Language of document :

Appell ippreżentat fit-2 ta’ Diċembru 2020 mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fit-23 ta’ Settembru 2020 fil-Kawża T-174/19, Guillaume Vincenti vs EUIPO

(Kawża C-653/20 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellant: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Lukošiūtė u K. Tóth, aġenti, B. Wägenbaur, Rechtsanwalt)

Parti oħra fil-proċedura: Guillaume Vincenti

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali mogħtija fit-23 ta’ Settembru 2020 fil-Kawża T-174/19, Guillaume Vincenti vs EUIPO;

tikkundanna lir-rikorrent fl-ewwel istanza għall-ispejjeż, inkużi l-ispejjeż sostnuti fl-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka żewġ aggravji:

L-ewwel, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, meta ddeċidiet li l-uffiċjal għandu jinstema’ qabel ma tittieħed deċiżjoni li huwa ma jiġix promoss.

Minn naħa, il-Qorti Ġenerali ma rrikonoxxietx il-fatt li ma hemmx dritt suġġettiv għall-promozzjoni u li n-nuqqas ta’ promozzjoni ma jikkostitwixxix ksur tad-drittijiet.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali naqset ukoll milli tirrikonoxxi li nuqqas ta’ promozzjoni ma jistax jitqabbel ma’ att amministrattiv li jikkawża preġudizzju.

It-tieni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li ma setax jiġi eskluż li d-deċiżjoni setgħet raġonevolment twassal għal riżultat differenti kieku l-EUIPO kien sema’ lill-uffiċjal qabel ma ħa d-deċiżjoni. F’dan ir-rigward, jeżisti nuqqas ta’ motivazzjoni, peress li l-Qorti Ġenerali ma vverifikatx l-argumenti tar-rikorrent.

____________