Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Novembru 2013 – Marchi Industriale vs ECHA

(Kawża T-620/13)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Marchi Industriale SpA (Firenze, l-Italja) (rappreżentanti: M. Baldassarri u F. Donati, avukati)

Konvenuta: Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla u għaldaqstant tiddikjara bħala invalida d-deċiżjoni Nru SME/2013/3747 adottata mill-Aġenzija ECHA, li jirriżultaw fit-tħassir ta’ kull effett tal-imsemmija deċiżjoni, inkluż l-annullament tal-fatturi maħruġa għall-irkupru tal-ħlasijiet maġġuri u għas-sanzjonijiet allegatament dovuti.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa dirett kontra d-deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li kkunsidrat li r-rikorrenti ma tissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex tiġi kkunsidrata bħala impriża ta’ daqs żgħir jew medju, fis-sens tar-Regolament Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 790/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE u d-Direttivi tal-Kummissjoni 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (ĠU 396, p. 1), u b’hekk ċaħditha mill-benefiċċji hemm previsti u imponiet fuqha il-ħlas tat-taxxi u tat-tariffi.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-allegat nuqqas assolut ta’ motivazzjoni, sa fejn, minkejja l-provi ċirkustanzjali u ddokumentati, ifformulati sabiex jiġu kkontestati l-kriterji tal-kalkolu użati bil-għan li jiġi aċċertat id-daqs tal-impriża, il-konvenuta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-argumenti esposti.It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegata kunsiderazjzoni żbaljata tal-informazzjoni dwar il-kumpannija Essemar SpA, li fiha għandha investiment Marchi IndustrialeF’dan ir-rigward, hija ssostni li, għall-kuntrarju ta’ dak li ddikjarat il-konvenuta, Esseco Group srl. ma hijiex marbuta, lanqas indirettament, mar-rikorrenti u, fi kwalunkwe każ, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala “partner entreprise”. Għalkemm Esseco Group hija proprjetarja ta’ parti mill-kapital azzjonarju ta’ Essemar ekwivalenti għal 50.0005 %

, il-parti rimanenti tal-kapital azzjonarju ta’ Essemar, ekwivalenti għal 49.9995 % hija proprjetà tar-rikorrenti. Madankollu, Esseco Group, minkejja li formalment

għandha l-maġġoranza tal-kapital azzjonarju ta’ Essemar, ma għandhiex il-maġġornza tad-drittijiet tal-votazzjoni fl-imsemmija kumpannija. Għaldaqstant bejn Esseco Group u r-rikorrenti ma teżisti l-ebda relazzjoni speċjali fis-sens tal-Artikolu 3(2) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE, tas-6 ta’ Mejju 2013, dwar id-definizzjoni tal-mikro-impriżi, impriżi ta’ daqs żgħir u impriżi ta’ daqs medju (ĠU L 124, p. 36).