Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Okrazhen sad – Smolyan (il-Bulgarija) fit-13 ta’ Lulju 2023 – Glavna direktsia “Granichna politsia” kam Ministerstvo na vatreshnite raboti vs BO

(Kawża C-435/23, Glavna direktsia “Granichna politsia”)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Okrazhen sad – Smolyan

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Glavna direktsia “Granichna politsia” kam Ministerstvo na vatreshnite raboti

Konvenut: BO

Domandi preliminari

L-Artikolu 12(a) u l-premessa 8 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol 1 , kif ukoll l-Artikoli 20 u 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jippermettux dispożizzjoni legali nazzjonali (f’dan il-każ, l-Artikolu 187 taż-Zakon za Ministerstvoto na vatreshnite raboti (il-Liġi dwar il-Ministeru għall-Affarijiet Interni)) li, billi ma tippermettix li t-tul iqsar tax-xogħol ta’ billejl meta mqabbel ma’ dak tax-xogħol ta’ matul il-ġurnata, konformement mad-dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-ħaddiema tas-settur privat, japplika wkoll għall-ħaddiema tas-settur pubbliku, bħalma huma l-pulizija u l-persunal tat-tifi tan-nar li jwettqu xogħol bix-xift u xogħol ta’ billejl (uffiċjali msemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 142(1) tal-Liġi dwar il-Ministeru għall-Affarijiet Interni), twassal għad-differenza fit-trattament segwenti, mingħajr ma din id-differenza fit-trattament hija ġġustifikata minn għan legalment ammissibbli, jiġifieri:

Grupp ta’ ħaddiema tas-settur pubbliku, li jaqdu funzjonijiet ta’ importanza partikolari marbuta mal-ħarsien tal-ordni pubbliku u mal-protezzjoni ċivili (f’dan il-każ, pulizija u persunal tat-tifi tan-nar imsemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 142(1) tal-Liġi dwar il-Ministeru għall-Affarijiet Interni, li jwettqu xogħol bix-xift u xogħol ta’ billejl), jinsab f’sitwazzjoni sfavorevoli:

a. minn naħa, meta mqabbel ma’ grupp ieħor ta’ ħaddiema tal-istess settur pubbliku, li jaqdu l-istess funzjonijiet marbuta mal-ħarsien tal-ordni pubbliku u mal-protezzjoni ċivili iżda li ma jwettqux xogħol bix-xift ta’ billejl (f’dan il-każ, l-uffiċjali l-oħra msemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 142(1) tal-Liġi dwar il-Ministeru għall-Affarijiet Interni), u li xorta waħda jibbenefikaw mill-istess vantaġġi (pereżempju, remunerazzjoni addizzjonali marbuta mal-anzjanità fis-servizz, leave annwali mħallas itwal, irtirar bil-pensjoni kmieni, allowances ogħla fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol fis-servizz ċivili, eċċ), bħal dawk li jibbenefikaw minnhom il-pulizija u l-persunal tat-tifi tan-nar li jwettqu xogħol bix-xift ta’ billejl;

b. min-naħa l-oħra, meta mqabbel mal-ħaddiema tas-settur privat li jwettqu xogħol bix-xift u xogħol ta’ billejl mingħajr ma jibbenefikaw mill-istess vantaġġi, iżda dan għaliex ma jaqdux l-istess funzjonijiet ta’ importanza partikolari marbuta mal-ħarsien tal-ordni pubbliku u mal-protezzjoni ċivili li minħabba fihom dawn il-vantaġġi jingħataw lil grupp sħiħ ta’ ħaddiema tas-settur pubbliku (l-uffiċjali kollha msemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 142(1) tal-Liġi dwar il-Ministeru għall-Affarijiet Interni)?

L-Artikolu 12(a) u l-premessa 8 tad-Direttiva 2003/88, kif ukoll l-Artikoli 20 u 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jippermettux l-applikazzjoni ta’ ġurisprudenza vinkolanti nazzjonali (bħalma hija f’dan il-każ id-Deċiżjoni Interpretattiva Nru 1 tal-15 ta’ Marzu 2023 mogħtija, fil-Kawża għal Interpretazzjoni Nru 1/2020, mill-Varhoven kasatsionen sad na Republika Bulgaria (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija), sedenti bħala kulleġġ ġudikanti plenarju ta’ ġurisdizzjoni ċivili), f’sitwazzjoni fejn din l-applikazzjoni twassal għal riżultat inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri: l-inugwaljanza fit-trattament deskritta fl-ewwel domanda, li ma hijiex ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri inugwaljanza fit-trattament li ma hijiex marbuta ma’ għan legalment ammissibbli u li ma hijiex proporzjonata ma’ dan l-għan?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381.