ħajja tal-bniedem;

h)      jinterferixxu jew ifixxklu l-kunsinna ta’ ilma, dawl jew riżorsi naturali u fundamentali oħra […];

(i)      jheddu li jwettqu xi waħda mill-atti msemmija f’(a) sa (h).”

19      L-Artikolu 2 tal-imsemmija Deċiżjoni Qafas, intitolat “Reati li għandhom x’jaqsmu ma’ grupp terroristiku”, jistabbilixxi:

“1.      Għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, ‘grupp terroristiku’ għandha tfisser: grupp li għandu struttura ta’ aktar minn żewġ persuni, mwaqqaf fuq perjodu ta’ żmien u li jaġixxi flimkien sabiex iwettaq atti terroristiċi. ‘Grupp strutturat’ għandha tfisser grupp li ma ġiex iffurmat bl-addoċċ għat-twettieq immedjat ta’ reati u li ma għandux il-ħtieġà ta’ rwoli definiti formalment għall-membri tiegħu, kontinwità tas-sħubija tiegħu jew struttura żviluppata.

2.      Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżgura li l-atti intenzjonali li ġejjin ikunu kastigabbli:

a)      it-tmexxija ta’ grupp terroristiku;

b)      il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku, inkluż bl-għoti ta’ informazzjonji jew riżorsi materjali, jew bl-iffinanzjar ta’ l-attivitajiet tiegħu bi kwalunkwe mod, bil-konoxxenza tal-fatt illi parteċipazzjoni bħal din ser tgħin lill-attivitajiet kriminali tal-grupp terroristiku”.

20      L-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/475/ĠAI ġew emendati permezz tad-Deċiżjoni Qafas 2008/919/ĠAI (ĠU 2008 L 330, p. 21), fejn il-premessa 10 tiddikjara li “[i]d-definizzjoni ta’ reati terroristiċi, inklużi reati marbuta ma’ attivitjajiet terroristiċi, għandha tiġi approssimata aktar fl-Istati Membri kollha, sabiex tkopri l-provokazzjoni pubblika biex jitwettaq reat terroristiku, ir-reklutaġġ għal skopijiet ta’ terroriżmu u taħriġ għal skopijiet ta’ terroriżmu, meta jitwettqu intenzjonalment”.

21      L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/475, kif emendat bid-Deċiżjoni Qafas 2008/919 intitolat “Reati marbuta ma’ attivitajiet terroristiċi”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas:

[…]

b)      ‘reklutaġġ bl-iskop ta’ terroriżmu’ tfisser li wieħed ifittex persuna oħra sabiex twettaq wieħed mir-reati elenkati fl-Artikolu 1(1)(a) sa (h), jew l-Artikolu 2(2);

[…]

2.      Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżgura li r-reati konnessi ma’ attivitajiet terroristiċi jinkludu l-atti intenzjonali li ġejjin:

[…]

b)      reklutaġġ għal skopijiet ta’ terroriżmu;

[…]

f)      it-tħejjija ta’ dokumenti amministrattivi foloz bl-iskop li jitwettaq xi wieħed mir-reati elenkati fl-Artikolu 1(1)(a) sa (h) u l-Artikolu 2(2)(b).”

22      L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/475, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2008/919, hija dwar atti ta’ inċitazzjoni sabiex jitwaqqfu ċerti reati msemmija fl-Artikoli 1 sa 3 tal-imsemmija Deċiżjoni Qafas 2002/475, li wieħed ikun kompliċi u li jagħmel tentattiv sabiex iwettaq dawn ir-reati.

 Id-dritt Belġjan

23      L-Artikolu 55/2 tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 dwar l-aċċess għat-territorju, ir-residenza, l-istabbiliment u t-tkeċċija tal-barranin (Moniteur belge tal-31 ta’ Diċembru 1980, p. 14584 jipprovdi:

“Ċittadin barrani huwa eskluż mill-istatus ta’ refuġjat meta jaqa’ taħt l-Artikolu 1 Taqsimiet D, E jew F tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Dan huwa wkoll il-każ ta’ persuni li jinstigaw delitti jew atti elenkati fl-Artikolu 1 Taqsima F tal-Konvenzjoni ta’ Genève, jew min jipparteċipa bi kwalunkwe mod ieħor”.

24      Il-Liġi tad-19 ta’ Diċembru 2003 dwar r-reati terroristiċi (Moniteur belge tad-29 ta’ Diċembru 2003, p. 61689), adottata bil-għan li tittrasponi fid-dritt Belġjan id-Deċiżjoni Qafas 2002/475, inkludiet fil-Ktieb II tal-Kodiċi Penali it-Titolu 1, intitolat “Fuq ir-Reati terroristiċi”, u li jinkludu l-Artikoli 137 sa 141(b) ta’ dan il-kodiċi.

25      L-Artikolu 137 tal-Kodiċi Penali, kif emendat bil-liġi tad-19 ta’ Diċembru 2003 (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Penali emendat”), jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jikkostitwixxi att terroristiku, ir-reat previst fil-paragrafi 2 u 3, li min-natura tiegħu jew il-kuntest tiegħu, jista’ jagħmel ħsara serja lill-pajjiż jew lil organizzazzjoni internazzjonali bil-għan li jintimidaw serjament il-popolazzjoni jew jisfurzaw b’mod mhux ġġustifikat lil poteri pubbliċi jew organizzazzjoni internazzjonali biex iwettqu jew jastjenu milli jwettqu kwalunkwe att, jew li serjament iwaqqgħu jew jeqirdu l-istrutturi fundamentali politiċi, kostituzzjonali, ekonomiċi jew soċjali ta’ pajjiż jew organizzazzjoni internazzjonali.”

26      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 139, tal-Kodiċi Penali emendat jiddikjara:

“Jikkostitwixxi grupp terroristiku grupp organizzat ta’ iktar minn żewġ persuni, stabbilit matul perjodu ta’ żmien u li jaġixxi bi skop koordinat sabiex iwettaq atti terroristiċi msemmija fl-Artikolu 137.”

27      Skont l-Artikolu 140 tal-Kodiċi Penali emendat, li jikkorrispondi mal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/475:

“1.      Kull min jipparteċipa f’attività ta’ grupp terroristiku, inkluż bil-provviżjoni ta’ informazzjoni jew mezzi materjali lil grupp terroristiku, jew minn kull forma ta’ finanzjament ta’ attività ta’ grupp terroristiku, bl-għarfien li din il-parteċipazzjoni tikkontribwixxi sabiex jitwettaq reat jew delitt ta’ grupp terroristiku, huwa punibbli bi priġunerija ta’ bejn ħames snin sa għaxar snin u b’ammenda ta’ bejn mitt euro sa ħamest elef euro.

2.      Kull mexxej ta’ grupp terroristiku huwa punibbli bi priġunerija ta’ bejn hmistax-il sena u għoxrin sena u ammenda ta’ bejn elf euro u mitejn elf euro.”

 Il-fatti tal -kawża prinċipali u d-domandi preliminari

28      M. Lounani telaq mill-Marokk matul is-sena 1991 u huwa mar il-Ġermanja, fejn ippreżenta applikazzjoni għal ażil, li ġiet miċħuda. Matul is-sena 1997, huwa wasal il-Belġju u rrisjeda hemmhekk illegalment minn dakinhar.

29      Permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Frar 2006, M. Lounani ġie kkundannat mit-tribunal correctionnel de Bruxelles (qorti kriminali ta’ Brussell, il-Belġju), abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 140 tal-Kodiċi Penali emendat, għal piena ta’ sitt snin priġunerija għall-parteċipazzjoni tiegħu fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku, f’dan il-każ iċ-ċellula Belġjana tal-“grupp Iżlamiku tal-ġellieda Marokkini” (iktar ’il quddiem il-“GIĠM”), bħala membru mexxej, kif ukoll għall-assoċjazzjoni kriminali, użu ta’ dokumenti foloz u għal residenza illegali.

30      Il-fatti stabbiliti mit-tribunal correctionnel de Bruxelles (qorti kriminali ta’ Brussell, il-Belġju) sabiex tiddikjara lil M. Lounani ħati ta’ parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku ġew elenkati kif ġej fid-deċiżjoni ta’ rinviju: “appoġġ loġistiku lil impriża terroristika permezz, b’mod partikolari, ta’ servizzi materjali jew intelletwali”; “iffalsifikar ta’ passaporti” u “trasferiment ta’ passaporti b’mod frawdolenti”; “parteċipazzjoni attiva fl-organizzazzjoni ta’ kanal sabiex jintbagħtu voluntiera l-Iraq”. B’mod partikolari, it-trasferiment frawdolenti ta’ passaporti ġie kkwalifikat fis-sentenza tas-16 ta’ Frar 2006 bħala “att ta’ parteċipazzjoni f’attività ta’ ċellula li tagħti l-appoġġ loġistiku tagħha lil moviment terroristiku”.

31      Fis-16 ta’ Marzu 2010, M. Lounani ppreżenta applikazzjoni għal ażil mingħand l-awtoritajiet Belġjani, billi invoka l-biża’ li jsofri persekuzzjoni kieku kellu jintbagħat lura fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu minħabba r-riskju li jiġi kkunsidrat mill-awtoritajiet Marokkini bħala radikali Iżlamiku u ġiħadista, wara l-kundanna tiegħu fil-Belġju. Din l-applikazzjoni għal ażil kienet is-suġġett, fit-8 ta’ Diċembru 2010, ta’ deċiżjoni tal-Commissaire général (Kummissarju Ġenerali), li eskluda lil M. Lounani mill-benefiċċju tal-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 55/2 tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 dwar l-aċċess għat-territorju, ir-residenza, l-istabbiliment u t-tneħħija tal-barranin, u tal-Artikolu 1, Taqsima F(c) tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

32      Fl-24 ta’ Diċembru 2010, M. Lounani ppreżenta rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers (kunsill għal ażil u proċeduri ta’ immigrazzjoni, il-Belġju). Permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Jannar 2011, dan tal-aħħar annulla l-imsemmija deċiżjoni tal-aħħar u rrefera l-fajl lill-Commissaire général (kummissarju ġenerali), għar-raġuni li kien hemm provi essenzjali neqsin fil-fajl li mingħajrhom il-Kunsill ma setax jiddeċiedi dwar il-konferma jew ir-riforma ta’ din l-istess deċiżjoni mingħajr ma jkunu twettqu miżuri ta’ struzzjoni kumplimentari.

33      Fit-2 ta’ Frar 2011, il-Commissaire général (kummissarju ġenerali), ħa deċiżjoni ġdida oħra billi eskluda lil M. Lounani mill-benefiċċju ta’ status ta’ refuġjat. Wara li fit-18 ta’ Frar 2011 ġie adit b’rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni l-ġdida, il-Conseil du contentieux des étrangers (kunsill għal ażil u proċeduri ta’ immigrazzjoni, il-Belġju), permezz ta’ sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, annulla l-imsemmija deċiżjoni u rrefera l-fajl lill-Commissaire général (kummissarju ġenerali), billi qies li dan tal-aħħar ma wettaqx miżuri reali ta’ struzzjoni kumplimentari.

34      Fl-24 ta’ Mejju 2011, il-Commissaire général (kummissarju ġenerali) ħa t-tielet deċiżjoni billi eskluda lil M. Lounani mill-benefiċċju ta’ status ta’ refuġjat. Fl-14 ta’ Ġunju 2011, M. Lounani ppreżenta rikors quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers (kunsill għal ażil u proċeduri ta’ immigrazzjoni, il-Belġju) intiż sabiex jibdel din id-deċiżjoni u għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat. Permezz ta’ sentenza tal-1 ta’ Lulju 2011, il-Conseil du contentieux des étrangers (kunsill għal ażil u proċeduri ta’ immigrazzjoni, il-Belġju) iddeċieda li M. Lounani jingħata l-istatus ta’ refuġjat.

35      Wara li ġie adit b’appell ta’ kassazzjoni amministrattiv kontra din is-sentenza tal-aħħar, il-Conseil d’État (kunsill tal-istat, il-Belġju), permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Lulju 2012, annulla l-imsemmija sentenza u rrefera l-kawża lill-Conseil du contentieux des étrangers (kunsill għal ażil u proċeduri ta’ immigrazzjoni, il-Belġju), diversament kompost.

36      Filwaqt li ddeċieda fuq ir-rinviju, il-Conseil du contentieux des étrangers (kunsill għal ażil u proċeduri ta’ immigrazzjoni, il-Belġju) ikkunsidra li l-fatti speċifikament imputati lil M. Lounani ma kinux jikkonsistu f’delitti terroristiċi bħala tali għaliex, fis-sentenza tiegħu tas-16 ta’ Frar 2006, it-tribunal correctionel de Bruxelles (qorti kriminali ta’ Brussell, il-Belġju) kien ikkundanna lil M. Lounani għall-appartenenza tiegħu fi grupp terroristiku, mingħajr ma akkużatu bit-twettiq jew parteċipazzjoni f’att terroristiku, kif imsemmi fl-Artikolu 137 tal-Kodiċi Penali emendat. Lanqas l-inqas element ta’ att speċifiku kopert minn dan it-tip ta’ reat min-naħa tal-GIĠM, jew ir-realtà ta’ att personali minn M. Lounani, li kien jagħti lok għar-responsabbiltà individwali tiegħu, immirat lejn twettiq ta’ tali att, ma kienu ġew stabbiliti.

37      Wara li kkunsidra, għalhekk, li ebda atti li għalihom M. Lounani kien ġie kkundannat ma kienu jilħqu l-grad ta’ gravità meħtieġ sabiex jiġu kkwalifikati bħala “atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti”, fis-sens tal-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83, il-Conseil du contentieux des étrangers (kunsill għal ażil u proċeduri ta’ immigrazzjoni, il-Belġju), permezz ta’ sentenza tat-12 ta’ Frar 2013, biddel id-deċiżjoni tal-Commissaire général (kummissarju ġenerali) tal-24 ta’ Mejju 2011 u rrikonoxxa lil M. Lounani l-istatus ta’ refuġjat.

38      Il-Commissaire général (kummissarju ġenerali) ressaq appell ta’ kassazzjoni amministrattiv kontra din is-sentenza quddiem il-Conseil d’État (kunsill tal-istat).

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (kunsill tal-istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      Il-punt (ċ) tal-Artikolu 12(12) tad-[Direttiva 2004/83] għandu jiġi interpretat bħala li neċessarjament jimplika, sabiex il-klawżola ta’ esklużjoni li huwa jipprevedi tkun tista’ tapplika, li l-applikant għall-ażil ikun ġie kkundannat għal wieħed mir-reati terroristiċi previsti fl-Artikolu 1(1) tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/475]?

2)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv, fatti, bħal dawk […] li huma imputati fuq il-konvenut permezz tad-deċiżjoni tat-tribunal correctionnel de Bruxelles (qorti kriminali ta’ Brussell, il-Belġju) tas-16 ta’ Frar 2006 u li għalihom huwa ġie kkundannat għall-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni terroristika, jistgħu jitqiesu bħala aġir li jmur kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti fis-sens tal-punt (ċ) tal-Aritkolu 12(2) tad-Direttiva ċċitata iktar ’il fuq 2004/83/KE?

(3)      Fil-kuntest tal-eżami tal-esklużjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu f’organizzazzjoni terroristika, il-kundanna bħala membru mexxej ta’ organizzazzjoni terroristika, li tikkonstata li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali la kien wettaq, u lanqas ma pprova jwettaq jew hedded li jwettaq att terroristiku, hija biżżejjed sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ att ta’ parteċipazzjoni jew ta’ instigazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/83, imputabbli għall-applikant, jew, huwa neċessarju li jsir eżami individwali tal-fatti tal-kawża u li tintwera l-parteċipazzjoni fit-twettiq ta’ reat terroristiku jew l-instigazzjoni ta’ reat terroristiku ddefinit fl-Artikolu 1 tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/475]?

(4)      Fil-kuntest tal-eżami tal-esklużjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu f’organizzazzjoni terroristika, jekk ikun il-każ bħala mexxej, l-att ta’ instigazzjoni jew ta’ parteċipazzjoni, imsemmi fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/83, għandu jkun relatat mat-twettiq ta’ reat terroristiku kif iddefinit fl-Artikolu 1 tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/475], jew jista’ jkun relatat mal-parteċipazzjoni fi grupp terroristiku, imsemmi fl-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni qafas?

(5)      Fil-qasam tat-terroriżmu, l-esklużjoni tal-protezzjoni internazzjonali, prevista fl-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/83, hija possibbli fl-assenza ta’ twettiq, ta’ instigazzjoni jew ta’ parteċipazzjoni f’att vjolenti, ta’ natura partikolarment krudili, kif imsemmi fl-Artikolu 1 tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/475]?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

40      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l- Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tinżamm l-eżistenza tal-kawża ta’ esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat deskritt fih, huwa neċessarju li l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali jkun ġie kkundannat għal wieħed mir-reati terroristiċi previsti fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/475.

41      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, mill-premessi 3, 16 u 17 tad-Direttiva 2004/83 jirriżulta li l-Konvenzjoni ta’ Genève tikkostitwixxi l-bażi tas-sistema ġuridika internazzjonali ta’ protezzjoni tar-refuġjati u li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva dwar il-kundizzjonijiet ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat kif ukoll dwar il-kontenut ta’ din tal-aħħar ġew adottati sabiex jgħinu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri japplikaw din il-konvenzjoni billi jibbażaw ruħhom fuq kunċetti u kriterji komuni (sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et, C‑148/13 sa C‑150/13, EU:C:2014:2406, punt 45).

42      L-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/83 għandha, għaldaqstant, issir fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan tagħha, billi jiġu osservati l-Konvenzjoni ta’ Genève u t-Trattati l-oħra rilevanti msemmija fl-Artikolu 78(1) TFUE. (is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru2010, B u D, C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punt 78, kif ukoll tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et, C‑148/13 sa C‑150/13, EU:C:2014:2406, punt 46).

43      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/83 jikkorrispondi essenzjalment mal-Artikolu 1F(c) tal-Konvenzjoni ta’ Genève li jipprevedi li d-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni ma humiex applikabbli għal kull persuna li fir-rigward tagħha jkun hemm raġunijiet gravi sabiex titqies li tkun instabet ħatja ta’ atti kuntrarji għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti.

44      L-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/83 jirreferi b’mod speċifiku, għall-atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti “kif iddikjarati fil-Preamblu u fl-Artikoli 1 u 2 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti”.

45      Kif iddikjarat fil-premessa 22 tad-Direttiva 2004/83, l-atti kuntrarji għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti, imsemmija fl-Artikolu 12(2)(ċ) ta’ din id-direttiva, huma speċifikati, fost l-oħrajn, “fir-Risoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti li għandhom x’jaqsmu ma’ ‘miżuri li jiġġieldu kontra t-terroriżmu internazzjonali’, li jiddikjaraw li ‘l-atti, metodi u prattiċi ta’ terroriżmu huma kuntrarju għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti’ u li l-‘finanzjament, l-ippjanar u t-tqanqil ta’ atti terroristiċi apposta huma wkoll kuntrarju għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti’”.

46      Fost dawn ir-riżoluzzjonijiet hemm ir-Riżoluzzjoni 1377 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà, fejn jirriżulta li huma kuntrarju għall-għanijiet u l-prinċipji ddikjarati fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti mhux biss “l-atti ta’ terroriżmu internazzjonali” iżda wkoll “il-finanzjament, l-ippjanar u l-preparazzjoni ta’ atti ta’ terroriżmu internazzjonali, kif ukoll il-forom kollha ta’ appoġġ f’dan ir-rigward”.

47      Barra minn hekk, jista’ jiġi dedott mir-Riżoluzzjoni 1624 (2005) tal-Kunsill tas-Sigurtà, li l-atti li huma kuntrarju għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti ma humiex limitati għal “atti, metodi u prattiċi terroristiċi”. Fil-fatt, il-Kunsill tas-Sigurtà jistieden lill-Istati sabiex jiġġieldu kontra t-terroriżmu, konformement mal-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali, sabiex jiċħdu l-ażil u l-għoti tal-ġustizzja lil “kull min jagħti l-appoġġ għall-finanzjament, għall-organizzazzjoni, għall-preparazzjoni jew għat-twettiq ta’ atti ta’ terroriżmu, jew jikkontribwixxi, jipparteċipa jew jipprova jipparteċipa jew jagħti kenn lill-awturi tagħhom”. Barra minn hekk, fil-punt 1(c) tagħha, din ir-riżoluzzjoni tistieden lill-Istati sabiex jiċħdu l-ażil lil kull persuna li fuqha għandhom informazzjoni kredibbli u rilevanti skont liema jeżistu raġunijiet serji li wieħed jaħseb li hija ħatja ta’ inċitazzjoni fit-twettiq ta’ att jew atti terroristiċi.

48      Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti” li tidher fl-Artikolu 1F(ċ) tal-Konvenzjoni ta’ Genève u tal-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38 ma jistax jiġi interpretat bħala limitat għat-twettiq ta’ atti terroristiċi kif speċifikati fir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà (iktar ’il quddiem “atti ta’ terroriżmu”).

49      A fortiori, kuntrarjament għal dak li jsostni M. Lounani, dan il-kunċett ma jistax jiġi interpretat bħala applikabbli biss għar-reati terroristiċi msemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/475, lanqas, għaldaqstant, bħala li teħtieġ l-eżistenza ta’ kundanna penali li tissanzjona tali reat.

50      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessa 6 tagħha, id-Deċiżjoni Qafas 2002/475 hija intiża għall-approssimazzjoni, fl-Istati Membri kollha, tad-definizzjoni ta’ reati terroristiċi, inklużi dawk dwar gruppi terroristiċi.

51      Kif osservat il-Kummissjoni Ewropea, id-Deċiżjoni Qafas 2002/475 telenka, għal dan il-għan, l-atti differenti li jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ġenerali ta’ terroriżmu u r-repertorju f’erba’ kategoriji ta’ reati, jiġifieri ir-“reati terroristiċi” (Artikolu 1), “Reati li għandhom x’jaqsmu ma’ grupp terroristiku” (Artikolu 2), ir-“[r]eati marbuta ma’ attivitajiet terroristiċi” (Artikolu 3) u fl-aħħar nett, l-inċitazzjoni sabiex jitwettqu uħud minn dawn ir-reati, il-fatt li wieħed ikun kompliċi jew il-fatt ta’ tentattiv li wieħed iwettaqhom (Artikolu 4).

52      Jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/83 u jillimita l-kunċett ta’ “atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti” biss għar-reati elenkati fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/475, dan seta’ jagħmlu mingħajr diffikultà, billi kien isemmi espressament dawn ir-reati jew jirreferi għal din id-Deċiżjoni Qafas.

53      Issa, l-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/83 la jirreferi għad-Deċiżjoni Qafas 2002/475, għalkemm din kienet teżisti fid-data li fiha l-Artikolu 12(2)(ċ) ġie redatt, lanqas għal kwalunkwe strument ieħor tal-Unjoni Ewropea adottat fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu.

54      Konsegwentement, għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 12(12)(ċ) tad-Direttiva 2004/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tinżamm l-eżistenza tal-kawża ta’ esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat deskritt fih, ma huwiex neċessarju li l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali jkun ġie kkundannat għal wieħed mir-reati terroristiċi previsti fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/475.

 Fuq it-tieni u t-tielet domandi

 Fuq l-ammissibbiltà

55      Il-Commissaire général (il-kummissarju ġenerali) u l-gvern Belġjan isostnu li t-tielet domanda, kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju, hija inammissibbli, minn naħa, billi ma tesponix suffiċjentement ir-raġunijiet għal liema din il-qorti tikkunsidra li risposta għal din id-domanda hija neċessarja għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, billi tali risposta ma’ tkun ta’ ebda utilità għas-soluzzjoni tal-kawża. F’dan il-każ, fil-fatt, M. Lounani ma ġiex biss ikkundannat abbażi tal-Artikolu 140 tal-Kodiċi Penali emendat, bħala membru mexxej ta’ organizzazzjoni terroristika, iżda wkoll għal atti oħra, inkriminanti fid-dritt Belġjan, imwettqa b’intenzjoni terroristika.

56      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (is-sentenzi tal-14 ta’ April 2016, Polkomtel, C‑397/14, EU:C:2016:256, punt 37; tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 20, u tat-13 ta’ Ottubru 2016, Orezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej u Petrotel, C‑231/15, EU:C:2016:769, punt 16).

57      Issa, dan ma huwiex il-każ fil-kawża preżenti.

58      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-qorti tar-rinviju għamlet it-tieni u t-tielet domandi tagħha fil-kuntest ta’ appell ta’ kassazzjoni amministrattiv kontra s-sentenza tat-12 ta’ Frar 2013, li fih il-Conseil du contentieux des étrangers (kunsill għal ażil u proċeduri ta’ immigrazzjoni, il-Belġju) ikkunsidra li l-fatti speċifikament attribwiti lill-konvenut fil-kawża prinċipali ma jilħqux il-limitu ta’ gravità għall-klassifikazzjoni tal-“atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti”, fis-sens tal-l-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/83. Fil-fatt, skont din is-sentenza, il-kundanna ta’ M. Lounani mit-tribunal correctionnel de Bruxelles (qorti kriminali ta’ Brussell, il-Belġju) minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu f’attivitajiet ta’ grupp terroristiku, anki bħala membru mexxej ta’ dan il-grupp, mingħajr ma ġew imputati lilu reati terroristiċi bħala tali, ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li jeżistu fil-konfront tal-persuna kkonċernata raġunijiet serji li wieħed jaħseb li huwa wettaq atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti.

59      Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-atti li għalihom Lounani kien instab ħati jistgħux jitqiesu li huma kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti fis-sens tal-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/83 u, jekk fin-negattiv, jekk il-kundanna ta’ M. Lounani bħala membru mexxej ta’ grupp terroristiku hijiex biżżejjed sabiex tistabbilixxi li jeżistu raġunijiet serji li wieħed jaħseb li huwa kien l-instigatur ta’ atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti jew li huwa pparteċipa b’mod ieħor, fis-sens tal-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva.

60      Id-deċiżjoni tar-rinviju tagħmilha ċara li l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf sa liema punt il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku li għaliha M. Lounani ġie kkundannat jista’ jiġġustifika l-applikazzjoni tal-kawża ta’ esklużjoni prevista fl-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/83 u tistaqsi, f’dan il-kuntest, jekk il-kundanna minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu f’attivitajiet ta’ dan il-grupp bħala membru mexxej tista’ tagħti lok għall-esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 12(2)(ċ), u l-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva.

61      Konsegwentement, it-tielet domanda hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

62      Permezz tat-tieni u t-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(2)(ċ) u l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/83 għandhom jiġu interpretati fis-sens li atti ta’ parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku, bħal dawk li għalihom ġie kkundannat il-konvenut fil-kawża prinċipali, jistgħux jaqgħu taħt il-kawża ta’ esklużjoni prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet, anki jekk il-persuna kkonċernata la wettqet, lanqas għamlet tentattiv jew heddet li twettaq att ta’ terroriżmu.

63      Fir-rigward tal-atti li għalihom M. Lounani kien is-suġġett ta’ kundanna kriminali, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li din il-kundanna hija bbażata, b’mod partikolari, fuq l-Artikolu 140 tal-Kodiċi Penali emendat, dan l-artikolu tal-aħħar jikkostitwixxi t-traspożizzjoni fid-dritt Belġjan tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/475 li jiddefinixxi r-reati relatati ma’ grupp terroristiku u jinkludi, fil-paragrafu 2(b) tiegħu, il-parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ grupp terroristiku.

64      B’mod partikolari, sabiex tiddikjara lil M. Lounani ħati ta’ dan ir-reat, it-tribunal correctionnel de Bruxelles (qorti kriminali ta’ Brussell, il-Belġju) irrileva, fis-sentenza tiegħu tas-16 ta’ Frar 2006, li l-persuna kkonċernata kienet ipparteċipat, bħala membru mexxej, fl-attivitajiet taċ-ċellula Belġjana tal-ĠIGM, billi pprovda lil dan il-grupp appoġġ loġistiku permezz, b’mod partikolari, ta’ servizzi materjali jew intellettwali, billi nvolva ruħu f’falsifikazzjoni u l-bejgħ frawdolenti ta’ passaporti, u billi pparteċipa b’mod attiv fl-organizzazzjoni ta’ kanal sabiex jintbagħtu voluntiera l-Iraq.

65      Għaldaqstant, ma ġiex ikkonstatat li M. Lounani personalment wettaq atti ta’ terroriżmu lanqas li huwa kien l-instigatur ta’ tali atti jew li pparteċipa fit-twettiq tagħhom.

66      Madankollu, jirriżulta mir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà, kif ukoll kif ġie indikat fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, li l-kunċett ta’ “atti kontra l-għanijiet u l-prinipji tan-Nazzjonijiet Uniti” ma huwiex limitat għal atti ta’ terroriżmu.

67      Għandu jiġi rrilevat, b’mod partikolari, li, fir-Riżoluzzjoni 2178 (2014), il-Kunsill tas-Sigurtà ddikjara ruħu “serjament imħasseb bit-theddida terribbli u li qed tikber tal-ġellieda terroristi barranin, jiġifieri individwi li jivvjaġġaw lejn Stat ieħor li ma jkunx l-Istat tar-residenza jew ta’ ċittadinanza tagħhom bil-għan, li jikkommettu, jorganizzaw jew jippreparaw atti terroristiċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u esprima t-tħassib tiegħu fir-rigward tan-netwerks organizzati mill-entitajiet terroristiċi li jippermettilhom li jiċċirkulaw fost l-Istati ġellieda tan-nazzjonalitajiet kollha u r-riżorsi li għandhom bżonn.

68      Fost il-miżuri li għandhom jittieħdu kontra dan il-fenomenu, l-Istati għandhom iħarsu li jipprevjenu u li jeliminaw l-attivitajiet ta’ reklutaġġ, l-organizzazzjoni, it-trasport jew it-tgħammir ta’ individwi li jivvjaġġaw lejn Stat ieħor li ma jkunx l-Istat tar-residenza jew taċ-ċittadinanza tagħhom bil-għan, b’mod partikolari, li jikkommettu, jorganizzaw jew jippreparaw atti terroristiċi.

69      Minn dan isegwi li l-applikazzjoni tal-esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat previst fl-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/83 ma tistax tkun limitata għall-awturi effettivi tal-atti terroristiċi, iżda tista’ wkoll tiġi estiża għal individwi li jimpenjaw ruħhom f’attivitajiet ta’ reklutaġġ, l-organizzazzjoni, it-trasport jew it-tgħammir ta’ individwi li jivvjaġġaw lejn Stat ieħor li ma jkunx l-Istat tar-residenza jew taċ-ċittadinanza tagħhom bil-għan, b’mod partikolari, li jikkommettu, jorganizzaw jew jippreparaw atti terroristiċi.

70      Barra minn hekk, jirriżulta mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 12(2)(ċ) u tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/83 li l-esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat prevista mill-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet hija applikabbli wkoll għal persuni li dwarhom jeżistu raġunijiet serji sabiex jitqiesu li huma kienu l-instigaturi ta’ atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti, jew li pparteċipaw b’mod ieħor. Fir-rigward ta’ dak li hemm espost fil-punti 48 u 66 ta’ din is-sentenza, l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet magħquda, ma jeħtieġux li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali kien l-instigatur ta’ att ta’ terroriżmu jew li pparteċipa fit-twettiq ta’ tali att bi kwalunkwe mod ieħor.

71      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ġustament tosserva li l-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku tista’ tkopri firxa wiesgħa ta’ mġieba ta’ gradi ta’ severità varjabbli.

72      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat tista’ tapplika l-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/83 biss wara li, għal kull każ individwali, tagħmel evalwazzjoni tal-fatti preċiżi li hija taf bihom sabiex tiddetermina jekk jeżistux raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li l-atti mwettqa mill-persuna kkonċernata, jissodisfawx barra minn hekk il-kriterji sabiex jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat, jaqgħux f’din il-kawża ta’ esklużjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, B u D, C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punti 87 u 94).

73      Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk l-atti bħal dawk attribwiti lil M. Lounani jistgħu jaqgħu mal-atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti, fis-sens tal-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/83, ta’ instigazzjoni ta’ tali atti jew ta’ parteċipazzjoni fihom bi kwalunkwe mod ieħor, fis-sens tal-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva, l-evalwazzjoni finali tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha tkun tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, taħt il-kontroll tal-qorti nazzjonali.

74      Fir-rigward tal-indikazzjonijiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni ta’ rinviju tindika li M. Lounani kien membru mexxej ta’ grupp terroristiku ta’ dimensjoni internazzjonali li kien ġie inkluż, fl-10 ta’ Ottubru 2002, fil-lista tan-Nazzjonijiet Uniti li tidentifika ċerti persuni u entitajiet li huma s-suġġett ta’ sanzjonijiet u li baqa’ inkluż fuq din il-lista wara li din ġiet aġġornata. L-attivitajiet tiegħu ta’ appoġġ loġistiku għall-attivitajiet ta’ dan il-grupp għandhom ukoll aspett internazzjonali sa fejn huwa kien involut fil-falsifikazzjoni ta’ passaporti u għen voluntiera li xtaqu jmorru l-Iraq.

75      Dawn l-atti jistgħu jiġġustifikaw l-esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat.

76      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif ġie enfasizzat fil-punti 12, 13 u 67 sa 69 ta’ din is-sentenza, ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, b’mod partikolari r-Riżoluzzjoni 2178(2014) fil-punti 5 u 6(ċ) tagħha, jidentifikaw, fost l-attivitajiet li għandhom jiġu miġġielda mill-Istati fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali, l-organizzazzjoni intenzjonali ta’ vjaġġi ta’ persuni li jivvjaġġaw lejn Stat ieħor li ma jkunx l-Istat tar-residenza jew taċ-ċittadinanza tagħhom bil-għan, li jikkommettu, jorganizzaw jew jippreparaw atti terroristiċi.

77      Għaldaqstant, iċ-ċirkustanza, suppost stabbilita, li l-grupp li fih M. Lounani kien membru mexxej ma kienx wettaq atti ta’ terroriżmu jew li l-volontarji li xtaqu jivvjaġġaw lejn l-Iraq megħjuna minn dan il-grupp spiċċaw ma wettqux tali atti, ma huwiex, fi kwalunkwe każ, tan-natura li teskludi li l-atti ta’ M. Lounani jistgħu jiġu kkunsidrati bħala kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti. L-istess japplika, fir-rigward ta’ dak li ġie espost fil-punti 41 sa 54 u 66 sa 70 ta’ din is-sentenza, il-fatt, invokat mill-qorti tar-rinviju fit-tielet domanda, li M. Lounani la wettaq, lanqas ma għamel tentattiv sabiex iwettaq, lanqas ma hedded li jwettaq, reat terroristiku, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/475. Għall-istess raġunijiet, l-applikazzjoni tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/83 ma teżiġix li jiġi stabbilit li M. Lounani kien l-instigatur ta’ tali reat jew li kien ipparteċipa bi kwalunkwe mod ieħor.

78      Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li M. Lounani ġie kkundannat mill-qrati ta’ Stat Membru bħala kap tal-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku u li din il-kundanna tkun saret finali, din iċ-ċirkustanza tkun rilevanti b’mod partikolari fil-kuntest tal-evalwazzjoni individwali li għandha tipproċedi biha l-awtorità kompetenti.

79      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tingħata risposta għat-tieni u t-tielet domandi li l-Artikolu 12(2)(ċ) u l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/83 għandhom jiġu interpretati fis-sens li atti ta’ parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku, bħal dawk li għalihom ġie kkundannat il-konvenut fil-kawża prinċipali, jistgħu jiġġustifikaw l-esklużjoni minn status ta’ refuġjat, anki jekk ma jiġix stabbilit li l-persuna kkonċernata la wettqet, lanqas għamlet tentattiv jew heddet li twettaq att ta’ terroriżmu. Għall-finijiet ta’ evalwazzjoni individwali tal-fatti li jippermettu li jiġi evalwat jekk jeżistux raġunijiet serji li wieħed jemmen li persuna tinsab ħatja ta’ atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti, li kienet instigatur ta’ tali atti jew li pparteċipat fihom bi kwalunkwe mod ieħor, iċ-ċirkustanza li din il-persuna ġiet ikkundannata, mill-qrati ta’ Stat Membru, bħala kap tal-parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ grupp terroristiku hija ta’ importanza partikolari, kif ukoll il-konstatazzjoni li l-imsemmija persuna kienet membru mexxej ta’ dan il-grupp, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi stabbilit li din l-istess persuna kienet hija stess l-instigatur ta’ att ta’ terroriżmu jew li hija pparteċipat fih bi kwalunkwe mod ieħor.

 Fuq ir-raba’ u l-ħames domandi

80      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel tliet domandi, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ u għall-ħames domandi magħmula.

 Fuq l-ispejjeż

81      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandu jiġi interpretat fis-sens li sabiex tinżamm l-eżistenza tal-kawża ta’ esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat li jinsab fiha, ma huwiex neċessarju li l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali jkun ġie kkundannat għal wieħed mir-reati terroristiċi previsti fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/475/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu.

2)      L-Artikolu 12(2)(ċ) u l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/83 għandhom jiġu interpretati fis-sens li atti ta’ parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku, bħal dawk li għalihom ġie kkundannat il-konvenut fil-kawża prinċipali, jistgħu jiġġustifikaw l-esklużjoni minn status ta’ refuġjat, anki jekk ma jiġix stabbilit li l-persuna kkonċernata la wettqet, lanqas għamlet tentattiv jew heddet li twettaq att ta’ terroriżmu kif speċifikat fir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Għall-finijiet ta’ evalwazzjoni individwali tal-fatti li jippermettu li jiġi evalwat jekk jeżistux raġunijiet serji li wieħed jemmen li persuna tinsab ħatja ta’ atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti, li kienet instigatur ta’ tali atti jew li pparteċipat fihom bi kwalunkwe mod ieħor, iċ-ċirkustanza li din il-persuna ġiet ikkundannata, mill-qrati ta’ Stat Membru, bħala kap tal-parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ grupp terroristiku huwa ta’ importanza partikolari, kif ukoll il-konstatazzjoni li l-imsemmija persuna kienet membru mexxej ta’ dan il-grupp, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi stabbilit li din l-istess persuna hija stess kienet l-instigatur ta’ att ta’ terroriżmu jew li hija pparteċipat fih bi kwalunkwe mod ieħor.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.