Language of document :

Appell ippreżentat fit-23 ta’ Settembru 2021 minn Ryanair DAC, Laudamotion GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla Estiża) fl-14 ta’ Lulju 2021 fil-Kawża T-677/20, Ryanair u Laudamotion vs Il-Kummissjoni (Austrian Airlines; Covid-19)

(Kawża C-591/21 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Ryanair DAC, Laudamotion GmbH (rappreżentanti: V. Blanc, E. Vahida u F.-C. Laprévote, avocats, D. Pérez de Lamo u S. Rating, abogados, I.-G. Metaxas-Maranghidis, dikigoros)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, Ir-Repubblika tal-Awstrija, Austrian Airlines AG

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla, skont l-Artikoli 263 TFUE u 264 TFUE, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 4684 final tas‑6 ta’ Lulju 2020, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.57539 (2020/N) – L‑Awstrija – COVID‑19 – Għajnuna favur Austrian Airlines;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tagħha stess u għal dawk imġarrba minn Ryanair, u tikkundanna lill-intervenjenti fl-ewwel istanza u eventwalment f’dan l-appell għall-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Sussidjarjament:

tannulla s-sentenza appellata:

tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali għal evalwazzjoni mill-ġdid;

tirriżerva d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż marbuta mal-ewwel istanza u mal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw seba’ aggravji.

L-ewwel aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u distorsjoni manifesta tal-fatti meta ċaħdet l-argument tal-appellanti li l-Kummissjoni naqset milli tevalwa l-possibbiltà ta’ “tixrid” ta’ għajnuna lejn jew minn Lufthansa.

It-tieni aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet l-argument tal-appellanti li l-Kummissjoni kisret ir-rekwiżit li għajnuna mogħtija taħt l-Artikolu 107(2)(b) TFUE ma għandhiex isservi bħala kumpens għad-dannu mġarrab minn vittma waħda.

It-tielet aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet l-argument tal-appellanti li kien hemm ksur mhux iġġustifikat tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

Ir-raba’ aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u distorsjoni manifesta tal-fatti meta ċaħdet l-argument tal-appellanti bbażat fuq ksur tal-libertà ta’ stabbiliment u fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

Il-ħames aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u distorsjoni manifesta tal-fatti fl-applikazzjoni tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tad-dannu kkawżat lil Austrian Airlines mill-pandemija tal-COVID-19.

Is-sitt aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u distorsjoni manifesta tal-fatti fir-rigward tan-nuqqas li tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali.

Is-seba’ aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u distorsjoni manifesta tal-fatti fir-rigward tan-nuqqas ta’ motivazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni.

____________