Appell ippreżentat fl-20 ta' Settembru 2010 minn Allen et mid-digriet mogħti mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea fit-13 ta' Lulju 2010 fil-Kawża F-103/09, Allen et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-433/10 P)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: John Allen et (Horspath, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: K. Lasok, QC u B. Lask, Barrister)
Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
tilqa' l-appell;
tannulla d-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla), tat-13 ta' Lulju 2010 fil-Kawża F-103/09;
tirrifjuta l-ewwel u t-tieni eċċezzjoni ta' ammissibbiltà mqajma mill-appellata; u
tordna lill-appellata tħallas l-ispejjeż tal-appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
Permezz ta' dan l-appell, l-appellanti qed jitolbu l-annullament tad-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (TSP) tat-13 ta' Lulju 2010 fil-Kawża F-103/09 Allen et vs Il-Kummissjoni, li permezz tiegħu it-TSP ċaħad bħala inammissibbli r-rikors li permezz tiegħu l-appellanti talbu d-danni u l-annullament ta' deċiżjoni li rrifjutat li jitħallsu d-danni mġarrba minn kull appellant minħabba l-fatt li ma ġewx reklutati bħala membri tal-persunal temporanju tal-Komunitajiet fiż-żmien meta kienu jaħdmu fl-impriża konġunta Joint European Torus (JET).
Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jsostnu li minħabba li f'dan il-kuntest ġie konkluż li japplika l-obbligu li jiġi osservat terminu raġonevoli u, anki li kieku huwa hekk, minħabba l-approċċ tiegħu għat-tul u għall-bidu ta' dan it-terminu, it-TSP mar kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea.
____________