Language of document : ECLI:EU:C:2016:525

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

7 ta’ Lulju 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikolu 23 — Klawżola mdaħħla f’kundizzjonijiet ġenerali — Kunsens tal-partijiet għall-imsemmija kundizzjonijiet — Validità u preċiżjoni ta’ tali klawżola”

Fil-Kawża C‑222/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Pécsi Törvényszék (qorti ta’ Pécs, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Mejju 2015, fil-proċedura

Hőszig Kft.

vs

Alstom Power Thermal Services,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. Toader (Relatur), A. Rosas, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Jannar 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Alstom Power Thermal Services, minn S. M. Békési, avukat,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Tokár u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ April 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6), u tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell I”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Hőszig Kft. u Alstom Power Thermal Services (iktar ’il quddiem “Alstom”), li daħlet fid-drittijiet ta’ Technos et Compagnie (iktar ’il quddiem “Technos”), dwar l-eżekuzzjoni ta’ kuntratti konklużi bejn il-partijiet, u li dwarhom qiegħed jiġi kkontestat, bis-saħħa ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, li l-qorti tar-rinviju għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-imsemmija kawża.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Ruma I

3        L-Artikolu 1 tar-Regolament Ruma I jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tiegħu. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li ċertu numru ta’ materji huma esklużi minn dan il-kamp ta’ applikazzjoni, fosthom, fil-punt (e) ta’ dan il-paragrafu, l-“arranġamenti ta’ arbitraġġ u arranġamenti dwar l-għażla tal-qorti”.

4        L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi magħżula mill-partijiet. L-għażla għandha ssir espressament jew tkun manifestata b’mod ċar permezz tat-termini tal-kuntratt jew taċ-ċirkostanzi tal-każ. Bl-għażla tagħhom, il-partijiet jistgħu jagħżlu l-liġi applikabbli għat-totalità jew għal parti biss tal-kuntratt.”

5        L-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Sa fejn il-liġi applikabbli għall-kuntratt ma ntgħażlitx skond l-Artikolu 3 u mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 5 sa 8, il-liġi li tirregola l-kuntratt għandha tkun determinata kif ġej:

[...]

(b)      kuntratt għall-forniment ta’ servizzi għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li fih il-fornitur tas-servizz ikollu r-residenza abitwali tiegħu;

[...]”

6        L-Artikolu 10 tal-istess regolament, intitolat “Kunsens u validità materjali”, jaqra kif ġej:

“1.      L-eżistenza u l-validità ta’ kuntratt jew ta’ dispożizzjoni ta’ kuntratt għandhom jiġu determinati mil-liġi li tkun applikabbli għalih taħt dan ir-Regolament kieku l-kuntratt jew id-dispożizzjoni kienu validi.

2.      Madankollu, sabiex parti tistabbilixxi li ma tkunx tat il-kunsens tagħha, tista’ tirriferi għal-liġi tal-pajjiż li fih ikollha r-residenza abitwali tagħha jekk miċ-ċirkostanzi jirriżulta li ma jkunx raġonevoli li jiġi determinat l-effett tal-komportament ta’ tali parti skond il-liġi speċifikata fil-paragrafu 1.”

 Ir-Regolament Brussell I

7        Skont il-premessi 11 u 14 tar-Regolament Brussell I:

“(11) Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. [...]

[...]

(14)      L-awtonomija tal-partijiet f’kuntratt, apparti minn assigurazzjoni, konsumatur jew kuntratt ta’ impjieg, fejn tiġi permessa biss awtonomija limitata sabiex jiġu determinati l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni, għandha tiġi rispettata skond il-bażi esklussivi ta’ ġurisdizzjoni mitluba f’dan ir-Regolament.”

8        L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

1.      (a)      f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

[...]”

9        Taħt il-Kapitolu II, intitolat “Ġurisdizzjoni”, l-Artikolu 23 tal-imsemmi regolament, li jinsab taħt is-Sezzjoni 7, intitolata “Prorogazzjoni ta’ ġurisdizzjoni”, jaqra kif ġej:

“1.      Jekk il-partijiet, wieħed jew aktar minnhom ikollu d-domiċilju fi Stat Membru, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollu ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi kwistjonijiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu in konnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dak il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni. Ġurisdizzjoni bħal dik għandha tkun esklussiva sa kemm il-partijiet ma jiftehmux mod ieħor. Ftehim bħal dak li jagħti ġurisdizzjoni għandu jkun jew:

(a)      bil-kitba jew ikkonfermat bil-kitba;

(b)      f’għamla li taqbel mal-prattiċi li l-partijiet ikunu stabbilixxew bejniethom; jew

(ċ)      f’negozju jew kummerċ internazzjonali, f’għamla li taqbel ma’ l- użanza li biha l-partijiet huma jew li għandhom ikunu konxji u li dwarhom dak in-negozju jew kummerċ ikun magħruf sewwa, u regolarment osservat minn, partijiet għal kuntratti tat-tip involut f’dak in-negozju jew kummerċ partikolari ikkonċernat.

2.      Xi komunikazzjoni b’mezzi elettroniċi li tipprovdi meżż dewwiemi tal-ftehim għandha tkun ekwivalenti għal ‘kitba’.

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      Technos, persuna ġuridika stabbilita fi Franza, xtaqet tipparteċipa f’ċertu numru ta’ xogħlijiet f’diversi impjanti tal-ġenerazzjoni tal-enerġija eżistenti, li jinsabu fi Franza. Għal dan il-għan, hija stiednet lil Hőszig tipproponilha diversi offerti sabiex tikkontribwixxi, bħala subappaltatur, għal dawn ix-xogħlijiet. Għaldaqstant, fit-18 ta’ Awwissu 2009, Technos ittrażmettiet lil Hőszig, permezz ta’ posta elettronika, lista tal-istrutturi metalliċi li, jekk ikun il-każ, tintalab timmanifattura, deskrizzjoni ta’ rekwiżiti tekniċi u l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ provvista ta’ Technos (verżjoni tax-xahar ta’ Diċembru 2008 (iktar ’il quddiem il-“kundizzjonijiet ġenerali”).

11      Wara l-offerta tal-prezz maħruġa minn Hőszig abbażi ta’ din l-informazzjoni, diversi kuntratti għal xogħlijiet għall-manifattura ta’ strutturi metalliċi li kellhom isiru fl-Ungerija u li kellhom jiġu installati fl-impjanti tal-ġenerazzjoni tal-enerġija ġew konklużi mill-bogħod bejn il-partijiet. Huwa paċifiku bejniethom li d-data tal-iktar wieħed antik minn dawn il-kuntratti hija s-16 ta’ Diċembru 2010 (iktar ’il quddiem “l-ewwel kuntratt”).

12      L-imsemmija partijiet ikkonkludew diversi dispożizzjonijiet kuntrattwali oħra u ċerti emendi għall-finijiet tat-twettiq tax-xogħlijiet. Fil-lista intitolata “Dokumenti użati” tal-istrument li fih ġie stipulat l-ewwel kuntratt, ġie elenkat dan li ġej:

“1)      din l-ordni,

2)      l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi T91000001/1200, C,

3)      il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ provvista ta’ Technos (verżjoni ta’ Diċembru 2008),

l-imsemmija dokumenti huma applikabbli fl-ordni hekk indikata.”

13      Fl-aħħar paġna ta’ dan il-kuntratt, li kien ifformulat bl-Ingliż, ġie ddikjarat ukoll li “[d]in l-ordni telenka l-iktar dokumenti u informazzjoni importanti kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tagħha. Inti trid tiżgura li għandek dawn id-dokumenti bir-referenzi xierqa u d-dokumenti meħtieġa minnhom. Jekk ma għandekx dawn id-dokumenti, toqgħodx lura milli titlobna d-dokumenti neqsin bil-miktub”.

14      Barra minn hekk, l-aħħar paragrafu tal-imsemmi kuntratt kien jipprovdi li “il-fornitur jiddikjara li huwa qara u li jaċċetta l-kundizzjonijiet ta’ din l-ordni, il-kundizzjonijiet ġenerali fis-seħħ kif annessi u kwalunkwe kundizzjoni ta’ ftehimiet jew kuntratti qafas”.

15      Skont il-punt 23.1 tal-kundizzjonijiet ġenerali:

“[D]in l-ordni għandha tiġi rregolata mil-liġi Franċiża u interpretata konformement magħha. L-applikazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kuntratti ta’ Bejgħ Internazzjonali ta’ Merkanzija tal-11 ta’ April 1980 hija eskluża.

Kwalunkwe tilwima li tirriżulta minn jew li tirrigwarda l-validità, il-limitazzjoni, l-eżekuzzjoni jew it-terminazzjoni ta’ din l-ordni, li l-partijiet ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim bonarju dwarha, għandha b’mod esklużiv u definittiv tiġi riżolta mill-qrati ta’ Pariġi, inkluż fil-każ ta’ proċeduri mħaffa, inibizzjonijiet jew miżuri provviżorji.”

16      Wara li qamet tilwima bejn il-partijiet dwar l-eżekuzzjoni tal-kuntratti, Hőszig ippreżentat kawża, fil-31 ta’ Ottubru 2013, quddiem il-qorti tar-rinviju, bħala l-qorti tal-post ta’ eżekuzzjoni tas-servizzi miftiehma.

17      Insostenn tar-rikors tagħha, Hőszig issostni, essenzjalment, li l-għażla tal-liġi Franċiża kjarament ma kinitx, min-naħa tagħha, komportament raġonevoli fuq il-livell tal-effetti, fis-sens tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Ruma I, peress li l‑prodotti li hija mmanifatturat jikkostitwixxu s-suġġett tal-kuntratti u l-post ta’ eżekuzzjoni ta’ dawn tal-aħħar kien l-istabbiliment tagħha fl-Ungerija, billi l-proċess kollu ta’ manifattura seħħ f’dan il-pajjiż, sal-kunsinna lill-klijent.

18      Għaldaqstant, Hőszig issostni li huwa fid-dawl tad-dritt Ungeriż li għandha tiġi eżaminata r-relazzjoni bejn il-kundizzjonijiet ġenerali u d-diversi kuntratti konklużi bejn il-partijiet. Issa, filwaqt li tibbaża ruħha fuq din il-leġiżlazzjoni, hija tqis li l-kundizzjonijiet ġenerali ma jifformawx parti integrali minn dawn il-kuntratti. Għalhekk, l-għażla tal-liġi applikabbli f’dawn il-kundizzjonijiet ġenerali hija irrilevanti u għandha tiġi applikata l-liġi Ungeriża, skont l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Ruma I.

19      Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-ġurisdizzjoni, Hőszig issostni li, peress li l-kundizzjonijiet ġenerali ma jifformawx parti mill-kumpless kuntrattwali, din il-ġurisdizzjoni għandha tiġi attribwita lill-qrati Ungeriżi, b’applikazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Brussell I.

20      Fl-aħħar nett, Hőszig issostni li, anki jekk jitqies li l-kundizzjonijiet ġenerali jifformaw parti mill-kuntratti konklużi bejn il-partijiet, il-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tinsab fihom ma hijiex konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Brussell I, peress li din il-klawżola ssemmi l-“qrati ta’ Pariġi”. Issa peress li l-belt ta’ Pariġi (Franza) ma hijiex Stat, din l-espressjoni tindika mhux qorti speċifika, iżda serje ta’ qrati li jinsabu fit-territorju ta’ din il-belt.

21      Alstom qajjem eċċezzjoni tan-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għall-kundizzjonijiet ġenerali li, skontha, jifformaw parti integrali mill-kuntratti. Għalhekk, skont il-punt 23.1 tal-kundizzjonijiet ġenerali, il-qorti tar-rinviju ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi t-tilwima fil-kawża prinċipali.

22      Skont Alstom, l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Ruma I joffri lil Hőszig il-possibbiltà li tipprova li hija ma tatx il-kunsens tagħha għall-kuntratt jew għal xi waħda mid-dispożizzjonijiet tiegħu billi, għal dan il-għan, tirreferi għal-liġi tal-pajjiż li fih hija għandha r-residenza abitwali tagħha, jiġifieri l-Ungerija, jekk jirriżulta miċ-ċirkustanzi li ma jkunx raġonevoli li l-espressjoni tal-kunsens tagħha tiġi ddeterminata fid-dawl tal-liġi applikabbli, bħala prinċipju, skont l-imsemmi regolament. Issa, f’dan il-każ, huwa għalkollox raġonevoli li “jiġi determinat l-effett tal-komportament”, fis-sens tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Ruma I, ta’ Hőszig fid-dawl tad-dritt Franċiż, peress li hija kienet subappaltatur tal-offerent rebbieħ tal-kuntratt pubbliku ppubblikat fi Franza għal xogħlijiet li kellhom jitwettqu f’impjant tal-ġenerazzjoni tal-enerġija Franċiż.

23      Barra minn hekk, il-fatt li l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni tinsab fil-punt 23.1 tal-kundizzjonijiet ġenerali huwa totalment konformi mal-kontenut tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Brussell I, sa fejn il-qrati tal-belt ta’ Pariġi huma qrati ta’ Stat Membru, jiġifieri r-Repubblika Franċiża. L-interpretazzjoni restrittiva sostnuta minn Hőszig ma tiħux inkunsiderazzjoni l-premessa 14 ta’ dan ir-regolament, li skontu għandha tiġi osservata l-awtonomija tal-partijiet.

24      F’dak li jirrigwarda l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni mqajma minn Alstom, il-qorti tar-rinviju tqis li għandu jsir magħruf jekk il-kundizzjonijiet ġenerali jifformawx parti integrali mill-kumpless kuntrattwali miftiehem bejn il-partijiet. F’dan ir-rigward, għandhom jiġu ddeterminati liema “ċirkostanzi”, fis-sens tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Ruma I, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat sa fejn Hőszig tat il-kunsens tagħha fir-rigward tal-applikabbiltà tal-kundizzjonijiet ġenerali.

25      Jekk, abbażi tal-liġi tal-pajjiż li fih Hőszig għandha r-residenza abitwali tagħha, dik il-qorti kellha tasal għall-konklużjoni li dawn il-kundizzjonijiet ġenerali jifformaw parti integrali minn dan il-kumpless kuntrattwali, ikollu għalhekk jiġi ddeterminat jekk il-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tinsab fil-punt 23.1 ta’ dawn il-kundizzjonijiet ġenerali tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 23(1) tar-Regolament Brussell I.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Pécsi Törvényszék (qorti ta’ Pécs) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Fir-rigward tar-Regolament Ruma I:

–        Il-kliem ‘jekk miċ-ċirkostanzi jirriżulta’ kif użat fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament Ruma I jista’ jiġi interpretat mill-qorti nazzjonali fis-sens li l-eżami taċ-‘ċirkustanzi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni’ sabiex tiġi ddeterminata n-natura raġonevoli tal-assenza ta’ kunsens skont il-liġi tal-pajjiż li fih il-parti kkonċernata jkollha r-residenza abitwali tagħha huwa marbut maċ-ċirkustanzi tal-konklużjoni, mas-suġġett tal-kuntratt u mal-eżekuzzjoni tiegħu?

–        L-‘effett’ li hemm riferiment għalih fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament Ruma I u li jirriżulta mis-sitwazzjoni deskritta fl-ewwel inċiż għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ li ċ-ċirkustanzi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni juru, b’kunsiderazzjoni għal-liġi tal-pajjiż li fih il-parti kkonċernata jkollha r-residenza abitwali tagħha, li l-kunsens għal-liġi applikabbli skont il-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu ma kienx jirriżulta minn ‘effett raġonevoli tal-aġir tagħha’, il-qorti nazzjonali għandha tiddeċiedi dwar l-eżistenza u l-validità tad-dispożizzjoni kuntrattwali skont il-liġi tal-pajjiż tar-residenza abitwali ta’ din il-parti?

–        Il-qorti nazzjonali inkwistjoni tista’ tinterpreta d-dispożizzjoni tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Ruma I b’tali mod li – b’kunsiderazzjoni għaċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ineżami – taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tagħha li tiddetermina jekk il-kunsens għal-liġi applikabbli skont il-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu kienx jirriżulta, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, minn ‘effett raġonevoli tal-aġir’ tal-parti kkonċernata?

–        Jekk il-parti kkonċernata tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 593/2008 sabiex tirreferi għal-liġi tal-pajjiż li fih din ikollha r-residenza abitwali tagħha sabiex tiġi stabbilita l-assenza tal-kunsens min-naħa tagħha, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni din il-liġi fir-rigward tal-punt dwar jekk, fid-dawl taċ-‘ċirkustanzi’ invokati, l-għoti tal-kunsens għall-applikazzjoni ta’ liġi magħżula kienx jirriżulta minn aġir raġonevoli min-naħa tal-parti fid-dawl tal-liġi tal-imsemmi pajjiż?

–        F’dan il-każ, id-dritt tal-Unjoni jipprekludi interpretazzjoni mill-qorti nazzjonali li timplika li l-eżami taċ-‘ċirkustanzi’ bil-għan li tiġi ddeterminata n-natura raġonevoli tal-assenza tal-kunsens huwa marbut maċ-ċirkustanzi tal-konklużjoni, mas-suġġett tal-kuntratt u mal-eżekuzzjoni tiegħu?

2)      Fir-rigward tar-Regolament Brussell I:

–        L-Artikolu 23(1) tar-Regolament Brussell I jipprekludi interpretazzjoni tal-qorti nazzjonali li tirrikjedi indikazzjoni preċiża tal-qorti kompetenti jew huwa suffiċjenti, fid-dawl tar-rekwiżiti deskritti fil-premessa 14 tal-imsemmi regolament, li l-volontà jew l-intenzjoni tal-partijiet tirriżulta b’mod ċar mill-formulazzjoni tal-kuntratt?

–        Hija kompatibbli mar-rekwiżiti tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Brussell I l-interpretazzjoni tal-qorti nazzjonali li l-klawżola li tattribwixxi l-ġurisdizzjoni inkluża fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-provvista ta’ waħda mill-partijiet, li tagħżel il-qrati ta’ ċerta belt ta’ Stat Membru – f’dan il-każ dawk ta’ Pariġi – sabiex jiddeċiedu b’mod esklużiv u definittiv il-vertenzi li jirriżultaw minn jew li huma marbuta mal-validità, mal-eżekuzzjoni jew mat-tmiem tal-ordni u li l-partijiet ma setgħux jirriżolvu bi ftehim bonarju, hija suffiċjentement preċiża peress li l-volontà jew l-intenzjoni tal-partijiet fir-rigward tal-Istat Membru magħżul tirriżulta b’mod ċar mill-formulazzjoni tagħha, fid-dawl tar-rekwiżiti deskritti fil-premessa 14 tal-imsemmi regolament?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq it-tieni domanda

27      Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Brussell I għandux jiġi interpretat fis-sens li klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, minn naħa, hija stipulata fil-kundizzjonijiet ġenerali ta’ provvista tal-imprenditur, imsemmija fl-istrumenti li fihom ġew stipulati l-kuntratti bejn dawn il-partijiet u trażmessi meta dawn ġew konklużi, u li, min-naħa l-oħra, tagħżel bħala qrati li għandhom ġurisdizzjoni dawk ta’ belt ta’ Stat Membru, tissodisfa r-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni dwar il-kunsens tal-partijiet u l-preċiżjoni tal-kontenut ta’ tali klawżola.

28      Għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li, għalkemm l-interpretazzjoni ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, sabiex jiġu identifikati l-kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-klawżola, għandha ssir mill-qorti nazzjonali li quddiemha din tiġi invokata (sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide, C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata), il-ġurisdizzjoni ta’ qorti jew ta’ qrati ta’ Stat Membru, miftiehma mill-partijiet kontraenti f’tali klawżola, bħala prinċipju, hija esklużiva, skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Brussell I (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, El Majdoub, C‑322/14, EU:C:2015:334, punt 24).

29      It-tieni nett, fid-dawl tal-għanijiet u tal-istruttura ġenerali ta’ dan ir-regolament, u bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ dan l-istrument, il-kunċett ta’ “[f]tehim [...] li jagħti ġurisdizzjoni” previst fl-Artikolu 23 tiegħu għandu jiġi interpretat mhux bħala sempliċi referenza għad-dritt intern ta’ wieħed jew l-ieħor mill-Istati kkonċernati, iżda bħala kunċett awtonomu (sentenza tas-7 ta’ Frar 2013, Refcomp, C‑543/10, EU:C:2013:62, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Fl-aħħar nett, sa fejn ir-Regolament Brussell I jissostitwixxi, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda ma’ din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni tgħodd ukoll għal dawk ta’ dan ir-regolament, meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-istrumenti jistgħu jitqiesu li huma ekwivalenti (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2014, flyLAL-Lithuanian Airlines, C‑302/13, EU:C:2014:2319, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      F’dak li jirrigwarda l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-imsemmija konvenzjoni, li għalih issuċċeda l-Artikolu 23 tar-Regolament Brussell I, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, li għandha skop proċedurali, hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-istess konvenzjoni, li l-għan tagħha huwa l-ħolqien ta’ regoli uniformi ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali (sentenza tat-3 ta’ Lulju 1997, Benincasa, C‑269/95, EU:C:1997:337, punt 25).

32      Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha wkoll l-okkażjoni tispeċifika li l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tipprevedi hija stess ir-rekwiżiti proċedurali li għandhom jissodisfaw il-klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni, u dan sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u sabiex jiġi żgurat il-kunsens tal-partijiet (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tas-16 ta’ Marzu 1999, Castelletti, C‑159/97, EU:C:1999:142, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      F’dak li jirrigwarda r-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 23(1) tar-Regolament Brussell I, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tipprevedi essenzjalment rekwiżiti proċedurali u ssemmi rekwiżit sostantiv dwar is-suġġett ta’ tali klawżola, li għandha tirrigwarda relazzjoni legali partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ April 2016, Profit Investment SIM, C‑366/13, EU:C:2016:282, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      F’dan il-każ, ir-rekwiżit sostantiv huwa ssodisfatt peress li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-partijiet fil-kawża prinċipali huma marbuta b’diversi kuntratti għal xogħlijiet.

35      F’dak li jirrigwarda r-rekwiżiti proċedurali, għandu jitfakkar, minn naħa, li, skont il-formulazzjoni tal-imsemmi Artikolu 23(1), ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni, sabiex ikun validu, għandu jiġi konkluż jew bil-kitba, jew verbalment u kkonfermat bil-kitba, jew fl-aħħar nett f’forma konformi mal-prattiki stabbiliti bejn il-partijiet jew, f’negozju jew kummerċ internazzjonali, ma’ użanza li l-partijiet kienu konxji minnha jew li kellhom ikunu konxji minnha. Skont l-Artikolu 23(2), “xi komunikazzjoni b’mezzi elettroniċi li tipprovdi meżż dewwiemi tal-ftehim” għandha titqies li hija “ekwivalenti għal ‘kitba’” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, El Majdoub, C‑322/14, EU:C:2015:334, punt 24).

36      Min-naħa l-oħra, r-realtà tal-kunsens tal-partijiet ikkonċernati hija waħda mill-għanijiet tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Brussell I (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, El Majdoub, C‑322/14, EU:C:2015:334, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan huwa ġġustifikat mill-ħtieġa li tiġi protetta l-parti kontraenti l-iktar dgħajfa billi jiġi evitat li klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni, imdaħħla f’kuntratt minn parti waħda biss, ma jiġux innotati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Marzu 1999, Castelletti, C‑159/97, EU:C:1999:142, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Il-qorti adita għandha l-obbligu li teżamina, in limine litis, jekk il-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni effettivament kinitx is-suġġett ta’ kunsens bejn il-partijiet, li għandu jimmanifesta ruħu b’mod ċar u preċiż, peress li r-rekwiżiti meħtieġa mill-Artikolu 23(1) tar-Regolament Brussell I għandhom, f’dan ir-rigward, il-funzjoni li jiżguraw li l-kunsens ikun effettivament stabbilit (sentenzi tas-6 ta’ Mejju 1980, Porta-Leasing, 784/79, EU:C:1980:123, punt 5 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-21 ta’ Mejju 2015, El Majdoub, C‑322/14, EU:C:2015:334, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Għaldaqstant, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 33 u 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-eżistenza ta’ “ftehim” bejn il-partijiet fis-sens tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Brussell I tista’ tiġi dedotta mill-fatt li r-rekwiżiti proċedurali meħtieġa mill-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-regolament ġew osservati.

39      F’dak li jirrigwarda sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni tiġi stipulata f’kundizzjonijiet ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali klawżola kienet leġittima fil-każ fejn, fit-test innifsu tal-kuntratt iffirmat miż-żewġ partijiet, issir referenza espressa għal kundizzjonijiet ġenerali li jinkludu l-imsemmija klawżola (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Marzu 1999, Castelletti, C‑159/97, EU:C:1999:142, punt 13, u tal-20 ta’ April 2016, Profit Investment SIM, C‑366/13, EU:C:2016:282, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Madankollu, dan japplika biss għall-każ ta’ referenza espliċita, li tista’ tiġi vverifikata minn parti li teżerċita diliġenza normali u jekk jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet ġenerali li jinkludu l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni ġew effettivament ikkomunikati lill-parti kontraenti l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1976, Estasis Saloti di Colzani, 24/76, EU:C:1976:177, punt 12).

41      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni ġiet stipulata fil-kundizzjonijiet ġenerali ta’ provvista ta’ Technos, li huma stess jissemmew fl-istrumenti li fihom ġew stipulati l-kuntratti bejn dawn il-partijiet u ġew trażmessi meta dawn ġew konklużi.

42      Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tissodisfa r-rekwiżiti proċedurali stabbiliti mill-Artikolu 23(1) tar-Regolament Brussell I.

43      F’dak li jirrigwarda l-preċiżjoni tal-kontenut ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-qorti jew tal-qrati ta’ Stat Membru sabiex jieħdu konjizzjoni tal-kwistjonijiet li jkunu qamu jew li jistgħu jqumu bejn il-partijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li t-termini ta’ din id-dispożizzjoni ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jeżiġu li tali klawżola tiġi fformulata b’mod li jkun possibbli li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni tiġi identifikata biss permezz tal-kliem tagħha. Fil-fatt, huwa suffiċjenti li l-klawżola tidentifika l-elementi oġġettivi li jkunu qablu fuqhom il-partijiet sabiex jagħżlu l-qorti jew il-qrati li lilhom huma jkollhom l-intenzjoni li jissottomettu l-kwistjonijiet tagħhom li jkunu qamu jew li jistgħu jqumu. Dawn l-elementi, li għandhom ikunu suffiċjentement preċiżi sabiex jippermettu lill-qorti adita li tistabbilixxi jekk għandhiex ġurisdizzjoni, jistgħu jiġu ddeterminati, jekk ikun il-każ, miċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2000, Coreck, C‑387/98, EU:C:2000:606, punt 15).

44      Tali interpretazzjoni, ispirata mill-prassi kurrenti fil-kummerċ, hija ġġustifikata mill-fatt li l-Artikolu 23 tar-Regolament Brussell I, kif jikkonfermaw il‑premessi 11 u 14, huwa bbażat fuq ir-rikonoxximent tal-awtonomija tar-rieda tal-partijiet fir-rigward tal-attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni lill-qrati mitluba jieħdu konjizzjoni ta’ tilwimiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 1978, Meeth, 23/78, EU:C:1978:198, punt 5, u tal-21 ta’ Mejju 2015, El Majdoub, C‑322/14, EU:C:2015:334, punt 26).

45      F’dan il-każ, skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, bis-saħħa tal-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kwalunkwe tilwima li tqum bejn il-partijiet “għandha b’mod esklużiv u definittiv tiġi riżolta mill-qrati ta’ Pariġi”.

46      Għalhekk, għalkemm din il-klawżola ma tindikax espliċitament l-Istat Membru li l-partijiet qablu li l-qrati tagħhom għandhom ġurisdizzjoni, il-qrati msemmija huma dawk tal-belt kapitali ta’ Stat Membru, li, f’dan il-każ, huwa wkoll dak li l-liġi tiegħu ntgħażlet mill-partijiet bħala l-liġi applikabbli għall-kuntratt, b’mod li ma hemm ebda dubju li l-imsemmija klawżola, li tinsab f’kuntratt bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija intiża li tagħti ġurisdizzjoni esklużiva lill-qrati li jaqgħu taħt is-sistema ġudizzjarja partikolari ta’ dan l-Istat Membru.

47      Għaldaqstant, miċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, kif ikkonstatati mill-qorti tar-rinviju, jirriżulta li klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tissodisfa r-rekwiżiti ta’ preċiżjoni, imfakkra fil-punt 43 ta’ din is-sentenza.

48      Barra minn hekk, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi rrilevat li klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li ssemmi l-“qrati” ta’ belt ta’ Stat Membru tirreferi impliċitament iżda neċessarjament, għall-finijiet tad-determinazzjoni eżatta tal-qorti li quddiemha għandha titressaq azzjoni, għas-sistema ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni fis-seħħ fl-imsemmi Stat Membru.

49      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Brussell I għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, minn naħa, hija stipulata fil-kundizzjonijiet ġenerali ta’ provvista tal-imprenditur, imsemmija fl-istrumenti li fihom ġew stipulati l-kuntratti bejn dawn il-partijiet u trażmessi meta dawn ġew konklużi, u li, min-naħa l-oħra, tagħżel bħala qrati li għandhom ġurisdizzjoni dawk ta’ belt ta’ Stat Membru, tissodisfa r-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni dwar il-kunsens tal-partijiet u l-preċiżjoni tal-kontenut tal-imsemmija klawżola.

 Fuq l-ewwel domanda

50      Skont l-Artikolu 1(2)(e) tiegħu, ir-Regolament Ruma I ma huwiex applikabbli għall-klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni.

51      Barra minn hekk, kif jirriżulta mir-risposta għat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Għalhekk, dik il-qorti ma hijiex ser ikollha tiddeċiedi fuq il-validità, li Hőszig tikkontesta wkoll billi tinvoka l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Ruma I, tal-klawżola li skontha l-liġi Franċiża tapplika għall-kuntratti inkwistjoni.

52      Konsegwentement, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda.

 Fuq l-ispejjeż

53      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 23(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, minn naħa, hija stipulata fil-kundizzjonijiet ġenerali ta’ provvista tal-imprenditur, imsemmija fl-istrumenti li fihom ġew stipulati l-kuntratti bejn dawn il-partijiet u trażmessi meta dawn ġew konklużi, u li, min-naħa l-oħra, tagħżel bħala qrati li għandhom ġurisdizzjoni dawk ta’ belt ta’ Stat Membru, tissodisfa r-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni dwar il-kunsens tal-partijiet u l-preċiżjoni tal-kontenut tal-imsemmija klawżola.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.