Language of document : ECLI:EU:C:2020:792

Kawża C66/18

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

L-Ungerija

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas6 ta’ Ottubru 2020

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ammissibbiltà – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi – Artikolu XVI – Aċċess għas-swieq – Skeda ta’ impenji speċifiċi – Kundizzjoni relatata mal-eżistenza ta’ awtorizzazzjoni – Artikolu XX(2) – Artikolu XVII – Trattament nazzjonali – Fornitur ta’ servizzi li għandu s-sede tiegħu fi Stat terz – Leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru li timponi kundizzjonijiet għall-provvista ta’ servizzi ta’ edukazzjoni ogħla fit-territorju tiegħu – Rekwiżit relatat mal-konklużjoni ta’ konvenzjoni internazzjonali mal-Istat tas-sede tal-fornitur – Rekwiżit relatat mal-għoti ta’ taħriġ fl-Istat tas-sede tal-fornitur – Bidla tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni favur fornituri nazzjonali – Ġustifikazzjoni – Ordni pubbliku – Prevenzjoni ta’ prattiki qarrieqa – Artikolu 49 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Direttiva 2006/123/KE – 80793 / Servizzi fis-suq intern – Artikolu 16 – Artikolu 56 TFUE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Eżistenza ta’ restrizzjoni – Ġustifikazzjoni – Raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali – Ordni pubbliku – Prevenzjoni ta’ prattiki qarrieqa – Livell għoli ta’ kwalità tat-tagħlim – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 13 – Libertà akkademika – Artikolu 14(3) – Libertà li jinħolqu stabbilimenti ta’ tagħlim – Artikolu 16 – Libertà ta’ intrapriża – Artikolu 52(1)”

1.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Proċedura prekontenzjuża – Suġġett – Termini imposti fuq l-Istat Membru – Rekwiżit ta’ termini raġonevoli – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Effett tat-termini qosra fuq l-ammissibbiltà tar-rikors – Kundizzjonijiet – Prova ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-Istat Membru

(Artikolu 258 TFUE)

(ara l-punti 45 sa 47, 52)

2.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Rikors intiż sabiex jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ osservanza ta’ ftehim internazzjonali – Ftehimiet tal-Unjoni – Impenji speċifiċi meħuda fil-kuntest tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) anness mal-Ftehim li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ – Kompetenza esklużiva tal-Unjoni – Inklużjoni

(Artikoli 3(1)(e), 216(2) u 258 TFUE)

(ara l-punti 68 sa 71, 73, 74)

3.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Rikors intiż sabiex jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ osservanza minn Stat Membru ta’ impenji speċifiċi meħuda fil-kuntest tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) anness mal-Ftehim li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) – Inklużjoni – Ġustifikazzjonijiet – Responsabbiltà internazzjonali mġarrba mill-Unjoni fil-każ ta’ ksur minn Stat Membru tal-obbligi internazzjonali tiegħu – Effett tal-eżistenza tas-sistema ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim tal-WTO – Assenza – Obbligu għall-Unjoni li tosserva r-regoli u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali ġenerali u konswetudinarju – Effetti rispettivi tal-konstatazzjoni ta’ fatt internazzjonalment illegali u tal-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

(Artikolu 258 TFUE – Ftehim dwar Regoli u Proċeduri li Jirregolaw Konkluzjonijiet ta’ Tilwim, anness mal-Ftehim li Jistabbilixxi l-WTO).

(ara l-punti 81, 84 sa 91)

4.        Politika kummerċjali komuni – Ftehimiet internazzjonali – Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) anness mal-Ftehim li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ – Regola tat-trattament nazzjonali – Limitazzjonijiet – Portata – Impenn speċifiku fil-qasam ta’ servizzi ta’ edukazzjoni ogħla ffinanzjati privatament – Limitazzjoni li tikkonċerna l-aċċess għas-suq li jkopri sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel – Estensjoni għar-regola tat-trattament nazzjonali – Kundizzjoni – Miżura li tmur kontra l-obbligi ta’ aċċess għas-suq u ta’ trattament nazzjonali

(Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS), Artikoli XVI, XVII u XX)

(ara l-punti 107, 108, 112, 113)

5.        Politika kummerċjali komuni – Ftehimiet internazzjonali – Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) anness mal-Ftehim li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ – Regola tat-trattament nazzjonali – Impenn speċifiku fil-qasam ta’ servizzi ta’ edukazzjoni ogħla ffinanzjati privatament – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-provvista ta’ tali servizzi għall-eżistenza ta’ konvenzjoni internazzjonali preċedenti – Bidla tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni favur fornituri nazzjonali simili – Inammissibbiltà – Ġustifikazzjonijiet – Żamma tal-ordni pubbliku – Esklużjoni fl-assenza ta’ prova ta’ theddida ġenwina u suffiċjentement serja – Prevenzjoni ta’ prattiki qarrieqa – Miżura arbitrarja u sproporzjonata – Esklużjoni

(Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS), Artikolu XIV(a) u (ċ)(i) u Artikolu XVII)

(ara l-punti 118, 120, 121, 128, 130, 135 sa 137)

6.        Politika kummerċjali komuni – Ftehimiet internazzjonali – Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) anness mal-Ftehim li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ – Regola tat-trattament nazzjonali – Impenn speċifiku fil-qasam ta’ servizzi ta’ edukazzjoni ogħla ffinanzjati privatament – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-provvista ta’ tali servizzi għall-għoti ta’ taħriġ fl-Istat ta’ oriġini – Bidla tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni favur fornituri nazzjonali similiInammissibbiltà – Ġustifikazzjonijiet – Żamma tal-ordni pubbliku – Esklużjoni fl-assenza ta’ theddida ġenwina u suffiċjentement serja – Prevenzjoni ta’ prattiki qarrieqa – Esklużjoni

(Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS), Artikolu XIV(a) u (ċ)(i) u Artikolu XVII)

(ara l-punti 147 sa 149, 154, 155)

7.        Libertà ta’ stabbiliment – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Kamp ta’ applikazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali intiża sabiex tapplika għall-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla kollha – Inklużjoni

(Artikolu 49 TFUE)

(ara l-punti 159 sa 163)

8.        Libertà ta’ stabbiliment – Restrizzjonijiet – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-provvista ta’ servizzi ta’ edukazzjoni ogħla minn stabbilimenti barranin għall-għoti ta’ taħriġ fl-Istat ta’ oriġini – Inammissibbiltà – Ġustifikazzjonijiet – Zamma tal-ordni pubbliku – Esklużjoni fl-assenza ta’ prova ta’ theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed – Prevenzjoni ta’ prattiki qarrieqa – Esklużjoni fl-assenza ta’ provi speċifiċi u ddettaljati – Neċessità li jiġi żgurat livell għoli ta’ kwalità tal-edukazzjoni ogħla – Esklużjoni quddiem miżura mhux xierqa sabiex dan l-għan jintlaħaq

(Artikolu 49 TFUE)

(ara l-punti 167 sa 170, 178, 179, 181, 182, 185, 187. 188)

9.        Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Servizzi fis-suq intern – Direttiva 2006/123 – Kamp ta’ applikazzjoni – Provvista ta’ servizzi ta’ edukazzjoni ogħla bi ħlas – Inklużjoni

(Artikolu 57 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/123, Artikoli 2 u 4(1))

(ara l-punti 193 sa 195)

10.      Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Servizzi fis-suq intern – Direttiva 2006/123 – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-provvista ta’ servizzi ta’ edukazzjoni ogħla minn stabbilimenti barranin għall-għoti ta’ taħriġ fl-Istat ta’ oriġini – Inammissibbiltà – Ġustifikazzjonijiet – Raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika – Esklużjoni fl-assenza ta’ prova ta’ theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/123, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(1) u u Artikolu 16(3))

(ara l-punti 198 sa 200, 203 sa 206)

11.      Drittijiet fundamentali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Kamp ta’ applikazzjoni – Implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun parteċipanti fl-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ natura li tostakola libertà fundamentali waħda jew iktar iggarantiti mit-Trattat FUE – Stat Membru li jinvoka raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni bħala ġustifikazzjoni – Inklużjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 51(1))

(ara l-punti 212 sa 215)

12.      Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Kompatibbiltà ta’ miżuri nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni – Ilment ibbażat fuq ksur ta’ drittijiet iggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni – Libertà akkademika, libertà li jinħolqu stabbilimenti ta’ tagħlim u libertà ta’ intrapriża – Eżami awtonomu – Kundizzjonijiet – Applikabbiltà tal-Karta

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 13, 14(3), 16 u 51(1))

(ara l-punti 212 sa 215)

13.      Drittijiet fundamentali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Liberta akkademika – Portata – Assenza ta’ rikonoxximent bħala tali fil-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet tal-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, għax-Xjenza u għall-Kultura (UNESCO) – Awtonomija tal-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla – Inklużjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 13 u 52(3))

(ara l-punti 222 sa 227)

14.      Drittijiet fundamentali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Libertà akkademika – Libertà li jinħolqu stabbilimenti ta’ tagħlim u libertà ta’ intrapriża – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-provvista ta’ servizzi ta’ edukazzjoni ogħla għall-għoti ta’ taħriġ fl-Istat ta’ oriġini u għall-eżistenza ta’ konvenzjoni internazzjonali preċedenti – Inammissibbiltà

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 13, 14(3) u 16)

(ara l-punti 228, 233, 234, 239 sa 242)

Sunt

Il-kundizzjonijiet introdotti mill-Ungerija sabiex tippermetti lill-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla barranin li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fit-territorju tagħha huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni

Fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Edukazzjoni ogħla) (C‑66/18), mogħtija fis‑6 ta’ Ottubru 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja, li ltaqgħet f’Awla Manja, laqgħet ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea kontra dan l-Istat Membru. Il‑Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, minn naħa, li, billi ssuġġettat l-eżerċizzju, fl-Ungerija, ta’ attività ta’ taħriġ li twassal għal diploma mill-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla li jinsabu barra miż-Żona Ekonomika Ewropea (ZEE) għall-eżistenza ta’ konvenzjoni internazzjonali li torbot l-Ungerija mal-Istat terz li fih l-istabbiliment ikkonċernat għandu s-sede tiegħu, l-Ungerija naqset milli twettaq l-impenji meħuda, fil-qasam ta’ trattament nazzjonali, skont il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS), konkluż fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) (1). Minbarra dan, dan ir-rekwiżit imur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, (iktar ’il quddiem il-“Karta”) dwar il-libertà akkademika, il-libertà li jinħolqu stabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla u l-libertà ta’ intrapriża (2).

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, billi ssuġġettat l-eżerċizzju, fl-Ungerija, tal-attività tal-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla barranin, inklużi stabbilimenti li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor taż-ŻEE, għall-kundizzjoni li huma jipprovdu taħriġ ta’ edukazzjoni ogħla fl-Istat tas-sede tagħhom, l-Ungerija naqset milli twettaq l-impenji tagħha fil-qasam ta’ trattament nazzjonali, skont il-GATS, kif ukoll l-obbligi tagħha taħt il-libertà ta’ stabbiliment (3), taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (4) kif ukoll taħt id-dispożizzjonijiet tal-Karta msemmija iktar ’il fuq.

Fl‑4 ta’ April 2017, l-Ungerija adottat, b’urġenza, liġi li temenda l-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla (5), ippreżentata bħala intiża sabiex tiggarantixxi l-kwalità tal-attivitajiet ta’ edukazzjoni ogħla, li l-għan prinċipali tagħha kien li ssir riformulazzjoni tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni applikabbli għall-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla barranin. Irrispettivament minn jekk ibbenefikawx jew le minn akkreditament preċedenti, dawn l-istabbilimenti llum huma suġġetti għal rekwiżiti ġodda, fosthom dawk eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-Kummissjoni ppreżentat rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra l-Ungerija, billi sostniet li l-Liġi tal-2017 dwar l-Edukazzjoni Ogħla kienet inkompatibbli kemm mal-impenji meħuda mill-Ungerija fil-kuntest tal-GATS kif ukoll mal-libertà ta’ stabbiliment, mal-moviment liberu tas-servizzi u mad-dispożizzjonijiet tal-Karta dwar il-libertà akkademika, mal-libertà li jinħolqu stabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla u mal-libertà ta’ intrapriża.

Qabelxejn, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet il-motivi ta’ inammissibbiltà invokati mill-Ungerija. Fil-fatt, minn naħa, fir-rigward tat-termini qosra applikati mill-Kummissjoni matul il-proċedura prekontenzjuża, il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li kkonfermat il-ġurisprudenza tagħha fil-qasam (6), ipproċediet għall-eżami tal-iżvolġiment konkret ta’ din il-proċedura u kkonkludiet li l-Ungerija ma kinitx stabbilixxiet il-ksur allegat tad-drittijiet tad-difiża. Barra minn hekk, hija osservat li t-termini kkontestati kienu ġew iffissati fid-dawl tad-dħul fis-seħħ fi żmien qasir tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, inizjalment stabbilit għall‑1 ta’ Jannar 2018. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Gvern Ungeriż ma setax utilment jibbaża ruħu fuq l-illeġittimità tal-intenzjonijiet politiċi li huwa jattribwixxi lill-Kummissjoni, jiġifieri l-protezzjoni tal-interessi partikolari tas-Central European University, peress li l-possibbiltà li tinbeda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tirriżulta biss mis-setgħa diskrezzjonali li hija għandha f’dan ir-rigward u li ma taqax, bħala tali, taħt l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement iddikjarat li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-ilmenti bbażati fuq ksur tad-dritt tal-WTO. F’dan ir-rigward, wara li fakkret li kull ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni jagħmel parti integrali mid-dritt tal-Unjoni, hija kkonstatat li dan kien il-każ tal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO, li minnu jagħmel parti l-GATS. Sussegwentement, fir-rigward tal-artikolazzjoni bejn il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni u l-kompetenza estiża tal-Istati Membri fil-qasam tal-edukazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-impenji meħuda fil-kuntest tal-GATS, inklużi l-impenji dwar il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ tas-servizzi ta’ tagħlim privat, jaqgħu taħt il-politika kummerċjali komuni. Barra minn hekk, billi wieġbet għall-argument tal-Gvern Ungeriż ibbażat fuq l-esklużività tal-kompetenza ta’ interpretazzjoni mogħtija, b’mod partikolari, lill-korpi li jikkostitwixxu s-sistema ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim tal-WTO, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li mhux biss l-eżistenza tas-sistema ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fi ħdan il-WTO ma tipprekludix li, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta l-kompetenza tagħha sabiex tieħu konjizzjoni tal-ilmenti bbażati fuq ksur tad-dritt tal-WTO, f’dan il-każ il-GATS, iżda li l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza kien kompletament koerenti mal-obbligu ta’ kull membru tal-WTO, fosthom l-Unjoni, li jiżgura l-osservanzaa tal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt ta’ din l-organizzazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-Unjoni tista’ tinżamm responsabbli internazzjonalment minħabba n-nuqqas ta’ osservanza possibbli minn Stat Membru tal-obbligi tiegħu taħt il-GATS.

F’din l-istess perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat l-implikazzjonijiet konkreti, fuq l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tagħha stess, tad-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali li jorbtuha, kif ukoll tar-regoli u tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali ġenerali ta’ natura konswetudinarja, li hija tfakkar qabelxejn in-natura vinkolanti tiegħu għall-Unjoni. Għalhekk, fir-rigward tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali ġenerali kkodifikati fil-qasam ta’ responsabbiltà tal-Istat għal fatt internazzjonalment illegali, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-evalwazzjoni tal-aġir ta’ Stat Membru li hija imposta fuqu fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, anki jekk fir-rigward tad-dritt tal-WTO, ma torbotx lill-membri l-oħra tal-WTO, u lanqas ma tista’ taffettwa l-evalwazzjoni sussegwenti li jista’ jintalab iwettaq il-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim (iktar ’il quddiem il-“KRT”) tal-WTO. Għalhekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, la l-Unjoni u lanqas l-Istat Membru kkonċernat ma jistgħu jinvokaw sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja wara proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu sabiex jevitaw l-obbligu impost fuqhom li jikkonformaw ruħhom mal-konsegwenzi legali marbuta mad-dritt tal-WTO għad-deċiżjonijiet tal-KRT.

Peress li b’hekk ammettiet il-ġurisdizzjoni tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja bdiet l-eżami tal-ilmenti tal-Kummissjoni. L-ewwel nett, f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni, fir-rigward tal-Artikolu XVII tal-GATS dwar it-trattament nazzjonali, tar-rekwiżit tal-eżistenza ta’ konvenzjoni internazzjonali preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja qabelxejn ikkonstatat li, fil-qasam tas-servizzi ta’ edukazzjoni ogħla, l-Ungerija impenjat ruħha kompletament li tagħti t-trattament nazzjonali previst f’dan l-artikolu, u dan minkejja riżerva fformulata fir-rigward tal-impenn meħud fil-qasam ta’ aċċess għas-suq (Artikolu XVI), fis-sens li l-ħolqien ta’ stabbilimenti ta’ tagħlim fl-Ungerija jibqa’ suġġett għal awtorizzazzjoni preċedenti. Fil-fatt, skont id-dritt tal-WTO, tali riżerva ta’ awtorizzazzjoni preċedenti intiża sabiex tillimita l-impenn konkluż fil-qasam ta’ aċċess għas-suq tista’ tapplika fil-qasam ta’ trattament nazzjonali biss sa fejn hija intiża għal miżura kuntrarja kemm għall-obbligu fil-qasam tal-aċċess għas-suq kif ukoll għal dak relatat mat-trattament nazzjonali. Issa, f’dan il-każ, in-natura ġenerali tar-riżerva ta’ awtorizzazzjoni preċedenti li permezz tagħha l-Ungerija kellha l-intenzjoni tillimita l-impenn tagħha dwar l-aċċess għas-suq bl-ebda mod ma hija diskriminatorja, b’tali mod li l-Ungerija ma tistax tipprevalixxi ruħha minnha f’dak li jikkonċerna l-obbligu ta’ trattament nazzjonali.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-konklużjoni ta’ konvenzjoni internazzjonali, kif meħtieġa mil-Liġi tal-2017 dwar l-Edukazzjoni Ogħla, timponi fuq il-fornituri barranin ikkonċernati kundizzjoni addizzjonali sabiex ikunu jistgħu jipprovdu servizzi ta’ edukazzjoni ogħla fl-Ungerija, kundizzjoni li l-osservanza tagħha taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet Ungeriżi, li huwa biżżejjed sabiex tiġi kkaratterizzata modifika tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni għad-detriment tal-istabbilimenti kkonċernati u favur stabbilimenti Ungeriżi. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Ungeriż dwar l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mir-rekwiżit inkwistjoni ma kinux suffiċjenti sabiex jiġġustifikawh, fir-rigward tal-Artikolu XIV tal-GATS. Fil-fatt, fir-rigward tal-invokazzjoni mill-Ungerija tal-protezzjoni tal-ordni pubbliku, dan l-Istat Membru ma stabbilixxiex, b’mod konkret u ddettaljat, l-eżistenza ta’ theddida ġenwina u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà Ungeriża. Barra minn hekk, sa fejn ir-rekwiżit inkwistjoni huwa intiż sabiex jipprevjeni prattiki qarrieqa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan kien jikkostitwixxi mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja minħabba n-natura determinanti tar-rieda politika tal-awtoritajiet Ungeriżi sabiex dan jiġi ssodisfatt. Għaldaqstant, lanqas din il-ġustifikazzjoni tal-Ungerija ma ġiet aċċettata.

Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżit inkwistjoni kien sproporzjonat, filwaqt li osservat li dan kien japplika mingħajr distinzjoni, inkluż għal stabbilimenti diġà preżenti fis-suq Ungeriż.

It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat ir-rekwiżit ta’ attività ta’ taħriġ fl-Istat ta’ oriġini. F’dak li jirrigwarda, qabelxejn, l-impenn sottoskritt mill-Ungerija skont l-Artikolu XVII tal-GATS, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li enfasizzat l-iżvantaġġ kompetittiv li jirriżulta mir-rekwiżit inkwistjoni għall-istabbilimenti kkonċernati, irrilevat, bħal qabel, l-insuffiċjenza tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Ungeriż fir-rigward tal-għanijiet li jistgħu jiġġustifikaw in-neċessità tagħhom. Għal raġunijiet analogi għal dawk adottati fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel ilment, hija għalhekk ikkonkludiet li dan ir-rekwiżit, sa fejn japplika għal stabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla stabbiliti fi Stat terz li huwa membru tal-WTO, jikser din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, sa fejn l-imsemmi rekwiżit japplika għal stabbilimenti ta’ tagħlim li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat l-eżistenza ta’ restrizzjoni inġustifikata kemm għal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mill-Artikolu 49 TFUE kif ukoll għall-moviment liberu tas-servizzi msemmi fl-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar is-servizzi. Fl-aħħar nett, sa fejn ir-rekwiżit inkwistjoni huwa ppreżentat bħala intiż sabiex jiżgura livell għoli ta’ kwalità tal-edukazzjoni ogħla, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-attività rikjesta, li l-kwalità tagħha għad trid tiġi stabbilita, bl-ebda mod ma tippreġudika dik tat-tagħlim ipprovdut fl-Ungerija, b’mod li tali għan ma huwiex biżżejjed sabiex jiġġustifika r-rekwiżit inkwistjoni.

It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk ir-rekwiżiti inkwistjoni, introdotti permezz tal-Liġi tal-2017 dwar l-Edukazzjoni Ogħla, kinux konformi mal-Artikoli 13, 14(3) u 16 tal-Karta. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, qabelxejn, li l-Ungerija kienet marbuta mal-Karta, f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet kontenzjużi, sa fejn l-eżekuzzjoni ta’ obbligi li hija għandha abbażi ta’ ftehim internazzjonali li jagħmel parti integrali mid-dritt tal-Unjoni, bħall-GATS, minn naħa, u r-restrizzjonijiet magħmula minn dawn l-istess dispożizzjonijiet għal-libertajiet fundamentali, li hija sostniet inutilment in-natura ġġustifikata tagħhom, min-naħa l-oħra, jaqgħu taħt l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

Filwaqt li eżaminat suċċessivament il-portata tal-garanziji mogħtija mid-dispożizzjonijiet imsemmija tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, fir-rigward tal-eżerċizzju tal-attività tal-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla, li l-libertà akkademika ma kellhiex biss dimensjoni individwali, sa fejn hija assoċjata mal-libertà ta’ espressjoni u, b’mod iktar speċifiku fil-qasam tar-riċerka, mal-libertajiet ta’ komunikazzjoni, ta’ riċerka u ta’ tixrid tar-riżultati hekk miksuba, iżda wkoll dimensjoni istituzzjonali u organizzattiva li hija espressa fl-awtonomija ta’ dawn l-istabbilimenti. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-miżuri kontenzjużi setgħu jipperikolaw l-attività akkademika tal-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla barranin ikkonċernati fit-territorju Ungeriż u, għaldaqstant, iċaħħdu lill-universitajiet ikkonċernati mill-infrastruttura awtonoma, neċessarja għat-twettiq tar-riċerki xjentifiċi tagħhom u għall-eżerċizzju tal-attivitajiet pedagoġiċi tagħhom, minkejja li l-imsemmija miżuri kienu ta’ natura li jillimitaw il-libertà akkademika protetta fl-Artikolu 13 tal-Karta. Barra minn hekk, il-ħolqien ta’ dawn l-istabbilimenti jaqa’ taħt l-Artikoli 14(3) u 16 tal-Karta u, għal raġunijiet analogi għal dawk li għadhom kif ġew invokati, il-miżuri kontenzjużi jikkostitwixxu ndħil fid-drittijiet stabbiliti minn dawn id-dispożizzjonijiet. Peress li dawn id-diversi ndħil ma kinux iġġustifikati fir-rigward tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Ungerija kienet naqset milli twettaq id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tagħha.


1      Artikolu XVII tal-GATS.


2      Artikoli 13, 14(3) u 16 tal-Karta.


3      Artikolu 49 TFUE.


4      Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar is-servizzzi”).


5      Nemzeti felsőoktatásról szóló 2011. évi CCIV. törvény módosításáról szóló 2017. évi XXV. törvény (il-Liġi Nru XXV tal-2017, li temenda l-Liġi Nru CCIV tal-2011 dwar l-Edukazzjoni Ogħla Nazzjonali) (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2017 dwar l-Edukazzjoni Ogħla”)


6      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva) (C‑78/18, EU:C:2020:476, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata) (ara wkoll stqarrija għall-istampa Nru 73/20).