Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (Spanja) fil-11 ta’ Lulju 2023 – JW vs Consorcio Gallego de Servicios de Igualdad y Bienestar, Consejería de Política Social, Consejería de Hacienda

(Kawża C-434/23, Consorcio Gallego de Servicios de Igualdad y Bienestar et)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Superior de Justicia de Galicia

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: JW

Konvenuti: Consorcio Gallego de Servicios de Igualdad y Bienestar, Consejería de Política Social, Consejería de Hacienda

Domandi preliminari

Jista’ jitqies li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tinkludi miżuri dissważivi biżżejjed, fil-konfront tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u tal-entitajiet tas-settur pubbliku, għall-użu ta’ kuntratti suċċessivi jew ta’ tiġdid suċċessiv ta’ kuntratti ta’ xogħol temporanji kuntrarji għall-Klawżola 5 tal-Ftehim anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP 1 , intiżi li jipprevjenu u li jissanzjonaw l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat?

Fil-każ li jitqies li ma jeżistux miżuri suffiċjentement dissważivi fil-leġiżlazzjoni Spanjola, il-konsegwenza tal-ksur tal-Klawżola 5 tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 1999/70 minn persuna pubblika li timpjega għandha tkun li l-kuntratt jitqies li huwa kuntratt għal żmien indeterminat mhux permanenti jew li l-ħaddiem jitqies li huwa ħaddiem totalment permanenti?

Jekk ir-risposta għaż-żewġ domandi preċedenti tkun fis-sens li ma jeżistux [miżuri] suffiċjentement dissważivi u li s-sanzjoni li għandha tiġi imposta għall-frodi mwettqa hija li l-ħaddiem jitqies li huwa marbut b’kuntratt permanenti, il-kuntratt għandu jiġu mibdul f’kuntratt permanenti, skont il-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 1999/70 u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpretaha, anki jekk din il-bidla titqies li hija kuntrarja għall-Artikolu 23(2) u għall-Artikolu 103(3) tal-Kostituzzjoni Spanjola, jekk dawn ir-regoli kostituzzjonali jiġu interpretati fis-sens li jimponu li kandidat jista’ jaċċedi għal kwalunkwe impjieg pubbliku, inkluż fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol, biss wara li jkun għadda minn proċedura kompetittiva ta’ għażla li tapplika l-prinċipji ta’ ugwaljanza, ta’ meritokrazija, ta’ kompetenza u ta’ pubbliċità, organizzata sabiex il-pożizzjonijiet jimtlew b’membri tal-persunal permanenti, inkluż meta l-kandidat ma jkunx għadda minn din il-proċedura jew meta s-sejħa għal kandidaturi tkun intiża sabiex il-pożizzjonijiet jimtlew temporanjament?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368.