Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Аdministrativen sad - Varna (il-Bulgarija) fil-11 ta’ Lulju 2023 – “NARE-BG” EOOD vs Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite

(Kawża C-429/23, NARE-BG)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Аdministrativen sad - Varna

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: “NARE-BG” EOOD

Konvenut: Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite

Domandi preliminari

Fil-kundizzjonijiet tal-miżuri ta’ konfinament introdotti bil-liġi, li jinkludu l-impożizzjoni ta’ miżuri amministrattivi ta’ limitazzjoni fuq il-ħruġ mid-dar u fuq iċ-ċaqliq fiż-żoni abitati, ta’ limitazzjoni fuq il-kuntatti ma’ persuni oħra u ta’ għeluq ta’ siti kummerċjali, u f’sitwazzjoni fejn, inkonnessjoni ma’ dawn il-miżuri ta’ konfinament, ikunu ġew estiżi t-termini għad-dikjarazzjoni u għall-ħlas tad-djun fiskali taħt iż-Zakon za korporativnoto podohodno oblagane (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul tal-Kumpanniji) (li tirregola t-termini għad-dikjarazzjoni u għall-ħlas tat-taxxa fuq id-dħul taħt id-dritt nazzjonali), terminu ta’ dekadenza bħal dak inkwistjoni f’din il-proċedura jagħmilha prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli għall-persuna taxxabbli li teżerċita d-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri ta’ konfinament u, f’dan id-dawl, il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-prassi tal-amministrazzjoni fiskali li huma inkwistjoni f’din il-proċedura huma kompatibbli mal-Artikolu 184 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”), ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 186 tagħha u fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali introdott permezz tad-Direttiva dwar il-VAT u tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività li joħorġu mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, Ecotrade 2 )?

Fil-każ li jkun possibbli, kif tipprevedi ż-Zakon za danak varhu dobavenata [stoynost] (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, iktar ’il quddiem iż-“ZDDS”), li tiġi rrettifikata l-informazzjoni indikata fid-dikjarazzjoni fiskali prevista fiż-ZDDS, fiċ-ċirkustanzi fattwali tal-kawża li biha hija adita l-awla li qiegħda tagħmel dan ir-rinviju, l-Artikolu 184 tad-Direttiva dwar il-VAT, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 186 tagħha, jippermetti prassi tal-amministrazzjoni fiskali li tirrifjuta lill-persuna taxxabbli d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT għar-raġuni li l-VAT kienet ġiet iddikjarata permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ rettifika ppreżentata bil-għan li tiġi rrettifikata l-informazzjoni dwar l-aħħar perijodu ta’ tassazzjoni inkluż fit-terminu ta’ dekadenza (tnax-il xahar) stabbilit fir-rigward tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT fuq il-kunsinni rċevuti mill-persuna taxxabbli qabel id-data tar-reġistrazzjoni tagħha taħt iż-ZDDS, bil-kundizzjoni li t-tranżazzjonijiet kummerċjali ma jkunux moħbija, li l-informazzjoni dwar l-eżekuzzjoni tagħha tkun disponibbli fil-kontabbiltà tar-rikorrent, li l-amministrazzjoni fiskali jkollha l-informazzjoni meħtieġa u li ma jkunx hemm elementi li jindikaw dannu għall-baġit?

____________

1     ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.

1     C-95/07 u C-96/07, EU:C:2008:267.