Language of document : ECLI:EU:C:2010:427

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fi 15 ta’ Lulju 2010 1(1)

Kawża C‑512/08

Il‑Kummissjoni Ewropea

vs

Ir‑Repubblika Franċiża

“Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjonijiet mhux ġustifikati – Rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel fi Franza bħala kundizzjoni għal rimbors għal servizzi mediċi mhux fi sptar fi Stat Membru ieħor li jinvolvi tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija – Nuqqas ta’ leġiżlazzjoni li tagħti rimbors supplimentari lil pazjenti assigurati sabiex ikopri l-eċċess tal-ammont li l-pazjent assigurat hu intitolat li jirċievi skont il-formula ta’ rimbors użata fl-Istat Membru ta’ affiljazzjoni, fuq l-ammont li kien ikun pagabbli skont il-formula użata fl-Istat Membru fejn hija pprovduta l-kura”





1.        Is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja li jikkonċernaw l-applikazzjoni tar-regoli tas-suq intern għal servizzi ta’ kura tas-saħħa(2) kienu kontroversjali. Spiss iqajmu kwistjonijiet ta’ importanza kostituzzjonali u sostantiva. Huma juru l-effetti potenzjalment dannużi fuq id-diversi sistemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali kkawżati mid-deċiżjoni li s-servizzi essenzjali u organizzati b’mod pubbliku jiġu inklużi taħt id-dispożizzjonijiet tal-libertà tal-moviment fl-Unjoni Ewropea (3).

2.        Dawn il-proċeduri dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma humiex eċċezzjoni. Fl-ewwel ilment tagħha kontra Franza l-Kummissjoni tallega nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi taħt l-Artikolu 49 KE (4) minħabba l-fatt li r-rimbors għal servizzi mediċi provduti barra l-ambjent ta’ sptar li jirrikjedu l-użu ta’ tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija(5) hu suġġett għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni minn qabel. It-tieni lment jallega li l-awtoritajiet Franċiżi naqsu milli jintroduċu leġiżlazzjoni speċifika li tagħti lil pazjent assigurat taħt is-sistema tas-sigurtà soċjali Franċiża rimbors supplimentari fiċ-ċirkustanzi stabbiliti fil-paragrafu 53 tas-sentenza Vanbraekel et (“Vanbraekel”). (6)

3.        Is-sentenza Vanbraekel kienet dwar il-bażi għall-kalkolu tal-ammont li għandu jiġi rimborsat lil pazjent assigurat taħt is-sistema tas-sigurtà soċjali Belġjana li kien irċieva kura medika fi sptar fi Franza. Il-kwistjoni kienet dwar jekk pazjent għandux jiġi rimborsat mill-fond tal-assigurazzjoni Belġjan skont l-ammont li kien jiġi rimborsat taħt il-leġiżlazzjoni Franċiża (FRF 38 608.99) jew il-livell ta’ rimbors taħt il-leġiżlazzjoni Belġjana (FRF 49 935.44) (7). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li peress li l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71 (8) ma kienx jirregola din il-kwistjoni, il-kwistjoni għandha tiġi kkunsidrata taħt l-Artikolu 49 KE (9). Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-fatt li d-dritt nazzjonali ma kienx jiggarantixxi dritt ta’ rimbors supplimentari kien jikkostitwixxi restrizzjoni mhux ġustifikata fuq il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi (10) u stabbilixxiet, fil-paragrafu 53 tas-sentenza tagħha, iċ-ċirkustanzi li fihom il-pazjenti huma eliġibbli għal dan ir-rimbors supplimentari (11).

 Id-dritt tal-Komunità

 Artikolu 49 KE

4.        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 49 KE jipprovdi: “Fil-qafas tad-dispożizzjonijiet ta’ hawn taħt, ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu provduti servizzi fil-Komunità għandhom jiġu projbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat tal-Komunità li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi.”

5.        L-Artikolu 55 KE japplika d-deroga tas-saħħa pubblika mil-libertà tal-istabbiliment li hemm fl-Artikolu 46 KE għall-provvista ta’ servizzi taħt l-Artikolu 49 KE.

 Regolament Nru 1408/71

6.        Ir-Regolament Nru 1408/71 (“ir-Regolament”) ma huwiex direttament involut fil-proċeduri inkwistjoni. Madankollu, hu meħtieġ li wieħed iżommu f’moħħu sabiex jifhem il-kwadru leġiżlattiv tal-UE. Ir-Regolament għandu l-għan li jiżgura li ħaddiema li jivvjaġġaw fl-UE jibqgħu jirċievu benefiċċji soċjali u tal-kura tas-saħħa (ara b’mod partikolari l-ħames u s-sitt premessi). Ir-Regolament isegwi l-prinċipju li s-sigurtà soċjali tibqa’ dominju rriżervat għall-kompetenza tal-Istati Membri. Għaldaqstant ma jikkostitwix miżura ta’ armonizzazzjoni, iżda sempliċiment għandu l-għan li jistabbilixxi livell ta’ koordinazzjoni billi jipprovdi kif sistemi fundamentalment differenti jistgħu jaħdmu flimkien sabiex jiżguraw benefiċċji soċjali u tal-kura tas-saħħa minimi (12). L-Artikolu 22(1)(c) jirrikjedi awtorizzazzjoni minn qabel għal kura medika rċevuta barra l-Istat Membru fejn il-pazjent jinsab assigurat (fatt li ma jipprekludix il-pazjent milli joqgħod fuq l-Artikolu 49 KE) (13). L-Artikolu 36 jistabbilixxi l-proċedura għar-rimbors bejn l-istituzzjonijiet tal-Istat fejn il-persuna assigurata tkun affiljata u dawk tal-Istat fejn jiġu pprovduti s-servizzi mediċi.

 Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

 Il-Code de la sécurité sociale

7.        Id-Digriet Nru 2005-386 tad-19 ta’ April 2005 introduċa l-Artikoli R.332-3 u R.332-4 fil-Code de la sécurité sociale (il-Kodiċi dwar is-Sigurtà Soċjali Franċiż). Fit-taqsima dwar il-kura medika pprovduta barra Franza, l-Artikolu R.332-3 jgħid: “Il-fondi tal-assigurazzjoni tas-saħħa għandhom jirrimborsaw l-ispejjeż tal-kura mogħtija lill-persuni assigurati u lil dawk intitolati għalihom fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew fi Stat firmatarju tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, taħt l-istess kundizzjonijiet daqs li kieku l-kura kienet ingħatat fi Franza, mingħajr ma l-ammont rimborsat ikun jista’ jeċċedi s-somma totali mħallsa mill-persuna assigurata u suġġett għall-aġġustamenti provduti bl-Artikoli R.332-4 sa R.332-6”.

8.        L-Artikolu R.332-4 jipprovdi: “Minbarra fil-każ ta’ kura mhux mistennija, il-fondi tal-assigurazzjoni tas-saħħa ma jistgħux, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, jirrimborsaw l-ispejjeż tal-kura fl-isptar jew il-kura li tirrikjedi l-użu ta’ tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija imsemmi fit-Taqsima II tal-Artikolu R.712-2 tal-Kodiċi dwar is-saħħa pubblika li hu provdut lil persuni assigurati u lil dawk li huma intitolati għal dawn il-fondi fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jew fi Stat firmatarju tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea”.

9.        L-awtorizzazzjoni minn qabel imsemmija fl-Artikolu R.332-4 tista’ tiġi miċħuda meta tkun tapplika waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin: il-kura proposta ma hijiex waħda li tiġi rrimborsata taħt ir-regolamenti applikabbli fi Franza; jew il-kura li hija identika jew ugwalment effettiva tista’ tinkiseb mingħajr dewmien żejjed fi Franza, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-kundizzjoni tal-pazjent u l-iżvilupp probabbli tal-marda tiegħu. L-Artikolu R.332-4 jistabbilixxi wkoll il-proċess li permezz tiegħu tista’ ssir talba għal awtorizzazzjoni minn qabel. Essenzjalment, il-pazjenti huma meħtieġa li japplikaw għall-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa li huma affiljati miegħu; u kwalunkwe deċiżjoni li permezz tagħha tiġi miċħuda l-awtorizzazzjoni minn qabel għandha tkun motivata u hija suġġetta għal appell.

 Il-Code de la santé publique

10.      L-Artikolu L.6121-1 tal-Code de la santé publique (il-Kodiċi dwar is-Saħħa Pubblika Franċiż), fil-verżjoni applikabbli fiż-żmien rilevanti jistabbilixxi l-għanijiet li jirrigwardaw il-kura tas-saħħa pubblika, li jinkludu it-teħid inkunsiderazzjoni tal-bżonn ta’ pjan għall-allokazzjoni tar-riżorsi sabiex jiġi żgurat l-aċċess pubbliku għas-servizzi tas-saħħa. L-Artikolu L.6122-1 jgħid: “Proġetti relatati mal-ħolqien ta’ kwalunkwe stabbiliment tal-kura tas-saħħa, il-ħolqien, il-konverżjoni u l-amalgamazzjoni ta’ servizzi tal-kura tas-saħħa, inklużi alternattivi għall-ammissjoni fi sptar, u l-installazzjoni ta’ [tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija] jirrikjedu awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità tal-isptar reġjonali. Il-lista ta’ servizzi tal-kura tas-saħħa u [tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija] suġġetti għall-awtorizzazzjoni għandha tiġi stabbilita permezz ta’ digriet tal-Kunsill tal-Istat”.

11.      L-Artikolu L.6122-14 jiddefinixxi t-tagħmir li jaqa’ taħt l-ambitu tal-lista bħala: “[…] tagħmir mobbli intiż jew għal dijanjożi, kura jew rijabilitazzjoni funzjonali f’każ ta’ feriti, mard jew tqala, jew għall-ipproċessar tad-data, li l-użu tiegħu jimponi limiti partikolari f’termini tal-installazzjoni u tat-tħaddim, jew li aktarx iwassal għal numru eċċessiv ta’ proċeduri mediċi.”

12.      Il-lista ta’ dan it-tagħmir hi stabbilita fl-Artikolu R.6122-26 (li tikkorrispondi mat-Taqsima II preċedenti tal-Artikolu R.712-2 ta’ dak il-kodiċi), li jipprovdi: It-[tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija] li ġej jirrikjedi awtorizzazzjoni minn qabel:

1. Kamera tax-xintillazzjoni li għandha jew li ma għandhiex ditekter tal-koinċidenza tal-emissjoni tal-pożitron, tomografija tal-emissjoni jew kamera tal-pożitron (“skaner PET”) (14);

2. Apparat ta’ immaġni ta’ reżonanza manjetika nukleari jew ta’ spettrometrija għal użu kliniku (15);

3. Skaner mediku (16);

4. Kamra iperbarika (17);

5. Ċiklotron għal użu mediku (18).

13.      L-awtoritajiet Franċiżi ħarġu tliet ċirkulari sabiex jispjegaw il-pożizzjoni fid-dritt nazzjonali dwar ir-rimbors tal-kura medika lil persuni assigurati taħt l-iskema tas-sigurtà soċjali Franċiża li jirċievu kura medika fi Stat Membru ieħor jew fiż-Żona Ekonomika Ewropea (“ŻEE”) u r-rekwiżit għall-kisba tal-awtorizzazzjoni minn qabel għal kura medika rċevuta barra mill-pajjiż li jinvolvi l-użu ta’ apparat mediku tqil (19).

14.      Iċ-ċirkulari DSS/DACI/2003/286 tispjega li l-persuni assigurati taħt l-iskema tas-sigurtà soċjali Franċiża jistgħu jitolbu r-rimbors supplimentari stabbilit fis-sentenza Vanbraekel.

15.      Iċ-ċirkulari DSS/DACI/2005/235 tgħid: “Id-Digriet Nru 2005-386 tad-19 ta’ April 2005 dwar il-ħlas għal kura rċevuta barra Franza jikkonkludi l-integrazzjoni fid-dritt nazzjonali tal-ġurisprudenza tal-Komunità relatata mal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi u l-moviment liberu tal-merkanzija fil-qasam tal-kura medika […]”. Iċ-ċirkulari tispjega li t-talbiet għal awtorizzazzjoni minn qabel ma għandhomx jiġu miċħuda b’mod sistematiku mill-awtoritajiet kompetenti, iżda biss meta jkunu japplikaw il-kundizzjonijiet fl-Artikolu R.332-4 tal-Kodiċi dwar is-sigurtà soċjali (20).

16.      Iċ-ċirkulari DSS/DACI/2008/242 tikkonferma li r-rimbors supplimentari msemmi fis-sentenza Vanbraekel għandu jkun disponibbli għal persuni assigurati. Din tosserva li, għalkemm min jipprovdi l-assigurazzjoni għandu japplika l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeżistu ostakli għall-kalkolu tal-ammont tar-rimbors supplimentari (bħal nuqqas ta’ qafas komuni ta’ referenza għat-tqabbil tal-ispiża differenti tal-kura tas-saħħa fl-Istati Membri), iżda minkejja dan, tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet kompetenti biex ikomplu jipproċessaw l-applikazzjonijiet għar-rimbors supplimentari.

 Sfond u proċedura prekontenzjuża

17.      Fit-18 ta’ Ottubru 2006 il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni li fiha għamlet tliet ilmenti. Fid-dawl tat-tweġiba tal-awtoritajiet Franċiżi fl-1 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni kienet sodisfatta li l-leġiżlazzjoni Franċiża kienet tirrikjedi li l-amministrazzjoni tirrikonoxxi formalment li rċiviet talba mill-awtoritajiet tal-isptar ta’ Stat Membru ieħor sabiex tikkonferma li kienet ingħatat awtorizzazzjoni minn qabel għall-kura, u għaldaqstant irtirat dan l-ilment.

18.      Il-Gvern Franċiż ma kkontestax iż-żewġ ilmenti l-oħra tal-Kummissjoni. Fil-fatt, l-awtoritajiet Franċiżi indikaw li kellhom l-intenzjoni li jemendaw il-Kodiċi dwar is-Sigurtà Soċjali sabiex jindirizzaw l-ilmenti li jikkonċernaw ir-rekwiżit tal-awtorizzazzjoni minn qabel għal kura li tinvolvi tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija u n-nuqqas ta’ legiżlazzjoni speċifika għall-implementazzjoni tad-deċiżjoni Vanbraekel.

19.      Fit-23 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata fir-rigward taż-żewġ ilmenti li jifdal. Fit-tweġiba tagħhom tat-13 ta’ Diċembru 2007, l-awtoritajiet Franċiżi reġgħu indikaw li kellhom l-intenzjoni li jemendaw il-leġiżlazzjoni tagħhom sabiex jikkonformaw mal-opinjoni motivata tal-Kummissjoni. F’ittra oħra tat-28 ta’ Lulju 2008, l-awtoritajiet Franċiżi tennew l-intenzjoni tagħhom li jneħħu r-rekwiżit tal-kisba tal-awtorizzazzjoni minn qabel u informaw lill-Kummissjoni bit-test taċ-ċirkulari DSS/DACI/2008/242 li tiċċara l-ħlas tar-rimbors supplimentari.

20.      Sadanittant, madankollu, fit-2 ta’ Lulju 2008 il-Kummissjoni kienet adottat proposta għal direttiva dwar l-applikazzjoni ta’ drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali (“il-proposta tal-Kummissjoni”) (21).

21.      L-awtoritajiet Franċiżi rrivedew il-pożizzjoni tagħhom fid-dawl ta’ dik il-proposta u ddeċiedew li jikkontestaw il-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

22.      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors fil-25 ta’ Novembru 2008, fejn talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li:

–        billi ssuġġettat, skont l-Artikolu R.332-4 tal-Kodiċi dwar is-Sigurtà Soċjali, għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, ir-rimbors għal servizzi mediċi rċevuti fi Stat Membru ieħor li huma pprovduti f’ambjent mhux ta’ sptar u li jirrikjedu l-użu ta’ tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija msemmi fil-parti II tal-Artikolu R.6122-26 tal-Kodiċi dwar is-Saħħa Pubblika; u

–        billi naqset milli tipprovdi, fl-Artikolu R.332-4, jew fi kwalunkwe dispożizzjoni oħra tad-dritt Franċiż, għall-possibbiltà li tagħti lil pazjent – assigurat taħt is-sistema tas-sigurtà soċjali Franċiża – rimbors ieħor fiċ-ċirkustanzi stabbiliti fil-paragrafu 53 tas-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001 fis-sentenza C‑368/98 Vanbraekel,

ir-Repubblika Franċiża naqset milli tosserva l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 49 KE; u

tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż.

23.      Il-Kummissjoni, Franza, il-Gvern Spanjol u l-Gvern tar-Renju Unit għamlu sottomissjonijiet orali fis-seduta tat-2 ta’ Marzu. Il-Gvern Finlandiż għamel osservazzjonijiet bil-miktub, iżda ma ppreżentax argument orali lill-Qorti tal-Ġustizzja.

 Evalwazzjoni

 Osservazzjonijiet preliminari

24.      Se nibda billi nikkunsidra s-sottomissjoni tal-awtoritajiet Franċiżi li l-bidla fl-approċċ tagħhom ma għandhiex implikazzjonijiet proċedurali fuq ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Se neżamina wkoll fil-qosor il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-oneru tal-prova fi proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

25.      Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-iżvolġiment xieraq tal-proċedura prekontenzjuża hu garanzija essenzjali meħtieġa mit-Trattat sabiex jipproteġi d-drittijiet tal-Istat Membru kkonċernat u sabiex jiġi żgurat li kwalunkwe proċedura kontenzjuża għandu jkollha tilwima definita b’mod ċar bħala s-suġġett tagħha(22). Ladarba s-suġġett ġie definit, l-Istat Membru għandu d-dritt li jinvoka l-mezzi kollha disponibbli għalih sabiex jiddefendi lilu nnifsu. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda regola ta’ proċedura li tirrikjedi li Stat Membru jressaq l-argumenti kollha għad-difiża tiegħu waqt il-fażi prekontenzjuża ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

26.      L-ilmenti tal-Kummissjoni huma stabbiliti b’mod ċar fil-proċedura prekontenzjuża. Qatt ma kien hemm l-ebda ambigwità jew inċertezza fil-pożizzjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, Franza ma sofriet l-ebda ħsara b’konsegwenza tal-mod li fih evolvew l-affarijiet. Bl-istess mod, peress li dawn ir-regoli jeżistu sabiex jipproteġu l-Istat Membru konvenut (mhux il-Kummissjoni), ma hemm xejn li jżomm lil Franza milli tibdel il-pożizzjoni tagħha.

27.      Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni u tal-Istat Membru konvenut fi proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma hijiex l-istess. B’mod partikolari, ir-regola li l-Kummissjoni ma tistax tintroduċi lmenti ġodda fil-fażi prekontenzjuża ma tapplikax mutatis mutandis għall-Istat Membru meta jiġi għad-difiża tiegħu (23).

28.      Għaldaqstant, naqbel mal-awtoritajiet Franċiżi li ma hemm l-ebda regola ta’ proċedura li żżommhom lura milli jiddefendu ruħhom fir-rikors u milli jikkontestaw iż-żewġ ilmenti tal-Kummissjoni.

29.      Fir-rigward tal-oneru tal-prova, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod ċar li, il-Kummissjoni għandha ġġib prova tal-allegazzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni u tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-informazzjoni meħtieġa sabiex tkun tista’ tiddeċiedi din il-kwistjoni (24).

30.      Għaldaqstant, f’dan il-każ, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova li miżura nazzjonali partikolari (fir-rigward tal-ewwel ilment), jew in-nuqqas ta’ miżura nazzjonali partikolari (fir-rigward tat-tieni lment) jikkostitwixxu ostaklu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont it-tifsira tal-Artikolu 49 KE (25).

 Fuq il-mertu tal-kawża

31.      Se nitratta qabel kollox it-tieni lment tal-Kummissjoni (l-implementazzjoni tad-deċiżjoni fis-sentenza Vanbraekel), qabel ma ndur biex nikkunsidra r-rekwiżit għal awtorizzazzjoni minn qabel għal servizzi mediċi mhux fi sptar mogħtija fi Stat Membru ieħor li jirrikjedu l-użu ta’ tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija.

 It-tieni lment – implementazzjoni tad-deċiżjoni f’Vanbraekel

32.      Fil-kuntest tat-tieni lment tal-Kummissjoni, għandhom jiġu evalwati żewġ kwistjonijiet separati. L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssodisfat l-oneru tal-prova tagħha fil-proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u wriet li n-nuqqas ta’ miżura nazzjonali partikolari jikkostitwixxi ostaklu għal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi garantita mill-Artikolu 49 KE? It-tieni nett, anki jekk ma hemmx provi attwali ta’ dan l-ostaklu, Stat Membru xorta waħda għandu jieħu l-pass pożittiv li jintroduċi leġiżlazzjoni speċifika sabiex jikkonforma ma’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinvolvi l-interpretazzjoni ta’ artikolu tat-Trattat direttament effettiv?

33.      Il-punt tat-tluq għall-kunsiderazzjoni taż-żewġ kwistjonijiet jista’ jiġi deskritt b’mod relattivament sempliċi. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li ma hemmx differenza bejn l-opinjoni tagħha u dik ta’ Franza dwar l-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza Vanbraekel u l-ħlas tar-rimbors supplimentari. Il-Kummissjoni taċċetta li ċ-ċirkulari DSS/DACI/2008/242 tirrifletti b’mod korrett dik l-interpretazzjoni. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda dispożizzjoni leġiżlattiva fi Franza li tipprevjeni l-ħlas tar-rimbors supplimentari.

34.      Min-naħa tagħhom, l-awtoritajiet Franċiżi jammettu apertament li ma introduċewx leġiżlazzjoni li tapplika s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Vanbraekel. Huma jibbażaw ruħhom fuq iċ-ċirkulari amministrattivi DSS/DACI/2005/235 u DSS/DACI/2008/242, flimkien mal-fatt li l-individwi jistgħu joqogħdu fuq id-drittijiet effettivi b’mod dirett tagħhom taħt l-Artikolu 49 KE.

35.      Il-Kummissjoni ma ssuġġerietx li teżisti prassi amministrattiva persistenti li permezz tagħha l-ħlas tar-rimbors supplimentari ma jiġix implementat mill-awtoritajiet Franċiżi. Il-Kummissjoni lanqas ma pprovdiet prova ta’ każijiet speċifiċi fejn il-ħlas tar-rimbors supplimentari ġie miċħud mill-awtoritajiet Franċiżi u għaldaqstant, fil-prattika, is-sentenza Vanbraekel ma ġietx applikata. Ma hemm l-ebda materjal f’idejn il-Qorti tal-Ġustizzja li jindika li l-pazjenti assigurati taħt is-sistema Franċiża ġew skoraġġati milli jfittxu kura medika fi Stati Membri oħra jew fiż-ŻEE, għax jistgħu ma jirċivux ir-rimbors supplimentari jekk jaqgħu taħt iċ-ċirkustanzi deskritti fis-sentenza Vanbraekel.

36.      Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, il-Kummissjoni naqset milli turi li n-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni speċifika jammonta għal restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont l-Artikolu 49 KE. Kieku l-unika kwistjoni kienet jekk il-Kummissjoni kinitx issodisfat l-oneru tal-prova fi proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, kont għaldaqstant nikkonkludi li t-tieni lment tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

37.      Madankollu, it-tieni lment tal-Kummissjoni jqajjem ukoll il-kwistjoni ġdida ta’ prinċipju dwar jekk Stat Membru għandux jikkonforma ma’ deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tat-Trattat KE billi sempliċiment jintroduċi leġiżlazzjoni speċifika li tagħti effett lil tali sentenza.

38.      Franza ssostni li l-Artikolu 49 KE hu direttament effettiv u għaldaqstant ma jirrikjedix traspożizzjoni speċifika fid-dritt nazzjonali. Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Vanbraekel, li kienet tinvolvi l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 KE, għandha l-istess effett legali bħal regolament tal-UE fi ħdan is-sistemi legali tal-Istati Membri. Franza ssostni li l-Artikolu R.332-3 tal-Kodiċi dwar is-Sigurtà Soċjali jista’ jiġi interpretat li jkopri l-ħlas tar-rimbors supplimentari kif previst fis-sentenza Vanbraekel. Għaldaqstant, l-unika miżura meħtieġa kienet l-adozzjoni ta’ ċirkulari amministrattivi xierqa li jiċċaraw il-pożizzjoni fil-livell nazzjonali (26). Franza tirriferi għal tliet każijiet fejn ir-rimbors supplimentari ġie, jew qiegħed fil-proċess li jiġi, imħallas; u tisħaq li l-qrati Franċiżi segwew is-sentenza Vanbraekel billi ddeċiedew li r-rimbors supplimentari għandu jitħallas (27).

39.      Il-Kummissjoni ssostni li l-Istati Membri ma jistgħux jinvokaw l-effett dirett meta l-miżuri nazzjonali huma inkompatibbli mal-Artikolu 49 KE. Iċ-ċirkulari adottati minn Franza joħolqu sitwazzjoni ta’ ambigwità u inċertezza legali. Il-Kummissjoni tikkonkludi li Franza għandha obbligu pożittiv li tadotta leġiżlazzjoni speċifika sabiex timplementa s-sentenza Vanbraekel fid-dritt nazzjonali.

40.      Il-Gvern Spanjol jappoġġja lil Franza. Huwa jsostni li deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex l-istess bħal direttiva u li Stat Membru jista’ jagħti effett lil sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja b’mezzi oħra minbarra bl-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni speċifika.

41.      Ma naqbilx mal-konklużjoni tal-Kummissjoni.

42.      Hija ġursprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li ċerti artikoli tat-Trattat huma biżżejjed ċari, preċiżi u mingħajr kundizzjonijiet sabiex jiġu invokati quddiem il-qrati nazzjonali minn persuna naturali jew ġuridika mingħajr il-bżonn ta’ implementazzjoni ta’ iktar dispożizzjonijiet – huma direttament effettivi (28). Dispożizzjoni tat-trattat direttament effettiva għandha dan l-effett bejn l-individwi u l-Istat.

43.      Fis-sentenzaVanbraekel il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 49 KE fis-sens li “… jekk il-ħlas lura ta’ l-ispejjeż sostnuti għal servizzi mediċi pprovduti fi Stat Membru ospitanti, ikkalkulati skont ir-regoli fis-seħħ f’dan l-Istat, huwa anqas minn dak li kien jirriżulta mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-Istat Membru fejn din il-persuna hija assigurata li kieku ngħatat kura fi sptar f’dak l-Istat, għandha tingħata mill-istituzzjoni kompetenti lill-persuna assigurata rifużjoni supplimentari li tkopri dik id-differenza ” (29).

44.      Fil-fehma tiegħi ma hemm l-ebda dubju li l-Artikolu 49 KE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Vanbraekel, jagħti drittijiet direttament effettivi fuq l-individwi, li jintitolawhom għal rimbors supplimentari tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa.

45.      Hu ċar li hemm ċirkustanzi fejn, wara deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri għandhom jaġixxu sabiex jemendaw jew iħassru l-miżuri nazzjonali eżistenti li ma humiex kompatibbli mal-dritt tal-UE sabiex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom taħt it-Trattati. Jiġuni f’moħħi tliet eżempji speċifiċi.

46.      L-ewwel nett, jista’ jkun li Stat Membru oriġinarjament ma jkunx fehem il-limiti tal-obbligi tiegħu taħt direttiva u b’konsegwenza ta’ dan, jista’ jkun implementa din id-direttiva b’mod skorrett. Wara deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (sew jekk f’azzjoni diretta jew f’referenza għal deċiżjoni preliminari), l-Istat Membru kkonċernat jista’ jkollu jadotta leġiżlazzjoni sabiex jikkoreġi dik il-pożizzjoni (30).

47.      It-tieni nett, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni jista’ jkollha element pożittiv li jikkontradixxi artikolu tat-Trattat direttament effettiv. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Istat Membru jkollu jadotta leġiżlazzjoni li permezz tagħha jneħħi l-kontradizzjoni u jagħti effett lid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (31).

48.      It-tielet nett, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tista’ tkun ambigwa jew mhux ċara u jista’ jkun hemm provi li juru li dan ħoloq (jew jirriskja li joħloq) sitwazzjoni ta’ inċertezza legali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-pożizzjoni legali tkun teħtieġ kjarifika permezz tal-leġiżlazzjoni (32).

49.      Il-pożizzjoni f’din il-kawża ma tikkorrispondi mal-ebda waħda mit-tliet sitwazzjonijiet esposti hawn fuq. Fis-sentenza Vanbraekel, il-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni fejn interpretat dispożizzjoni tat-Trattat direttament effettiva. Ma hemm l-ebda leġiżlazzjoni nazzjonali kontradittorja. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ġew notifikati biċ-ċirkustanzi li fihom għandu jingħata r-rimbors supplimentari. Il-provi kif esposti lill-Qorti tal-Ġustizzja jissuġġerixxu li: (a) l-individwi fi Franza huma konxji mid-dritt tagħhom li jitolbu r-rimbors supplimentari; (b) tali talbiet ġew effettivament sottomessi lill-awtoritajiet kompetenti; u (c), meta talba għal rimbors tiġi miċħuda mill-awtoritajiet kompetenti, hu possibbli li ssir b’suċċess talba f’dan ir-rigward quddiem il-qrati Franċiżi (33).

50.      Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja b’mod konsistenti kkonstatat li d-dritt tal-individwi li jinvokaw dispożizzjonijiet direttament effettivi tat-Trattati quddiem il-qrati nazzjonali hu biss garanzija minima u ma huwiex biżżejjed fih innifsu li jiżgura l-implementazzjoni sħiħa u kompleta tat-Trattat (34). Bl-istess mod, ġie stabbilit ukoll li, sabiex jiggarantixxu ċ-ċertezza legali, l-Istati Membri għandhom joħolqu sitwazzjoni legali li hi biżżejjed preċiża, ċara u prevedibbli sabiex tippermetti lill-individwi biex jkunu jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom (35).

51.      Nirrikonoxxi li l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni speċifika tikkostitwixxi mod ta’ kif jiġi żgurat li l-obbligi Komunitarji jingħataw effett fil-livell nazzjonali. Dan l-approċċ jista’ wkoll jiffaċilita x-xogħol tal-Kummissjoni fis-sorveljanza tal-konformità tal-Istati Membri mad-dritt tal-UE (għalkemm is-sempliċi fatt li teżisti l-leġiżlazzjoni mhux dejjem jiggarantixxi li dritt tal-UE jkun ġie implementat b’mod sħiħ u effettiv). Madankollu, miniex tal-fehma li tali obbligi jistgħu jingħataw effett xieraq biss permezz tal-leġiżlazzjoni, f’ċirkustanzi fejn l-obbligu tal-UE inkwistjoni jirriżulta minn dispożizzjoni tat-Trattat direttament effettiva kif interpretata f’sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u meta ma hemm l-ebda dispożizzjoni legali nazzjonali kunfliġġenti u l-ebda prova li għad fadal sitwazzjoni ta’ inċertezza legali li jeħtieġ li tiġi rrimedjata.

52.      Għaldaqstant, nikkonkludi li l-awtoritajiet Franċiżi ma humiex obbligati li jintroduċu fid-dritt nazzjonali dispożizzjoni speċifika li teħtieġ li pazjent assigurat taħt is-sistema tas-sigurtà soċjali Franċiża jingħata rimbors supplimentari fiċ-ċirkustanzi stabbiliti fil-paragrafu 53 tas-sentenza Vanbraekel. Għaldaqstant, it-tieni lment tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

 L-ewwel ilment


 Ir-rekwiżit għal awtorizzazzjoni minn qabel huwa restrizzjoni taħt l-Artikolu 49 KE?

53.      Il-Kummissjoni ssostni li r-rekwiżit fid-dritt Franċiż li għandha tingħata awtorizzazzjoni minn qabel sabiex jinkiseb ir-rimbors għal servizzi mediċi mhux fi sptar li jinvolvu tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija ipprovdut fi Stat Membru ieħor hu restrizzjoni taħt l-Artikolu 49 KE.

54.      Hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li s-servizzi mediċi jaqgħu taħt l-ambitu tal-Artikolu 49 KE (36). Sa mis-sentenza Luisi u Carbone (37) il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li d-dispożizzjonijiet tat-Tratatt ikopru kemm lil dawk li jirċievu kif ukoll lil dawk li jipprovdu servizzi mediċi u li l-libertà tal-moviment ta’ min jirċievi s-servizzi hija korollarju meħtieġ għal-libertà ta’ min jipprovdi s-servizz(38). Iżjed riċentament il-Qorti tal-Ġustizzja qalet b’mod kategoriku li l-attivitajiet mediċi jaqgħu taħt l-ambitu tal-Artikolu 60 KE (li sar l-Artikolu 57 TFEU) u li ma hemmx bżonn li ssir distinzjoni bejn il-kura provduta f’ambjent ta’ sptar u l-kura provduta barra dan l-ambjent (39). Hu ċar ukoll li sistema fejn hi meħtieġa l-awtorizzazzjoni minn qabel sabiex pazjent jikseb rimbors tal-ispiża tal-kura fi sptar fi Stat Membru ieħor mill-awtoritajiet tal-Istat Membru tiegħu tikkostitwixxi, kemm għall-pazjent ikkonċernat kif ukoll għal min jipprovdi s-servizz, ostaklu għal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi (40).

55.      Għaldaqstant, il-kundizzjoni li r-rimbors tal-ispiża tas-servizzi mediċi għal kura mhux fi sptar li tinvolvi tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija fi Stat Membru ieħor jew Stat ŻEE ikun suġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet Franċiżi tikkostiwixxi restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi (41).

 Ġustifikazzjoni

56.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat jekk rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel sabiex jiġu pprovduti servizzi mediċi mogħtija fl-infrastruttura ta’ sptar (“servizzi mediċi fi sptar”) jistax jiġi ġġustifikat (42).

57.      Il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat tliet fatturi fl-evalwazzjoni ta’ din id-domanda: l-ewwel nett jekk il-kunsiderazzjonijiet imperattivi fl-interess ġenerali stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja japplikawx u jekk humiex kapaċi li jiġġustifikaw l-ostakoli għal-libertà li jiġu pprovduti dawn is-servizzi; it-tieni nett, jekk tali restrizzjoni taqax taħt id-derogi fuq il-bażi tas-saħħa pubblika taħt l-Artikolu 46 KE u 55 KE; u t-tielet nett, jekk ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel huwiex diskriminatorju.

58.      Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li l-ħtieġa ta’ protezzjoni mir-riskju li ssir ħsara serja għall-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali hi kunsiderazzjoni imperattiva fl-interess ġenerali li kapaċi tiġġustifika restrizzjoni li tirrikjedi awtorizzazzjoni minn qabel (43).

59.      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-għan li jinżamm servizz mediku u fi sptar bilanċjat miftuħ għal kulħadd jista’ jaqa’ wkoll taħt id-derogi tas-saħħa pubblika fl-Artikoli 46 KE u 55 KE sa fejn dan jikkontribwixxi għall-kisba ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa (44). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-Artikolu 46 KE jippermetti lill-Istati Membri li jirristrinġu l-libertà ta’ provvista ta’ servizzi mediċi u ta’ sptar sakemm iż-żamma tal-kapaċità tal-kura jew kompetenza medika fuq territorju nazzjonali jkunu essenzjali għas-saħħa pubblika u anki għas-sopravivenza tal-popolazzjoni (45).

60.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li sabiex tkun ġustifikata, sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi mhux diskriminatorji li jkunu magħrufa minn qabel, b’mod li jillimitaw l-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, sabiex b’hekk jiġi żgurat li din id-diskrezzjoni ma tintużax b’mod arbitrarju (46). F’dan il-kuntest, ninterpreta r-referenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għal “kriterji mhux diskriminatorji” fis-sens li tfisser kriterji li ma jiddiskriminawx b’mod illegali bejn każijiet komparabbli fejn tintalab l-awtorizzazzjoni minn qabel għal kura fi Stat Membru ieħor. Għalhekk, l-eżiġenza stess li tinkiseb tali awtorizzazzjoni minn qabel għal kura fi Stat Membru ieħor li tinvolvi tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija tikkostitwixxi restrizzjoni (li forsi ma tapplikax bl-istess mod eżatt fil-każ ta’ kura fi Franza). Sabiex l-eżiġenza tkun iġġustifikata, hemm bżonn li s-sistema tal-kuntest li tkun tapplika fih tkun tissodisfa t-test espost iktar ’il fuq (u, f’dan l-istadju, kull kriterju invokat għandu jiġi applikat b’mod oġġettiv u mhux diskriminatorju).

61.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għad trid tikkunsidra l-kwistjonijiet ekwivalenti b’rabta ma’ servizzi mediċi pprovduti barra ambjent ta’ sptar (“servizzi mediċi mhux fi sptar”).

62.      Il-Kummissjoni ssostni li bħala prinċipju, il-ġustifikazzjoni għal rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel sabiex jinkiseb ir-rimbors għal servizzi mediċi fi sptar hi intrinsikament marbuta man-natura ta’ tali servizzi. Targumenta li minħabba l-fatt li s-servizzi mediċi fi sptar jiswew ħafna flus, hemm bżonn ta’ pjan għall-kunsinna tagħhom. Madankollu, servizzi mediċi mhux fi sptar ma għandhomx l-istess karatteristiċi bħal servizzi mediċi fi sptar; għaldaqstant, rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għal servizzi mediċi mhux fi sptar ma jistax jiġi ġġustifikat. Il-proposta tal-Kummissjoni tgħid li rekwiżit għal awtorizzazzjoni minn qabel għandu jkun limitat għal każijiet fejn ikun hemm prova li l-migrazzjoni tal-pazjenti (pereżempju, sabiex jiġu evitati listi ta’ stennija) aktarx li se tagħmel ħsara għall-kura tas-saħħa (47).

63.      Il-Kummissjoni ma kkontestatx il-kontenut tal-lista tat-tagħmir fl-Artikolu R.6122-26 u ma għamlet l-ebda sottomissjonijiet li jindirizzaw il-kwistjoni ta’ jekk l-oġġetti mniżżla għandhomx jitqiesu li huma tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija.

64.      Franza, sostnuta mill-Gvern Finlandiż u l-Gvern tar-Renju Unit, issostni li l-prinċipji stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-awtorizzazzjoni minn qabel għal kura fi sptar hi applikabbli għal servizzi mediċi mhux fi sptar li jinvolvu tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija. L-akkwist u l-użu ta’ dan it-tagħmir jirrikjedu pjan sabiex jiġi żgurat aċċess permanenti u xieraq għal firxa bilanċjata ta’ kura tas-saħħa, irrispettivament, minn jekk tingħatax fi sptar jew fi klinika jew anki fil-klinika ta’ tabib tal-familja. L-ispejjeż sinjifikanti involuti jfissru li l-kunsiderazzjonijiet inkwistjoni huma bħal dawk applikati għall-ippjanar tal-kura fi sptar u li hu essenzjali li tiġi evitata l-ħela tar-riżorsi. Franza tirreferi b’mod partikolari għal skaners PET li, f’dak l-Istat Membru, jistgħu jiġu nstallati ġewwa jew barra sptar (48). L-awtoritajiet Franċiżi jenfasizzaw ukoll li l-Artikolu R.6122-26 tal-Kodiċi dwar is-Saħħa Pubblika fih lista limitata ta’ tagħmir li hu suġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel. Finalment, Franza tibbaża ruħha fuq il-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni (49) tipprovdi (fl-Artikolu 8) li l-kura tas-saħħa li teħtieġ l-użu ta’ “infrastruttura medika jew tagħmir mediku speċjalizzati u għoljin ħafna” taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ “kura medika fi sptar”.

65.      Fil-fehma tiegħi, l-awtorizzazzjoni minn qabel ma hijiex qed tintuża biss f’dan il-każ bħala għodda biex tirregola l-migrazzjoni tal-pazjenti, għalkemm din tista’ tkun parti mill-funzjoni tagħha. Minflok, l-għan ewlieni tagħha jidher li hu wieħed li hu fundamentali għall-istrateġija tal-kura tas-saħħa. Dan huwa sabiex jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti li jippjanaw kif għandhom jużaw ir-riżorsi disponibbli tagħhom għall-finanzjament tas-servizzi tas-saħħa fl-istadju inizjali fejn jiġu evalwati r-riżorsi, id-demografija, l-infrastruttura, l-użu tat-tagħmir u l-persunal. Għaldaqstant, il-proċedura tal-awtorizzazzjoni minn qabel tippermetti lill-awtoritajiet Franċiżi li jindirizzaw aħjar il-kwistjoni ġenerali tal-allokazzjoni tar-riżorsi għas-servizz tas-saħħa kif ukoll sabiex imexxu aspett partikolari ta’ dak is-servizz, (jiġifieri, l-effetti tal-migrazzjoni tal-pazjent fuq is-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistema tas-saħħa u tas-sigurtà soċjali).

66.      Il-kunsiderazzjonijiet imperattivi li kapaċi jiġġustifikaw restrizzjoni bħal rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel huma bbażati fuq il-bżonn għal awtoritajiet nazzjonali li jippjanaw l-użu tar-riżorsi tagħhom għal sigurtà soċjali u kura tas-saħħa sabiex jiksbu livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika (50). Huwa dan li hu kruċjali għall-evalwazzjoni ta’ jekk awtorizzazzjoni minn qabel hijiex ġustifikata, iżjed milli jekk il-kura li tuża tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija tingħatax fi sptar jew le.

67.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li hu diffiċli li ssir distinzjoni bejn servizzi mediċi fi sptar u servizzi mediċi barra sptar. Pereżempju, ċerti servizzi pprovduti fi sptar jistgħu wkoll jiġu pprovduti fi klinika, ċentru tas-saħħa jew fi klinika ta’ tabib tal-familja (51).

68.      Jista’ jkun hemm ukoll differenzi bejn Stati Membri dwar id-definizzjoni ta’ servizzi mediċi fi sptar u servizzi mediċi mhux fi sptar. Il-materjal imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża juri li hemm, pereżempju, dawn id-differenzi bejn Franza u r-Renju Unit fir-rigward tal-lokalità tal-iskaners PET (52). Fil-fatt, il-Kummissjoni tirrikonoxxi fil-proposta tagħha (53) li ma hemmx definizzjoni konsistenti ta’ x’jikkostitwixxi servizzi mediċi fi sptar (kura medika fi sptar) fis-sistemi tas-saħħa differenti tal-UE (54).

69.      Għaldaqstant, ma nqisx li l-post fejn jingħata s-servizz mediku jista’ jkun fattur determinanti ta’ jekk rekwiżit għal awtorizzazzjoni minn qabel jistax jiġi oġġettivament iġġustifikat.

70.      Il-Gvern Franċiż u l-Gvern Finlandiż ikomplu jibbażaw ruħhom fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Hartlauer(55). Iż-żewġ Gvernijiet isostnu li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dak il-każ (li l-ippjanar li jirrikjedi awtorizzazzjoni minn qabel għat-twaqqif ta’ fornituri ġodda tas-servizzi outpatient jista’ jkun indispensabbli sabiex tiġi żgurata kura medika adattata għall-bżonnijiet tal-popolazzjoni) għandha tiġi applikata f’din il-kawża.

71.      Is-sentenza Hartlauer kienet tikkonċerna kumpannija Ġermaniża li riedet tiftaħ klinika dentali privata fl-Awstrija. Id-domanda magħmulha lill-Qorti tal-Ġustizzja kienet tirrikjedi kunsiderazzjoni ta’ jekk l-Artikoli 43 KE u 48 KE kinux jipprekludu l-leġiżlazzjoni nazzjonali milli tagħmel it-twaqqif ta’ istituzzjoni tas-saħħa bħal klinika dentali outpatient indipendenti suġġett għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-istabbilimenti li jipprovdu l-kura outpatient, bħal kliniċi tat-tobba u kliniċi outpatient jistgħu, bħal l-isptarijiet, jkunu s-suġġett ta’ pjan. Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet: “ippjanar li jirrikjedi awtorizzazzjoni minn qabel għall-installazzjoni ta’ persuni ġodda li jipprovdu l-kura, jista’ jirriżulta bħala indispensabbli sabiex tingħalaq kwalunkwe lakuna potenzjali fl-aċċess għall-kura outpatient u sabiex jiġi evitat il-ftuħ ta’ strutturi li jagħmlu xogħol doppju, b’tali mod li jiġi żgurat li jkun hemm kura medika li tadatta ruħha għall-bżonnijiet tal-popolazzjoni, tkopri t-territorju kollu u tikkunsidra r-reġjuni ġeografikament iżolati jew żvantaġġjati b’xi mod ieħor” (56).

72.      Din il-kawża hi differenti minn Hartlauer inkwantu tikkonċerna l-libertà li jiġu rċevuti s-servizzi iżjed milli l-libertà tal-istabbiliment.

73.      Ma nsibx oġġezzjoni li naċċetta li ma jkunx xieraq li jiġi permess li awtorizzazzjoni minn qabel tiġi applikata għall-għoti jew ir-riċeviment ta’ servizzi mediċi li jirrikjedu l-użu ta’ tagħmir standard li hu relattivament mhux għoli. Madankollu, it-tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija involut f’dawn il-proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hu ferm differenti minn (pereżempju) magna tar-raġġi-x ordinarja. Dan it-tagħmir hu ġenerikament differenti mit-tagħmir li jinstab fi klinika (mgħammra tajjeb) ta’ tabib tal-familja. Iqum ħafna flus biex jinkiseb. Jista’ jkun ikun hemm bżonn li jiġi nstallat f’ambjent speċifiku. Jista’ jkun meħtieġ ukoll li jintuża u jiġi mantnut minn persunal kwalifikat u mħarreġ kif xieraq.

74.      Jidhirli, min-naħa waħda, l-akkwist, it-tqegħid u l-użu ta’ dan it-tagħmir jinvolvi kunsiderazzjonijiet ta’ ppjanar simili għal dawk li japplikaw għal servizzi ta’ sptar. Min-naħa l-oħra, preċiżament minħabba l-fatt li l-ispiża meħtieġa sabiex tiffinanzja dan l-akkwist hi tant għolja, il-kwistjonijiet wara l-provvista tas-servizz jistgħu faċilment jiġu mqabbla ma’ dawk involuti fil-libertà ta’ stabbiliment; u s-sentenza Hartlauer tista’ raġonevolment tiġi applikata b’analoġija. Irrispettivament mill-approċċ li jiġi adottat, il-ġustifikazzjoni essenzjali għar-rekwiżit tal-awtorizzazzjoni minn qabel hi l-istess. L-abbiltà li jiġu evalwati l-ispejjeż tan-nefqa fid-dawl tar-riżorsi limitati hi kruċjali għad-deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti ta’ x’għandu jkun jikkostitwixxi għoti xieraq ta’ kura medika, sabiex jinżamm il-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali u jinżamm servizz mediku u ta’ sptar ta’ kwalità aċċessibbli għal kulħadd.

75.      Għaldaqstant, naċċetta li r-rekwiżit tal-awtorizzazzjoni minn qabel hu, bħala prinċipju, ġustifikat.

 Proporzjonalità

76.      Meta r-rekwiżit għal awtorizzazzjoni minn qabel jkun jista’ jiġi ġġustifikat skont dawn il-kunsiderazzjonijiet imperattivi, xorta waħda jkun meħtieġ li jiġi evalwat jekk dan ir-rekwiżit huwiex wieħed proporzjonali: jiġifieri li jiġi żgurat li ma jaqbiżx dak li hu oġġettivament neċessarju għal dak il-għan u li l-istess riżultat ma jkunx jista’ jinkiseb b’regoli inqas restrittivi (57).

77.      L-awtoritajiet Franċiżi llimitaw ir-rekwiżit għal awtorizzazzjoni minn qabel għal lista ristretta ta’ tagħmir, imsemmi fl-Artikolu R.6122‑26 tal-Kodiċi dwar is-Saħħa Pubblika. L-Artikolu R.332-4 tal-Kodiċi dwar is-Sigurtà Soċjali jkompli jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li għandhom jintlaħqu jekk tiġi miċħuda l-awtorizzazzjoni minn qabel u jiżgura li dawn id-deċiżjonijiet huma suġġetti għal dritt ta’ appell. Għaldaqstant, bħala prinċipju, il-leġiżlazzjoni ma tmurx lil hinn minn dak li hu oġġettivament meħtieġ u l-istess riżultat ma jistax jinkiseb b’regoli inqas ristrettivi.

78.      Fil-fehema tiegħi, il-preżenza tal-maġġoranza ta’ dawn l-elementi, jekk mhux l-elementi kollha kemm huma tissuġġerixxi li rekwiżit għal awtorizzazzjoni minn qabel huwa proporzjonali fir-rigward tal-użu ta’ tagħmir mediku speċifiku għall-provvista ta’ servizzi mediċi mhux fi sptar.

79.      L-ewwel nett, l-ispiża kapitali tat-tagħmir inkwistjoni aktarx li tkun kunsiderevoli, u tirrikjedi investiment sostanzjali mill-awtoritajiet kompetenti. It-tieni nett, l-ispejjeż operattivi jistgħu jkunu sinjifikanti biżżejjed li jkunu jirrikjedu dispożizzjoni separata fil-baġit rilevanti. It-tielet nett, it-tagħmir inkwistjoni aktarx li jkun tagħmir speċjalizzat, jiġifieri tagħmir li hu dedikat għal proċedura medika partikolari jew għal tip ta’ analiżi (normalment, elaborati). Ir-raba’ nett, aktarx li jkun tagħmir li hu użat biss wara li l-pazjent ikun għadda minn xi forma ta’ proċess ta’ skrinjar preliminari, iżjed milli tagħmir li hu użat bħala rutina għal dijanjożi u/jew kura tal-ewwel stadju. Il-ħames nett, it-tagħmir jista’ jkun jirrikjedi persunal imħarreġ kif xieraq sabiex jinstallah, jieħu ħsiebu u jħaddmu.

80.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, x’jingħad għat-tagħmir imsemmi fl-Artikolu R.6122-26 tal-Kodiċi dwar is-Saħħa Pubblika, li jifforma parti mis-suġġett ta’ din il-kawża?

81.      Jidhirli li l-awtoritajiet Franċiżi stabbilixxew li l-iskaners PET huma tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija. Dawn huma oġġetti għoljin ta’ makkinarju speċjalizzat li għandhom bżonn jiġu użati minn persunal imħarreġ kwalifikat. Il-pazjenti jirrikjedu xi forma ta’ evalwazzjoni medika qabel ma jiġu suġġettati għal skan. Inqis li hu proporzjonali li r-rimbors tal-ispejjeż tal-provvista tas-servizz li jinvolvi l-użu ta’ skaners PET ikun suġġett għar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel.

82.      Il-Kummissjoni ma qalitx b’liema mod l-oġġetti l-oħra mniżżla ma humiex tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija li l-inklużjoni tagħhom fil-lista ta’ tagħmir li jirrikjedi awtorizzazzjoni minn qabel hi proporzjonali (58). Għaldaqstant, ma ġiet preżentata l-ebda informazzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja li permezz tagħha tista’ tiddeċiedi li dawk l-oġġetti ma għandhomx jiġu inklużi fil-lista.

83.      Filwaqt li hija r-responsabbiltà tal-Istat Membru, meta jitqajjem dubju dwar il-proporzjonalità ta’ miżura partikolari, li jispjega għaliex dik il-miżura hi fil-fatt proporzjonali, dan l-oneru jaqa’ fuq l-Istat Membru biss meta jkunu tqajmu dawn id-dubji. Madankollu, f’din il-kawża, ma jistax ikun mistenni li Franza twieġeb għal argument li ma tqajjimx quddiemha. Għaldaqstant, nikkonkludi li, f’din il-kawża, ma hemmx raġunijiet sabiex nikkonstata li r-rekwiżit għall-awtorizzazzjoni minn qabel fir-rigward tar-rimbors għal servizzi provduti bl-użu tal-oġġetti tat-tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija li jifdal fil-lista tal-Artikolu R.6122-26 tal-Kodiċi dwar is-Saħħa Pubblika ma huwiex proporzjonali (59).

84.      Konsegwentement, l-Artikolu R.332-4 tal-Kodiċi dwar is-Sigurtà Soċjali, li jagħmel ir-rimbors għal servizzi mediċi mhux fi sptar li jirrikjedu l-użu tat-tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija mniżżel fl-Artikolu R.6122-26 tal-Kodiċi dwar is-Saħħa Pubblika suġġett għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, huwa oġġettivament iġġustifikat.

85.      Għaldaqstant, l-ewwel ilment tal-Kummissjoni, għandu jiġi miċħud ukoll.

 Konklużjoni

86.      Għal dawn il-motivi, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad ir-rikors, u (kif mitlub minn Franza u skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja) tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-28 ta’ April 1998, Decker (C‑120/95, Ġabra, p. I‑1831 [moviment liberu tal-prodotti mediċinali]) u tat-28 ta April 1998, Kohll (C‑158/96, Ġabra, p. 1931 [libertà li jiġu pprovduti servizzi]) .


3 – Ara V. G. Hatzopoulos, “Killing National Health and insurance systems but healing patients? The European Market for health care services after the judgments of the ECJ in Vanbraekel and Peerbooms”, Common Market Law Review 2002, p. 683 u C. Nedwick, “Citizenship, free movement and health care: cementing individual rights by corroding social solidarity”, Common Market Law Review 2006, p. 1645.


4 – Li sar l-Artikolu 56 TFEU.


5 – L-espressjoni Franċiża użata fid-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni hi “équipements matériels lourds”. Jien se nuża l-espressjoni “tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija” f’dawn il-Konklużjonijiet biex nesprimi dak il-kunċett.


6 – Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Vanbraekel et (C‑368/98,Ġabra, p. I‑5363).


7 – Madwar EUR 6 000 u EUR 7 680 rispettivament.


8 – Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35). Ir-regolament ġie emendat iżjed tard. Fiż-żmien attwali, l-aħħar bidliet kienu dawk li jinsabu fir-Regolament (KE) Nru 629/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2006, ĠU 2006 L 114, p. 1 (il-verżjoni konsolidata ġiet ippubblikata fil-ĠU 1997 L 28, p. 1).


9 – Fiż-żmien tas-sentenza Vanbraekel, id-dispożizzjoni rilevanti kienet l-Artikolu 59 tat-Trattat KE.


10 – Sentenza Vanbraekel, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 43 sa 52.


11 – Ara l-punt 43 hawn taħt.


12 – Sentenza tas-6 ta’ Marzu 1979, Rossi (100/78, Ġabra, p. 831, punt 13.


13 – Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2006, Watts (C‑372/04, Ġabra, p. I‑4325), punti 46 sa 48.


14 –      Teknika tal-immaġni mediċi nukleari li tipproduċi immaġni 3D jew stampa ta’ proċessi funzjonali fil-ġisem.


15 –      L-iżjed applikazzjoni magħrufa ta’ dan l-apparat (magħruf ukoll bħala apparat tal-immaġni tar-reżonanza manjetika jew skaner MRI) hi li jivviżwalizza l-istruttura interna dettaljata tal-ġisem. Hu b’mod speċjali utli fl-immaġni newroloġiċi, muskuloskeletali, kardjovaskulari u onkoloġiċi.


16 –      Apparat li juża r-raġġi-X biex jippermetti l-istudju ta’ strutturi anatomiċi.


17 –      Apparat li kien inizijalment użat biex jitratta diżordnijiet sofferti minn għaddasa, bħal mard ikkawżat mid-dekompressjoni. Il-kmamar huma ħafna drabi wżati f’ambjent ta’ sptar, iżda jistgħu jintużaw ukoll fid-dar ta’ pazjent. Jintużaw fil-kura ta’ diversi kundizzjonijiet, bħal paraliżi ċerebrali; u huma rakkomandati wkoll minn xi prattikanti għall-kura taż-żanżin tal-widnejn.


18 –      Apparat użat fil-kura tal-kanċer, pereżempju, raġġi tal-Jone minn ċiklotronu jistgħu jintużaw fit-terapija tal-proteini biex jippenetraw il-ġisem u joqtlu t-tumuri filwaqt li jimminimizzaw il-ħsara għal tessuti b’saħħithom tal-madwar.


19 – Ċirkulari DSS/DACI/2003/286 tas-16 ta’ Ġunju 2003, ċirkulari DSS/DACI/2005/235 tad-19 ta’ Mejju 2005 u ċirkulari DSS/DACI/2008/242 tal-21 ta’ Lulju 2008, li mmodifikat iċ-ċirkulari DSS/DACI/2005/235.


20 – Ara l-punt 9 hawn fuq.


21 – Fit-8 ta’ Ġunju 2010, il-Kunsill approva abbozz tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali.


22 – Sentenzi tas-16 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑414/97, Ġabra p. I‑5585, punt 19), tal-15 ta’ Frar 2007, Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l‑Baxxi (C‑34/04 Ġabra p. I‑1387, punt 49) u tal-11 ta’ Settembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Litwanja (C‑274/07, Ġabra p. I‑7117, punt 21).


23 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punti 18 u 19.


24 – Sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑159/94, Ġabra p. I‑5815, punt 102); tal-14 ta’ Diċembru 2000, Il‑Kummissjoni vs Franza, (C‑55/99, Ġabra p. I‑11499, punt 30) u tas-6 ta’ Novembru 2003, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑434/01, Ġabra p. I‑13239, punt 21). Iżjed reċentament, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑532/03, Ġabra p. I‑11353, punt 29).


25 – Ara s-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑507/03, Ġabra p. I‑9777, punti 33 sa 35).


26 – L-awtoritajiet Franċiżi jirreferu għaċ-ċirkulari msemmija fil-punti 14 sa 16 iktar ’il fuq.


27 – Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni (Franza) (Awla Soċjali), tat-28 ta’ Marzu 2002, f’Magnan vs CPAM des Hauts de Seine.


28 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 1968, Salgoli (13/68, Ġabra p. 453 [Artikolu 28 KE, moviment liberu tal-merkanzija]); tal-4 ta’ Diċembru 1974, Van Duyn (41/74, Ġabra p. 1337 [Artikolu 39 KE, moviment liberu tal-ħaddiema]; tal-21 ta’ Ġunju 1974, Reyners (2/74, Ġabra p. 631 [Artikolu 43 KE, [libertà ta’ stabbiliment] u tat-3 ta’ Diċembru 1974, van Binsbergen (33/74, Ġabra p. 1299 [Artikolu 49 KE, liberta li jiġu pprovduti servizzi]).


29 – Sentenza Vanbraekel, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 53.


30 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1991, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑58/89, Ġabra p. I‑4983, punti 13 sa 16), u tat-18 ta’ Ġunju 2002, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑60/01, Ġabra p. I‑5679, punti 25 sa 28).


31 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2000, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, (C‑358/98, Ġabra p. I‑1255, punt 17).


32 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2003, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, (C‑129/00, Ġabra, p. I‑14637, punt 33).


33 – Ara s-sentenza Magnan tal-Qorti tal-Kassazzjoni ta’ Franza, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27.


34 – Sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 1986, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (168/85, Ġabra p. 2945, punti 9 sa 11) tas-26 ta’ Frar 1991, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑120/88, Ġabra p. I‑621, punt 10), u tas-26 ta’ Frar 1991. Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑119/89, Ġabra p. I-641, punt 9). Ara wkoll is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du Pêcheur SA u Factortame et (C‑46/93 u C‑48/93, Ġabra p. I‑1029, punt 20).


35 – Sentenza tat-28 ta’ Jannar 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑456/08, Ġabra p. I-859, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).


36 – Ara s-sentenzi Decker u Kohll iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.


37 – Sentenza tal-31 ta’ Jannar 1984 (Kawżi Magħquda 286/82 u 26/83, Ġabra p. 377, punt 16).


38 – Ara s-sentenzi tat-2 ta’ Frar 1989, Cowan v Trésor Public (186/87, Ġabra p. 195, punt 17) u Kohll, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 29.


39 – Sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2001, Smithsand Peerboms (C‑157/99, Ġabra p. I‑5473, punt 53), u Watts, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punti 86 u 87.


40 – Sentenza Watts, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 98.


41 – Ara s-sentenza Kohll, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 35.


42 – Ara s-sentenza Watts, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 103 sa 110 u l-ġurisprudenza ċċitata.


43 – Ara Watts, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata.


44 – Ara Watts, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċittata.


45 – Sentenza Watts, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 105, u l-ġurisprudenza ċċittata.


46 – Sentenza Watts, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 116.


47 – Ara COM(2008) 414 finali, imsemmi iktar ’il fuq fil-punt 20, punt 7.3 tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni, u l-premessa 31 għall-proposta oriġinali tal-Kummissjoni.


48 – L-awtoritajiet Franċiżi qalu li, hemm 20 PET skaners installati fi Franza. L-ispiża tax-xiri ta’ kull magna hi madwar EUR 2.6 miljun, l-ispejjeż tal-installazzjoni huma madwar EUR 800 000 għal kull magna u l-ispejjeż operattivi annwali madwar EUR 1.5 miljun. Kull eżami, li jieħu madwar siegħa, jiswa madwar EUR 1 200.


49 – Imsemmija iktar ’il fuq fil-punt 20.


50 – Sentenza Smits u Peerbooms, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punt 76.


51 – Sentenza tat-13 ta’ Mejju 2003, Müller-Fauré u van Riet (C‑385/99, Ġabra p. I‑4509, punt 75.


52 – Fir-Renju Unit, hemm madwar 20 PET skaners li huma użati sabiex jitrattaw il-pazjenti u 3 skaners oħra li huma użati għal skopijiet ta’ riċerka. Madankollu, b’differenza għall-pożizzjoni fi Franza (ara iktar ’il fuq in-nota ta’ qiegħ il-paġna 48), dawk l-iskaners kollha jinsabu f’ambjent ta’ sptar. Hemm ukoll sitt skaners mobbli li għandhom jiġu installati fi sptar sabiex jiġu użati.


53 – COM(2008) 414 finali, iċċitata fil-punt 7.3 tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni. Ara wkoll il-premessa 30 u l-Artikolu 8(2) tal-proposta oriġinali tal-Kummissjoni.


54 – Fil-proposta oriġinali tagħha (punt 7.3 fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni), il-Kummissjoni qalet: “L-aktar tifsira qariba għal kura fl-isptar li hija użata ta’ spiss hija dik ta’ kura residenzjali għal pazjent (li tfisser kura li teħtieġ li l-pazjent jibqa’ fl-isptar jew fil-klinika għal mill-anqas lejl wieħed). Għal din ir-raġuni, l-Artikolu 8(1) jintroduċi tifsira Komunitarja minima ta’ kura fl-isptar fuq din il-bażi. Madankollu, jista’ jkun xieraq li jitqiesu wkoll bħala kura fl-isptar xi tipi oħra ta’ trattament bħala kura fl-isptar, jekk din il-kura teħtieġ l-użu ta’ infrastruttura medika jew tagħmir mediku speċjalizzati jew għoljin ħafna jew tinvolvi kura ta’ riskju partikolari għall-pazjent jew għall-popolazzjoni. L-Artikolu 8(1) għalhekk jistipula wkoll li l-Kummissjoni tfisser b’mod speċifiku lista teknika ta’ trattamenti bħal dawn li tkun aġġornata regolarment.”


55 – Sentenza tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer (C-169/07, Ġabra p. I‑1721).


56 – Sentenza Hartlauer, punti 51 u 52.


57 – Sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 1986, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑205/84,Ġabra p. I‑3755, punti 27 u 29); tas-26 ta’ Frar 1991, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑180/89, Ġabra p. I‑709, punti 17 u 18); tal-20 ta’ Mejju 1992, Ramrath (C‑106/91, Ġabra p. I‑3351, punti 30 u 31; Smits u Peerbooms, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punt 75; u Watts, (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 106).


58 – Apparat tal-immaġni jew ta’ spettrometrija tar-reżonanza manjetika nukleari għal użu kliniku; skaner mediku, kamra iperbarika u ċ-ċiklotron għal użu mediku.


59 – Sentenza Watts, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata.