Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour administrative (il-Lussemburgu) fit-12 ta’ Lulju 2023 – F u Ordre des avocats du barreau de Luxembourg vs Administration des contributions directes

(Kawża C-432/23, Ordre des avocats du Barreau de Luxembourg)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour administrative

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: F, Ordre des avocats du barreau de Luxembourg

Konvenut: Administration des contributions directes

Domandi preliminari

Parir legali li jingħata minn avukat fil-qasam tad-dritt tal-kumpanniji ( f’dan il-każ bil-għan li titwaqqaf struttura korporattiva ta’ investiment ( jaqa’ fl-ambitu tal-protezzjoni msaħħa tal-korrispondenza bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom mogħtija mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, deċiżjoni tal-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li jintalab jipprovdi informazzjoni, li tingħata b’risposta għal talba ta’ Stat Membru ieħor fil-kuntest ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq talba abbażi tad-Direttiva 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-direttiva 77/799/KEE 1 , u li tordna lill-avukat jipprovdi lil dak l-Istat Membru ieħor, b’mod ġenerali, id-dokumenti kollha disponibbli relatati mar-relazzjoni tiegħu mal-klijent tiegħu, deskrizzjoni ddettaljata tat-tranżazzjonijiet li jkun ta l-parir legali tiegħu dwarhom, spjegazzjoni tal-involviment tiegħu f’dawn il-proċessi u l-identità tal-interlokuturi tiegħu, tikkostitwixxi ndħil fid-dritt għar-rispett tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom, iggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, id-Direttiva 2011/16 hija konformi mal-Artikoli 7 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali sa fejn, lil hinn mill-paragrafu 4 tal-Artikolu 17 tagħha, ma fiha ebda dispożizzjoni li formalment tippermetti l-indħil fil-kunfidenzjalità tal-korrispondenza bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom fil-kuntest tas-sistema tal-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba u li tiddefinixxi hija stess il-portata tal-limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-dritt ikkonċernat?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda, is-sistema li tistabbilixxi d-dmir ta’ kollaborazzjoni tal-avukati (jew ta’ ditta legali) bħala terzi li għandhom informazzjoni fil-pussess tagħhom fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tal-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba li tistabbilixxi d-Direttiva 2011/16, b’mod partikolari l-limitazzjonijiet speċifiċi sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett tas-sigriet professjonali tagħhom, tista’ tiġi rregolata mid-dispożizzjonijiet tad-dritt intern ta’ kull Stat Membru li jirregolaw id-dmir ta’ kollaborazzjoni tal-avukati, bħala terzi, f’investigazzjoni fiskali fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt fiskali intern, skont ir-rinviju li jseħħ taħt il-paragrafu 1 tal-Artikolu 18 tal-imsemmija direttiva?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għar-raba’ domanda, sabiex tkun konformi mal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, dispożizzjoni legali nazzjonali li tistabbilixxi s-sistema ta’ dmir ta’ kollaborazzjoni tal-avukati bħala terzi li għandhom informazzjoni fil-pussess tagħhom, bħal dik li tapplika f’dan il-każ, għandu jkun fiha dispożizzjonijiet speċjali li:

–    jiżguraw l-osservanza tal-kontenut essenzjali tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukat u l-klijent tiegħu; u

–    jintroduċu kundizzjonijiet speċifiċi sabiex jiġi żgurat li l-obbligu ta’ kollaborazzjoni tal-avukati jkun limitat għal dak li huwa xieraq u meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan tad-Direttiva 2011/16?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ħames domanda, il-kundizzjonijiet speċifiċi, li jfittxu li jiżguraw li l-kollaborazzjoni tal-avukati f’investigazzjoni fiskali tkun limitata għal dak li huwa xieraq u meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan tad-Direttiva 2011/16, għandhom jinkludu l-obbligu tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jintalab jipprovdi informazzjoni li:

–    twettaq verifika msaħħa dwar jekk l-Istat Membru li jitlob l-informazzjoni jkunx effettivament eżawrixxa minn qabel is-sorsi ta’ informazzjoni tas-soltu li huwa seta’ juża sabiex jikseb l-informazzjoni mitluba mingħajr ma jissogra li jqiegħed dawn l-għanijiet fil-perikolu li ma jintlaħqux, skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2011/16; u/jew

–    tkun ikkuntattjat, minn qabel, iżda għal xejn, lil dawk li jista’ jkollhom informazzjoni fil-pussess tagħhom sabiex, fejn ma jibqax iktar xi jsir, tkun tista’ tikkuntattja avukat fil-kapaċità tiegħu ta’ xi ħadd li jista’ jkollu informazzjoni fil-pussess tiegħu; u/jew

–    twieżen, f’kull każ individwali, bejn, minn naħa, l-għan ta’ interess ġenerali u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet inkwistjoni, b’mod li deċiżjoni li tordna li tiġi pprovduta informazzjoni tista’ validament tingħata fil-konfront ta’ avukat biss jekk jiġu ssodisfatti kundizzjonijiet addizzjonali, bħar-rekwiżit li l-implikazzjonijiet finanzjarji tal-verifika li tkun għadha għaddejja fl-Istat li jitlob l-informazzjoni jew ikun hemm imnejn li jsiru ta’ ċertu sinjifikat jew inkella li jaqgħu fl-ambitu tad-dritt kriminali?

____________

1 ĠU 2011, L 64, p. 1, rettifika fil-ĠU 2020, L 274, p. 58