Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta' Marzu 2010 - L-Italja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-117/10)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentanti: P. Gentili, avvocato dello Stato, G. Palmieri, avvocato dello Stato)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2009) 10350 finali, tat- 22 ta' Diċembru 2009, dwar it-tneħħija ta' parti mill-parteċipazzjoni fil-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għall-programm operattiv POR Puglia Objettiv 1 2000-2006.

tikkundanna l-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-Repubblika Taljana kkontestat, quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni     Ewropea, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2009) 10350 finali, tat-22 ta' Diċembru 2009, innotifikata fit-23 ta' Diċembru 2009, dwar it-tneħħija ta' parti mill-parteċipazzjoni fil-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għall-programm operattiv POR Puglia Objettiv 1 2000-2006.

Insostenn tar-rikors tagħha r-Repubblika Taljana ressqet dawn il-motivi.

L-ewwel motiv: ksur tal-Artikolu 39(2)(ċ) u (3) tar-Regolament Nru 1260/99 1 u tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 438/2001 2. F'dan ir-rigward qed jiġi sostnut li l-awdituri Komunitarji kkonstataw nuqqasijiet sistematiċi fil-verifiki ta' livell primarju ta' ċertu ksur li ma ġiex identifikat mit-tali verifiki fl-għoti u l-implementazzjoni ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi. Filwaqt li d-deċiżjoni kkontestata fil-fatt ma kkonfutatx b'mod fattwali l-kontroargumenti analitiċi magħmula mir-Regione li kienu jeskludu l-eżistenza ta' nuqqasijiet sistematiċi, hija xorta waħda applikat rettifika ta' 10 % skont l-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1260/99, daqs li kieku s-sistemi ta' verifika reġjonali ta' livell primarju ma kinux konformi ma' dak li hu previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 438/2001. B'hekk il-Kummissjoni kisret ukoll il-prinċipju ta' sħubija.

It-tieni motiv: ksur tal-Artikolu 39(2)(ċ) u (3) tar-Regolament Nru 1260/99 u tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 438/2001. Fuq dan il-punt, ir-rikorrenti tippreċiża li t-tieni motiv huwa analogu għall-ewwel wieħed, iżda jirrigwarda il-verifiki ta' livell sekondarju, previsti mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 438/2001, li anki l-awdituri Komunitarji kkunsidraw li kienu sistematikament neqsin minħabba l-ksur mhux identifikat li ġie kkonstatat f'ċerti kampjuni, minkejja li dan il-ksur kollu kien ġie analitikament ikkontestat mir-Regione permezz ta' argumenti ta' fatt u ta' liġi li ma ġewx ikkonfutati mid-deċiżjoni kkontestata.

It-tielet motiv: kuqqas ta' motivazzjoni u ksur ulterjuri tal-Artikolu 39(2) u (3) tar-Regolament Nru 1260/99. Id-deċiżjoni hija vvizzjata minn nuqqas ta' motivazzjoni billi meta tikkonkludi li jeżistu nuqqasijiet sistematiċi li jiġġustifikaw rettifika ta' 10 % hija tibbaża ruħha fuq sitwazzjoni li dehret quddiem l-awdituri fl-2007 u fl-2008, filwaqt li teskludi għal kollox il-progress kwantitattiv u kwalitattiv iddokumentat mir-Regione sa tmiem is-sena 2009 u l-kontroargumenti għall-osservazzjonijiet tal-awdituri msemmija fil-motivi preċedenti. Il-konklużjoni tal-Kummissjoni li kienet teżisti theddida serja għall-Fond hija għaldaqstant nieqsa minn motivazzjoni.

Ir-raba' motiv: ksur tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1260/99, tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 438/2001 u tal-Artikolu 258 TFUE, kif ukoll nuqqas ta' kompetenza min-naħa tal-konvenuta. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni tat importanza determinanti lin-nuqqas ta' konstatazzjoni tal-allegat ksur tar-regoli tal-kuntratti pubbliċi. Madankollu, mill-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1260/99 u l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 438/2001 jirriżulta li, il-ksur sistematiku ta' din il-leġiżlazzjoni ma jistax iwassal direttament għal rettifika, iżda għandu jwassal għall-ftuħ ta' proċeduri minħabba ksur, bis-sospensjoni sussegwenti tal-ħlasijiet skont l-Artikolu 32(3)(f) tar-Regolament Nru 1260/99, fir-rigward tal-miżuri li għalihom jirreferi l-ksur.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999, tal-21 ta' Ġunju 1999, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 31).

2 - Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 438/2001, tat-2 ta' Marzu 2001, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 fir-rigward tas-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll għal għajnuna mogħtija taħt il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 132).