Language of document : ECLI:EU:C:2013:432

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

27 ta’ Ġunju 2013 (*)

“Agrikoltura — Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri — Politika agrikola komuni — Għajnuna — Eżami ta’ tilwim amministrattiv — Determinazzjoni tal-qorti kompetenti — Kriterju nazzjonali — Qorti amministrattiva li fil-ġurisdizzjoni tagħha tinsab is-sede tal-awtorità li tkun adottat l-att ikkontestat — Prinċipju ta’ ekwivalenza — Prinċipju ta’ effettività — Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

Fil-Kawża C‑93/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Frar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Frar 2012, fil-proċedura

ET Agrokonsulting-04-Velko Stoyanov

vs

Izpalnitelen direktor na Darzhaven fond “Zemedelie” – Razplashtatelna agentsia,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tielet Awla, E. Jarašiūnas, A. Ó Caoimh (Relatur) u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Frar 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal ET Agrokonsulting-04-Velko Stoyanov, minn R. Trifonova, avukat,

–        għall-Izpalnitelen direktor na Darzhaven fond “Zemedelie” – Razplashtatelna agentsia, minn R. Porozhanov u I. Boyanov, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Bulgaru, minn E. Petranova, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Tserepa-Lacombe u N. Nikolova, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Marzu 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn ET Agrokonsulting-04-Velko Stoyanov (iktar ’il quddiem “Agrokonsulting”) u l-Izpalnitelen direktor na Darzhaven fond “Zemedelie” – Razplashtatelna agentsia (direttur eżekuttiv tal-fondi nazzjonali “Agrikoltura” – aġenzija tal-ħlas, iktar ’il quddiem id-“Direttur”) dwar talba għall-għajnuna għal finanzjament taħt il-politika agrikola komuni tal-Unjoni Ewropea.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Kif jirriżulta mill-Artikoli 1(c) u 2(g) tiegħu, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, tad-19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, p. 16) jistabbilixxi b’mod partikolari, fil-Kapitolu 2 tat-Titolu V tiegħu, skema msejħa “ta’ pagament uniku skont l-erja”, jiġifieri skema ta’ għajnuna għad-dħul issemplifikata u tranżitorja intiża għall-bdiewa tal-Istati Membri li ssieħbu fl-Unjoni fl-2004 u fl-2007.

4        Dan ir-regolament jistabbilixxi wkoll, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(e) tiegħu, qafas li jippermetti lil dawn l-Istati Membri tal-aħħar “li jikkomplimentaw il-pagamenti diretti”. Dan il-qafas huwa pprovdut fl-Artikolu 132 tal-imsemmi regolament, intitolat “pagamenti nazzjonali komplementari u pagamenti diretti”, li permezz tiegħu l-Istati Membri kkonċernati għandhom il-fakultà, suġġett għall-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, li jikkompletaw, fl-osservanza tal-metodi ppreċiżati f’dan l-artikolu, il-pagamenti diretti mogħtija lill-bdiewa fil-qafas ta’ waħda mill-iskemi ta’ appoġġ elenkati fl-Anness I ta’ dan l-istess regolament. Dan l-anness jinkludi, b’mod partikolari, l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja.

5        Taħt l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 73/2009, moqri flimkien ma’ dan l-anness tal-aħħar, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi u jopera, għall-finijiet b’mod partikolari tal-iskema tal-pagament uniku skont l-erja, “sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll”. Din is-sistema għandha tinkludi, skont l-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament, database ikkompjuterizzata, sistema ta’ identifikazzjoni tal-ħbula agrikoli, sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ drittijiet għal pagament, applikazzjonijiet għall-għajnuna, sistema integrata ta’ kontroll, kif ukoll sistema waħda biex tkun irreġistrata l-identità ta’ kull bidwi li jissottometti applikazzjoni għall-għajnuna.

6        L-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1. Il-bażi tad-data kkompjuterizzata għandha tirreġistra, għal kull impriża agrikola, id-data miksuba mill-applikazzjonijiet għall-għajnuna.

Din il-bażi tad-data għandha, b’mod partikolari, permezz tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, tippermetti konsultazzjoni diretta u immedjata, tad-data relatata mas-snin kalendarji u/jew tas-suq mill-2000 ’il quddiem. Hija għandha tippermetti wkoll konsultazzjoni diretta u immedjata tad-data li tirrigwarda l-erba’ snin ta’ qabel.

2. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu bażijiet ta’ data deċentralizzati bil-kondizzjoni illi dawn, u l-proċeduri amministrattivi għar-reġistrazzjoni u l-aċċess għad-data, jiġu mfassla b’mod omoġenju fit-territorju kollu tal-Istat Membru u li jkunu kompatibbli ma’ xulxin biex ikunu jistgħu jsiru kontroverifiki.”

7        Skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 73/2009, “is-sistema ta’ identifikazzjoni għall-ħbula agrikoli għandha tkun stabbilita abbażi ta’ mapep jew dokumenti ta’ reġistrar tal-artijiet jew referenzi kartografiċi oħra”. It-tekniki użati għandhom ikunu bbażati fuq “sistema ta’ informazzjoni ġeografika kompjuterizzata, inkluż preferibbilment ‘orthoimagery’ mill-ajru jew mill-ispazju”.

8        L‑Artikolu 18 ta’ dan ir‑regolament jipprovdi:

“1. Sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ drittijiet għal pagament għandha tkun stabbilita b’mod li jkunu jistgħu jsiru verifikazzjoni tad-drittijiet u kontroverfiki mal-applikazzjonijiet għal għajnuna u s-sistema ta’ identifikazzjoni tal-ħbula agrikoli.

2. Is-sistema li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1 għandha tippermetti, permezz tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, konsultazzjoni diretta u immedjata tad-data relatata tal-anqas mal-aħħar erba’ snin kalendarji konsekuttivi.”      

9        Skont l-Artikolu 19 tal-imsemmi regolament, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna għal pagamenti diretti taħt, b’mod partikolari, l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja għandhom jiġu ppreżentati kull sena.

10      L-Artikolu 20(1) u (2) ta’ dan l-istess regolament jipprovdi:

“1. L-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli amministrattivi fuq l-applikazzjonijiet għall-għajnuna biex jivverifikaw il-kondizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna.

2. Il-kontrolli amministrattivi għandhom jiġu ssupplementati b’sistema ta’ kontrolli fil-post biex tkun ivverifikata l-eliġibbiltà għall-għajnuna. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom ifasslu pjan kampjun tal-azjendi agrikoli.

L-Istati Membri jistgħu jużaw metodi tekniċi ta’ remote sensing u s-Sistema ta’ Navigazzjoni Globali bis-Satellita (GNSS) bħala mezzi biex jitwettqu verifiki fil-post ta’ ħbula agrikoli.”

11      Skont l-Artikolu 29(2) u (3) tar-Regolament Nru 73/2009:

“2. Il-pagamenti għandhom isiru sa f’żewġ pagamenti fis-sena fil-perijodu mill-1 ta’ Diċembru sat-30 ta’ Ġunju tas-sena kalendarja ta’ wara.

3. Il-pagamenti taħt l-iskemi ta’ appoġġ imniżżla fl-Anness I ma għandhomx isiru qabel ma tiġi ffinalizzata l-verifika tal-kondizzjonijiet tal-eliġibbiltà, li għandha titwettaq mill-Istat Membru skont l-Artikolu 20.”

12      Skont l-Artikolu 122 ta’ dan ir-regolament, il-pagament uniku skont l-erja huwa mogħti fuq bażi annwali.

13      Skont l-Artikolu 124(1) u (2) tal-imsemmi regolament:

“1.      [...]

Għall-Bulgarija u r-Rumanija, l-erja agrikola taħt l-iskema ta’ pagament uniku għall-erja għandha tkun il-parti tal-erja agrikola użata li tkun miżmuma f’kondizzjoni agrikola tajba, kemm jekk tkun kif ukoll jekk ma tkunx, aġġustata fejn xieraq skont il-kriterji oġġettivi u non diskriminatorji li għandhom jiġu stabbiliti mill-Bulgarija jew ir-Rumanija wara approvazzjoni mill-Kummissjoni.

2.      Għall-fini tal-għoti ta’ pagamenti taħt l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja, [...] għall-Bulgarija u r-Rumanija, il-ħbula agrikoli kollha li jikkorrispondu mal-kriterji previsti fil-paragrafu 1, kif ukoll ħbula agrikoli mħawla bi msaġar ta’ rotazzjoni qasira [...] għandhom ikunu eliġibbli.

[...]”

14      Kif jirriżulta mit-titolu tiegħu, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (ĠU L 316, p. 65), jistabbilixxi b’mod partikolari regoli dettaljati għall-implementazzjoni tal-imsemmi Regolament Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament tal-aħħar.

15      L-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1122/2009 jistipula tnaqqis u esklużjonijiet applikabbli f’każijiet ta’ dikjarazzjonijiet żejda maħruġa fil-kuntest ta’ applikazzjonijiet ta’ għajnuna taħt l-iskemi ta’ għajnuna marbuta mal-erja, li jinkludu, b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(12) ta’ dan ir-regolament, l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja previst mit-Titolu V tar-Regolament Nru 73/2009.

 Id-dritt Bulgaru

16      Il-liġi dwar l-għajnuna lill-bdiewa (Zakon za podpomagane na zemedelskite proizvoditeli, DV Nru 58, tat-22 ta’ Mejju 1998), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, tirregola b’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(1) u (6) tagħha, “l-għajnuna tal-Istat lill-bdiewa għall-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli [...], u l-miżuri inklużi fil-pjan nazzjonali għall-iżvilupp tal-agrikoltura u tar-reġjuni agrikoli” kif ukoll “l-applikazzjoni tal-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja taħt il-politika agrikola komuni tal-Unjoni Ewropea”.

17      Skont l-Artikolu 32(1) tal-imsemmija liġi, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna għandhom jiġu ppreżentati lis-servizzi reġjonali tal-aġenzija tal-ħlas.

18      Skont l-Artikolu 1 tad-Digriet Nru 5/2009 dwar metodi ta’ preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet taħt l-iskemi ta’ għajnuna skont l-erja (La Naredba n° 5/2009 g. za usloviata i reda za podavane na zayavlenia po shemi i merki za podpomagane na plosht), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali:

“Dan id-digriet jistipula r-regoli dettaljati ta’ preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna taħt l-iskemi u miżuri tal-politika agrikola komuni li ġejjin:

1. skema ta’ Pagament Uniku skont l-erja

2. skema ta’ pagamenti nazzjonali komplimentari għall-erja;

[...]”

19      Skont l-Artikolu 128 tal-Kodiċi ta’ proċedura amministrattiva (Administrativnoprotsesualen kodeks, iktar ’il quddiem l-“APK”), jaqgħu taħt il-kompetenza tal-qrati amministrattivi, il-kawżi kollha li jikkonċernaw it-talbiet, b’mod partikolari, għat-teħid, għall-emenda, għall-annullament jew għad-dikjarazzjoni tan-nullità ta’ att amministrattiv.

20      Skont l-Artikolu 133(1) tal-APK:

“Il-kawżi jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva) li fil-ġurisdizzjoni tagħha tinsab is-sede tal-awtorità li adottat l-att amministrattiv ikkontestat. [...]”

21      L-Artikolu 135(3) tal-APK jipprovdi li l-kunflitti ta’ kompetenza bejn il-qrati amministrattivi huma deċiżi mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema).

22      L-Artikolu 1 tal-liġi dwar il-proprjetà u l-isfruttament ta’ artijiet agrikoli (Zakon za sobstvenostta i polzuvaneto na zemedelskite zemi, DV Nru 17 tal-1 ta’ Marzu 2001), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iz-“ZSPZZ”) jipprovdi li din il-liġi tirregola l-proprjetà u t-tgawdija tal-artijiet agrikoli.

23      Il-paragrafu 19 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal-liġi li temenda u tissupplimenta l-APK jipprovdi:

“1) L-atti amministrattivi u individwali meħuda abbażi taz-[ZSPZZ] u tad-digriet għall-applikazzjoni tagħha, kif ukoll ir-rifjut li jittieħdu tali atti – bl-eċċezzjoni ta’ dawk illi ttieħdu mill-Ministru għall-Agrikultura u għall-Ikel – jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors quddiem ir-Rayonen sad (qorti tal-ewwel istanza) tal-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli, skont [l-APK].

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

24      Agrokonsulting, li s-sede tagħha tinsab f’Burgas (il-Bulgarija), hija rreġistrata bħala bidwi. Fil-11 ta’ Mejju 2010, hija ppreżentat applikazzjoni għall-għajnuna taħt l-iskemi, minn naħa, tal-pagament uniku skont l-erja u, min-naħa l-oħra, tal-pagamenti nazzjonali kumplimentari għal kull ettaru ta’ art agrikola, li fiha indikat, b’mod partikolari, li hija kienet qed tikkoltiva tipi differenti ta’ qmuħ, ħxejjex u frott. L-artijiet agrikoli kkonċernati jinsabu fit-territorju tar-raħal ta’ Merdanya, fir-reġjun ta’ Veliko Tarnovo (il-Bulgarija), li jinsab f’distanza ta’ xi 250 km minn Sofija.

25      Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Ottubru 2011, id-Direttur ċaħad l-applikazzjoni ta’ Agrokonsulting minħabba li l-erjas iddikjarati minn din tal-aħħar ma kinux skont ir-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1122/2009.

26      Agrokonsulting ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Administrativen sad – Burgas, billi allegat l-illegalità tal-konklużjonijiet tad-Direttur li ċerti blokkijiet iddikjarati ma jagħmlux parti mill-blokkijiet fiżiċi eliġibbli għall-benefiċċju tal-għajnuna. L-argument żviluppat f’dan il-kuntest minn Agrokonsulting kien ibbażat essenzjalment fuq l-allegat ksur, mid-deċiżjoni tad-Direttur, tal-leġiżlazzjoni Bulgara maħsuba li tiżgura t-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tad-dritt tal-Unjoni dwar il-politika agrikola komuni. Agrokonsulting sostniet, barra minn hekk, li l-imsemmija deċiżjoni tibbaża fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1122/2009.

27      Id-deċiżjoni tar-rinviju tippreċiża li Agrokonsulting argumentat ukoll li l-kawża kienet taqa’ taħt il-kompetenza tal-Administrativen sad – Burgas minħabba li l-applikazzjoni għall-għajnuna kienet ġiet ippreżentata quddiem l-Obshtinska sluzhba “Zemedelie” (servizz muniċipali tal-“agrikoltura”) tar-reġjun ta’ Burgas. Skont Agrokonsulting, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ħeffa tal-proċedura teħtieġ li l-kawża tiġi deċiża mill-Administrativen sad – Burgas. Agrokonsulting sostniet għal darb’oħra, f’dan ir-rigward, li dewmien fil-proċeduri huwa inkonsistenti mal-għanijiet tal-politika agrikola komuni.

28      Permezz ta’ digriet tas-16 ta’ Novembru 2011, l-Administrativen sad – Burgas, qajmet l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ kompetenza, issospendiet il-proċeduri quddiemha u bagħtet il-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex din tiddeċiedi dwar il-kompetenza tagħha. Skont il-motivi ta’ dan id-digriet, skont l-Artikolu 133(1) tal-APK, il-kawża taqa’ taħt it-tribunal amministrattiv li fil-ġurisdizzjoni tiegħu tinsab is-sede tad-Direttur, jiġifieri l-Administrativen sad Sofia-grad.

29      Il-qorti tar-rinviju tqis, min-naħa tagħha, li l-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kompetenza tagħha u li hemm lok li jiġi sottomess il-kunflitt ta’ kompetenza lill-Varhoven administrativen sad, skont l-Artikolu 135(3) tal-APK. Madankollu, hija tqis li għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari “dwar l-interpretazzjoni u l-portata tal-prinċipji ta’ awtonomija proċedurali tal-qrati nazzjonali, ta’ effettività u ta’ ekwivalenza, maħruġa mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet proċedurali nazzjonali bħall-Artikolu 133 tal-APKˮ.

30      Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, ġiet stabbilita prattika amministrattiva fil-Bulgarija li l-atti tal-aġenzija tal-ħlas marbutin mal-politika agrikola komuni għandhom jittieħdu mid-Direttur, li jinsab f’Sofija, indipendentement mill-kwistjoni dwar f’liema servizz reġjonali l-applikazzjoni għall-għajnuna ġiet ippreżentata u dik dwar fejn jinsabu l-ħbula agrikoli ddikjarati għall-finijiet tal-għajnuna. L-Artikolu 133(1) tal-APK jobbliga, għaldaqstant, l-Administrativen sad Sofia-grad tiddeċiedi fuq ir-rikorsi kollha diretti kontra atti tad-Direttur. Dan iwassal f’konċentrazzjoni ta’ litigazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju f’dak li jikkonċerna l-kawżi kollha dwar is-sostenn għall-bdiewa taħt l-iskemi u l-miżuri previsti fil-kuntest tal-politika agrikola komuni.

31      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-proċedura mressqa quddiemha hija kkomplikata mid-distanza tal-ħbula agrikoli kkonċernati mid-deċiżjoni tad-Direttur tat-2 ta’ Ottubru 2011. Skont din il-qorti, il-ġbir tal-evidenza, it-tfassil tar-rapporti tal-esperti u ż-żjarat tal-artijiet, fid-dawl tal-fatt li dawn tal-aħħar ta’ spiss jinsabu mijiet ta’ kilometri lil hinn mill-belt ta’ Sofija, jirriskjaw li jsiru iktar bil-mod u b’iktar spejjeż, liema fatt imur kontra d-dritt għal rimedju effettiv għall-bdiewa deskritti mill-imsemmija qorti bħala “strata soċjali vulnerabbli”.

32      L-Administrativen sad Sofia-grad tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ ekwivalenza ma jipprekludix li regola nazzjonali tagħmel il-kompetenza ġudizzjarja fil-qasam ta’ atti amministrattivi f’rabta ma’ drittijiet sostantivi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni tiddependi biss fuq is-sede tal-awtorità amministrattiva li tkun adottat l-att ikkontestat. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li r-regola ġenerali ta’ kompetenza territorjali stipulata fl-Artikolu 133(1) tal-APK ma tiħux inkunsiderazzjoni l-post tal-artijiet agrikoli kkonċernati, bid-differenza tar-regola speċjali ta’ kompetenza territorjali prevista fil-paragrafu 19 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal-liġi li temenda u tissupplimenta l-APK fil-każ ta’ atti adottati taħt iz-ZSPZZ.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Sofia-grad iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Il-prinċipju ta’ effettività, li joħroġ mill-ġurisprudenza tal-Unjoni Ewropea, u dak ta’ dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti, ikkodifikat fl-Artikolu 47 tal-[Karta], għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu li regola ta’ proċedura nazzjonali, bħalma hija dik stipulata fl-Artikolu 133(1) [tal-APK] tagħmel il-ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ tilwim amministrattiv fir-rigward tal-implementazzjoni tal-politika agrikola komuni tal-[Unjoni], dipendenti biss fuq is-sede tal-awtorità amministrattiva li tkun adottat l-att ikkontestat, meta jitqies li din ir-regola ma tiħux inkunsiderazzjoni la l-post fejn jinsabu l-immobbli u lanqas l-indirizz tal-persuna kkonċernata?

2)      Il-prinċipju ta’ ekwivalenza, li joħroġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi li regola ta’ proċedura nazzjonali, bħalma hija dik stipulata fl-Artikolu 133(1) tal-[APK], tagħmel il-ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ tilwim amministrattiv fir-rigward tal-implementazzjoni tal-politika agrikola komuni tal-[Unjoni] dipendenti biss fuq is-sede tal-awtorità amministrattiva li tkun adottat l-att ikkontestat, meta titqies ir-regola stipulata fil-[paragrafu 19 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal-liġi li temenda u tissupplimenta l-APK] (dwar il-ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ tilwim amministrattiv domestiku dwar artijiet agrikoli)?”

 Fuq id-domandi preliminari

34      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens illi jipprekludu regola ta’ kompetenza ġudizzjarja nazzjonali, bħalma hija dik stabbilita fl-Artikolu 133(1) tal-APK, li għandha l-konsegwenza li tikkonċentra l-kawżi relatati mad-deċiżjonijiet ta’ awtorità nazzjonali inkarigata mill-ħlas tal-għajnuna agrikola skont l-applikazzjoni tal-politika agrikola komuni, quddiem qorti waħda biss.

35      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull wieħed mill-Istati Membri, taħt il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar, li għandu jindika l-qrati li għandhom kompetenza u jistipula regoli ddettaljati proċedurali ta’ rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li għandhom il-partijiet f’kawża bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, għalkemm madankollu, l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw, f’kull każ, protezzjoni effettiva ta’ dawn id-drittijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, Ġabra p. I‑10239, punt 47; tal-15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, Ġabra p. I‑2483, punti 44 u 45; tas-16 ta’ Lulju 2009, Mono Car Styling, C‑12/08, Ġabra p. I‑6653, punt 48, kif ukoll tat-18 ta’ Marzu 2010, Alassini et, C‑317/08 sa C‑320/08, Ġabra p. I‑2213, punt 47).

36      Għalhekk, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali issa stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, ir-regoli ddettaljati proċedurali tar-rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni ta’ drittijiet li għandhom il-partijiet f’kawża bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1976, Rewe‑Zentralfinanz u Rewe-Zentral, 33/76, Ġabra p. 1989, punt 5; tal-14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck, C‑312/93, Ġabra p. I‑4599, punt 12; kif ukoll tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et, C‑416/10, punt 85).

37      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rekwiżiti li joħorġu mill-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività japplikaw kemm għal dak li jirrigwarda l-għażla tal-qrati kompetenti biex jieħdu konjizzjoni tal-azzjonijiet imsejsa fuq dan id-dritt kif ukoll għal dak li jikkonċerna d-definizzjoni tar-regoli ddettaljati proċedurali li jirregolaw dawn l-azzjonijiet (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Impact, punt 47, kif ukoll Alassini et, punt 49).

38      L-osservanza tal-imsemmija rekwiżiti għandha tiġi analizzata filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-post ta’ dawn ir-regoli fit-totalità tal-proċedura, tal-iżvolġiment tal-imsemmija proċedura u tal-partikolaritajiet ta’ dawn ir-regoli, quddiem id-diversi qrati nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Peterbroeck, iċċitati iktar ’il fuq, punt 14; tal-1 ta’ Diċembru 1998, Levez, C‑326/96, Ġabra p. I‑7835, punt 44; kif ukoll tad-29 ta’ Ottubru 2009, Pontin, C‑63/08, Ġabra p. I‑10467, punti 46 u 47, l-istess bħall-ġurisprudenza ċċitata).

39      Għal dak li jikkonċerna, qabel kollox, il-prinċipju ta’ ekwivalenza, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-osservanza tiegħu tippresupponi li r-regola nazzjonali inkwistjoni tapplika bl-istess mod għal azzjonijiet ibbażati fuq id-drittijiet li għandhom il-partijiet f’kawża bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni u għal dawk ibbażati fuq ksur tad-dritt nazzjonali li jkollhom suġġett u kawża simili. Huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali, li għandha għarfien dirett tar-regoli ddettaljati proċedurali applikabbli, li tevalwa s-similaritajiet bejn l-azzjonijiet ikkonċernati mill-angolu tal-għan tagħhom, tal-kawża tagħhom u tal-elementi essenzjali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Pontin, iċċitati iktar ’il fuq, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad-19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail et, C‑591/10, punt 31).

40      Fid-deċiżjoni tar-rinviju, bl-għan li turi t-tħassib tagħha f’dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ ekwivalenza, l-Administrativen sad Sofia-grad tagħmel paragun bejn il-kawżi marbutin mal-applikazzjoni tal-politika agrikola komuni tal-Unjoni u l-kawżi ta’ dritt nazzjonali Bulgaru dwar ir-restituzzjoni tad-dritt għall-proprjetà u l-użu tal-artijiet agrikoli. Fil-fatt, f’dak li jikkonċerna dawn il-kawżi tal-aħħar, il-paragrafu 19 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal-liġi li temenda u tissupplimenta l-APK jipprevedi t-tressiq tal-kawża quddiem ir-Rayonen sad tal-post fejn jinsab l-immobbli.

41      Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 133(1) tal-APK jistabbilixxi regola ta’ kompetenza ġudizzjarja nazzjonali li tapplika b’mod ġenerali għar-rikorsi ppreżentati kontra atti amministrattivi, inklużi l-atti amministrattivi dwar pagamenti diretti għall-bdiewa taħt l-iskema tal-pagament uniku skont l-erja stabbilit permezz tar-Regolament Nru 73/2009. Min-naħa l-oħra, il-paragrafu 19 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal-liġi li temenda u tissupplimenta l-APK huwa intiż esklużivament għar-rikorsi miġjuba kontra ċerti atti adottati taħt iz-ZSPZZ u tad-digriet ta’ implementazzjoni tagħha. Mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-atti amministrattivi adottati fuq il-bażi taz-ZSPZZ huma marbutin mill-qrib mad-drittijiet reali fuq proprjetà immobbli, li jinkludu, b’mod partikolari, atti dwar ir-restituzzjoni tad-drittijiet għall-proprjetà jew l-użu tal-artijiet agrikoli, mal-kumpens lill-proprjetarji kif ukoll mal-attivitajiet ta’ manutenzjoni tal-mappa tal-artijiet agrikoli li fuqhom il-proprjetà ġiet restitwita.

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 38 u 39 ta’ din is-sentenza, jidher, suġġett għal verifika li, sa fejn meħtieġ, huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li twettaq, li r-regoli ta’ kompetenza bħal dawk provduti rispettivament fl-Artikolu 133(1) tal-APK u fil-paragrafu 19 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal-liġi li temenda u tissupplimenta l-APK ma jistgħux jitqabblu għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ekwivalenza.

43      Min-naħa l-oħra, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, xi rikorsi previsti għall-protezzjoni tad-drittijiet ibbażati fuq skemi ta’ għajnuna possibbli favur il-bdiewa stabbiliti mid-dritt nazzjonali jidhru ċarament fost ir-rikorsi li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jixbhu lil dawk intiżi sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet li għandhom il-partijiet f’kawża bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni.

44      Għandu jitfakkar fuq dan il-punt li s-sempliċi fatt li, taħt l-Artikolu 132 tar-Regolament Nru 73/2009, l-għoti ta’ pagamenti diretti nazzjonali supplimentari huwa sottomess għall-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni u rregolat mir-regoli ddettaljati previsti f’dan l-artikolu, ma jipprekludix li jiġi kkunsidrat, għall-fini tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, li skema ta’ pagamenti diretti nazzjonali supplimentari taqa’ taħt l-ordinament ġuridiku nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.

45      F’dan ir-rigward, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża jirriżulta li, fil-kuntest stipulat fl-Artikolu 132 tar-Regolament Nru 73/2009, ir-Repubblika tal-Bulgarija użat il-fakultà tagħha li żżid xi pagamenti diretti nazzjonali supplimentari mal-pagamenti diretti previsti minn dan ir-regolament.

46      Fuq dan il-punt, id-Direttur u l-Gvern Bulgaru indikaw, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li r-rikorsi dwar dawn il-pagamenti tal-aħħar huma sottomessi wkoll għar-regola ġenerali ta’ kompetenza territorjali prevista fl-Artikolu 133(1) tal-APK.

47      Jekk din id-dikjarazzjoni tkun preċiża, wara l-verifiki li l-qorti tar-rinviju għandha l-obbligu li twettaq fuq dan il-punt, ma jistax jiġi konkluż li hemm ksur tal-prinċipju ta’ ekwivalenza li jirriżulta mir-regoli ddettaljati proċedurali li jikkonċernaw rikorsi dwar pagamenti diretti nazzjonali supplimentari.

48      Imbagħad, għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, għandu jitfakkar li, fil-perspettiva tal-analiżi meħtieġa mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali trendix prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandha tkun evalwata waqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun meħtieġ, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema legali nazzjonali, bħalma huma l-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Peterbroeck, punt 14, u Pontin, punt 47).

49      Fil-kawża prinċipali, fir-rigward tat-tħassib li jinsab fil-punti 30 u 31 ta’ din is-sentenza, huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tikkunsidra l-elementi li ġejjin.

50      L-ewwel nett, huwa importanti li wieħed jikkunsidra jekk bidwi li jixtieq jikkontesta att amministrattiv tad-Direttur li jikkonċernah għandux jipparteċipa personalment fil-proċeduri ġudizzjarji. F’dan ir-rigward, mill-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li parti f’kawża fil-pożizzjoni bħal dik ta’ Agrokonsulting ma hijiex obbligata li tidher personalment, iżda tista’ tiġi rrappreżentata minn avukat, konjuġi, qarib axxendenti jew dixxendenti tal-ewwel grad, konsulent legali jew impjegat ta’ taħriġ legali. Il-Gvern Bulgaru jżid jgħid li tingħata għajnuna legali jekk jintwera li parti f’kawża ma għandhiex il-mezzi suffiċjenti sabiex tħallas is-servizzi ta’ avukat. Minbarra dan, skont dan il-gvern, l-ispejjeż, inklużi l-ħlasijiet tal-avukat, jingħataw lill-parti li tirbaħ il-kawża, jekk dawn ikunu ntalbu. L-ispejjeż jingħataw ukoll lir-rikorrent fil-każ tal-għeluq tal-kawża wara r-revoka tal-att amministrattiv ikkontestat. Barra minn hekk, skont id-Direttur, fil-kuntest tar-rikorsi li jirrigwardaw atti maħruġa minnu, id-dikjarazzjoni ta’ rikorrent li l-att ikkontestat huwa illegali huwa biżżejjed sabiex l-oneru tal-prova tal-legalità ta’ dan l-att jaqa’ fuq l-amministrazzjoni. Sakemm hemm il-bżonn, hija l-qorti tar-rinviju, li, b’differenza mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE, hija kompetenti li tinterpreta d-dritt Bulgaru, li tivverifika dawn il-punti.

51      It-tieni nett, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta ċar li, fil-kuntest tar-rikorsi ppreżentati mill-bdiewa kontra atti amministrattivi adottati mill-fond nazzjonali “agrikultura”, il-mezz ta’ prova ġeneralment preferut huwa l-perizja. F’dan il-kuntest, il-missjoni tal-espert maħtur mill-qorti kompetenti tikkonsisti f’li jieħu konoxxenza tal-provi rilevanti, imbagħad jippreżenta l-konklużjonijiet tiegħu fuq il-bażi tad-domandi li jiġu sottomessi lilu.

52      Madankollu, fil-qasam ta’ rikorsi kontra t-tnaqqis jew ir-rifjut ta’ għajnuna taħt l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja, ma jidhirx li l-proċedura hija kkomplikata mid-distanza tal-ħbula agrikoli kkonċernati mill-qorti nazzjonali kompetenti.

53      Fil-fatt, minn naħa, fil-kuntest tar-rikorsi ppreżentati, bħal dak fl-oriġini tal-kawża prinċipali, sabiex jiġu kkontestati l-konklużjonijiet li ċerti blokkijiet iddikjarati ma jagħmlux parti mill-blokkijiet fiżiċi eliġibbli għall-benefiċċju ta’ tali għajnuna, mill-Artikoli 16(1), 17 u 18 tar-Regolament Nru 73/2009 jirriżulta, b’mod partikolari, li ser ikun hemm ġeneralment, jekk mhux dejjem, lok li jittieħed konoxxenza tal-ortoimmaġni kif ukoll tad-data tas-sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll prevista fl-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament.

54      Min-naħa l-oħra, sa fejn jirrigwarda l-verifika tal-użu magħmul, matul is-sena koperta minn applikazzjoni ppreżentata, ta’ ħbula agrikoli partikolari, jirriżulta mill-Artikoli 17 u 20(2) tar-Regolament Nru 73/2009 li l-Istati Membri jistgħu jużaw tekniki ta’ Remote Sensing jew sistema globali ta’ navigazzjoni bis-satellita sabiex iwettqu l-verifiki fuq il-post. Barra minn hekk, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikoli 19, 29 u 122 ta’ dan ir-regolament, normalment, proċedura kontenzjuża li tikkonċerna r-rifjut jew it-tnaqqis ta’ għajnuna taħt l-iskema tal-pagament uniku skont l-erja, isseħħ biss wara s-sena li tirrigwarda l-applikazzjoni għall-għajnuna kkonċernata. F’din is-sitwazzjoni, l-ispezzjoni tal-ħbula agrikoli permezz ta’ żjara lill-artijiet ta’ spiss ma jkollhiex użu kbir sabiex jiġi vverifikat l-użu preċiż li kien sar minn dawn il-ħbula matul is-sena ta’ qabel. Għaldaqstant, l-Artikolu 16(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi b’mod partikolari, li d-database li tifforma parti mis-sistema integrata ta’ ġestjoni u kontroll għandha tippermetti l-konsultazzjoni diretta u immedjata tad-data li tirrigwarda l-erba’ snin ta’ qabel.

55      It-tielet nett, kemm id-Direttur kif ukoll il-Gvern Bulgaru argumentaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jidher li l-Administrativen sad Sofia-grad tiddeċiedi normalment fuq ir-rikors kontra atti adottati mid-Direttur fil-kuntest tal-politika agrikola komuni fi żmien sitta sa tmien xhur. Fil-prinċipju, dan iż-żmien medju, li huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tikkonferma r-realtà tiegħu, ma jidhirx eċċessiv fil-kuntest tal-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja.

56      Ir-raba’ nett, ma jistax jiġi eskluż, f’dan ir-rigward tal-aħħar, li l-konċentrazzjoni ta’ litigazzjoni tippermetti lill-qorti tar-rinviju li tiddeċiedi fuq il-kwistjonijiet dwar l-għajnuna agrikola billi tikseb, b’dan il-mod, kompetenza speċjali u billi tillimita, meta tagħmel dan, iż-żmien medju tal-proċeduri. Barra minn hekk, kif il-Gvern Ġermaniż, b’mod partikolari, enfasizza, qorti ċentralizzata, li tispeċjalizza fil-qasam ta’ għajnuna agrikola tidher tali li tiżgura prattika uniformi fit-territorju nazzjonali kollu u għaldaqstant tikkontribwixxi għal ċertezza legali.

57      Ċertament, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, jibqa’ miftuħ għar-Repubblika tal-Bulgarija, suġġett għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, li tadotta regola ta’ kompetenza ġudizzjarja differenti minn dik li tirriżulta mill-Artikolu 133(1) tal-APK. Madankollu, minn dan ma jsegwix li mis-sempliċi fatt li hija għandha bħala konsegwenza li rikors dirett kontra att amministrattiv ma jaqax taħt qorti amministrattiv li fil-ġurisdizzjoni tagħha tinsab is-sede tal-korp li jkun adotta dan l-att, din id-dispożizzjoni tikser il-prinċipju tal-effettività.

58      Fid-dawl ta’ dan li ntqal qabel, jidher li jeżistu kunsiderazzjonijiet marbutin, b’mod partikolari, mal-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura li timmilita favur konklużjoni li l-applikazzjoni ta’ regola ta’ kompetenza ġudizzjarja nazzjonali, bħalma hija dik stabbilita fl-Artikolu 133(1) tal-APK, li għandha l-konsegwenza li tikkonċentra l-kawżi relatati mad-deċiżjonijiet tal-awtorità nazzjonali inkarigata mill-ħlas tal-għajnuna agrikola skont l-applikazzjoni tal-politika agrikola komuni, quddiem qorti waħda biss, ma tiksirx il-prinċipju ta’ effettività. Madankollu huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li, b’differenza mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE, hija kompetenti biex tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali u biex tinterpreta d-dritt Bulgaru, li tivverifika jekk dan huwiex il-każ f’din il-kawża.

59      F’dak li jikkonċerna, fl-aħħar nett, l-Artikolu 47 tal-Karta, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ protezzjoni legali effettiva, prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jirriżulta mill-prassi kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston, 222/84, Ġabra p. 1651, punt 18; tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, Ġabra p. I‑2271, punt 37; kif ukoll tat-28 ta’ Frar 2013, Arango Jaramillo et vs BEI, C‑334/12 RX‑II, punt 40).

60      F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kunsiderazzjonijiet espressi fil-punti 50 sa 58 ta’ din is-sentenza u fid-dawl tal-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn il-proċeduri, ma jidhirx li parti f’kawża fil-pożizzjoni bħal dik ta’ Agrokonsulting hija mċaħħda minn rimedju effettiv quddiem qorti bl-għan li tiddefendi xi drittijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni.

61      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, ir-risposta għad-domandi magħmulin għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta, ma jipprekludix regola ta’ kompetenza ġudizzjarja nazzjonali, bħalma hija dik stabbilita fl-Artikolu 133(1) tal-APK, li għandha l-konsegwenza li tikkonċentra l-kawżi relatati mad-deċiżjonijiet ta’ awtorità nazzjonali inkarigata mill-ħlas tal-għajnuna agrikola skont l-applikazzjoni tal-politika agrikola komuni tal-Unjoni, quddiem qorti waħda biss, sakemm ir-rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li għandhom il-partijiet f’kawża bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni ma jiġux eżerċitati f’kundizzjonijiet inqas favorevoli minn dawk previsti għar-rikorsi intiżi sabiex jipproteġu d-drittijiet ibbażati fuq skemi ta’ għajnuna possibbli favur bdiewa stabbiliti mid-dritt nazzjonali, u li tali regola ta’ kompetenza ma tikkawżax lill-parti xi inkonvenjenti proċedurali, f’termini, b’mod partikolari, tat-tul tal-proċedura, tali li jagħmlu eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni, u dan huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tivverifikah.

 Fuq l-ispejjeż

62      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ma jipprekludix regola ta’ kompetenza ġudizzjarja nazzjonali, bħalma hija dik stabbilita fl-Artikolu 133(1) tal-Kodiċi ta’ proċedura amministrattiva (Administrativnoprotsesualen kodeks), li għandha l-konsegwenza li tikkonċentra l-kawżi relatati mad-deċiżjonijiet ta’ awtorità nazzjonali inkarigata mill-ħlas tal-għajnuna agrikola skont l-applikazzjoni tal-politika agrikola komuni tal-Unjoni Ewropea, quddiem qorti waħda biss, sakemm ir-rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li għandhom il-partijiet f’kawża bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni ma jiġux eżerċitati f’kundizzjonijiet inqas favorevoli minn dawk previsti għar-rikorsi intiżi sabiex jipproteġu d-drittijiet ibbażati fuq skemi ta’ għajnuna possibbli favur bdiewa stabbiliti mid-dritt nazzjonali, u sakemm tali regola ta’ kompetenza ma tikkawżax lil xi parti inkonvenjenti proċedurali, f’termini, b’mod partikolari, tat-tul tal-proċedura, tali li jagħmlu eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni, u dan huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tivverifikah.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.