Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Szegedi Törvényszék (l-Ungerija) fil-11 ta’ Lulju 2023 – Határ Diszkont Kft. vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

(Kawża C-427/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Szegedi Törvényszék.

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Határ Diszkont Kft.

Konvenut: Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

Domandi preliminari

Hija konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(2), tal-Artikolu 2(1)(c), tal-Artikolu 78 kif ukoll tal-Artikolu 146(1)(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”) il-prattika ta’ Stat Membru li tikkunsidra li l-ġestjoni tal-fajls ta’ rimbors tal-VAT lil vjaġġatur barrani – li tkopri serje ta’ passi amministrattivi li jmorru mill-ħruġ tal-formula standard ta’ talba għal rimbors tal-VAT sar-rimbors ta’ tali taxxa – tikkostitwixxi provvista ta’ servizz awtonomu, distinta mill-kunsinna ta’ oġġetti eżenti mit-taxxa, li fuqhom għandha tiġi imposta u mħallsa l-VAT skont ir-regoli ġenerali, f’ċirkustanzi fejn il-ġbir u l-fatturazzjoni tal-ispejjeż tal-fajl, ekwivalenti għal perċentwali tal-VAT li għandha tiġi rrimborstata, ma jseħħux fl-istess ħin bħall-kunsinna u l-fatturazzjoni tal-oġġetti, iżda fil-mument tar-rimbors tal-VAT, wara l-ħlas ta’ kontroparti għall-oġġetti mill-klijent u l-esportazzjoni tagħhom f’pajjiż terz?

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv, hija konformi mal-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva tal-VAT il-prattika ta’ Stat Membru li tikkunsidra li l-kummissjoni mħallsa għall-ġestjoni tal-fajls ta’ rimbors tal-VAT wara kunsinna ta’ oġġetti lil vjaġġaturi barranin ma hijiex eżenti mit-taxxa inkwantu “tranżazzjonijiet li jikkonċernaw pagamenti, debiti”?

F’każ li l-ewwel u t-tieni domanda jingħataw risposta fl-affermattiv, hija konformi mal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, bħala wieħed mill-prinċipji fundamentali tas-sistema komuni tal-VAT, il-prattika ta’ Stat Membru fejn min joħroġ il-fatturi relatati mal-kummissjoni għall-ġestjoni tal-fajl għandu wkoll iħallas b’mod retroattiv il-VAT, minkejja li l-amministrazzjoni fiskali diġà kienet ikkontrollatu f’diversi okkażjonijiet fis-snin preċedenti għall-ispezzjoni u, matul tali kontrolli, kienet eżaminat, iżda mingħajr ma qajjmet oġġezzjonijiet, il-prattika segwita minnu li jikkunsidra eżenti mill-VAT il-kummissjoni għall-ġestjoni u ma informatux li kienet inbidlet il-liġi tal-Istat Membru fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2007, li kienet issemmi espressament, fost is-servizzi eżenti mit-taxxa, ir-“rimbors tat-taxxa favur vjaġġaturi barranin ipproċessat min-negozjant skont regola speċifika”?

F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel sat-tielet domanda, hija konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 73 u 78 tad-Direttiva tal-VAT il-prattika tal-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru li tieħu bħala bażi taxxabbli tal-VAT il-kontroparti li tidher bħala eżenti fil-fatturi maħruġa fir-rigward tal-kummissjoni għall-ġestjoni tal-fajl, bażi taxxabbli li fuqha, f’konformità mad-deċiżjoni tal-amministrazzjoni fiskali, min joħroġ il-fatturi għandu jħallas il-VAT skont ir-regoli ġenerali, minkejja li l-kontroparti mħallsa mill-vjaġġaturi barranin ma tinkludix tali ammont?

____________

1 ĠU 2006, L 347, p. 1.