Language of document : ECLI:EU:C:2010:579

SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

5 ta’ Ottubru 2010 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 49 KE – Sigurtà soċjali – Kura medika li tingħata fi Stat Membru ieħor u li teħtieġ l-użu ta’ tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija – Bżonn ta’ awtorizzazzjoni minn qabel – Kura pprogrammata mogħtija fi Stat Membru ieħor – Differenza bejn il‑livelli ta’ kopertura fis‑seħħ, rispettivament fl‑Istat Membru ta’ affiljazzjoni u fl‑Istat Membru ospitanti – Dritt tal‑persuna assigurata għal intervent tal‑istituzzjoni kompetenti kumplementari għal dik tal‑istituzzjoni tal‑Istat Membru ospitanti”

Fil‑Kawża C‑512/08,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l‑Artikolu 226KE, imressaq fil‑25 ta’ Novembru 2008,

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn N. Yerrell kif ukoll minn G. Rozet u E. Traversa, bħala aġenti, b’indirizz għan‑notifika fil‑Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir‑Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn A. Czubinski u G. de Bergues, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn:

Ir‑Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn J. M. Rodríguez Cárcamo, bħala aġent,

Ir‑Repubblika tal‑Finlandja, irrappreżentata minn A. Guimaraes‑Purokoski, bħala aġent,

Ir‑Renju Unit tal‑Gran Brittanja u l‑Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn I. Rao, sussegwentement minn S. Ossowski, bħala aġenti, assistiti minn M.‑E. Demetriou, barrister,

intervenjenti,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts (Relatur), J.‑C. Bonichot u C. Toader, Presidenti ta’ Awla, K. Schiemann, P. Kūris, E. Juhász, G. Arestis, A. Arabadjiev, J.‑J. Kasel u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M.‑A. Gaudissart, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il‑proċedura bil‑miktub u wara s‑seduta tat‑2 ta’ Marzu 2010,

wara li semgħet il‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tal‑15 ta’ Lulju 2010,

tagħti l‑preżenti

Sentenza

1        Permezz tar‑rikors tagħha, il‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej titlob lill‑Qorti tal‑Ġustizzja tikkonstata li, billi ssuġġettat, skont l‑Artikolu R.332‑4 tal-code de la sécurité sociale (Kodiċi dwar is‑sigurtà soċjali), ir‑rimbors għal servizzi mediċi rċevuti aċċessibli fi klinika lokali li jeħtieġu l‑użu ta’ tagħmir ta’ importanza ewlenija li jinsab elenkat fl‑Artikolu R. 712‑2‑II tal‑code de la santé publique (Kodiċi dwar is‑saħħa pubblika) (li sar l‑Artikolu R. 6122‑26 ta’ dan il‑kodiċi), għall‑għoti ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, minn naħa, u billi ma pprovditx, fl‑imsemmi Artikolu R. 332‑4 jew f’dispożizzjoni oħra tad‑dritt Franċiż, il‑possibbiltà li tingħata lill‑pazjent, assigurat mas‑sistema Franċiża, rimbors supplimentari fil‑kundizzjonijiet stabbiliti fil‑punt 53 tas‑sentenza Vanbraekel et (C‑368/98, Ġabra p. I‑5363), min‑naħa l‑oħra, ir‑Repubblika Franċiża naqset mill‑obbligi tagħha taħt l‑Artikolu 49 KE.

 Il‑kuntest ġuridiku

 Id‑dritt tal‑Unjoni

2        Skont l‑Artikolu 22(1) tar‑Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal‑14 ta’ Ġunju 1971, dwar l‑applikazzjoni tal‑iskemi tas‑sigurtà soċjali għall‑persuni impjegati u l‑familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l‑Komunità, fil‑verżjoni emendata tiegħu u aġġornata permezz tar‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 118/97, tat‑2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), hekk kif emendat, fl-aħħar lok, bir‑Regolament (KE) Nru 1992/2006 tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tat‑18 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 392, p. 1, iktar ’il quddiem ir‑“Regolament Nru 1408/71”):

“Persuna impjegata jew li taħdem għal rasha li tissodisfa l‑kondizzjonijiet tal‑leġislazzjoni ta’ l‑Istat kompetenti għall‑intitolar tal‑benefiċċji, billi tieħu inkonsiderazzjoni fejn suppost tad‑dispożizzjonijiet ta' l‑Artikolu 18, u:

a)      li l‑kondizzjoni tiegħu teħtieġ benefiċċji in natura li jsiru meħtieġa minħabba raġunijiet mediċi matul qagħda [soġġorn] fit‑territorju ta’ Stat Membru ieħor, waqt li tingħata konsiderazzjoni lin‑natura tal‑benefiċċji u t‑tul mistenni tal‑qagħda fil‑post

[…]

c)      li hija awtorizzata mill‑istituzzjoni kompetenti biex tmur fit‑territorju ta’ Stat Membru ieħor biex hemmhekk tirċievi l‑kura meħtieġa għall‑kondizzjoni tagħha,

tkun intitolata:

i)      għall‑benefiċċji b’xi mod ipprovduti f’isem l‑istituzzjoni kompetenti mill‑istituzzjoni tal‑post tar‑rimanenza jew residenza skond id‑dispożizzjonijiet tal‑leġislazzjoni li hija tamministra, bħallikieku kienet assigurata magħha; it‑tul tal‑perjodu li matulu lbenefiċċji jkunu pprovduti jkun deċiż, però, mil‑leġislazzjoni ta’ l‑Istat kompetenti;

[…]”

 Id‑dritt nazzjonali

 Il‑code de la sécurité sociale (Kodiċi dwar is‑sigurtà soċjali)

3        Il‑ħlas għal kura mogħtija lill‑persuni assigurati mas‑sistema Franċiża barra minn Franza huwa rregolat, b’mod partikolari, permezz tal‑Artikoli R. 332‑3 u R. 332‑4 tal‑code de la sécurité sociale, li ġew adottati f’dan il-kodiċi permezz tad‑Digriet Nru 2005‑386, tad‑19 ta’ April 2005, dwar il‑ħlas għal kura li tingħata barra minn Franza u li jemenda il‑code de la sécurité sociale (it‑tieni parti: Digriet tal‑Conseil d’État (JORF tas-27 ta’ April 2005, p. 7321).

4        Dawn l‑artikoli tal‑code de la sécurité sociale jipprovdu:

“Artikolu R. 332‑3

“Il‑fondi tal‑assigurazzjoni tas‑saħħa għandhom jirrimborsaw l‑ispejjeż tal-kura mogħtija lill-persuni assigurati u lil dawk intitolati għalihom fi Stat Membru tal‑Unjoni Ewropea jew fi Stat firmatarju tal‑Ftehim dwar iż‑Żona Ekonomika Ewropea, taħt l‑istess kundizzjonijiet daqs li kieku l-kura kienet tingħata fi Franza, mingħajr ma l‑ammont rimborsat ikun jista’ jeċċedi s‑somma totali mħallsa mill‑persuna assigurata u suġġett għall‑aġġustamenti provduti bl‑Artikoli R.332‑4 sa R.332‑6.

Artikolu R. 332‑4

Minbarra fil‑każ ta’ kura mhux mistennija, il‑fondi tal‑assigurazzjoni tas‑saħħa ma jistgħux, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, jirrimborsaw l‑ispejjeż tal-kura fl‑isptar jew il-kura li tirrikjedi l‑użu ta’ tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija msemmi fit‑Taqsima II tal‑Artikolu R.712‑2 tal‑Kodiċi dwar is‑saħħa pubblika li hu provdut lil persuni assigurati u lil dawk li huma intitolati għal dawn il‑fondi fi Stat Membru ieħor tal‑Unjoni Ewropea jew fi Stat firmatarju tal‑Ftehim dwar iż‑Żona Ekonomika Ewropea.

Din l‑awtorizzazzjoni tista’ tiġi rrifjutata biss jekk tiġi sodisfatta waħda minn dawn il‑kundizzjonijiet:

1°      Il-kura proposta ma hijiex kura li tiġi rrimborsata taħt il‑leġiżlazzjoni Franċiża;

2°      Kura identika jew li għandha l‑istess grad ta’ effettività tista’ tinkiseb meta jkun il‑waqt fi Franza, fid‑dawl tal‑istat tal‑pazjent u tal‑evoluzzjoni probabbli tal‑kundizzjoni tiegħu.

Il‑persuna assigurata għandha tindirizza t‑talba għal awtorizzazzjoni lill‑fond tal-assigurazzjoni li tkun affiljata miegħu. Id‑deċiżjoni tittieħed mill‑kontrollur mediku. Din għandha tiġi formalment innotifikata f’terminu kompatibbli mal‑livell ta’ urġenza u d‑disponibbiltà tal‑kura mistennija u mhux iktar tard minn ġimagħtejn wara li ssir it‑talba. Fin‑nuqqas ta’ risposta wara li jiddekorri dan it‑terminu, l‑awtorizzazzjoni titqies bħala mogħtija.

Id‑deċiżjonijiet ta’ rifjut għandhom ikunu debitament immotivati u tali li jistgħu jiġu appellati fil‑kundizzjonijiet tad‑dritt komuni quddiem il‑qorti tal‑kwistjonijiet tas‑sigurtà soċjali kompetenti. Madankollu, il‑kontestazzjonijiet ta’ dawn id‑deċiżjonijiet meta dawn ikunu dwar l‑evalwazzjoni li jkun għamel it‑tabib konsulent tal‑istat tal‑pazjent, tan‑natura adegwata tal-kura proposta għall‑istat tiegħu jew tan‑natura identika jew tal‑istess livell ta’ effettività tal-kura disponibbli fi Franza, huma suġġetti għal parir mediku fil‑kundizzjonijiet previsti fil‑Kapitolu I tat‑Titolu IV tal‑Ktieb I ta’ dan il‑kodiċi”.

5        L‑applikazzjoni tad‑Digriet Nru 2005‑386 kienet is‑suġġett taċ‑ċirkulari DSS/DACI/2005/235, tad‑19 ta’ Mejju 2005 (iktar ’il quddiem iċ‑“ċirkulari tad‑19 ta’ Mejju 2005”), fejn jinsabu d‑dikjarazzjonijiet segwenti:

“Id‑Digriet Nru 2005‑386 [...] jintegra fid‑dritt intern il‑ġurisprudenza Komunitarja dwar il‑libertà li jiġu provduti servizzi u l‑moviment liberu tal‑oġġetti fil‑qasam tal-kura tas‑saħħa.

[…]

Dan jiddetermina l‑kundizzjonijiet tal‑ħlas għall-kura mogħtija f’pajjiż ieħor skont iż‑żona ġeografika fejn ikunu ngħataw: [...] l‑Artikolu 3 tiegħu joħloq erba’ artikoli ġodda (R. 332‑3, R. 332‑4, R. 332‑5 u R. 332‑6) speċifiċi għall-kura rċevuta fl‑[Unjoni Ewropea – Żona Ekonomika Ewropea (UE‑ŻEE)].

[…]

II – Il‑ħlas tal-kura rċevuta fl‑UE‑ŻEE (Artikoli R. 332‑3, R. 332‑4, R. 332‑5, R. 332‑6)

Dawn l‑erba’ artikoli ġodda jikkonċernaw speċifikament il-kura rċevuta fl‑UE‑ŻEE.

Huma jinkludu artikolu ta’ portata ġenerali li jsostni l‑prinċipju tal‑ħlas tal-kura rċevuta fi Stat Membru ieħor u tliet artikoli ta’ adattament għal sitwazzjonijiet partikolari.

[…]

B – L‑adattamenti partikolari (Artikoli R. 332‑4, R. 332‑5 u R. 332‑6)

L‑Artikoli R. 332‑4, R. 332‑5 u R. 332‑6 jikkompletaw l‑Artikolu R. 332‑3 billi jagħmlu ċerti adattamenti tal‑prinċipju stabbilit minn dan l‑artikolu fis‑sitwazzjonijiet segwenti:

1 – Il-kura fl‑isptar (Artikolu R. 332‑4)

–        L‑Artikolu R. 332‑4 jirregola r‑rimbors għall-kura fl‑isptar u l‑bżonn ta’ tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija – tip IRM, TEP‑SCAN, eċċ. – elenkati fil‑parti II tal‑Artikolu R. 712‑2 tal‑code de la santé publique [...], li jistgħu jingħataw barra mill‑isptar fil‑klinika lokali.

–        Dan l‑artikolu ma japplikax għall-kura rċevuta meta mhux mistennija waqt soġġorn temporanju (professjonali, familjari, turistiku, eċċ.), li għandhom jitħallsu abbażi tar‑Regolamenti [(KEE)] Nru 1408/71 u Nru 574/72 dwar il‑koordinazzjoni tas‑sistemi tas‑sigurtà soċjali fl‑Ewropa, kemm jekk l‑assigurat ikun jew ma jkunx ippreżenta fl‑Istat tal‑post fejn jirċievi l-kura dokument Kumunitarju li jattesta d-drittijiet tiegħu.

–        Il‑ħlas tal-kura fl‑isptar u tal-użu ta’ tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija jibqa’ suġġett għall‑preżentazzjoni ta’ awtorizzazzjoni minn qabel mill‑organu ta’ affiljazzjoni tal‑assigurat li jkun irid jikseb dawn il‑prestazzjonijiet fl‑UE‑ŻEE.

Din ir‑restrizzjoni hija awtorizzata mill‑[Qorti tal‑Ġustizzja tal‑Komunitajiet Ewropej], peress li l-kura fl‑isptar bħall-użu ta’ tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija jista’, f’każ ta’ libertà totali ta’ aċċess barra mit‑territorju nazzjonali, jippreġudika serjament l‑organizzazzjoni tas‑sistema sanitarja jew il‑bilanċ finanzjarju tas‑sistema tas‑sigurtà soċjali tal‑Istat tal‑affiljazzjoni tal‑persuna assigurata.

Madankollu, fil‑prattika, l‑organi ta’ assigurazzjoni tas-saħħa ma għandhomx sistematikament jirrifjutaw li jagħtu l‑awtorizzazzjoni minn qabel għal dawn it‑tipi ta’ prestazzjonijiet programmati fi Stat Membru ieħor.

Fil‑fatt, l‑awtorizzazzjoni minn qabel ma tistax tiġi rrifjutata, jekk il-kura prevista hija rrimborsata fi Franza u jekk din il-kura jew kura ta’ effett ekwivalenti, ma jkunux disponibbli fil‑waqt opportun, jiġifieri f’terminu kompatibbli mal‑istata tal‑pazjent u l‑evoluzzjoni probabbli tal‑marda tiegħu.

[…]

–        Ovvjament, id‑deċiżjonijiet ta’ rifjut għandhom ikunu mmotivati. Il‑[Qorti tal‑Ġustizzja] ma taċċettax, f’każ ta’ rifjut ta’ l‑awtorizzazzjoni minn qabel, li d‑deċiżjoni ma tindikax preċiżament lill‑assigurat ir‑raġunijiet għalfejn ma ngħatalux permess li jikseb il-kura fi Stat Membru ieħor. Għalhekk, li jingħad sempliċiment l-kura tista’ tingħata fi Franza meta jkun il‑waqt, mingħajr preċiżazzjonijiet addizzjonali, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala biżżejjed fir‑rigward tal‑eżiġenzi tal‑[Qorti tal‑Ġustizzja]. Għalhekk, meta r‑risposta lill‑applikant tkun li kura ta’ effett ekwivalenti tista’ tingħata fi Franza, id‑deċiżjonijiet ta’ rifjut għandhom jinkludu l‑punti ta’ fatt li hija bbażata fuqu din l‑affermazzjoni. B’mod partikolari jista’ jkun utli li tiġi kkomunikata lista ta’ stabbilimenti jew professjonisti tas‑saħħa li jistgħu jagħtu lill‑pazjent il-kura neċessarja fit‑terminu meħtieġ.

–        Fir‑reġjuni li jsofru minn nuqqas ta’ offerta ta’ kura fl‑isptar speċifiċi jew ta’ tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija, l‑organi ta’ assigurazzjoni tas‑saħħa għandhom sistematikament jawtorizzaw il‑ħlas ta’ ċerti kategoriji ta’ kura pprogrammata fl‑UE‑ŻEE. Iċ‑ċirkulari li jmiss se tippreċiża r‑reġjuni u t‑tipi ta’ kura fl‑isptar jew tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija kkonċernati minn din id‑dispożizzjoni.”

6        Iċ‑ċirkulari tad‑19 ta’ Mejju 2005 ġiet emendata u kompletata biċ‑ċirkulari DSS/DACI/2008/242, tal‑21 ta’ Lulju 2008, dwar il‑ħlas tal-kura rċevuta fi Stat Membru ieħor tal‑UE‑ŻEE (iktar ’il quddiem iċ‑“ċirkulari tal‑21 ta’ Lulju 2008”), fejn huwa indikat, b’mod partikolari, li “anki jekk [il‑]ġurisprudenza [Vanbraekel et] hija diġà applikata mill‑fondi tal-assigurazzjoni”, dawn huma kkonfrontati b’diversi diffikultajiet konkreti. F’din iċ‑ċirkulari, il‑ministru kompetenti “madankollu jitlob [lill-persuni responsabbli tal-organi kkonċernati] li jkompli jsir dak li huwa neċessarju sabiex jitwettaq id‑dispożittiv tas-suppliment tad-differenza, f’każ ta’ talba tal‑assigurat”.

 Il‑code de la santé publique (Kodiċi dwar is‑saħħa pubblika)

7        L‑Artikolu L. 6121‑1 tal‑code de la santé publique jipprovdi:

“L‑iskema ta’ organizzazzjoni sanitarja għandha l‑għan li tipprovdi u tistimola l‑evoluzzjonijiet neċessarji tal‑offerta ta’ kura preventiva, ta’ kura u paljativi sabiex tirrispondi għall‑bżonnijiet ta’ saħħa fiżika u mentali. Din tinkludi wkoll l‑offerta ta’ kura għall‑ħlas ta’ nisa tqal u ta’ trabi tat‑twelid.

L‑iskema ta’ organizzazzjoni sanitarja hija intiża sabiex tħeġġeġ l‑adattament u l‑kumplimentarità tal‑offerta ta’ kura, kif ukoll il‑kooperazzjonijiet, b’mod partikolari bejn l‑istabbilimenti ta’ sanità. Hija tistabbilixxi oġġettivi sabiex ittejjeb il‑kwalità, l‑aċċessibbiltà u l‑effiċjenza tal‑organizzazzjoni sanitarja.

Din tieħu inkunsiderazzjoni l-interazzjoni tal‑mezzi tal‑istabbilimenti tas‑saħħa flimkien mat-tabib lokali u s‑settur mediko‑soċjali kif ukoll l‑offerta ta’ kura fir‑reġjuni limitrofi u fir‑reġjuni tal‑fruntiera.

Digriet tal‑ministru responsabbli għas‑saħħa jistabbilixxi lista tat‑temi, tal‑attivitajiet ta’ kura u tat‑tagħmir ta’ importanza ewlenija li għandhom bilfors ikunu parti mill‑iskema ta’ organizzazzjoni sanitarja.

L‑iskema ta’ organizzazzjoni sanitarja hija deċiża abbażi ta’ evalwazzjoni tal‑bżonnijiet ta’ saħħa tal‑poplu u tal‑evoluzzjoni tiegħu fid‑dawl tad‑data demografika u epidemoloġika u tal‑progress tekniku mediku u wara analiżi, kwantitattiva u kwalitattiva, tal‑offerta tal-kura eżistenti.

Jista’ jkun hemm reviżjoni parzjali jew totali tal‑iskema ta’ organizzazzjoni sanitarja f’kull ħin. Din ir‑reviżjoni għandha ssir tal‑anqas kull ħames snin”.

8        L‑Artikolu L. 6122‑1 tal‑imsemmi kodiċi jipprovdi:

“Proġetti relatati mal‑ħolqien ta’ kwalunkwe stabbiliment tal‑kura tas‑saħħa, il‑ħolqien, il‑konverżjoni u l‑amalgamazzjoni ta’ servizzi tal‑kura tas‑saħħa, inklużi alternattivi għall‑ammissjoni fi sptar, u l‑installazzjoni ta’ tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija jirrikjedu awtorizzazzjoni minn qabel mill‑awtorità tal‑isptar reġjonali.

Il‑lista ta’ servizzi tal‑kura tas‑saħħa u tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija suġġetti għall‑awtorizzazzjoni għandha tiġi stabbilita permezz ta’ digriet tal‑Kunsill tal‑Istat.”

9        L‑Artikolu R. 6122‑26 tal‑code de la santé publique li jirriproduċi d-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu R. 712‑2‑II ta’ dan il‑kodiċi, jipprovdi:

“It‑tagħmir materjali ta’ importanza ewlenija elenkati hawnhekk huma suġġetti għall‑awtorizzazzjoni msemmija fl‑Artikolu L. 6122‑1

1.      Kamera tax‑xintillazzjoni li għandha jew li ma għandhiex ditekter tal‑koinċidenza tal‑emissjoni tal‑pożitron, tomografija tal‑emissjoni jew kamera tal‑pożitron;

2.      Apparat ta’ immaġni ta’ reżonanza manjetika nukleari jew ta’ spettrometrija għal użu kliniku;

3.      Skaner mediku;

4.      Kamra iperbarika;

5      Ċiklotron għal użu mediku.”

 Il‑proċedura prekontenzjuża

10      Wara lment, il‑Kummissjoni bagħtet lir‑Repubblika Franċiża, fit‑18 ta’ Ottubru 2006, ittra ta’ intimazzjoni fejn hija ssostni n‑nuqqas ta’ konformità tal‑Artikolu R. 332‑4 tal‑code de la sécurité sociale mal‑Artikolu 49 KE, hekk kif interpretat mill‑Qorti tal‑Ġustizzja. Ġew sostnuti tliet ilmenti speċifiċi insostenn ta’ din l‑allegazzjoni, jiġifieri:

–        il-bżonn ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għar‑rimbors ta’ ċerta kura mhux fi sptar mogħtija fi Stat Membru ieħor;

–        in‑nuqqas ta’ dispożizzjoni li tipprovdi li tintbagħat notifika lill‑applikant ta’ awtorizzazzjoni minn qabel fejn se tittieħed ir‑responsabbiltà għall‑ħlas ta’ kuta fi sptar mogħtija fi Stat Membru ieħor u

–        in‑nuqqas ta’ dispożizzjoni li tippermetti li jingħata lil‑assigurat tas‑sistema Franċiża rimbors addizzjonali fil‑kundizzjonijiet previsti fil‑punt 53 tas‑sentenza Vanbraekel et iċċitata iktar ’il fuq.

11      Il-punt 53 ta’ din is‑sentenza jipprovdi:

“[…]

L‑Artikolu [49 KE] għandu jiġi interpretat fis‑sens li jekk ir‑rimbors ta’ l‑ispejjeż sostnuti għal servizzi mediċi pprovduti fi Stat Membru fejn tkun tinsab il‑persuna kkonċernata, li jirriżulta mill‑applikazzjoni tar‑regoli fis‑seħħ f’dan l‑Istat, huwa anqas minn dak li kien jirriżulta mill‑applikazzjoni tal‑leġiżlazzjoni fis‑seħħ fl‑Istat Membru ta’ affiljazzjoni li kieku ngħatat kura fi sptar f’dak l‑Istat, rimbors supplementari li tkopri dik id‑differenza għandha tingħata mill‑istituzzjoni kompetenti lill‑persuna assigurata”.

12      Permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Marzu 2007, ir‑Repubblika Franċiża rrispondiet għal din l‑ittra ta’ intimazzjoni.

13      F’dak li jikkonċerna l‑ewwel ilment, dan l‑Istat Membru wera l‑intenzjoni tiegħu li jemenda l‑Artikolu R. 332‑4 tal‑code de la sécurité sociale hekk kif meħtieġ mill‑Kummissjoni u, sakemm issir din l‑emenda, li joħroġ ċirkulari intiża sabiex tiggarantixxi l‑osservanza tal‑eżiġenzi li jirriżultaw mid‑dritt tal‑Unjoni.

14      Ir‑Repubblika Franċiża kkontestat il‑fondatezza tat‑tieni lment, billi sostniet li l‑organi Franċiżi ta’ sigurtà soċjali, bħala awtoritajiet amministrattivi msemmija mil‑leġiżlazzjoni nazzjonali dwar id‑drittijiet taċ‑ċittadin, fir‑relazzjonijiet tagħhom mal‑amministrazzjoni għandhom, jibagħtu lill‑applikant awtorizzazzjoni minn qabel għall‑ħlas tal-kura li għandha issir fi Stat Membru ieħor, nota li turi li tkun irċiviet it‑talba, li tkun issemmi, b’mod partikolari, id‑data ta’ meta waslet it‑talba u d-data minn meta din tista’ tiġi kkunsidrata bħala aċċettata.

15      F’dak li jikkonċerna t‑tielet ilment, ir‑Repubblika Franċiża ssostni li l‑fatti invokati mill‑Kummissjoni kienu dovuti għall‑inċertezzi dwar il‑portata eżatta tas‑sentenza Vanbraekel et, iċċitata iktar ’il fuq, li kellha tiġi diskussa bejn l‑Istati Membri fuq il‑livell tal‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea. Madankollu, dan l‑Istat Membru, b’referenza għaċ‑ċirkulari DSS/DACI/2003/286, tas-16 ta’ Ġunju 2003, dwar l‑applikazzjoni tal‑leġiżlazzjoni sabiex jiġi żgurat l‑aċċess għall-kura tal‑assigurati mas‑sistema Franċiża ta’ sigurtà soċjali fi ħdan l‑Unjoni Ewropea u ż‑Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem iċ‑“ċirkulari tas‑16 ta’ Ġunju 2003”), żied li ma kienx fl‑intenzjonijiet tiegħu li jaħbi mill‑imsemmija assigurati l‑eżistenza tad‑dritt għal rimbors supplimentari stabbilit mill‑imsemmija sentenza. Barra minn hekk, huwa enfasizza li l‑awtoritajiet amministrattivi Franċiżi jagħtu importanza kbira lil din is‑sentenza, kif turi l‑ġurisprudenza tal‑Cour de cassation.

16      Fid‑dawl ta’ dawn il‑punti fir‑risposta, il‑Kummissjoni, fit‑23 ta’ Ottubru 2007, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir‑Repubblika Franċiża fejn indikat, minn naħa, li kienet qed tirtira t‑tieni lment fformulat fl‑ittra ta’ intimazzjoni tagħha u, min‑naħa l‑oħra, li kienet se żżomm iż‑żewġ ilmenti l‑oħra tagħha u stiednet lil dan l‑Istat Membru sabiex jieħu l‑miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l‑opinjoni motivata f’terminu ta’ xahrejn min‑notifika tagħha.

17      Fir‑risposta tagħha għall‑imsemmija opinjoni motivata, tat‑13 ta’ Diċembru 2007, ir‑Repubblika Franċiża semmiet l‑adozzjoni imminenti ta’ digriet intiż sabiex jadatta tal‑Artikolu R. 332‑4 tal‑code de la sécurité sociale għall‑eżiġenżi tad‑dritt tal‑Unjoni u sabiex jikkompleta l‑Artikoli R. 332‑2 sa R. 332‑6 tal‑imsemmi kodiċi f’dak li jikkonċerna d‑dritt għal rimbors supplimentari previst permezz tas‑sentenza Vanbraekel et iċċitata iktar ’il fuq. Hija indikat ukoll li ċ‑ċirkulari intiża sabiex tissostitwixxi dik tad‑19 ta’ Mejju 2005 kienet waslet fil‑fażi finali tagħha.

18      Wara ittra ta’ tfakkira li bagħtitilha l‑Kummissjoni fl‑10 ta’ Ġunju 2008, ir‑Repubblika Franċiża kkomunikat din l‑aħħar ċirkulari tal‑21 ta’ Lulju 2008. Barra minn hekk, hija semmiet diversi diffikultajiet tekniċi li dewwmu l‑adozzjoni definittiva tar‑riforma tal‑code de la sécurité sociale mħabbra fir‑risposta tagħha għall‑opinjoni motivata.

19      Peress li l‑Kummissjoni ma kinitx sodisfatta b’dawn l‑ispjegazzjonijiet, din iddeċidiet li tippreżenta dan ir‑rikors.

 Fuq ir‑rikors

 Fuq l‑ewwel ilment, ibbażat fuq il‑bżonn ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għall‑ħlas tal-kura mhux fi sptar programmata mogħtija fi Stat Membru ieħor u li teħtieġ l-użu ta’ tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija

 L‑argumenti tal‑partijiet

20      Il‑Kummissjoni ssostni li l‑bżonn ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għall‑fini tal‑ħlas, mill‑istituzzjoni kompetenti, tal-kura aċċessibbli fi klinika lokali, fi Stat Membru ieħor, u li teħtieġ l‑użu ta’ tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija jikkostitwixxi restrizzjoni għall‑moviment liberu tas‑servizzi.

21      Hija ssostni li, għalkemm, ċertament, għanijiet ta’ pjanifikazzjoni huma ta’ natura li jiġġustifikaw tali bżonn għall‑fini tal‑kopertura soċjali tal-kura fi sptar li se tingħata fi Stat Membru ieħor, dan il‑bżonn, min‑naħa l‑oħra, ma huwiex iġġustifikat fil‑qasam tal-kura li ma tingħatax fi sptar, kif iddeċidiet il‑Qorti tal‑Ġustizzja fis‑sentenzi tat‑28 ta’ April 1998, Kohll (C‑158/96, Ġabra p. I‑1931), u tat‑13 ta’ Mejju 2003, Müller‑Fauré u van Riet (C‑385/99, Ġabra p. I‑4509).

22      Billi, fid‑dawl tal‑punt 75 tas‑sentenza Müller‑Fauré u van Riet, iċċitata iktar ’il fuq, l‑element karatteristiku ta’ servizz fl‑isptar jinsab fil‑fatt li s‑servizz inkwistjoni ma jistax jingħata barra mill‑kuntest ta’ sptar, il‑Kummissjoni ssostni li, fil‑każ ta’ kura li teħtieġ l-użu ta’ tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija aċċessibbli barra mill‑infrastruttura tal‑isptarijiet, iż‑żamma ta’ bżonn ta’ awtorizzazzjoni preliminari ma hijiex oġġettivament iġġustifikata.

23      Hija żżid li ċertu numru ta’ elementi, bħall‑applikazzjoni tal‑limitazzjonijiet ta’ kopertura u tal‑kundizzjonijiet tal‑għoti tas‑servizzi ta’ sigurtà soċjali fis‑seħħ fl‑Istat Membru ta’ affiljazzjoni, il‑fatturi lingwistiċi u ġeografiċi, in‑nuqqas ta’ informazzjoni dwar in‑natura tal-kura disponibbli fl‑Istati Membri l‑oħra jew inkella l‑ispejjeż ta’ soġġorn inerenti għal spostament fi Stat Membru ieħor għal skopijiet mediċi, jippermettu li jiġi kkunsidrat li t‑tneħħija tal‑bżonn tal‑awtorizzazzjoni minn qabel fil‑qasam tal-kura li teħtieġ l-użu ta’ tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija ma jwassalx għal esodu kbir ta’ persuni assigurati mis‑sistema Franċiża lejn l‑Istati Membri l‑oħra u ma jpoġġiex f’periklu il‑bilanċ finanzjarju tas‑sistema nazzjonali ta’ sigurtà soċjali.

24      Ir‑Repubblika Franċiża, sostnuta mir‑Renju ta’ Spanja, ir‑Repubblika tal‑Finlandja u r‑Renju Unit tal‑Gran Brittanja u l‑Irlanda ta’ Fuq, tikkontesta l‑fondatezza ta’ dan l‑ewwel ilment.

25      Dawn l‑Istati Membri jsostnu li l‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja li taċċetta, minħabba għan ta’ pjanifikazzjoni globali, miżura ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għall‑ħlas, mill‑istituzzjoni kompetenti, ta’ kura fi sptar mogħtija fi Stat Membru ieħor (ara s‑sentenzi Müller‑Fauré u van Riet, iċċitata iktar ’il fuq, punti 67 u 77 sa 80, kif ukoll tas‑16 ta’ Mejju 2006, Watts, C‑372/04, Ġabra p. I‑4325, punti 104 u 108 sa 111) tista’ tiġi trasposta għall‑kuntest tas‑servizzi mediċi li jeħtieġu l-użu ta’ tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija barra minn infrastruttura ta’ sptar, fid‑dawl tal‑ispejjeż għolja ħafna ta’ dan it‑tagħmir kif ukoll minħabba l‑impatt tagħhom fuq il‑baġit tas‑sistemi ta’ sigurtà soċjali.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

26      Preliminarjament, għandu jiġi osservat, minn naħa, li, skont l‑Artikolu R. 332‑4 tal‑code de la sécurité sociale, il‑bżonn ta’ l-awtorizzazzjoni minn qabel inkwistjoni ma jikkonċernax l‑ipoteżi msejħa “ta’ kura mhux mistennija”, jiġifieri kura li l‑bżonn tagħha jqum matul soġġorn temporanju tal‑assigurat fi Stat Membru ieħor. Kif jirriżulta min‑noti ppreżentati mill‑Kummissjoni, l‑ewwel ilment għalhekk huwa limitat għall‑ipoteżi ta’ kura msejħa “programmata”, jiġifieri dawk li l‑assigurat irid jikseb fi Stat Membru ieħor.

27      Min‑naħa l‑oħra, għandu jiġi enfasizzat li l‑imsemmi lment ma huwiex dwar allegat ksur tal‑Artikolu 22(1)(ċ) tar‑Regolament Nru 1408/71, li permezz tiegħu l‑istituzzjoni kompetenti għandha d‑dritt, barra minn sitwazzjonijiet partikolari marbuta, b’mod partikolari, mal‑istat ta’ saħħa tal‑affiljat jew man‑natura urġenti tal-kura meħtieġa (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov, C‑173/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra, punti 45 u 51), li tissuġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel il‑ħlas, minnha, tal-kura programmata fi Stat Membru ieħor, mill‑istituzzjoni tal‑Istat Membru ta’ soġġorn skont is‑sistema ta’ kopertura fis‑seħħ f’dan l‑aħħar Stat Membru.

28      Konsegwentement, l‑ewwel ilment, ibbażat fuq l‑Artikolu 49 KE, huwa intiż, sabiex jikkritika n‑nuqqas ta’ konformità ma’ dan l‑artikolu tal‑bżonn ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għall‑fini tal‑ħlas mill‑istituzzjoni kompetenti, skont is‑sistema ta’ kopertura fis‑seħħ fl‑Istat Membru ta’ affiljazzjoni, ta’ kura programmata fi struttura li ma hijiex sptar li tinsab fi Stat Membru ieħor u li timplika l-użu ta’ tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija.

29      Wara li saru dawn il‑preċiżazzjonijiet preliminari, għandu jiġi enfasizzat li, fin‑nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil‑livell tal‑Unjoni, hija l‑leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li għandha tiddetermina, b’mod partikolari, il‑kundizzjonijiet tal‑għoti tas‑servizzi ta’ sigurtà soċjali li jkopru kura bħal dik ikkonċernata fl‑ewwel ilment. Xorta jibqa’ l‑fatt li, fl‑eżerċizzju ta’ din il‑kompetenza, l‑Istati Membri għandhom jirrispettaw id‑dritt tal‑Unjoni, b’mod partikolari d‑dispożizzjonijiet dwar il‑libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑211/08, Ġabra p. I-5267, punt 53 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

30      Skont ġurisprudenza kostanti, is‑servizzi mediċi li jingħataw bi ħlas jaqgħu fil‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑imsemmija dispożizzjonijiet, mingħajr ma jkun hemm għalfejn issir distinzjoni bejn jekk il-kura ingħatatx f’kuntest ta’ sptar jew barra minn tali kuntest (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tat‑18 ta’ Marzu 2004, Leichtle, C‑8/02, Ġabra p. I‑2641, punt 28; Watts, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86, u tad‑19 ta’ April 2007, Stamatelaki, C‑444/05, Ġabra p. I‑3185, punt 19).

31      Ġie wkoll deċiż b’mod kostanti li l‑libertà li jiġu pprovduti servizzi tinkludi l‑libertà tad‑destinatarji tas‑servizzi, b’mod partikolari tal‑persuni li għandhom jirċievu l-kura medika, li jmorru fi Stat Membru ieħor sabiex jibbenefikaw minn dawn is‑servizzi mingħajr ma jkunu limitati b’restrizzjonijiet (ara b’mod partikolari, f’dan is‑sens, is‑sentenzi iċċitati iktar ’il fuq, Watts, punt 87 u Il‑Kummissjoni vs Spanja, punt 49).

32      Issa, f’dan il‑każ, il‑bżonn ta’ awtorizzazzjoni preliminari, li hu suġġett għaliha, skont il‑leġiżlazzjoni inkwistjoni, il‑ħlas mill‑istituzzjoni kompetenti, skont is‑sistema ta’ kopertura fis‑seħħ fl‑Istat Membru li taqa’ taħtu, tal-kura programmata fi Stat Membru ieħor u li jimplikaw l-użu ta’ tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija barra minn infrastruttura ta’ sptar hija ta’ natura li tiskoraġġixxi, jew anki li ċċaħħad, lill‑assigurati tas‑sistema Franċiża milli jmorru għand fornituri ta’ servizzi mediċi stabbiliti f’tali Stat Membru ieħor sabiex jiksbu l-kura inkwistjoni. Għalhekk, tikkostitwixxi, kemm għal dawn l‑assigurati kif ukoll għal dawk li jipprovdu s‑servizzi, restrizzjoni li jiġu pprovduti servizzi (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Müller‑Fauré u van Riet, punti 44 u 103, kif ukoll Watts, punt 98).

33      Fir‑rigward tan‑natura oġġettivament iġġustifikata ta’ tali restrizzjoni, għandu jitfakkar li l‑Qorti tal‑Ġustizzja, diversi drabi ddeċidiet li ħtiġijiet ta’ pjanifikazzjoni li għandhom, minn naħa, l‑għan li jiggarantixxu fuq it‑territorju tal‑Istat Membru kkonċernat aċċessibbiltà biżżejjed u permanenti għal gamma ekwilibrata ta’ kura ta’ kwalità u, min‑naħa l‑oħra, r‑rieda li jiġu kkontrollati l‑ispejjeż u li jiġi evitat kemm jista’ jkun kull ħela ta’ riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani jistgħu jiġġustifikaw l‑bżonn ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għall‑ħlas mill‑istituzzjoni kompetenti tal-kura li se ssir fi Stat Membru ieħor (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2001, Smits u Peerbooms, C‑157/99, Ġabra p. I‑5473, punti 76 sa 81; Müller‑Fauré u van Riet, iċċitata iktar ’il fuq, punti 76 sa 81, kif ukoll Watts, iċċitata iktar ’il fuq, punti 108 sa 110).

34      Tali kunsiderazzjonijiet, magħmula dwar is‑servizzi mediċi pprovduti f’kuntest ta’ sptar, jistgħu jsiru wkoll għal servizzi mediċi li jimplikaw l-użu ta’ tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija, anki jekk dawn tal‑aħħar ikunu, bħal dawk li jaqgħu taħt l‑ewwel ilment tal‑Kummissjoni, pprovduti barra minn tali kuntest.

35      F’dan ir‑rigward, għandu jiġi osservat li, fil‑punt 75 tas‑sentenza Müller‑Fauré u van Riet, iċċitata iktar ’il fuq, il‑Qorti tal‑Ġustizzja, wara li enfasizzat id‑diffikultà li ssir distinzjoni bejn il‑kunċetti ta’ “servizzi fi sptar” u “servizzi mhux fi sptar”, osservat li servizzi mogħtija f’kuntest ta’ sptar, imma li jistgħu jingħataw minn professjonist fi klinika jew ċentru mediku, jistgħu, għalhekk, jiġu kkunsidrati bħala servizzi mhux fi sptar.

36      Għaldaqstant, kuntarjament għall‑pożizzjoni sostnuta mill‑Kummissjoni, minn din il‑parti tas‑sentenza ma jistax jiġi dedott li l‑fatt li kura li teħtieġ l-użu ta’ tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija tista’ tingħata barra minn kuntest ta’ sptar ineħħi kwalunkwe relevanza tal‑kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq ħtiġijiet ta’ pjanifikazzjoni.

37      Issa, indipendentement mill‑kuntest, ta’ sptar jew le, fejn se jiġi installat u użat, it‑tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija, li huma limitattivament elenkati fl‑Artikolu R. 6122‑26 tal‑code de la santé publique, għandu jkun is‑suġġett ta’ politika ta’ pjanifikazzjoni, bħal dik iddefinita mil‑leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, in‑numru tagħhom u t‑tqassim ġeografiku tagħhom, u dan sabiex tiġi ggarantita fuq it‑territorju kollu offerta ta’ kura importanti li tkun imqassma sew, stabbli, ekwilibrati u aċċessibbli, imma wkoll sabiex tiġi evitata kemm jista’ jkun kull ħela tal‑mezzi finanzjarji, tekniċi u umani.

38      Tali ħala tagħmel iktar ħsara peress li l-kundizzjonijiet ta’ installazzjoni, ta’ funzjonament u ta’ użu tal‑ħames tipi ta’ tagħmir limitattivament elenkati fl‑Artikolu R. 6122‑26 tal‑code de la santé publique huma partikolarment onerużi, u dan meta r‑riżorsi tal‑baġit li l‑Istati Membri għandhom jiddedikaw għal kura importanti u, b’mod partikolari, għas‑sussidjar ta’ tali tagħmir ma humiex, ikun xi jkun il‑mod ta’ finanzjament użat, illimitati (ara, b’analoġija, dwar il‑prodotti mediċinali, is‑sentenzi tad‑19 ta’ Mejju 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑531/06, Ġabra p. I‑4103, punt 57, kif ukoll Apothekerkammer des Saarlandes et, C‑171/07 u C‑172/07, Ġabra p. I‑4171, punt 33).

39      Mingħajr ma ġew kontradetti mill‑Kummissjoni, ir‑Repubblika Franċiża u r‑Renju Unit, bl‑eżempju tat‑tomografija b’emissjoni ta’ pożizzjonijiet, użata fl‑iskoperta u l-kura tal‑kanċer, enfasizzaw li dawn it‑tagħmir jirrappreżentaw spejjeż li jitilgħu għal eluf u miljuni ta’ euro, kemm għax‑xiri tagħhom kif ukoll għall‑installazzjoni u l‑użu tagħhom.

40      Issa, kieku l‑persuni assigurati mas‑sistema Franċiża setgħu liberament u fi kwalunkwe ċirkustanza jiksbu, bi ħlas tal‑istituzzjoni komptetenti, għand professjonisti stabbiliti fi Stati Membri oħra, kura li timplika l-użu ta’ tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija li tikkorrispondi għal dik limitativament elenkati fil‑code de la santé publique, l‑isforz ta’ pjanifikazzjoni tal‑awtoritajiet nazzjonali kif ukoll il‑bilanċ finanzjarju tal‑offerta ta’ kura importanti jitqiegħdu f’periklu.

41      Fil‑fatt, tali possibbiltà hija suxxettibbli li twassal għal użu limitat tat‑tagħmir ta’ importanza ewlenija installati fl‑Istat Membru ta’ affiljazzjoni u li huma sussidjati minnu jew inkella għal oneru kbir wisq għall‑baġit tas‑sigurtà soċjali ta’ dan l‑Istat Membru.

42      Fir‑rigward ta’ dawn ir‑riskji għall‑organizzazzjoni tal‑politika ta’ saħħa pubblika u għall‑bilanċ finanzjarju tas‑sistema ta’ sigurtà soċjali, il‑bżonn tal‑issuġġettar, barra minn sitwazzjonijiet partikolari bħal dawk li jinsabu fil‑punt 27 ta’ din is‑sentenza, għal awtorizzazzjoni minn qabel mill‑istituzzjoni kompetenti l‑ħlas minn din, skont is‑sistema ta’ kopertura fis‑seħħ fl‑Istat Membru li taqa’ taħtu, ta’ kura pprogrammata fi struttura li ma hijiex sptar li tinsab fi Stat Membru ieħor u li jimplika l-użu ta’ tagħmir mediku ta’ importanza ewlenija li jinsab fl‑Artikolu R. 6122‑26 tal‑code de la santé publique, jidher, fl‑istat attwali tad‑dritt tal‑Unjoni, bħala restrizzjoni ġġustifikata (ara, b’analoġija, is‑sentenza Müller‑Fauré u van Riet, iċċitata iktar ’il fuq, punt 81).

43      Għandu wkoll jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji u li jkunu magħrufa minn qabel, b’mod li jillimita s‑setgħa diskrezzjonali tal‑awtoritajiet nazzjonali sabiex din ma tiġix eżerċitata b’mod arbitrarju. Barra minn hekk, tali sistema ta’ awtorizzazzjoni għandha sserraħ fuq sistema proċedurali faċilment aċċessibbli u li tista’ tiggarantixxi lill‑persuni interessati li t‑talba tagħhom se tiġi kkunsidrata f’terminu raġonevoli u b’oġġettività u imparzjalità, fejn barra minn hekk eventwali rifjut tal‑awtorizzazzjoni jista’ jiġi kkontestat fil‑kuntest ta’ rikors ġudizzjarju (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Smits u Peerbooms, punt 90; Müller‑Fauré u van Riet, punt 85, kif ukoll Watts, punt 116).

44      F’tali każ, il‑Kummissjoni ma għamlet l‑ebda kritika speċifika fir‑rigward tar‑regoli ta’ proċedura u fil‑mertu li jirregolaw il‑miżura ta’ awtorizzazzjoni minn qabel inkwistjoni, b’mod partikolari fil‑kundizzjonijiet limitattivi fejn l‑imsemmija awtorizzazzjoni tista’ skont l‑Artikolu R. 332‑4 tal‑code de la sécurité sociale tiġi rrifjutata.

45      F’dawn il‑kundizzjonijiet, il‑ksur tal‑Artikolu 49 KE allegat fil‑kuntest tal‑ewwel ilment huwa infondat. Konsegwentement, l‑imsemmi lment għandu jiġi rrifjutat.

 Fuq it‑tieni lment, ibbażat fuq in‑nuqqas ta’ dispożizzjoni fid‑dritt Franċiż li tipprovdi d‑dritt tal‑persuna assigurata mas‑sistema Franċiża għal rimbors supplimentari fil‑kundizzjonijiet stabbiliti fil‑punt 53 tas‑sentenza Vanbraekel et iċċitata iktar ’il fuq

 L‑argumenti tal‑partijiet

46      Il‑Kummissjoni ssostni li, fin‑nuqqas, fid‑dritt Franċiż, ta’ dispożizzjoni li tipprovdi għall‑possibbiltà ta’ rimbors supplimentari fil‑kundizzjonijiet stabbilti fil‑punt 53 tas‑sentenza Vanbraekel et iċċitata iktar ’il fuq, il‑persuna assigurata mas‑sistema Franċiża ma tistax tibbenefika mid‑dritt għal tali rimbors. Għalhekk, is‑soluzzjoni li tirriżulta mill‑imsemmija sentenza ma tistax titqies li ddaħlet fis‑seħħ fid‑dritt Franċiż.

47      Il‑Kummissjoni żiedet li sempliċi prattiċi amministrattivi ma jistgħux jiġu kkunsidrati li jikkostitwixxu eżekuzzjoni valida tal‑obbligi li jirriżultaw mit‑Trattat KE. Fil‑fatt, iċ‑ċirkulari tas‑16 ta’ Ġunju 2003, tad‑19 ta’ Mejju 2005 u tal‑21 ta’ Lulju 2008, indirizzati mill‑ministeru tas‑saħħa lill‑organi Franċiżi tas‑sigurtà soċjali, jipprovaw l‑eżistenza ta’ ambigwità fil‑leġiżlazzjoni Franċiża, kapaċi twassal għal ksur, u għaldaqstant, għal impossibbiltà, għall‑assigurati mas‑sistema Franċiża, li jeżerċitaw effettivament id‑dritt li jirriżulta mis‑sentenza Vanbraekel et, iċċitata iktar ’il fuq.

48      Il‑Kummissjoni ssostni wkoll li l‑każijiet, imsemmija mir‑Repubblika Franċiża, ta’ persuni assigurati li setgħu jibbenefikaw minn rimbors supplimentari skont din is‑sentenza, jew li kienu kważi se jibbenefikaw minn tali rimbors, ma huwiex biżżejjed sabiex juri r‑rispett effettiv tad‑drittijiet kollha kemm huma tal‑persuni assigurati fis‑sistema Franċiża.

49      Ir‑Repubblika Franċiża, sostnuta waqt is‑seduta mir‑Renju ta’ Spanja, issostni li, fid‑dawl tal‑effett dirett tal‑Artikolu 49 KE, kif ukoll tal‑obbligu għall‑qrati nazzjonali li japplikaw id‑drittijiet mogħtija minn dan id‑dritt għall‑individwi, il‑ftuħ, mill‑imsemmi artikolu, tad‑dritt għal rimbors supplimentari fil‑kundizzjonijiet stabbiliti fil‑punt 53 tas‑sentenza Vanbraekel et iċċitata iktar ’il fuq, ma jeħtieġx miżura speċifika ta’ adozzjoni ta’ test normattiv tad‑dritt intern. Hija żżid li l‑Artikolu R. 332‑3 tal‑code de la sécurité sociale jkopri, b’mod partikolari, l‑ipoteżi msemmija fl‑imsemmi punt 53. Is‑soluzzjoni stabbilita minn din is‑sentenza, fil‑fatt, ġiet applikata mill‑Cour de cassation f’sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2002.

50      Ir‑Repubblika Franċiża ssostni li, f’dawn il‑kundizzjonijiet, ċirkulari intiża sabiex tfakkar din is‑soluzzjoni lill‑organi kompetenti hija biżżejjed sabiex tiżgura t‑twettieq. Barra minn hekk, iċ‑ċirkulari adottati għal dan il‑għan kellhom effett prattiku, kif jixhed il‑ftuħ, matul is‑sena 2006, tas‑Centre national des soins à l’étranger (Ċentru nazzjonali ta’ kura barra mill‑pajjiż), responsabbli għat‑tmexxija, skont, b’mod partikolari, l‑imsemmija soluzzjoni, tat‑talbiet għal rimbors għall-kura li ssir lill‑persuni assigurati mas‑sistema Franċiża fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

51      Fil‑punt 53 tas‑sentenza Vanbraekel et, iċċitata iktar ’il fuq, il‑Qorti tal‑Ġustizzja, fil‑kuntest ta’ kura programmata mogħtija fi Stat Membru ieħor, u li l‑awtorizzazzjoni minn qabel neċessarja għall‑ħlas mill‑istituzzjoni kienet irrifjuta b’mod mhux ġustifikat, interpretat l‑Artikolu 49 KE fis‑sens li, jekk ir‑rimbors tal‑ispejjeż esposti għal servizzi fi sptar ipprovduti fl‑Istat Membru ta’ soġġorn, li jirriżulta mill‑applikazzjoni tar‑regoli fis‑seħħ f’dan l‑Istat Membru, huwa inferjuri għal dak li kieku kien jirriżulta mill‑applikazzjoni tal‑leġiżlazzjoni fis‑seħħ fl‑Istat Membru ta’ affiljazzjoni fil‑każ ta’ bżonn li l‑pazjent jidħol l‑isptar f’dan l‑aħħar Stat, għandu jingħata rimbors supplimentari li jikkorrispondi għal din id‑differenza lill‑persuna assigurata mill‑imsemmija istituzzjoni.

52      Kif kompliet tippreċiża l‑Qorti tal‑Ġustizzja, id‑dritt tal‑persuna assigurata għal tali rimbors supplimentari jaqa’ fil‑limiti tal‑ispejjeż realment esporti fl‑Istat Membru ta’ soġġorn (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Watts, iċċitata iktar ’il fuq, punti 131 u 143).

53      F’dan ir‑rigward, hemm lok li jiġi enfasizzat li l‑Artikolu 49 kif interpretat fil‑punt 53 tas‑sentenza Vanbraekel et iċċitata iktar ’il fuq, jorbot, bħala dispożizzjoni direttament applikabbli tat‑trattat, l‑awtoritajiet kollha tal‑Istati Membri, inkluż l‑awtoritajiet amministrattivi u ġuridiċi, li għaldaqstant, għandhom, josservawh, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu adottati dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ eżekuzzjoni (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 1986, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, 168/85, Ġabra p. 2945, punt 11, u tal‑21 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑412/04, Ġabra p. I‑619, punti 67 u 68).

54      Il‑fakultà għall‑individwi li jinvokaw dan l‑artikolu, kif interpretat mill‑Qorti tal‑Ġustizzja quddiem l‑awtoritajiet nazzjonali madankollu jikkostitwixxi biss garanzija minima li ma hijiex biżżejjed sabiex tiżgura, waħidha, l‑applikazzjoni sħiħa ta’ din id‑dispożizzjoni (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 1986, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, 72/85, Ġabra p. 1219, punt 20; tal‑15 ta’ Ottubru 1986, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 11, kif ukoll tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du Pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, Ġabra p. I‑1029, punt 20).

55      Fil‑fatt, hemm bżonn ukoll li s‑sistema legali tal‑Istat Membru inkwistjoni ma tagħtix lok għal sitwazzjoni ambigwa li tkun ta’ natura li tħalli lill‑individwi li għandhom id‑drittijiet inkwistjoni fi stat ta’ inċertezza fir‑rigward tal‑possibbiltà li jinvokaw din id‑dispożizzjoni tad‑dritt tal‑Unjoni li għandha effett dirett (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza ċċitata iktar ’il fuq tal‑15 ta’ Ottubru 1986, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, punt 11, kif ukoll is‑sentenzi tas‑26 ta’ Frar 1991, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑120/88, Ġabra p. I‑621, punt 9, u Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑119/89, Ġabra p. I‑641, punt 8).

56      F’dan ir‑rigward, għandu għalhekk jiġi mfakkar li, fil‑kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l‑Artikolu 226 KE, hija l‑Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l‑eżistenza tal‑allegat nuqqas billi tressaq quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja l‑provi neċessarji kollha sabiex din tal‑aħħar tkun tista’ tivverifika l‑eżistenza ta’ dan in‑nuqqas, (ara, b’mod partikolari, is‑sentenza tad‑29 ta’ April 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑160/08, Ġabra p. I-3713, punt 116 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

57      F’dan il‑każ, l‑ewwel nett għandu jiġi rrelevat li l‑Artikolu R. 332‑3 tal‑code de la sécurité sociale jistabilixxi, kif ikkonfermat fiċ‑ċirkulari tad‑19 ta’ Mejju 2005, il‑prinċipju ġenerali tal‑ħlas, mill‑istituzzjoni Franċiża kompetenti, ta’ kura mogħtija lil persuna assigurata ta’ sistema Franċiża fi Stat Membru ieħor jew fi Stat li huwa parti fil‑ftehim dwar iż‑Żona Ekonomika Ewropea, “fl‑istess kundizzjonijiet daqs li kieku l-kura kienet ingħatat fi Franza”, u fil‑limiti ta’ spejjeż li effettivament saru mill‑persuna assigurata.

58      Minħabba li dawn id‑dispożizzjonijiet huma ġeneriċi, din id‑dispożizzjoni tinkludi d‑dritt għal rimbors supplimentari mill‑istituzzjoni Franċiża kompetenti fl‑ipoteżi msemmija fil‑punt 53 tas‑sentenza Vanbraekel et, iċċitata iktar ’il fuq, li barra minn hekk il‑Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni matul il‑proċedimenti quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja.

59      Din l‑osservazzjoni ma hijiex ikkontestata bl‑“emendi previsti fl‑Artikoli R. 332‑4 sa R. 332‑6” tal‑code de la sécurité sociale, li jirreferi għalihom l‑Artikolu R. 332‑3 ta’ dan il‑kodiċi, u li huma, rispettivament, dwar il‑bżonn ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għall‑ħlas ta’ ċerti tipi ta’ kura mogħtija fi Stat Membru ieħor, dwar il‑possibbiltà mogħtija lill‑organi Franċiżi ta’ sigurtà soċjali li jadottaw, flimkien ma’ stabbilimenti ta’ kura stabbiliti fi Stat Membru ieħor jew fi Stat parti fil‑ftehim dwar iż‑Żona Ekonomika Ewropea, konvenzjonijiet li jiddefinixxu l‑kundizzjonijiet ta’ soġġorn tal‑persuni assigurati mas‑sistema Franċiża f’dawn l‑istabbilimenti u l‑modalitajiet ta’ rimbors tal-kura li jingħatawlhom fihom, kif ukoll dwar il‑kundizzjonijiet ta’ rimbors tal‑ispejjeż ta’ analiżi li jsiru f’laboratorju ta’ analiżi bijoloġija medika stabbilit fi Stat Membru ieħor jew fi Stat parti mill‑Ftehim dwar iż‑Żona Ekonomika Ewropea.

60      Kif osservat ir‑Repubblika Franċiża matul is‑seduta, il‑Kummissjoni ma identifikatx dispożizzjoni tad‑dritt Franċiż li tipprekludi l‑applikazzjoni tas‑soluzzjoni stabbilita fil‑punt 53 tas‑sentenza Vanbraekel et iċċitata iktar ’il fuq.

61      It‑tieni nett, għandu jiġi osservat li l‑Kummissjoni, f’dan il‑każ, ma ħaditx inkunsiderazzjoni d‑deċiżjonijiet mogħtija mill‑qrati nazzjonali li wasslu sabiex jiġi miċħud id‑dritt li jirriżulta għall‑persuni assigurati tas‑sistema Franċiża fl‑Artikolu 49 KE fl‑ipoteżi msemmija fil‑punt 53 tas‑sentenza Vanbraekel et iċċitata iktar ’il fuq.

62      Kuntrarjament, l‑istituzzjoni rikorrenti ħadet inkunsiderazzjoni, matul il‑proċeduri quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja, tas‑sentenza tal‑Cour de cassation tat‑28 ta’ Marzu 2002, fejn din tal‑aħħar iddeċidiet li “mid‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 49 [KE], hekk kif interpretat mill‑Qorti tal‑Ġustizzja [fis‑sentenza Vanbraekel et iċċitata iktar ’il fuq], jirriżulta li l‑fond tal-assigurazzjoni għandu jħallas l‑ispejjeż mediċi esposti mill‑persuna assigurata magħha fi Stat Membru ieħor skont it‑tariffa applikabbli għal kura identika mogħtija fi Franza, b’mod li jekk ir‑rimbors li jsir skont ir‑regoli fis‑seħħ fl‑Istat ta’ soġġorn ikun inqas minn dak li kien jirriżulta mill‑applikazzjoni tal‑leġiżlazzjoni fis‑seħħ fl‑Istat ta’ affiljazzjoni, għandu jingħata rimbors supplimentari li jikkorrispondi għal din id‑differenza lill‑persuna assigurata mill‑istituzzjoni kompetenti”.

63      It‑tielet nett, il‑Kummissjoni, f’dan il‑każ, ma stabbilietx l‑eżistenza ta’ xi prassi amministrattiva li ċċaħħad lill‑persuni assigurati mas‑sistema Franċiża mid‑dritt għal rimbors supplimentari fl‑ipoteżi msemmija fil‑punt 53 tas‑sentenza Vanbraekel et iċċitata iktar ’il fuq.

64      Kuntrarjament, fl‑opinjoni motivata, din ħadet nota tal‑indikazzjonijiet li jinsabu fir‑risposta tar‑Repubblika Franċiża għall‑ittra ta’ intimazzjoni, li skont dawn, b’konformità mas‑sentenza tal‑Cour de cassation tat‑28 ta’ Marzu 2002, imsemmija fil‑punt 62 ta’ din is‑sentenza, l‑organi Franċiżi ta’ sigurtà soċjali japplikaw b’mod wiesa’ is‑soluzzjoni fis‑sentenza Vanbraekel et iċċitata iktar ’il fuq.

65      Fir‑rigward taċ‑ċirkularijiet tas‑16 ta’ Ġunju 2003, tad‑19 ta’ Mejju 2005 u tal‑21 ta’ Lulju 2008 mibgħuta mill‑awtorità ministerjali kompetenti, l‑għan tagħhom ma kienx, kuntrarjament għall‑pożizzjoni sostnuta mill‑Kummissjoni quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja, li jġibu fix‑xejn sitwazzjoni allegatament ambigwa. Lanqas ma kienu intiżi sabiex iġibu fit‑tmiem allegati prattiki diverġenti tal‑organi Franċiżi tas‑sigurtà soċjali, li wħud minnhom wasslu sabiex iwarrbu l‑applikazzjoni tas‑soluzzjoni stabbilita fis‑sentenza Vanbraekel et, iċċitata iktar ’il fuq.

66      Kif osservat il‑Kummissjoni stess fl‑opinjoni motivata tagħha, iċ‑ċirkulari tas‑16 ta’ Ġunju 2003, indirizzata lill‑organi kkonċernati, tinkludi, sempliċi deskrizzjoni tas‑soluzzjoni stabbilita mill‑imsemmija sentenza. Fir‑rigward taċ‑ċirkulari tad‑19 ta’ Mejju 2005, l‑għan tagħha kien, kif jirriżulta mill‑partijiet meħuda minnha fil‑fajl, li tispjega l‑portata tal‑Artikoli R. 332‑3 sa R. 332‑6 tal‑code de la sécurité sociale, introdotti permezz tad‑Digriet Nru 2005‑386. Iċ‑ċirkulari tal‑21 ta’ Lulju 2008 tinkludi, min‑naħa tagħha, l‑konstatazzjoni li tgħid li l‑imsemmija soluzzjoni hija “diġà applikata mill‑fondi” u titlob lil dawn tal‑aħħar “li jkompli jsir dak li huwa neċessarju sabiex jitwettaq id‑dispożittiv tas-suppliment tad-differenza”, u dan minkejja diffikultajiet konkreti li dawn huma kkonfrontati bihom fil‑kalkolu ta’ dan is-suppliment, b’mod partikolari minħabba n‑nuqqas ta’ strument ta’ tqabbil tal‑ispejjeż tal‑istess kura fi Franza u fl‑Istati Membri l‑oħra, kif ukoll id‑dewmien fil‑kooperazzjoni bejn l‑istituzzjonijiet nazzjonali kkonċernati.

67      F’dawn il‑kundizzjonijiet, jekk huwa ċertament minnu li, skont ġurisprudenza stabbilita tal‑Qorti tal‑Ġustizzja mfakkra mill‑Kummissjoni, sempliċi prattiki amministrattivi, tat‑tip li jistgħu jinbidlu mill‑amministrazzjoni, ma jistgħux, fil‑kuntest ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali inkompatibbli mad‑dritt tal‑Unjoni, jiġu kkunsidrati li jikkostitwixxu eżekuzzjoni valida tal‑obbligi tat‑trattat, (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 1997, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑197/96, Ġabra p. I‑1489, punt 14; tad‑9 ta’ Marzu 2000, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑358/98, Ġabra p. I‑1255, punt 17, u tal‑10 ta’ Marzu 2005, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑33/03, Ġabra p. I‑1865, punt 25), xorta jibqa’ l‑fatt li, f’dan il‑każ, in‑nuqqas ta’ prova ta’ prattiki amministrattivi kuntrarji għad‑dritt tal‑Unjoni jikkorrabora l‑konstatazzjoni li tgħid li l‑leġiżlazzjoni Franċiża, b’mod partikolari l‑Artikolu R. 332‑3 tal‑code de la sécurité sociale, ma toħloqx sitwazzjoni ta’ natura li ċċaħħad lill‑persuni assigurati mas‑sistema Franċiża mid‑drittijiet li għandhom skont l‑Artikolu 49 KE, hekk kif interpretat fis‑sentenza Vanbraekel et iċċitat iktar ’il fuq.

68      Ir‑raba’ nett, il‑Kummissjoni, f’dan il‑każ ma għamlet l‑ebda lment marbut mal‑allegat rifjut ta’ organu Franċiż tas‑sigurtà soċjali li jirrikonoxxi lil persuna assigurata d‑dritt għal rimbors supplimentari fl‑ipoteżi msemmija fil‑punt 53 tas‑sentenza Vanbraekel et, iċċitata iktar ’il fuq. Kuntrarjament, ir‑Repubblika Franċiża pprovdiet, matul il‑proċeduri quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja, diversi eżempji ta’ każijiet ta’ persuni assigurati mas‑sistema Franċiża li kienu jinsabu fis‑sitwazzjoni msemmija fil‑punt 53 tas‑sentenza Vanbraekel et iċċitata iktar ’il fuq, li setgħu jibbenefikaw minn rimbors supplimentari skont din is‑sentenza, jew kienu waslu biex jibbenefikaw minn tali rimbors.

69      Minn dawn il‑kunsiderazzjonijiet li jippreċedu jirriżulta li l‑Kummissjoni ma stabbilietx li s‑sistema legali Franċiża tagħti lok għal sitwazzjoni li tista’ ċċaħħad lill‑persuni assigurati mas‑sistema Franċiża mid‑dritt għal rimbors supplimentari fl‑ipoteżi msemmija fil‑punt 53 tas‑sentenza Vanbraekel et iċċitata iktar ’il fuq.

70      Għaldaqstant, it‑tieni lment għandu jiġi miċħud.

71      Minn dan isegwi li r‑rikors għandu jiġi miċħud fl‑intier tiegħu.

 Fuq l‑ispejjeż

72      Skont l‑Artikolu 69(2) tar‑Regoli tal‑Proċedura, il‑parti li titlef il‑kawża għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l‑Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l‑ispejjeż, kif mitluba mir‑Repubblika Franċiża. Skont l‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 69(4), ir‑Renju ta’ Spanja, ir‑Repubblika tal‑Finlandja u r‑Renju Unit, li intervenew f’din il‑kawża, għandhom ibatu l‑ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il‑motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir‑rikors huwa miċħud.

2)      Il‑Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall‑ispejjeż.

3)      Ir‑Renju ta’ Spanja, ir‑Repubblika tal‑Finlandja u r‑Renju Unit tal‑Gran Brittanja u l‑Irlanda ta’ Fuq, li intervenew f’din il‑kawża, għandhom ibatu l‑ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwa tal‑kawża: il‑Franċiż.