Language of document : ECLI:EU:C:2019:750

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

18 ta’ Settembru 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni diretta – Direttiva 90/434/KEE – Direttiva 2009/133/KE – Artikolu 8 – Qligħ kapitali relatat ma’ tranżazzjonijiet ta’ skambju ta’ titoli – Trasferiment ta’ titoli rċevuti waqt l-iskambju – Qligħ kapitali ddifferit għall-finijiet ta’ tassazzjoni – Intaxxar ta’ azzjonarji – Intaxxar skont ir-regoli ta’ bażi taxxabbli u ta’ rati differenti – Tnaqqis fuq il-bażi taxxabbli b’kunsiderazzjoni għall-perijodu ta’ detenzjoni tat-titoli”

Fil-Kawżi magħquda C‑662/18 u C‑672/18,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), bid-deċiżjonijiet tat-12 ta’ Ottubru 2018, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 u fid-29 ta’ Ottubru 2018 rispettivament, fil-proċeduri

AQ (C‑662/18),

DN (C‑672/18)

vs

Ministre de l’Action et des Comptes publics,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, J. Malenovský u C. G. Fernlund (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal AQ u DN, minn M. Bornhauser u N. Canetti, avukati,

–        għall-Gvern Franċiż, minn A. Alidière u E. de Moustier kif ukoll minn D. Colas, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u N. Gossement, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/133/KE tad-19 ta’ Ottubru 2009 dwar is-sistema komuni ta’ tassazzjoni applikabbli għal mergers, diviżjonijiet, diviżjonijiet parzjali, trasferimenti ta’ assi u skambji ta’ ishma li jikkonċernaw kumpanniji ta’ Stati Membri differenti u għat-trasferiment tal-uffiċċju reġistrat ta’ SE jew SCE bejn Stati Membri (ĠU 2009, L 310, p. 34), u tal-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/434/KEE tat-23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika għall-inkorporazzjonijiet, id-diviżjonijiet, it-trasferimenti ta’ l-attivi u l-iskambji ta’ l-ishma li jirrigwardaw il-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 142).

2        Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ kawżi bejn, minn naħa, AQ (C‑662/18) u DN (C‑672/18) u, min-naħa l-oħra, l-awtorità fiskali dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar, matul it-tassazzjoni tal-qligħ kapitali ddifferit għall-finijiet ta’ tassazzjoni skont l-Artikolu 8 ta’ kull waħda minn dawn id-direttivi u ta’ dak imwettaq fir-rigward tat-trasferiment ta’ titoli rċevuti waqt tranżazzjoni ta’ skambju ta’ titoli, li tapplika fil-konfront tagħhom tnaqqis globali b’effett mid-data tal-akkwist tat-titoli skambjati.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Kif imsemmi fil-premessa 1 tad-Direttiva 2009/133, din id-direttiva kkodifikat id-Direttiva 90/434, peress li din tal-aħħar kienet ġiet emendata diversi drabi u b’mod sostanzjali.

4        Il-premessi 2 sa 5 u 10 tad-Direttiva 2009/133 jikkorrispondu essenzjalment għall-premessi 1 sa 4 u 8 rispettivament tad-Direttiva 90/434. Barra minn hekk, l-Artikolu 8(1), (4), (6) u (7) tal-ewwel waħda minn dawn id-direttivi jikkorrispondi, essenzjalment, għall-Artikolu 8(1) u (2) tat-tieni waħda minnhom.

5        Skont il-premessi 2, 5 u 10 tad-Direttiva 2009/133:

“(2)      Il-mergers, id-diviżjonijiet, id-diviżjonijiet parzjali, it-trasferimenti tal-assi u l-iskambji ta’ ishma li jirrigwardaw kumpanniji fi Stati Membri differenti jistgħu jkunu meħtieġa sabiex joħolqu ġewwa l-Komunità kondizzjonijiet analogi għal dawk ta’ suq intern u sabiex b’hekk jiżguraw il-funzjonament b’mod effettiv ta’ suq intern bħal dan. Dawn il-ħidmiet ma għandhomx jiġu mfixkla b’restrizzjonijiet, żvantaġġi jew tagħwiġ li jinħolqu b’mod partikolari mid-dispożizzjonijiet tat-taxxi fl-Istati Membri. Għal dan l-iskop huwa meħtieġ, rigward dawn il-ħidmiet, li jiġu pprovduti regoli tat-taxxa li jkunu newtrali mill-lat tal-kompetizzjoni, sabiex iħallu lill-intrapriżi jadattaw lilhom infushom skont il-ħtiġiet tas-suq intern, biex iżidu l-produttività tagħhom u jtejbu s-saħħa kompetittività tagħhom fil-livell internazzjonali.

(3)      Id-dispożizzjonijiet tat-taxxa jiżvantaġġaw dawn il-ħidmiet, meta mqabbla ma’ dawk li jirrigwardaw il-kumpanniji fl-istess Stat Membru. Huwa meħtieġ li jitneħħew dawn l-iżvantaġġi.

(4)      Mhux possibbli li jinkiseb dan il-għan b’estensjoni fil-livell Komunitarju tas-sistemi fis-seħħ fl-Istati Membri, ġaladarba d-differenzi bejn dawn is-sistemi x’aktarx li jwasslu għal tagħwiġ. Sistema komuni tat-taxxa biss hija kapaċi tipprovdi soluzzjoni sodisfaċenti f’dan ir-rigward.

(5)      Is-sistema komuni tat-taxxi għandha tevita l-impożizzjoni tat-taxxi rigward il-mergers, id-diviżjonijiet, id-diviżjonijiet parzjali, it-trasferimenti tal-assi jew l-iskambji tal-ishma, filwaqt li fl-istess ħin tissalvagwardja l-interessi finanzjarji tal-Istat Membru tal-kumpannija li tittrasferixxi jew li tiġi akkwistata.

[…]

(10)      L-allokazzjoni lill-azzjonisti fil-kumpannija li tittrasferixxi tat-titoli tal-kumpannija li tirċievi jew ta’ dik li takkwista l-ishma ma għandha fiha nfisha toħloq l-ebda tassazzjoni f’idejn dawn l-azzjonisti.”

6        Skont l-Artikolu 2(e) tal-imsemmija direttiva, “‘skambju ta’ ishma’ tfisser ħidma li biha kumpannija takkwista sehem fil-kapital ta’ kumpannija oħra tali li tikseb maġġoranza tad-drittijiet ta’ vot f’dik il-kumpannija”.

7        L-Artikolu 8 tal-istess direttiva jipprovdi:

“1.      Waqt merger, diviżjoni jew skambju ta’ ishma, it-tqassim ta’ titoli li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija li tirċievi jew takkwista lil azzjonist tal-kumpannija li qed tittrasferixxi, bi skambju ma’ titoli li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija tal-aħħar m’għandux, minnu nnifsu, jirriżulta fi kwalunkwe tassazzjoni fuq id-dħul, il-profitti jew il-qligħ kapitali ta’ dak l-azzjonist.

[…]

4.      Il-paragrafi 1 u 3 għandhom japplikaw biss jekk l-azzjonist ma jagħtix lit-titoli riċevuti valur għal finijiet ta’ taxxa ogħla mill-valur li t-titoli skambjati kellhom immedjatament qabel il-merger, diviżjoni jew skambju ta’ ishma.

[…]

6.      L-applikazzjoni tal-paragrafi 1 […] 2 u 3 m’għandhiex tipprevjeni lill-Istati Membri milli jintaxxaw il-qligħ li jirriżulta mit-trasferiment sussegwenti ta’ titoli riċevuti, bl-istess mod bħall-qligħ li jirriżulta mit-trasferiment ta’ titoli li kienu jeżistu qabel l-akkwist.

7.      Għall-iskop ta’ dan l-Artikolu ‘valur għal finijiet ta’ taxxa’ għandha tfisser il-valur abbażi ta’ liema kwalunkwe qligħ jew telf ikun ikkalkulat għall-finijiet ta’ taxxa fuq id-dħul, il-profitti jew il-qligħ kapitali ta’ azzjonist tal-kumpannija.

[…]”

 Id-dritt Franċiż

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

–       Il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-Kawżi C662/18 u C672/18

8        L-Artikolu 150–0 D tal-code général des impôts (il-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi, iktar ’il quddiem il-“KĠT”), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mil-loi No 2013-1278, du 29 décembre 2013, de finances pour 2014 (il-Liġi Nru 2013–1278 tad-29 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Finanzi għall-2014), applikabbli għall-profitti magħmula u għad-dividendi rċevuti b’effett mill-1 ta’ Jannar 2013, jipprovdi:

“1.      […]

Il-profitti netti minn trasferiment bi ħlas ta’ azzjonijiet, ta’ ishma ta’ kumpanniji, ta’ drittijiet li jirrigwardaw dawn l-azzjonijiet jew ishma, jew ta’ titoli rappreżentattivi ta’ dawn l-istess azzjonijiet, ishma jew drittijiet, imsemmija fil-paragrafu I tal-Artikolu 150–0 A, kif ukoll id-dividendi msemmija fil-punti 7, 7a u fl-aħħar żewġ subparagrafi tal-punt 8 tal-paragrafu II tal-istess artikolu, fl-Artikolu 150-0 F u fil-punt 1 tal-paragrafu II tal-Artikolu 163d C, għandhom jitnaqqsu b’ammont ddeterminat skont il-kundizzjonijiet previsti, skont il-każ, fis-subparagrafi 1b jew 1c ta’ dan l-artikolu.

[…]

1b. It-tnaqqis imsemmi fil-paragrafu l għandu jkun ugwali għal:

a)      50 % tal-ammont ta’ profitti netti jew ta’ dividendi fejn l-azzjonijiet, ishma, drittijiet jew titoli jkunu miżmuma għal mill-inqas sentejn u għal mhux iktar minn tmien snin mid-data tat-trasferiment jew tad-distribuzzjoni;

b)      65 % tal-ammont ta’ profitti netti jew ta’ dividendi fejn l-azzjonijiet, ishma, drittijiet jew titoli jkunu miżmuma minn tal-inqas tmien snin mid-data tat-trasferiment jew tad-distribuzzjoni.”

9        Il-paragrafu III tal-Artikolu 17 tal-Liġi Nru 2013–1278 jipprovdi:

“Il-paragrafi I u II għandhom japplikaw għal profitti magħmula u għal dividendi rċevuti b’effett mill-1 ta’ Jannar 2013, bl-eċċezzjoni tal-punti 1 u 4 tal-parti D, tal-parti E, tas-subparagrafi 23 u 24 tal-punt 2 tal-parti F, tal-partijiet G u H, tal-ittri b u ċ tal-punt 1 tal-parti K, tal-parti L, tal-punti 1 u 3 tal-parti N, tal-partijiet O, R u W tal-parti I u tal-punt 2 tal-paragrafu II, li għandhom japplikaw għal profitti magħmula u dividendi rċevuti b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014. Il-partijiet M u V ma għandhomx japplikaw fir-rigward ta’ persuni taxxabbli li, fil-31 ta’ Diċembru 2013, jibbenefikaw mid-differiment tat-taxxa msemmi fl-Artikolu 150‑0 D a, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ f’dik id-data.”

–       Il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-Kawża C662/18

10      Il-paragrafu I tal-Artikolu 150–0 B b tal-KĠT, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 18 tal-loi No 2012-1510, du 29 décembre 2012, de finances rectificative pour 2012 (il-Liġi Nru 2012–1510 tad-29 ta’ Diċembru 2012 dwar l-Emenda Finanzjarja għall-2012), applikabbli għall-qligħ kapitali miksub b’effett mill-14 ta’ Novembru 2012, jipprovdi:

“L-intaxxar tal-qligħ kapitali mwettaq, direttament jew permezz ta’ intermedjarju, fil-kuntest ta’ kontribuzzjoni ta’ titoli trasferibbli, ta’ drittijiet azzjonarji, ta’ titoli jew ta’ drittijiet relatati, kif iddefiniti fl-Artikolu 150–0 A lil kumpannija suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji jew għal taxxa ekwivalenti għandha tiġi ddifferita jekk il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu III ta’ dan l-artikolu jkunu ssodisfatti […]”

11      L-Artikolu 200 tal-KĠT, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 34 tal-loi No 2016-1918, du 29 décembre 2016, de finances rectificative pour 2016 (il-Liġi Nru 2016–1918 tad-29 ta’ Diċembru 2012 dwar l-Emenda Finanzjarja għall-2016) jipprovdi:

“[…]

2.      Il-profitti netti miksuba taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 150–0 A għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tad-dħul nett globali ddefinit fl-Artikolu 158.

[…]

2b.a. Il-qligħ kapitali msemmi fil-paragrafu I tal-Artikolu 150–0 B b huwa suġġett għat-taxxa fuq id-dħul bir-rata ugwali għall-proporzjon bejn iż-żewġ termini segwenti:

in-numeratur, ikkostitwit mir-riżultat tad-differenza bejn, minn naħa, l-ammont tat-taxxa li kien ikun dovut, matul is-sena tal-kontribuzzjoni, mill-applikazzjoni tal-Artikolu 197 għas-somma tal-qligħ kapitali kollu msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu (a), kif ukoll mid-dħul intaxxat għall-istess sena skont il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 197, u, min-naħa l-oħra, l-ammont tat-taxxa dovut għal din l-istess sena u stabbilit skont il-kundizzjonijiet tal-imsemmi Artikolu 197;

id-denominatur, ikkostitwit mill-qligħ kapitali kollu msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu (a) miżmum fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu (a).

Għad-determinazzjoni tar-rata msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu (a), il-qligħ kapitali msemmi fl-istess l-ewwel subparagrafu għandu, skont il-każ, jitnaqqas bit-tnaqqis uniku msemmi fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 150‑0 D.

B’deroga, ir-rata applikabbli għall-qligħ kapitali li jirriżulta minn tranżazzjonijiet ta’ trasferiment imwettqa bejn l-14 ta’ Novembru u l-31 ta’ Diċembru 2012 hija ddeterminata skont il-parti A tal-Artikolu 10 IV tal-loi°2012-1509 du 29 décembre 2012 de finances pour 2013 (il-Liġi Nru 2012–1509 tad-29 ta’ Diċembru 2012 dwar l-Emenda Finanzjarja għall-2013).

[…]”

12      Skont il-parti A tal-Artikolu 10 IV tal-Liġi Nru 2012–1509, il-qligħ kapitali msemmi fil-paragrafu b tal-Artikolu 150–0 B, li jirriżulta minn kontribuzzjonijiet li saru bejn l-14 ta’ Novembru u l-31 ta’ Diċembru 2012, huwa taxxabbli bir-rata fissa ta’ 24 % jew, meta l-kundizzjonijiet kollha previsti fil-paragrafu 2a tal-Artikolu 200 A, fil-verżjoni li tirriżulta minn din l-istess liġi, jiġu ssodisfatti, bir-rata fissa ta’ 19 % stabbilita minn dan l-istess paragrafu 2a.

13      Skont il-paragrafu III tal-Artikolu 17 tal-Liġi Nru 2013–1278, it-tnaqqis għal perijodu ta’ detenzjoni previst fil-paragrafi 1b u 1c tal-Artikolu 150–0 D tal-KĠT, applikabbli għall-profitti netti miksuba taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 150–0 A tal-istess kodiċi u meħuda inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tad-dħul nett globali suġġett għall-iskala progressiva tat-taxxa fuq id-dħul skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 200 A, japplika għall-profitti miksuba mill-1 ta’ Jannar 2013.

–       Il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-Kawża C672/18

14      Il-paragrafu II tal-Artikolu 92 B tal-KĠT, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-qligħ kapitali miksub qabel l-1 ta’ Jannar 2000, jipprovdi:

“1. B’effett mill-1 ta’ Jannar 1992 jew mill-1 ta’ Jannar 1991, fil-każ ta’ trasferimenti ta’ titoli lil kumpannija suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji, l-intaxxar ta’ qligħ kapitali magħmul f’każ ta’ skambju ta’ titoli li jirriżulta minn tranżazzjoni ta’ offerta pubblika, ta’ inkorporazzjoni, ta’ diviżjoni, ta’ assorbiment ta’ fond komuni minn kumpannija ta’ investiment b’kapital varjabbli mwettaq skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ, jew ta’ trasferiment ta’ titoli lil kumpannija suġġetta għal taxxa fuq il-kumpanniji, jista’ jiġi ddifferit għall-mument li fih iseħħ it-trasferiment, ir-riakkwist, ir-rimbors jew l-annullament tat-titoli rċevuti waqt l-iskambju […]”.

15      Il-paragrafu b tal-Artikolu 160 I tal-KĠT, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-profitti mwettqa qabel l-1 ta’ Jannar 2000, jipprevedi:

“4.      L-intaxxar tal-qligħ kapitali magħmul b’effett mill-1 ta’ Jannar 1991 fil-każ ta’ skambju ta’ drittijiet azzjonarji li jirriżulta minn tranżazzjoni ta’ inkorporazzjoni, ta’ diviżjoni jew ta’ kontribuzzjoni ta’ titoli lil kumpannija suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji, jista’ jiġi ddifferit taħt il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu II tal-Artikolu 92 B […]”.

16      Skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 200 A tal-imsemmi kodiċi, fil-verżjoni applikabbli għad-dħul irċevut b’effett mill-1 ta’ Jannar 2013 u li jirriżulta mil-Liġi Nru 2012–1509, il-profitti netti miksuba taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 150–0 A jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tad-dħul nett globali suġġett għall-iskala progressiva tat-taxxa fuq id-dħul.

 Id-duttrina amministrattiva

17      Skont il-paragrafu 130 tal-kummenti amministrattivi ppubblikati fil-Bulletin officiel des finances publiques (il-Bulettin Uffiċjali tal-Finanzi Pubbliċi) fl-24 ta’ Lulju 2017 taħt ir-referenza BOI-RPPM-PVBMI-20–20–10 (iktar ’il quddiem il-“paragrafu 130 tal-kummentarji amministrattivi”):

“[…] [It]-tnaqqis għall-perijodu ta’ detenzjoni ma japplikax […] għall-profitti netti ta’ trasferiment, ta’ skambju jew ta’ kontribuzzjoni mwettqa qabel l-1 ta’ Jannar 2013 u li ġew iddifferiti għall-finijiet ta’ tassazzjoni taħt il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu II tal-Artikolu 92 B, fil-paragrafu Ib tal-Artikolu 160 u fil-paragrafu a tal-Artikolu 150 A tal-KĠT fil-verżjoni fis-seħħ qabel l-1 ta’ Jannar 2000 […]”.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

18      Fir-rigward tal-Kawża C‑662/18, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest ta’ tranżazzjoni ta’ skambju ta’ azzjonijiet, fl-14 ta’ Diċembru 2012, AQ ittrasferixxa titoli li huwa kellu f’kumpannija rregolata mid-dritt Franċiż lil kumpannija oħra rregolata mid-dritt Franċiż, bi skambju ta’ titoli ta’ din tal-aħħar. Skont AQ, din it-tranżazzjoni ta’ skambju ta’ azzjonijiet ma tatx lill-kumpannija akkwirenti l-maġġoranza tad-drittijiet ta’ vot tal-kumpannija akkwistata. Meta seħħet din it-tranżazzjoni, qligħ kapitali li jikkorrispondi għall-valur tat-titoli skambjati fid-data ta’ dan it-trasferiment, imnaqqas bil-prezz ta’ akkwist ta’ dawn it-titoli, ġie kkonstatat u ddifferit għall-finijiet ta’ tassazzjoni. Matul is-sena 2015, peress li t-trasferiment sussegwenti tat-titoli rċevuti bi skambju temm dan id-differiment ta’ tassazzjoni, dan il-qligħ kapitali u l-qligħ kapitali li rriżulta mit-trasferiment tat-titoli rċevuti bi skambju ġew intaxxati.

19      Konformement mal-prassi amministrattiva, skont il-paragrafu 130 tal-kummenti amministrattivi, il-qligħ kapitali ddifferit għall-finijiet ta’ tassazzjoni ġie inizjalment intaxxat bir-rata applikabbli matul is-sena tat-trasferiment tat-titoli rċevuti bi skambju, iżda mingħajr il-benefiċċju tal-applikazzjoni tat-tnaqqis għall-perijodu ta’ detenzjoni previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-qligħ kapitali mwettaq mill-1 ta’ Jannar 2013. Barra minn hekk, it-tnaqqis għall-perijodu ta’ detenzjoni ta’ titoli rċevuti bi skambju ġie kkalkolat b’teħid inkunsiderazzjoni tad-data tal-iskambju u mhux tad-data tal-akkwist tat-titoli skambjati. Skont deċiżjoni tal-Conseil constitutionnel (il-Kunsill Kostituzzjonali, Franza), l-imsemmi qligħ kapitali, iddifferit għall-finijiet ta’ tassazzjoni, sussegwentement ġie ntaxxat bir-rata ta’ tassazzjoni fis-seħħ meta sar it-trasferiment tat-titoli inkwistjoni, jiġifieri bir-rata applikabbli matul is-sena 2012.

20      Fir-rigward tal-Kawża C‑672/18, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta seħħet tranżazzjoni ta’ inkorporazzjoni bejn żewġ kumpanniji rregolati mid-dritt Franċiż matul is-sena 1998, DN irċieva, bi skambju tat-titoli tiegħu, titoli tal-kumpannija l-oħra li kienet tifforma parti minn din l-inkorporazzjoni. F’din l-okkażjoni, il-qligħ kapitali relatat mat-titoli skambjati ġie kkonstatat u ddifferit għall-finijiet ta’ tassazzjoni. Matul is-sena 2016, it-trasferiment ulterjuri tat-titoli rċevuti bi skambju temm dan id-differiment ta’ tassazzjoni. Għalhekk, dan il-qligħ kapitali u l-qligħ kapitali li rriżulta mit-trasferiment tat-titoli rċevuti bi skambju, ġew intaxxati.

21      Konformement mal-prassi amministrattiva, skont il-paragrafu 130 tal-kummenti amministrattivi, il-qligħ kapitali ddifferit għall-finijiet ta’ tassazzjoni ġie ntaxxat bir-rata applikabbli matul is-sena tat-trasferiment tat-titoli rċevuti bi skambju, iżda mingħajr ma ġie applikat it-tnaqqis għall-perijodu ta’ detenzjoni previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-qligħ kapitali mwettaq b’effett mill-1 ta’ Jannar 2013. Barra minn hekk, it-tnaqqis għall-perijodu ta’ detenzjoni tat-titoli rċevuti bi skambju ġie kkalkolat b’teħid inkunsiderazzjoni tad-data tal-iskambju u mhux tad-data tal-akkwist tat-titoli skambjati.

22      Peress li qiesu li t-trattament fiskali li jirriżulta minn dan il-paragrafu 130 la huwa konformi mal-għan tad-Direttiva 2009/133 u lanqas mal-Artikolu 8 tagħha, AQ u DN ippreżentaw rikors quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), intiż għall-annullament tal-imsemmi paragrafu 130. Huma jqisu li, minħabba dan in-nuqqas ta’ konformità, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi eskluża fil-każ ta’ tilwima relatata ma’ sitwazzjoni transkonfinali. Dan iwassal għal diskriminazzjoni inversa, għad-detriment ta’ sitwazzjonijiet li, bħal tagħhom, huma purament interni, kuntrarjament għall-prinċipji kostituzzjonali ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi u ta’ ugwaljanza quddiem l-oneri pubbliċi.

23      Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tindika li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, partikolarment tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/133, hija neċessarja għas-soluzzjoni tal-kawżi mressqa quddiemha.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda, fiż-żewġ kawżi prinċipali, li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, f’kull waħda minn dawn il-kawżi, l-istess domandi preliminari mfassla kif ġej:

“1)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tad-Direttiva [2009/133] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-qligħ kapitali magħmul mit-trasferiment tat-titoli rċevuti bi skambju u l-qligħ kapitali differit jiġu ntaxxati skont regoli ta’ bażi taxxabbli u ta’ rati differenti?

2)      Dawn l-istess dispożizzjonijiet għandhom, b’mod partikolari, jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu sitwazzjoni fejn it-tnaqqis tal-bażi taxxabbli intiż sabiex jieħu inkunsiderazzjoni l-perijodu li matulu nżammu t-titoli ma japplikax għall-qligħ kapitali differit, fid-dawl tal-fatt li din ir-regola ta’ bażi taxxabbli ma kinitx tapplika fid-data li fiha sar il-qligħ kapitali, iżda japplika għall-qligħ kapitali magħmul mit-trasferiment tat-titoli rċevuti bi skambju, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-data tal-iskambju u mhux tad-data li fiha t-titoli mogħtija bi skambju ġew akkwistati?”

25      B’deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Novembru 2018, il-Kawżi C‑662/18 u C‑672/18 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċeduri bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

26      Għandu jiġi rrilevat li mill-proċess li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-fatti li wasslu għall-kawżi prinċipali jirrigwardaw tranżazzjonijiet li jinvolvu kumpanniji stabbiliti fl-istess Stat Membru wieħed, f’dan il-każ ir-Repubblika Franċiża. Barra minn hekk, fir-rigward tal-Kawża C‑662/18, AQ indika li t-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix tranżazzjoni ta’ skambju ta’ azzjonijiet, fis-sens tad-Direttiva 2009/133, peress li l-imsemmija tranżazzjoni ma tatx lill-kumpannija akkwirenti l-maġġoranza tad-drittijiet ta’ vot tal-kumpannija akkwistata.

27      Il-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub jirrilevaw, essenzjalment, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata tipprovdi, fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt id-dritt tal-Unjoni, soluzzjonijiet konformi ma’ dawk stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, u jqisu li d-domandi preliminari huma ammissibbli.

28      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat bħala ammissibbli talbiet għal deċiżjoni preliminari f’każijiet fejn, anki jekk il-fatti fil-kawża prinċipali ma kinux jaqgħu direttament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt kienu saru applikabbli mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li, fir-rigward tas-soluzzjonijiet li ngħataw għal sitwazzjonijiet li l-elementi kollha tagħhom kienu limitati ġewwa Stat Membru wieħed biss, kienet ikkonformat mal-approċċ ipprovdut mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tat-22 ta’ Marzu 2018, Jacob u Lassus, C‑327/16 u C‑421/16, EU:C:2018:210, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

29      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat bħala ammissibbli tali talbiet fil-każijiet fejn għandha tiġi applikata d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tintalab l-interpretazzjoni tagħha, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, f’kundizzjonijiet differenti minn dawk previsti mid-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni korrispondenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Ottubru 2001, Adam, C‑267/99, EU:C:2001:534, punti 27 sa 29, kif ukoll tas-7 ta’ Novembru 2018, C u A, C‑257/17, EU:C:2018:876, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Fil-fatt, f’tali każijiet, huwa ċertament fl-interess tal-Unjoni Ewropea li, sabiex jiġu evitati differenzi fl-interpretazzjonijiet futuri, id-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti meħuda mid-dritt tal-Unjoni jiġu interpretati uniformement, indipendentement miċ-ċirkustanzi li fihom għandhom japplikaw (sentenzi tat-22 ta’ Marzu 2018, Jacob u Lassus, C‑327/16 u C‑421/16, EU:C:2018:210, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-7 ta’ Novembru 2018, C u A, C‑257/17, EU:C:2018:876, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li d-domandi preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Fit-tieni lok, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawżi prinċipali, adottata sabiex tiġi implimentata d-Direttiva 90/434, issostitwita bid-Direttiva 2009/133, hija konformi, fir-rigward tas-soluzzjonijiet applikati għal sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni f’dawn il-kawżi, ma’ dawk stabbiliti minn dawn id-direttivi.

32      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma ammissibbli.

 Fuq il-mertu

33      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, l-ewwel nett, id-domandi magħmula jirrigwardaw biss id-Direttiva 2009/133, li ssostitwixxiet id-Direttiva 90/434. Madankollu, peress li t-tranżazzjoni ta’ inkorporazzjoni inkwistjoni fil-Kawża C‑672/18 seħħet qabel ma l-ewwel minn dawn id-direttivi daħlet fis-seħħ, għandu jinftiehem li, bid-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta kemm id-Direttiva 2009/133 kif ukoll id-Direttiva 90/434.

34      It-tieni nett, kif jirriżulta mill-punti 3 u 4 ta’ din is-sentenza, dawn iż-żewġ direttivi għandhom l-istess għan u d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/133 li huma rilevanti fil-każ ineżami jikkorrispondu għal dawk tad-Direttiva 90/434. Għalhekk, minn naħa, ir-riferimenti magħmula, f’din is-sentenza, għall-Artikolu 8(1), (4), (6) u (7) tad-Direttiva 2009/133 għandhom jinftiehmu bħala riferimenti għall-Artikolu 8(1) u għall-ewwel sat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 90/434. Min-naħa l-oħra, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja marbuta ma’ waħda minn dawn iż-żewġ direttivi hija applikabbli wkoll għall-oħra.

35      It-tielet nett, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li s-sistema fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali twassal sabiex it-tnaqqis previst mid-dritt nazzjonali jiġi applikat biss għall-frazzjoni tal-qligħ kapitali li jirriżulta mit-trasferiment tat-titoli rċevuti bi skambju, u dan billi l-perijodu ta’ dentenzjoni jiġi kkalkolat mid-data tal-iskambju tat-titoli u mhux mid-data tal-akkwist tat-titoli skambjati.

36      Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li, permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 8(1) u (6) tad-Direttiva 2009/133 u l-Artikolu 8(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 90/434, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest ta’ tranżazzjoni ta’ skambju ta’ titoli, dawn jeżiġu li jiġi applikat, għall-qligħ kapitali relatat mat-titoli skambjati u ddifferit għall-finijiet ta’ tassazzjoni kif ukoll għal dak li jirriżulta mit-trasferiment ta’ titoli rċevuti bi skambju, l-istess trattament fiskali, fir-rigward tar-rata ta’ tassazzjoni u tal-applikazzjoni ta’ tnaqqis fiskali sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-perijodu ta’ detenzjoni tat-titoli, bħal dak li japplika għall-qligħ kapitali li kien jitwettaq matul it-trasferiment tat-titoli li kienu jeżistu qabel it-tranżazzjoni ta’ skambju li kieku din it-tranżazzjoni ma seħħitx.

37      Għandu jiġi kkonstatat li, fil-kawżi prinċipali, ma ġiex allegat li l-persuni taxxabbli kkonċernati attribwixxew, lit-titoli rċevuti bi skambju, “valur fiskali” ogħla minn dak li t-titoli skambjati kellhom immedjatament qabel it-tranżazzjonijiet ta’ skambju kkonċernati jew li dan il-valur fiskali ma ġiex ikkalkolat konformement mal-Artikolu 8(7) tad-Direttiva 2009/133. Minn dan isegwi, kif jirriżulta mill-Artikolu 8(4) ta’ din id-direttiva, li l-Artikolu 8(1) tagħha huwa applikabbli għal dawn it-tranżazzjonijiet.

38      Skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2009/133, l-attribuzzjoni, fil-mument ta’ inkorporazzjoni jew ta’ skambju ta’ azzjonijiet, ta’ titoli li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija benefiċjarja jew akkwirenti lil azzjonarju tal-kumpannija ttrasferita jew akkwistata, bi skambju ta’ titoli li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija tal-aħħar, ma għandha, fiha nnifisha, tagħti lok għal ebda tassazzjoni fuq id-dħul, il-profitti jew il-qligħ kapitali ta’ dan l-azzjonarju.

39      L-Artikolu 8(6) ta’ din id-direttiva jipprovdi madankollu li l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu ma għandhiex tipprekludi lill-Istati Membri milli jintaxxaw il-profitt li jirriżulta mit-trasferiment sussegwenti ta’ titoli rċevuti bl-istess mod bħall-profitt li jirriżulta mit-trasferiment ta’ titoli li kienu jeżistu qabel l-akkwist.

40      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset li, minkejja li, billi jipprovdi li tranżazzjoni ta’ skambju ta’ titoli ma tistax fiha nnifisha tagħti lok għall-intaxxar tal-qligħ kapitali li jirriżulta minn din it-tranżazzjoni, l-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva jiżgura n-newtralità fiskali ta’ tali tranżazzjoni, l-għan ta’ din in-newtralità fiskali ma huwiex madankollu li jiġi evitat li l-qligħ kapitali jiġi ntaxxat mill-Istati Membri li għandhom il-kompetenza fiskali fir-rigward ta’ dan il-qligħ kapitali, iżda jipprojbixxi biss li din it-tranżazzjoni ta’ skambju titqies bħala l-fatt taxxabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2018, Jacob u Lassus, C‑327/16 u C‑421/16, EU:C:2018:210, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li peress li d-Direttiva 2009/133 ma tinkludix dispożizzjonijiet dwar miżuri fiskali xierqa għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 8 tagħha, l-Istati Membri għandhom, b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, ċertu marġni ta’ manuvra fir-rigward ta’ din l-implimentazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2018, Jacob u Lassus, C‑327/16 u C‑421/16, EU:C:2018:210, punti 51 u 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li miżura li tikkonsisti fil-konstatazzjoni ta’ qligħ kapitali li jirriżulta mit-tranżazzjoni ta’ skambju ta’ titoli u fid-differiment tal-fatt taxxabbli ta’ dan il-qligħ kapitali sas-sena li fiha jseħħ il-fatt li jtemm dan id-differiment ta’ tassazzjoni, tikkostitwixxi sempliċement ‘teknika’ li, filwaqt li tippermetti lill-Istati Membri jissalvagwardaw il-kompetenza fiskali tagħhom u għalhekk, l-interessi finanzjari tagħhom, konformement mal-Artikolu 8(6) tad-Direttiva 2009/133, tosserva l-prinċipju ta’ newtralità fiskali stabbilit mill-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva sa fejn twassal sabiex l-iskambju ta’ titoli ma jagħtix lok, minnu nnifsu, għal ebda tassazzjoni tal-imsemmi qligħ kapitali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2018, Jacob u Lassus, C‑327/16 u C‑421/16, EU:C:2018:210, punti 54 u 55).

43      Id-differiment tal-fatt taxxabbli tal-qligħ kapitali relatat mat-titoli skambjati jimplika neċessarjament li t-tassazzjoni ta’ dan il-qligħ kapitali ssegwi r-regoli fiskali u r-rata fis-seħħ fid-data li fiha jseħħ dan il-fatt taxxabbli, f’dan il-każ fid-data tat-trasferiment sussegwenti tat-titoli rċevuti bi skambju. Minn dan isegwi li, jekk f’din id-data, il-leġiżlazzjoni fiskali kkonċernata tipprevedi sistema ta’ tnaqqis għall-perijodu ta’ detenzjoni tat-titoli, il-qligħ kapitali ddifferit għall-finijiet ta’ tassazzjoni għandu wkoll jibbenefika minn tali sistema ta’ tnaqqis, bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk li japplikaw għall-qligħ kapitali li kien jitwettaq matul it-trasferiment tat-titoli li kienu jeżistu qabel it-tranżazzjoni ta’ skambju li kieku din it-tranżazzjoni ma seħħitx.

44      Fil-fatt, kull miżura oħra tkun tmur lil hinn minn sempliċi konstatazzjoni tal-qligħ kapitali relatat ma’ titoli skambjati li jirriżulta mit-tranżazzjoni ta’ skambju ta’ titoli meta sseħħ din tal-aħħar u tista’ timplika konsegwenzi fiskali reali żvantaġġużi fuq it-tassazzjoni ta’ dan il-qligħ kapitali fid-data meta jseħħ il-fatt taxxabbli tiegħu, f’dan il-każ fid-data tat-trasferiment sussegwenti ta’ titoli rċevuti bi skambju, li jkun imur kontra l-prinċipju ta’ newtralità fiskali msemmi fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2009/133.

45      Fir-rigward tal-qligħ kapitali relatat mat-titoli rċevuti bi skambju, kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 8(6) tad-Direttiva 2009/133, dawn it-titoli huma sempliċement issostitwiti bit-titoli li kienu jeżistu qabel l-iskambju. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi applikat, fir-rigward tal-qligħ kapitali li jirriżulta mill-iskambju u li jiġi ddifferit għall-finijiet ta’ tassazzjoni, u fir-rigward ta’ qligħ kapitali relatat mat-trasferiment tat-titoli rċevuti bi skambju, l-istess trattament fiskali u, b’mod partikolari, l-istess tnaqqis fiskali bħal dak li jiġi applikat fir-rigward ta’ qligħ kapitali li kien jitwettaq matul it-trasferiment tat-titoli li kienu jeżistu qabel it-tranżazzjoni ta’ skambju li kieku din it-tranżazzjoni ma seħħitx.

46      Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-għan intiż li jiġu ssalvagwardati l-interessi finanzjarji tal-Istati Membri. Fil-fatt, dawn l-interessi, kif jirriżulta mill-Artikolu 8(6) tad-Direttiva 2009/133, huma limitati għall-impożizzjoni ta’ taxxa ugwali għal dik li kien ikollhom dritt għaliha li kieku t-tranżazzjoni ta’ skambju ta’ titoli ma seħħitx.

47      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 8(1) u (6) tad-Direttiva 2009/133 u l-Artikolu 8(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 90/434, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest ta’ tranżazzjoni ta’ skambju ta’ titoli, dawn jeżiġu li jiġi applikat, għall-qligħ kapitali relatat ma’ titoli skambjati u ddifferit għall-finijiet ta’ tassazzjoni kif ukoll għal dak li jirriżulta mit-trasferiment ta’ titoli rċevuti bi skambju, l-istess trattament fiskali, fir-rigward tar-rata ta’ tassazzjoni u tal-applikazzjoni ta’ tnaqqis fiskali sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-perijodu ta’ detenzjoni tat-titoli, bħal dak li japplika għall-qligħ kapitali li kien jitwettaq matul it-trasferiment tat-titoli li kienu jeżistu qabel it-tranżazzjoni ta’ skambju li kieku din it-tranżazzjoni ma seħħitx.

 Fuq l-ispejjeż

48      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 8(1) u (6) tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/133/KE tad-19 ta’ Ottubru 2009 dwar is-sistema komuni ta’ tassazzjoni applikabbli għal mergers, diviżjonijiet, diviżjonijiet parzjali, trasferimenti ta’ assi u skambji ta’ ishma li jikkonċernaw kumpanniji ta’ Stati Membri differenti u għat-trasferiment tal-uffiċċju reġistrat ta’ SE jew SCE bejn Stati Membri, u l-Artikolu 8(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/434/KEE tat-23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika għall-inkorporazzjonijiet, id-diviżjonijiet, it-trasferimenti ta’ l-attivi u l-iskambji ta’ l-ishma li jirrigwardaw il-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest ta’ tranżazzjoni ta’ skambju ta’ titoli, dawn jeżiġu li jiġi applikat, għall-qligħ kapitali relatat ma’ titoli skambjati u ddifferit għall-finijiet ta’ tassazzjoni kif ukoll għal dak li jirriżulta mit-trasferiment ta’ titoli rċevuti bi skambju, l-istess trattament fiskali, fir-rigward tar-rata ta’ tassazzjoni u tal-applikazzjoni ta’ tnaqqis fiskali sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-perijodu ta’ detenzjoni tat-titoli, bħal dak li japplika għall-qligħ kapitali li kien jitwettaq matul it-trasferiment tat-titoli li kienu jeżistu qabel it-tranżazzjoni ta’ skambju li kieku din it-tranżazzjoni ma seħħitx.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.