Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Itä-Suomen hallinto (il-Finlandja) fit-22 ta’ Settembru 2021 – J.M.

(Kawża C-579/21)

Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

Qorti tar-rinviju

Itä-Suomen hallinto-oikeus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: J.M.

Partijiet oħra: Assistent Kontrollur tal-Protezzjoni tad-Data, Pankki S

Domandi preliminari

Id-dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data stabbilit fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) 1 , moqri flimkien mal-[kunċett ta’] “data personali” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni miġbura mill-kontrollur li tiżvela min ipproċessa d-data personali tas-suġġett tad-data, meta ġiet ipproċessata u l-finalità li għaliha ġiet ipproċessata, ma tikkostitwixxix informazzjoni li fir-rigward tagħha s-suġġett tad-data għandu dritt ta’ aċċess, b’mod partikolari, peress li din tikkonċerna l-impjegati tal-kontrollur?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda u s-suġġett tad-data ma jkollu ebda dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni msemmija f’din id-domanda abbażi tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament 2016/679, peress li din ma tistax titqies bħala “data personali” tas-suġġett tad-data skont il-punt 1 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, huwa neċessarju wkoll f’dan il-każ li tiġi ppreċiżata l-kwistjoni dwar l-informazzjoni li għandu aċċess għaliha s-suġġett tad-data skont l-Artikolu 15(1)[(a) sa (h)] tal-imsemmi regolament?

Kif għandha tiġi interpretata l-“finalità tal-ipproċessar” fis-sens tal-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament 2016/679 fir-rigward tal-portata tad-dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data, fi kliem ieħor, tali finalità tal-ipproċessar tista’ tiġġustifika dritt ta’ aċċess għad-data miġbura mill-kontrollur mill-fajl storiku tal-utent, bħal informazzjoni dwar id-data personali tal-persuni li pproċessaw id-data personali tas-suġġett tad-data, il-mument li fih ġiet ipproċessata d-data u l-finalità li għaliha ġiet ipproċessata d-data?

Il-persuni li pproċessaw id-data klijentali ta’ J. M jistgħu, f’dan il-kuntest u taħt kriterji speċifiċi, jitqiesu li huma “destinatarji” ta’ data personali fis-sens tal-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament 2016/679, li fir-rigward tagħhom is-suġġett tad-data għandu d-dritt ikun informat?

Huwa rilevanti għall-proċedura inkwistjoni l-fatt li huwa bank li jwettaq attività regolatorja jew li J. M ħadem ma’ dan il-bank u kien klijent tiegħu fl-istess ħin?

Huwa rilevanti għall-eżami tad-domandi msemmija iktar ’il fuq li d-data ta’ J. M ġiet ipproċessata qabel ma daħal fis-seħħ ir-Regolament 2016/679?

____________

1 ĠU 2016 L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018 L 127, p. 2.