Language of document : ECLI:EU:C:2010:579

Kawża C-512/08

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Franċiża

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikolu 49 KE — Sigurtà soċjali — Kura medika li tingħata fi Stat Membru ieħor u li teħtieġ l-użu ta’ tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija — Bżonn ta’ awtorizzazzjoni minn qabel — Kura pprogrammata mogħtija fi Stat Membru ieħor — Differenza bejn il-livelli ta’ kopertura fis-seħħ, rispettivament fl-Istat Membru ta’ affiljazzjoni u fl-Istat Membru ospitanti — Dritt tal-persuna assigurata għal intervent tal-istituzzjoni kompetenti kumplementari għal dik tal-istituzzjoni tal-Istat Membru ospitanti”

Sommarju tas-sentenza

Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar ir-rimbors ta’ spejjeż mediċi sostnuti fi Stat Membru ieħor

(Artikolu 49 KE)

Ma jonqosx mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 49 KE Stat membru li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu tissuġġetta, barra minn sitwazzjonijiet partikolari marbuta, b’mod partikolari, mal-istat ta’ saħħa tal-affiljat jew man-natura urġenti tal-kura meħtieġa, il‑bżonn ta’ awtorizzazzjoni preliminari, li hu suġġett għaliha, skont il‑leġiżlazzjoni inkwistjoni, il‑ħlas mill‑istituzzjoni kompetenti, skont is‑sistema ta’ kopertura fis‑seħħ fl‑Istat Membru li taqa’ taħtu, tal-kura programmata fi Stat Membru ieħor u li jimplikaw ir‑rikors għal tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija barra minn infrastruttura ta’ sptar.

Fil-fatt, għalkemm tali leġiżlazzjoni hija ta’ natura li tiskoraġġixxi, jew anki li ċċaħħad, lill-assigurati tas-sistema nazzjonali milli jmorru għand fornituri ta’ servizzi mediċi stabbiliti f’tali Stat Membru ieħor sabiex jiksbu l-kura inkwistjoni u għalhekk, tikkostitwixxi, kemm għal dawn l-assigurati kif ukoll għal dawk li jipprovdu s-servizzi, restrizzjoni li jiġu pprovduti servizzi, xorta jibqa’ l-fatt li, fir‑rigward tar-riskji għall-organizzazzjoni tal-politika tas-saħħa pubblika u għall-ekwilibriju finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali, tali eżiġenza tidher, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, bħala restrizzjoni ġġustifikata. Dawn ir-riskji huma marbuta mal-fatt li, indipendentement mill‑kuntest, ta’ sptar jew le, fejn se jiġi installat u użat, it‑tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija, li huma limitattivament elenkati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, għandu jkun is‑suġġett ta’ politika ta’ pjanifikazzjoni, bħal dik iddefinita mil‑leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, in‑numru tagħhom u t‑tqassim ġeografiku tagħhom, u dan sabiex tiġi ggarantita fuq it‑territorju kollu offerta ta’ kura importanti li tkun imqassma sew, stabbli, ekwilibrata u aċċessibbli, imma wkoll sabiex tiġi evitata kemm jista’ jkun kull ħela tal‑mezzi finanzjarji, tekniċi u umani.

Fin-nuqqas ta’ prova ta’ prattiki amministrattivi kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni u ta’ eventwali lmenti fformulati b’dan il-mod minn assigurati mas-sistema, leġiżlazzjoni nazzjonali li, ikkorraborata b’tal-anqas deċiżjoni mogħtija minn qorti nazzjonali suprema, li tistabbilixxi l‑prinċipju ġenerali tal‑ħlas, mill‑istituzzjoni nazzjonali kompetenti, ta’ kura mogħtija lil persuna assigurata ta’ sistema nazzjonali fi Stat Membru ieħor jew fi Stat li huwa parti fil‑ftehim dwar iż‑Żona Ekonomika Ewropea, fl‑istess kundizzjonijiet daqs li kieku l-kura kienet ingħatat fl-Istat Membru inkwistjoni, u fil‑limiti ta’ spejjeż li effettivament saru mill‑persuna assigurata, ma tagħtix lok għal sitwazzjoni li tista’ ċċaħħad lill-persuni assigurati mas-sistema nazzonali inkwistjoni mid-dritt għal rimbors supplimentari fl-ipoteżi, imsemmija fis-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Vanbraekel et, C-368/98, fejn ir-rimbors tal-ispejjeż sostnuti għal servizzi mediċi pprovduti fi Stat Membru fejn tkun tinsab il-persuna kkonċernata, rimbors li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-regoli fis-seħħ f’dan l-Istat Membru, huwa anqas minn dak li kien jirriżulta mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-Istat Membru ta’ affiljazzjoni. Minħabba li dawn id-dispożizzjonijiet huma ġeneriċi, tali leġiżlazzjoni tinkludi d-dritt għal rimbors supplimentari mill-istituzzjoni nazzjonali kompetenti fl-ipoteżi imsemmija fis-sentenza.

(ara l-punti 27-28, 32, 37, 42-43, 51, 57-58, 67-69)