Language of document : ECLI:EU:T:2021:528

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

1 ta’ Settembru 2021 (*)

“Dritt istituzzjonali – Membru tal-KESE – Investigazzjoni tal-OLAF dwar allegazzjonijiet ta’ fastidju psikoloġiku – Deċiżjoni li membru jitneħħa mill-funzjonijiet ta’ superviżjoni u ta’ ġestjoni tal-persunal tiegħu – Rikors għal annullament – Att li jistax jiġi kkontestat – Ammissibbiltà – Miżura meħuda fl-interess tas-servizz – Bażi legali – Drittijiet tad-difiża – Rifjut ta’ aċċess għall-annessi tar-rapport tal-OLAF – Żvelar tas-sustanza tax-xhidiet fil-forma ta’ sunt – Responsabbiltà”

Fil-Kawża T‑377/20,

KN, irrappreżentat minn M. Casado García-Hirschfeld u M. Aboudi, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (CESE), irrappreżentat minn M. Pascua Mateo, K. Gambino, X. Chamodraka, A. Carvajal García-Valdecasas u L. Camarena Januzec, bħala aġenti, assistiti minn A. Duron, avukat,

konvenut,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-KESE tad‑9 ta’ Ġunju 2020 u, min-naħa l-oħra, talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża għall-ksib ta’ kumpens għad-danni allegatament subiti mir-rikorrent,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn J. Svenningsen (Relatur), President, C. Mac Eochaidh u T. Pynnä, Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑21 ta’ April 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, KN, huwa membru tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) mill‑1 ta’ Mejju 2004. Bejn April 2013 u s‑27 ta’ Ottubru 2020, huwa kien president tal-grupp ta’ persuni li jimpjegaw fi ħdan il-KESE (iktar ’il quddiem il-“Ggrupp I”).

2        Fis‑6 ta’ Diċembru 2018, wara li ġie informat bl-allegazzjonijiet dwar l-aġir tar-rikorrent kontra membri oħra tal-KESE u tal-membri tal-persunal tal-KESE, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) fetaħ investigazzjoni fir-rigward tiegħu. Ir-rikorrent ġie informat bil-ftuħ ta’ din l-investigazzjoni permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Ottubru 2019.

3        Fil‑25 ta’ Novembru 2019, ir-rikorrent instema’ mill-OLAF matul seduta. Permezz ta’ posta elettronika tas‑26 u tad‑29 ta’ Novembru 2019, huwa kkompleta s-smigħ tiegħu permezz ta’ dikjarazzjonijiet bil-miktub.

4        Permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ Diċembru 2019, skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, ĠU L 2013, Vol. 248, p. 1), l-OLAF stieden lir-rikorrent jippreżenta, bil-miktub u f’terminu ta’ għaxart ijiem ta’ xogħol, l-osservazzjonijiet tiegħu fuq il-fatti li jikkonċernawh, kif esposti f’sunt mehmuż ma’ din l-ittra. Dawn il-fatti kienu jirrigwardaw l-aġir tar-rikorrent kontra A, B kif ukoll C u b’mod iktar ġenerali fir-rigward tal-membri tal-persunal tas-segretarjat tal-grupp I.

5        Fis‑17 ta’ Diċembru 2019, ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar is-sommarju tal-fatti li jikkonċernawh.

6        Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Jannar 2020, l-OLAF informa lir-rikorrent bl-għeluq tal-investigazzjoni u bit-trażmissjoni tar-rapport finali (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-OLAF”) lill-prosekutur federali Belġjan kif ukoll lill-President tal-KESE. Dan tal-aħħar kien mistieden, b’mod partikolari, sabiex jittratta r-ritraskrizzjonijiet tas-seduti tax-xhieda u tal-informaturi “fl-ikbar kunfidenzjalità”, peress li dawn kien fihom informazzjoni “sensittiva ħafna, li tista’ tesponi iktar lill-persuni kkonċernati”. Barra minn hekk, il-President tal-KESE kien mistieden jikkonsulta b’mod espliċitu lill-OLAF f’każ ta’ talba għal aċċess għall-imsemmija traskrizzjonijiet.

7        Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 883/2013, ir-rapport tal-OLAF kien akkumpanjat minn rakkomandazzjonijiet dwar is-segwitu li kellu jittieħed għall-investigazzjoni. B’hekk, minn naħa, l-OLAF irrakkomanda lill-prosekutur federali Belġjan li jibda proċeduri legali kontra r-rikorrent dwar fatti li allegatament jikkostitwixxu fastidju psikoloġiku kontra A u B, peress li dawn il-fatti jistgħu jikkostitwixxu reat fis-sens tal-Artikolu 442a tal-Code pénal belge (il-Kodiċi Kriminali, Belġju). Min-naħa l-oħra, fir-rigward ukoll tal-imsemmija fatti kif ukoll ta’ aġir allegatament abbużiv fil-konfront ta’ C u D kif ukoll ta’ membri oħra tal-persunal li eżerċitaw jew komplew jeżerċitaw funzjonijiet fi ħdan is-Segretarjat tal-Grupp I, l-OLAF irrakkomanda lill-KESE jipprevedi l-ftuħ tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 8 tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-membri tal-KESE li daħal fis-seħħ fl‑20 ta’ Frar 2019 (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Kondotta tal-2019”) u fir-raba’ parti tar-Regoli tal-Proċedura tal-KESE u li jieħu “l-miżuri kollha neċessarji sabiex jipprevjeni kull fastidju ġdid [mir-rikorrent] fuq il-post tax-xogħol”.

8        Permezz ta’ posta elettronika tal‑21 ta’ Jannar 2020, ir-rikorrent talab lill-President tal-KESE jibda l-proċedura msemmija fl-Artikolu 8 tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-2019, dwar l-eventwali ksur tal-imsemmi kodiċi, billi sejjaħ laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv dwar l-aġir tal-membri stabbilit mill-Artikolu 7 tal-istess kodiċi (iktar ’il quddiem il-“Kumitat Konsultattiv”), u dan qabel il-votazzjoni prevista l-għada, fi ħdan il-grupp I, sabiex jaħtar il-kandidat ta’ dan il-grupp fl-elezzjoni tal-President tal-KESE.

9        Waqt laqgħa li saret fil‑21 ta’ Jannar 2020, li għaliha attenda r-rikorrent, il-President tal-KESE informa lill-membri tal-Bureau tal-KESE li rċeviha, fis‑16 ta’ Jannar 2020, ir-rapport tal-OLAF u r-rakkomandazzjonijiet li jakkumpanjaw dan ir-rapport.

10      Permezz ta’ nota tat‑22 ta’ Jannar 2020, il-President tal-KESE bagħat ir-rapport tal-OLAF lill-Kumitat Konsultattiv u talab li, skont l-Artikolu 7(4) tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-2019, dan tal-aħħar jagħti opinjoni dwar l-allegat ksur tal-imsemmi kodiċi fi żmien 30 jum kalendarju. Il-President tal-KESE indika madankollu li, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tax-xhieda u tal-informaturi, it-traskrizzjonijiet tas-seduti tagħhom mill-OLAF ma ntbagħtux lill-Kumitat Konsultattiv.

11      Fl-istess jum, il-membri tal-grupp I ddeċidew li jipproponu l-kandidatura tar-rikorrent għall-elezzjoni tal-President tal-KESE li kellha tiżvolġi matul Ottubru 2020.

12      Permezz ta’ nota tal‑10 ta’ Frar 2020, il-President tal-Kumitat Konsultattiv stieden lir-rikorrent għal seduta prevista fis‑6 ta’ Marzu ta’ wara.

13      Permezz ta’ ittra tas‑17 ta’ Frar 2020 lill-President tal-Kumitat Konsultattiv, ir-rikorrent talab b’mod partikolari li jirċievi “kopja tad-dokumenti kollha li kellhom rabta diretta mal-allegazzjonijiet [imqajma kontrih], b’osservanza, ovvjament, tal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità”[traduzzjoni mhux uffiċjali].

14      B’risposta għal talba magħmula mill-KESE, l-OLAF, permezz ta’ posta elettronika tal‑20 ta’ Frar 2020, indika li, bħala regola ġenerali, ċerta informazzjoni ma kellhiex tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata, b’mod partikolari d-data personali ta’ terzi, b’mod partikolari dik tax-xhieda u tal-informaturi, kif ukoll l-evalwazzjoni ġuridika tal-fatti mwettqa mill-OLAF. Il-KESE ġie mistieden ukoll sabiex jibgħat lill-OLAF il-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport li dan il-korp kellu l-intenzjoni li jibgħat lir-rikorrent qabel ma jibagħtu lil dan tal-aħħar. B’mod informattiv, l-OLAF kien hemeż ukoll mal-posta elettronika tiegħu l-linji gwida dwar l-użu tar-rapporti finali tiegħu mid-dipartimenti tal-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest tal-proċeduri ta’ rkupru u miżuri oħra fis-settur tal-ispejjeż diretti u tal-għajnuna esterna.

15      Fl‑4 ta’ Marzu 2020, verżjoni tar-rapport tal-OLAF li ma tinkludix ċerta data sabiex, b’mod partikolari, tinżamm l-anonimità tax-xhieda u tal-informaturi, u nieqsa minn anness, intbagħtet lir-rikorrent (iktar ’il quddiem il-“verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-OLAF”).

16      Permezz ta’ posta elettronika tal‑4 ta’ Marzu 2020 lill-President tal-Kumitat Konsultattiv, ir-rikorrent talab b’mod partikolari li s-smigħ tiegħu, previst fis‑6 ta’ Marzu ta’ wara, jiġi pospost għal data ulterjuri, sabiex huwa jkollu iktar żmien sabiex jieħu konjizzjoni tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-OLAF.

17      Fis‑6 ta’ Marzu 2020, il-Kumitat Konsultattiv, kompost minn żewġ membri ġejjin minn kull wieħed mit-tliet gruppi tal-KESE, wettaq is-smigħ tar-rikorrent, wara li sema’ separatament lill-investigaturi tal-OLAF kif ukoll ex membru tal-KESE, D, fil-kwalità tiegħu ta’ informatur.

18      Waqt is-smigħ tiegħu, ir-rikorrent ilmenta b’mod partikolari dwar l-aċċess limitat li ngħatalu għar-rapport tal-OLAF.

19      Waqt is-smigħ tiegħu, D oppona għall-preżenza ta’ wieħed mill-membri tal-Grupp I fi ħdan il-Kumitat Konsultattiv, E, minħabba li kien jinsab f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi. Dan il-kunflitt ta’ interessi joriġina mill-fatt li, fuq talba tar-rikorrent, huwa kien wettaq investigazzjoni fi ħdan is-segretarjat tal-grupp I u, fi tmiemha, fassal rapport li jinkludi allegazzjonijiet dwar l-aġir ta’ A, liema rapport sussegwentement intuża mir-rikorrent sabiex jikseb vot ta’ fiduċja waqt laqgħa tal-Bureau tal-Grupp I, fil‑25 ta’ Ottubru 2018.

20      It-tieni smigħ tar-rikorrent mill-Kumitat Konsultattiv, previst fis‑17 ta’ Marzu ta’ wara, ma setax iseħħ minħabba r-restrizzjonijiet implimentati sabiex tiġi indirizzata l-kriżi tas-saħħa marbuta mal-COVID-19. Sussegwentement, la l-Kumitat Konsultattiv u lanqas ir-rikorrent ma talbu li tali tieni smigħ jiġi organizzat.

21      Permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ April 2020, il-Kumitat Konsultattiv informa lill-President tal-KESE li E ma kienx ser jieħu sehem fid-deliberazzjonijiet tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-każ tar-rikorrent peress li kien jinsab f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi. Din l-ittra ppreċiżat ukoll li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni membru tal-grupp I fi ħdan il-Kumitat Konsultattiv, F, kien irrifjuta li jassoċja ruħu mad-deċiżjoni ta’ esklużjoni ta’ E mid-deliberazzjonijiet u li għaldaqstant lanqas ma kienet ser tieħu sehem fid-deliberazzjonijiet tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-każ tar-rikorrent.

22      Permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ April 2020 indirizzata lill-President tal-KESE, ir-rikorrent indika li kien qed isofri minn problemi ta’ saħħa u li kien, minħabba f’hekk, impossibbli għalih li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu bħala President tal-grupp I għal żmien indeterminat. Il-Viċi President tal-Grupp I inħatar sabiex iwettaq temporanjament dawn il-funzjonijiet matul il-perijodu tal-leave tal-mard tar-rikorrent.

23      Permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ April 2020 indirizzata lill-President tal-KESE, il-Kumitat Konsultattiv, skont l-Artikolu 8(2) tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-2019, bagħat ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar l-allegat ksur tal-kodiċi ta’ kondotta mir-rikorrent. Il-Kumitat Konsultattiv stieden b’mod partikolari lill-President tal-KESE sabiex jieħu l-miżuri li ġejjin:

“1.) Fid-dawl tas-smigħ tal-OLAF u [tar-rikorrent] organizzati mill-Kumitat Konsultattiv fis‑6 ta’ Marzu 2020, u wara eżami fid-dettall tal-minuti tas-seduta mal-OLAF [tar-rikorrent] kif ukoll tar-rapport tal-OLAF, il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-konstatazzjonijiet fattwali stabbiliti mill-OLAF kif ukoll mal-konklużjonijiet legali li jirriżultaw minnhom. Għaldaqstant, il-Kumitat Konsultattiv jikkonstata li, bl-aġir tiegħu fir-rigward tal-membri tal-persunal u ta’ ex membri tal-KESE, [ir-rikorrent] kiser l-Artikolu 1(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-KESE, l-Artikolu 4(1) tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-membri tal-KESE tas‑17 ta’ Jannar 2013, l-Artikolu 4(1) tal-Kodiċi ta’ [Kondotta tal-2019], kif ukoll l-Artikolu 31(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-Kumitat Konsultattiv jikkonstata barra minn hekk li d-drittijiet proċedurali tal-persuna inkriminata ġew kompletament irrispettati fil-kuntest tal-investigazzjonijiet tal-OLAF;

2.) Minħabba l-ksur ripetut u gravi tad-dispożizzjonijiet ċentrali fl-ordinament ġuridiku Ewropew, [ir-rikorrent] qed jiġi irtirat minnu d-dritt ta’ tmexxija tiegħu u, konsegwentement, l-awtorità tiegħu fil-konfront tal-membri tal-persunal tas-segretarjat tal-Grupp I;

3.) Bħala konsegwenza tal-irtirar tad-dritt tiegħu li jmexxi l-membri tal-persunal, u peress li l-kariga ta’ president hija strettament marbuta ma’ dan id-dritt, [ir-rikorrent] huwa sospiż mill-kariga tiegħu ta’ president tal-grupp I; is-sospensjoni tapplika mingħajr preġudizzju għall-fatt li, għal raġunijiet ta’ saħħa u sakemm jirkupra, [ir-rikorrent] ittrasferixxa l-Presidenza tal-Grupp I [lill-] Viċi President tal-grupp I;

4.) Il-President tal-KESE CESE […] huwa mitlub jirrikjedi [mir-rikorrent] li jirtira l-kandidatura tiegħu għall-Presidenza tal-KESE, li ġiet ikkonfermata mill-membri tal-Grupp I matul il-proċedura elettorali tat‑23 ta’ Jannar 2020, sabiex jevita li jikkawża preġudizzju lill-KESE u lill-membri tiegħu;

5.) Fil-każ li l-prosekutur Belġjan jiftaħ investigazzjoni, il-KESE jibda proċedura ġudizzjarja, sabiex jikkostitwixxi ruħu bħala parti ċivili fi proċeduri kontra [r-rikorrent] […]”

24      Permezz ta’ ittra tat‑12 ta’ Mejju 2020, il-President tal-KESE stieden lir-rikorrent, skont l-Artikolu 8(3) tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-2019, sabiex jibagħtlu l-osservazzjonijiet bil-miktub eventwali tiegħu dwar ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Kumitat Konsultattiv.

25      Fit‑13 ta’ Mejju 2020, il-Parlament Ewropew adotta d-Deċiżjoni (UE) 2020/1984, dwar il-kwittanza għall-implementazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena 2018, Taqsima VI Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (ĠU 2020, L  417, p. 469), li permezz tiegħu din l-istituzzjoni ddifferiet l-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-KESE dwar l-eżekuzzjoni tal-baġit tal-KESE għas-sena finanzjarja 2018. L-għada, il-Parlament adotta r-Riżoluzzjoni (UE) 2020/1985, li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima VI — Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (ĠU 2020, L 417, p. 470), li tgħid li l-KESE kien mistieden jinformah, qabel l-aħħar ta’ Settembru 2020, bil-miżuri meħuda sabiex jiġu segwiti r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-rapport tal-OLAF.

26      Fis‑27 ta’ Mejju 2020, il-President tal-KESE, skont l-Artikolu 8(3) tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-2019, ikkonsulta l-Presidenza Estiża tal-KESE.

27      Permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Ġunju 2020 lill-President tal-KESE, ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konsultattiv. Ir-rikorrent jikkritika b’mod partikolari lill-Kumitat Konsultattiv li kiser id-drittijiet tad-difiża tiegħu, sa fejn, la ma setax ikollu l-annessi tar-rapport tal-OLAF, huwa ma setax jagħmel il-kummenti tiegħu dwarhom.

28      Permezz ta’ nota tat‑3 ta’ Ġunju 2020, il-President tal-KESE bagħat ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konsultattiv u l-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrent dwarhom, kif ukoll il-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-OLAF u d-deċiżjoni tal-Parlament dwar il-posponiment tal-kwittanza baġitarja għall-membri tal-Bureau tal-KESE sabiex dawn jadottaw deċiżjoni dwar ir-rikorrent. Abbozz ta’ deċiżjoni kien anness ukoll ma’ din in-nota.

29      Waqt il-laqgħa tiegħu in camera tad‑9 ta’ Ġunju 2020, il-Bureau tal-KESE adotta d-deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), b’21 vot favur, 4 voti kontra u astensjoni, vot li kien, għall-bqija, iddikjarat invalidu. L-uniku artikolu ta’ din id-deċiżjoni huwa fformulat kif ġej:

“Il-Bureau

1. tieħu nota tal-konklużjonijiet tal-OLAF u tal-Kumitat Konsultattiv dwar ir-responsabbiltà [tar-rikorrent] […] fir-rigward tal-atti ta’ fastidju u tal-aġir mhux xieraq li huwa akkużat bih,

2. jinnota li s-sanzjonijiet stabbiliti fil-[Kodiċi ta’ Kondotta tal-2019] ma humiex applikabbli f’dan il-każ, fid-dawl tal-prinċipju ta’ nulla poena sine lege,

titlob [lir-rikorrent]:

–        li jirriżenja mill-funzjonijiet tiegħu ta’ President tal-Grupp I,

–        li jirtira l-kandidatura tagħha għall-Presidenza tal-KESE.

4. tneħħi [lir-rikorrent] minn kull attività ta’ superfijoni u ta’ ġestjoni tal-persunal,

5. jinkariga lis-Segretarju Ġenerali sabiex jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura ruħu li l-KESE jikkostitwixxi ruħu bħala parti ċivili fil-każ fejn tinfetaħ proċedura mill-procureur du Roi (il-Prosekutur tar-Re) kontra [r-rikorrent],

6. jinkariga lis-Segretarju Ġenerali li jibgħat din id-deċiżjoni lill-OLAF u lill-Parlament Ewropew; id-deċiżjoni tista’ wkoll, jekk ikun il-każ, tiġi nnotifikata lil istituzzjonijiet oħra u/jew lill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri.

Din id-deċiżjoni tifforma parti integrali mill-minuti tal-laqgħa tal-Bureau tad‑9 ta’ Ġunju 2020 u t-tqassim tagħha huwa limitat [traduzzjoni mhux uffiċjali]”

30      Id-deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata lir-rikorrent fil‑11 ta’ Marzu 2016.

31      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Lulju 2020, l-Assemblea Plenarja tal-KESE, fuq talba tal-auditorat du travail de Bruxelles (il-Prosekutur tax-Xogħol ta’ Brussell, il-Belġju) u wara li rċeviet l-osservazzjonijiet tar-rikorrent, neħħiet l-immunità li minnha kien jibbenefika dan tal-aħħar. Sussegwentement, permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Lulju 2020, l-assemblea plenarja tal-KESE ddeċidiet li dan il-korp kien ser jikkostitwixxi ruħu parti ċivili fil-proċedura miftuħa kontra r-rikorrent quddiem it-tribunal correctionnel de Bruxelles (il-Qorti Kriminali ta’ Brussell, il-Belġju).

32      L-assenza tar-rikorrent minħabba mard intemmet fit‑28 ta’ Awwissu 2020.

33      Permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Settembru 2020, id-Direttur tad-Direttorat “Riżorsi umani u Finanzi” tal-KESE informa lir-rikorrent bil-fatt li, b’eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, huwa kien qiegħed ineħħih mill-funzjonijiet tiegħu ta’ sorveljanza u ġestjoni tal-persunal tas-segretarjat tal-grupp I. Ir-rikorrent kien barra minn hekk mistieden jaħtar membru ieħor tal-grupp I sabiex jiżgura l-ġestjoni ta’ kuljum tas-segretarjat ta’ dan il-grupp.

34      Fit‑8 ta’ Settembru 2020, il-grupp I ippreżenta l-kandidatura ta’ wieħed ieħor mill-membri tiegħu għall-Presidenza tal-KESE u r-rikorrent irtira l-kandidatura tiegħu għal din l-elezzjoni.

35      Fis‑27 ta’ Ottubru 2020, fl-iskadenza tal-mandat tar-rikorrent, il-grupp I eleġġa president ġdid. Fl-istess jum, il-kandidata proposta mill-grupp I ġiet eletta mill-President tal-KESE.

36      Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1636 tat‑30 ta’ Ottubru 2020 li taħtar membru tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għall-perijodu mill‑21 ta’ Settembru 2020 sal‑20 ta’ Settembru 2025 (ĠU 2020, L 369, p. 1), ir-rikorrent, fuq proposta tar-Repubblika tal-Polonja, inħatar membru tal-KESE għall-perijodu mill‑21 ta’ Settembru 2020 sal‑20 ta’ Settembru 2025.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

37      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Ġunju 2020, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

38      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrent ressaq talba għal miżuri provviżorji intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Din it-talba ġiet miċħuda permezz tad-digriet tat‑22 ta’ Lulju 2020, KN vs KESE (T‑377/20 R, mhux ippubblikat, EU:T:2020:353), minħabba nuqqas ta’ urġenza u l-ispejjeż ġew irriżervati.

39      Permezz ta’ att separat ieħor ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrent talab lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi skont il-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 152 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Lulju 2020 innotifikata lir-rikorrent fis‑27 ta’ Lulju ta’ wara, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) ċaħdet din it-talba.

40      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Ġunju 2020, ir-rikorrent talab sabiex jibbenefika mill-anonimat skont l-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura, li ngħatalu.

41      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑31 ta’ Awwissu 2020, ir-rikorrent ressaq talba ġdida għal miżuri provviżorji, ibbażata fuq l-allegata eżistenza ta’ fatti ġodda fis-sens tal-Artikolu 160 tar-Regoli tal-Proċedura, li għandha bħala suġġett is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Din it-talba ġiet miċħuda permezz tad-digriet tad‑19 ta’ Ottubru 2020, KN vs KESE (T‑377/20 R II, mhux ippubblikat, EU:T:2020:505), minħabba nuqqas ta’ urġenza u l-ispejjeż ġew irriżervati.

42      Wara skambju ieħor ta’ noti, il-fażi bil-miktub tal-proċedura ngħalqet fil‑25 ta’ Novembru 2020.

43      Permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Diċembru 2020, ir-rikorrent talab, skont l-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li tinżamm seduta.

44      Permezz ta’ ittra tar-Reġistratur tad‑9 ta’ Frar 2021, il-KESE ġie mistieden mill-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, sabiex jipproduċi, jekk ikun il-każ fil-forma ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali, l-annessi tar-rapport tal-OLAF, inklużi t-traskrizzjonijiet tas-seduti tax-xhieda u tal-informaturi, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 92(3) u tal-Artikolu 103 tar-Regoli tal-Proċedura.

45      Permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Frar 2021, il-KESE spjega li l-annessi tar-rapport tal-OLAF kienu kunfidenzjali u għalhekk ma setgħux jintbagħtu lir-rikorrent. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-KESE qies li d-dokumenti mitluba kellhom jiġu prodotti biss permezz ta’ digriet istruttorju skont l-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura, peress li t-trattament tagħhom għandu jiġi rregolat mill-Artikolu 103 tar-Regoli tal-Proċedura.

46      Permezz ta’ ittra tar-Reġistru tal‑5 ta’ Marzu 2021, il-Qorti Ġenerali, bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, għamlet mistoqsijiet għal tweġibiet bil-miktub lill-partijiet, li wieġbu għal din it-talba fit-terminu stabbilit.

47      Permezz ta’ digriet tad‑9 ta’ Marzu 2021, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-KESE, skont l-Artikolu 92(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jipproduċi l-annessi tar-rapport tal-OLAF, inklużi t-traskrizzjonijiet ta’ smigħ tax-xhieda u tal-informaturi, li ġew ikkomunikati lilu mill-OLAF permezz ta’ nota tas‑16 ta’ Jannar 2020. Barra minn hekk ġie ppreċiżat li, f’dan l-istadju tal-proċedura, dawn id-dokumenti ma kinux ser jiġu kkomunikati lir-rikorrent, sakemm il-KESE ma jkunx f’pożizzjoni li jipproduċi, minbarra l-verżjoni integrali tal-imsemmija dokumenti, verżjoni mhux kunfidenzjali tagħhom.

48      Fis‑17 ta’ Marzu 2021, il-KESE pproduċa l-verżjoni kunfidenzjali tal-annessi tar-rapport tal-OLAF.

49      Fit‑30 ta’ Marzu 2021, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-dokumenti prodotti mill-konvenuta skont id-digriet istruttorju tad‑9 ta’ Marzu 2021 kienu rilevanti sabiex tiġi deċiża l-kawża u kienu ta’ natura kunfidenzjali. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tadotta miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li tikkonċerna l-modalitajiet li bihom id-dokumenti msemmija jistgħu jinġiebu għall-konjizzjoni tar-rikorrent.

50      Permezz ta’ ittra tar-Reġistratur tat‑30 ta’ Marzu 2021, l-avukati tar-rikorrent ġew mistiedna mill-Qorti Ġenerali sabiex jissottoskrivu impenn ta’ kunfidenzjalità qabel ma rċevew kopja tal-verżjoni kunfidenzjali tal-annessi tar-rapport tal-OLAF. Fis‑7 ta’ April 2021, l-avukati tar-rikorrent bagħtu lill-Qorti Ġenerali l-impenji ta’ kunfidenzjalità ffirmati.

51      Permezz ta’ ittra tar-Reġistru tas‑7 ta’ April 2021, l-avukati tar-rikorrent ġew mistiedna mill-Qorti Ġenerali sabiex jidentifikaw, fil-verżjoni kunfidenzjali tal-annessi tar-rapport tal-OLAF, l-eventwali elementi li s-sustanza tagħhom ma kinitx tinsab fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-OLAF li r-rikorrent kellu aċċess għaliha u, jekk ikun il-każ, sabiex jesponi l-osservazzjonijiet komplementari, li jistgħu jinfluwenzaw l-eżitu tal-proċedura amministrattiva, li r-rikorrent seta’ jippreżenta fl-istadju ta’ din il-proċedura kieku kien jaf b’dawn l-elementi. L-avukati tar-rikorrent ikkonformaw ma’ din it-talba fit-terminu stabbilit.

52      Il-partijiet instemgħu waqt is-seduta għat-trattazzjoni tal‑21 ta’ April 2021. Matul is-seduta, il-KESE talab sabiex ikun jista’ iwieġeb bil-miktub għall-osservazzjonijiet prodotti mill-avukati tar-rikorrent dwar il-verżjoni kunfidenzjali tal-annessi tar-rapport tal-OLAF. Wara li rċeviet, fil‑5 ta’ Mejju 2021, l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-KESE, il-Qorti Ġenerali għalqet il-fażi orali tal-proċedura.

53      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        jikkundanna lill-KESE iħallsu ammont ta’ EUR 200 000 bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab kif ukoll ammont ta’ EUR 50 000 bħala kumpens għad-dannu materjali mġarrab;

–        tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż kollha.

54      Il-KESE jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż, inklużi dawk marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji u mat-talba għal proċedura mħaffa.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għal annullament

55      Mingħajr ma jqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà permezz ta’ att separat, il-KESE madankollu jsostni li r-rikors għal annullament għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

56      Fl-ewwel lok, il-KESE jsostni li l-istediniet magħmula lir-rikorrent sabiex jirriżenja mill-funzjonijiet tiegħu bħala President tal-Grupp I u sabiex jirtira l-kandidatura tiegħu għall-presidenza tiegħu ma għandhomx effetti legali vinkolanti peress li l-għażla li jirriżenja jew li jirtira l-kandidatura tiegħu tappartjeni biss lir-rikorrent.

57      Fit-tieni lok, il-KESE jqis li d-deċiżjoni li r-rikorrent jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu ta’ sorveljanza u ta’ ġestjoni tal-persunal mis-segretarjat tal-grupp I hija biss miżura ta’ riorganizzazzjoni interna għall-KESE, meħuda mill-amministrazzjoni abbażi tas-setgħa tagħha li torganizza s-servizzi tagħħha liberament. Issa, mis-sentenza tal‑25 ta’ Frar 1988, Les Verts vs Il-Parlament (190/84, EU:C:1988:94), jirriżulta li atti li jipproduċu effetti legali biss fl-isfera interna tal-amministrazzjoni ma joħolqux drittijiet jew obbligi fil-konfront ta’ terzi u ma jikkostitwixxux atti li jistgħu jiġu kkontestati skont l-Artikolu 263 TFUE.

58      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-elementi l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata, li jirrigwardaw, minn naħa, il-kostituzzjoni tal-KESE bħala parti ċivili fil-kuntest tal-proċedura quddiem it-tribunal correctionnel de Bruxelles (il-Qorti Kriminali ta’ Brussell) u, min-naħa l-oħra, il-komunikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata lil diversi istituzzjonijiet jew korpi tal-Unjoni Ewropea jew tal-Istati Membri, il-KESE jqis li dawn huma “atti purament eżekuttivi tar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF” li lanqas ma jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament.

59      Ir-rikorrent jikkontesta dawn l-argumenti.

60      Fil-każ inkwistjoni, il-Bureau tal-KESE, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, adotta tliet miżuri kontra r-rikorrent u għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk dawn il-miżuri jistgħux ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju skont l-Artikolu 263 TFUE.

 Fuq l-istediniet sabiex jirriżenja mill-Presidenza tal-Grupp I u sabiex tirtira l-kandidatura tagħha għall-presidenza tal-KESE

61      Fil-paragrafu 3 tal-artikolu uniku tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bureau tal-KESE stieden lir-rikorrent jirriżenja mill-funzjonijiet tiegħu bħala President tal-Grupp I u jirtira l-kandidatura tiegħu għall-Presidenza tal-KESE.

62      Skont il-ġurisprudenza, l-atti kollha meħuda mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni, irrispettivament minn natura u mill-forma, li jkunu intiżi li joħolqu effetti legali vinkolanti tali li jistgħu jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod ikkaratterizzat is-sitwazzjoni legali tiegħu, jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu suġġetti għal rikors għal annullament (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, SATCEN vs KF, C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Issa, f’din il-kawża, kif isostni ġustament il-KESE, l-istediniet sabiex jirriżenja mill-presidenza tal-Grupp I u jirtira l-kandidatura tiegħu għall-presidenza tiegħu huma, min-natura tagħhom, nieqsa minn kull effett legali vinkolanti fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza.

64      Fil-fatt, peress li l-Bureau tal-KESE ma għandux is-setgħa li jirrikjedi r-riżenja ta’ wieħed mill-membri tiegħu tal-Presidenza ta’ grupp jew l-irtirar ta’ kandidatura għall-elezzjoni tal-President tiegħu, ir-rikorrent seta’ liberament jiddeċiedi li ma jilqax l-imsemmija stediniet.

65      Fil-każ inkwistjoni, minkejja dawn l-istediniet, ir-rikorrent barra minn hekk baqa’ President tal-Grupp I sal-iskadenza tal-mandat tiegħu, fis‑27 ta’ Ottubru 2020.

66      Ċertament, fit‑8 ta’ Settembru 2020, meta l-Grupp I ppropona l-kandidatura ta’ wieħed mill-membri tiegħu għall-Presidenza tal-KESE u kważi tliet xhur wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrent aċċetta li jirtira l-kandidatura tiegħu.

67      Madankollu, ir-rikors preżenti, ippreżentat fit‑18 ta’ Ġunju 2020, ma huwiex dirett kontra d-deċiżjoni tar-rikorrent, tat‑8 ta’ Settembru ta’ wara, li jirtira l-kandidatura tiegħu lill-Presidenza tal-KESE, iżda kontra l-istedina tal-Bureau sabiex jirtiraha, li ma għandhiex in-natura ta’ att li jikkawża preġudizzju.(ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2015, Dalli vs Il‑Kummissjoni, T‑562/12, EU:T:2015:270, punt 155).

68      Minn dan isegwi li, sa fejn tistieden lir-rikorrent jirriżenja mill-funzjonijiet tiegħu ta’ President tal-Grupp I u jirtira l-kandidatura tiegħu għall-Presidenza tal-KESE, id-deċiżjoni kkontestata ma għandhiex effetti legali vinkolanti. Għaldaqstant, it-talbiet għal annullament għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli sa fejn huma diretti kontra tali stediniet.

 Fuq id-deċiżjoni li r-rikorrent jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu ta’ sorveljanza u ta’ ġestjoni tal-persunal

69      Fil-paragrafu 4 tal-artikolu uniku tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bureau tal-KESE neħħa lir-rikorrent mill-funzjonijiet tiegħu ta’ superviżjoni u ta’ ġestjoni tal-persunal.

70      Skont l-Artikolu 80(1) tar-regoli interni, “[i] l-gruppi għandhom ikollhom segretarjat, li jiddependi direttament mill-President tal-grupp ikkonċernat”. Skont l-Artikolu 80(2) u (3) ta’ dawn l-istess regoli, is-setgħat tal-Awtorità tal-Ħatra u tal-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ (iktar ’il quddiem l-“ASTK”), fir-rigward tal-membri tal-persunal tas-segretarjat tal-grupp, huma eżerċitati “fuq proposta tal-President tal-grupp”.

71      F’dan il-każ, mill-ittra tal‑1 ta’ Settembru 2020 tad-Direttur tad-Direttorat “Riżorsi Umani u Finanzi” tal-KESE, imsemmija fil-punt 33 iktar ’il fuq, jirriżulta li d-deċiżjoni li r-rikorrent jitneħħa mill-funzjonijiet ta’ superviżjoni u ta’ ġestjoni tal-persunal kellha l-effett li dan ma setax ikun iktar involut fir-reklutaġġ, l-evalwazzjoni, il-klassifikazzjoni mill-ġdid, it-taħriġ, il-missjonijiet jew ukoll il-ġestjoni tal-ħin tal-membri tal-persunal tas-segretarjat tal-grupp I.

72      Dawn il-kompiti u attribuzzjonijiet għaldaqstant jirrigwardaw kompetenzi marbuta mal-eżerċizzju ta’ setgħa ġerarkika li r-rikorrent għandu fil-kwalità tiegħu ta’ President tal-Grupp I, kif jirriżulta, barra minn hekk, mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konsultattiv, imsemmija fil-punt 23 iktar ’il fuq.

73      Fuq dan il-punt, waqt is-seduta, il-KESE kkonferma barra minn hekk in-natura definittiva ta’ tali miżura, billi indika li r-rikorrent ma setax jibqa’ jeżerċita tali funzjonijiet ta’ superviżjoni u ta’ ġestjoni tal-persunal, anki jekk kien ġie elett mill-ġdid bħala President tal-Grupp I wara l-iskadenza tal-mandat tiegħu. Il-fatt, ukoll invokat mill-KESE waqt is-seduta, li dan il-korp jista’ jasal jirrevedi d-deċiżjoni kkontestata fil-futur jekk iċ-ċirkustanzi li ġġustifikaw l-adozzjoni tagħha kellhom jinbidlu, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni, pereżempju, l-eżitu tal-proċeduri kriminali miftuħa kontra r-rikorrent, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-ammissibbiltà tar-rikors, peress li din l-evalwazzjoni għandha ssir b’riferiment għas-sitwazzjoni eżistenti fil-mument tal-preżentata tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni, C‑77/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:695, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      Għaldaqstant, fid-dawl tan-natura ta’ dawn il-kompiti u tal-portata tagħhom, għandu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni li r-rikorrent jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu ta’ superviżjoni u ta’ ġestjoni tal-persunal tipproduċi effetti legali vinkolanti tali li jaffettwaw l-interessi ta’ dan tal-aħħar billi jbiddlu, b’mod sinjifikattiv, is-sitwazzjoni legali tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2002, Pflugradt vs BĊE, T‑178/00 u T‑341/00, EU:T:2002:253, punt 81).

75      Fl-aħħar nett, l-argument tal-KESE li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jillimita l-kompetenza tal-qorti tal-Unjoni għall-atti maħsuba sabiex jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ terzi ma jinvalidax din il-konklużjoni.

76      Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li dawn it-termini huma intiżi sabiex jeskludu l-atti li ma jikkostitwixxux atti li jikkawżaw preġudizzju, inkwantu huma intiżi esklużivament għall-organizzazzjoni interna tal-amministrazzjoni u ma jipproduċux effetti ħlief f’din l-isfera interna, mingħajr ma joħolqu ebda dritt jew obbligu fir-rigward ta’ terzi (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, SATCEN vs KF, C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Issa, għalkemm id-deċiżjoni li r-rikorrent jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu ta’ superviżjoni u ta’ ġestjoni tal-persunal tikkonċerna ċertament l-organizzazzjoni interna tal-KESE, xorta jibqa’ l-fatt li din id-deċiżjoni hija att li tiegħu r-rikorrent huwa d-destinatarju, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u li tikkawżalu preġudizzju sa fejn hija ċċaħħdu mis-setgħa ġerarkika li huwa jeżerċita, skont l-Artikolu 80 tar-Regoli tal-Proċedura tal-KESE, fir-rigward tal-membri tal-persunal tas-Segretarjat tal-Grupp I (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, SATCEN vs KF, C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punt 74), kuntrarjament għal dak li jsostni l-KESE.

78      Barra minn hekk, peress li, tal-inqas f’dan il-kuntest, ir-rikorrent jikkostitwixxi persuna ġuridikament distinta mill-KESE, ma jistax jitqies li din it-tilwima ma hijiex bejn il-KESE u terz, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, SATCEN vs KF, C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punt 75, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża SATCEN vs KF, C‑14/19 P, EU:C:2020:220, punt 111).

79      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li t-talbiet għal annullament huma ammissibbli sa fejn huma diretti kontra d-deċiżjoni li r-rikorrent jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu ta’ superviżjoni u ta’ ġestjoni tal-persunal.

 Fuq l-istruzzjonijiet mogħtija lis-Segretarju Ġenerali tal-KESE

80      Fil-paragrafi 5 u 6 tal-uniku artikolu tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bureau tal-KESE inkariga lis-Segretarju Ġenerali tal-KESE “jagħmel dak li huwa neċessarju”, minn naħa, sabiex il-KESE jikkostitwixxi ruħu bħala parti ċivili fil-każ fejn tinfetaħ proċedura ġudizzjarja kontra r-rikorrent u, min-naħa l-oħra, sabiex kopja ta’ din id-deċiżjoni tintbagħat, b’mod partikolari lill-OLAF u lill-Parlament.

81      B’risposta għall-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-KESE, ir-rikorrent madankollu ma ressaq ebda argument speċifiku fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu jew matul is-seduta li jippermetti li jiġi spjegat sa fejn dan l-element tad-deċiżjoni kkontestata jbiddel is-sitwazzjoni legali tiegħu, b’mod ikkaratterizzat, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 62 iktar ’il fuq.

82      Issa, fir-rigward tal-intenzjoni tal-KESE li jikkostitwixxi ruħu bħala parti ċivili quddiem qorti nazzjonali, għandu jitfakkar li l-fatt li jista’ jasserixxi d-drittijiet tiegħu permezz tar-rimedju ġudizzjarju u l-istħarriġ ġudizzjarju li dan jimplika huwa l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt li huwa bbażat fuq tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li ġie stabbilit ukoll fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (sentenzi tal‑15 ta’ Mejju 1986, Johnston, 222/84, EU:C:1986:206, punti 17 u 18, u tas‑17 ta’ Lulju 1998, ITT Promedia vs Il‑Kummissjoni, T‑111/96, EU:T:1998:183, punt 60), u bl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

83      Billi jikkostitwixxi ruħu bħala parti ċivili quddiem qorti nazzjonali fil-kuntest ta’ proċedura miftuħa kontra r-rikorrent, il-KESE ma għandux l-intenzjoni jbiddel huwa stess is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent, peress li jillimita ruħu li jieħu sehem fi proċedura li twassal eventwalment sabiex tbiddel din is-sitwazzjoni legali permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja. Fil-fatt, jekk ikun il-każ, tkun id-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali adita li tbiddel is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent. Għaldaqstant, l-intenzjoni tal-KESE li jikkostitwixxi ruħu parti ċivili fil-proċedura miftuħa kontra r-rikorrent ma tistax titqies bħala deċiżjoni li tista’ tiġi kkontestata skont l-Artikolu 263 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2003, Philip Morris International vs Il‑Kummissjoni, T‑377/00, T‑379/00, T‑380/00, T‑260/01 u T‑272/01, EU:T:2003:6, punt 79).

84      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk jitqies li t-tressiq ta’ kawża quddiem qorti nazzjonali minn istituzzjoni tal-Unjoni jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, dan ir-rikors ma huwiex dirett kontra d-deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja tal-KESE tat‑28 ta’ Lulju 2020 li ssir parti ċivili fil-proċedura miftuħa kontra r-rikorrent, iżda kontra d-deċiżjoni kkontestata, li tista’ tikkostitwixxi, l-iktar l-iktar, att preparatorju tad-deċiżjoni tal-assemblea.

85      Fl-aħħar, fir-rigward tad-deċiżjoni li s-Segretarju Ġenerali tal-KESE jiġi inkarigat li jikkomunika d-deċiżjoni kkontestata lil ċerti istituzzjonijiet jew lil ċerti korpi tal-Istati Membri, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, bħalma għamel il-KESE, li din il-miżura ma għandhiex effetti legali vinkolanti fir-rigward tar-rikorrent. Fil-fatt, id-destinatarji ta’ din il-komunikazzjoni jibqgħu liberi, fil-kuntest tas-setgħat rispettivi tagħhom, li jevalwaw il-kontenut u l-portata tal-informazzjoni li tinsab f’din id-deċiżjoni u, għaldaqstant, is-segwitu li għandu jittieħed, jekk ikun il-każ.

86      Għaldaqstant, it-talbiet għal annullament għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli sa fejn huma diretti kontra l-istruzzjonijiet mogħtija mill-Bureau tal-KESE lis-Segretarju Ġenerali tal-KESE.

87      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikors għal annullament għandu jiġi ddikjarat ammissibbli biss sa fejn huwa dirett kontra d-deċiżjoni li r-rikorrent jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu ta’ superviżjoni u ta’ ġestjoni tal-persunal (iktar ’il quddiem il-“miżura kontenzjuża”) u huwa inammissibbli għall-kumplament.

 Fuq il-mertu

88      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent iqajjem erba’ motivi, ibbażati:

–        l-ewwel, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, tad-dritt għal smigħ u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità;

–        it-tieni, fuq il-ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tal-prinċipju ta’ imparzjalità.

–        it-tielet, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività, ta’ ċertezza legali u ta’ nulla poena sine lege;

–        ir-raba’, fuq il-ksur tal-“prinċipju tal-kunfidenzjalità ta’ proċeduri dixxiplinari u ta’ informazzjoni ġudizzjarja”, tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 883/2013 kif ukoll tal-Artikolu4(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39).

89      Peress li t-tielet motiv imqajjem mir-rikorrent jimplika b’mod partikolari li l-Qorti Ġenerali teżamina l-kwistjoni dwar jekk il-miżura kontenzjuża hijiex ibbażata fuq bażi legali li tawtorizza lill-Bureau tal-KESE sabiex jadottaha u li din hija kwistjoni ta’ ordni pubbliku (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2014, McBride et vs Il-Kummissjoni, T‑458/10 sa T‑467/10 u T‑471/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:249, punti 25 sa 28 u l-ġurisprudenza ċċitata), din għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività, ta’ ċertezza legali u ta’ nulla poena sine lege

90      Insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-miżura kontenzjuża hija nieqsa minn bażi legali u li l-Bureau tal-KESE ma kienx kompetenti sabiex jimponilu tali sanzjoni.

91      F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li s-sanzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8 tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-2019 ma jistgħux jiġu imposti sabiex jissanzjonaw fatti li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmi kodiċi. Fir-rigward tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-membri tal-KESE tas‑17 ta’ Jannar 2013 (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Kondotta tal-2013”), dan ma jipprevedix il-possibbiltà li tiġi imposta kwalunkwe sanzjoni fuq membru tal-KESE li jkun kiser id-dispożizzjonijiet tiegħu.

92      IL-KESE jikkontesta dawn l-argumenti.

93      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, għalkemm il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jimponu l-applikazzjoni tar-regoli sostantivi fis-seħħ fid-data tal-fatti inkwistjoni, minkejja li dawn ir-regoli ma jibqgħux fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni ta’ att minn korp tal-Unjoni, il-proċedura ta’ adozzjoni ta’ att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni għandha titmexxa konformement mar-regoli fis-seħħ fid-data ta’ din l-adozzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs McBrideet et, C‑361/14 P, EU:C:2016:434, punt 40).

94      Għaldaqstant, ir-rikorrent ma jistax jikkritika lill-KESE li kiser l-imsemmija prinċipji meta adotta l-miżura kontenzjuża skont il-proċedura stabbilita mill-Kodiċi ta’ Kondotta tal-2019, a fortiori sa fejn mill-punt 8 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrent stess talab lill-President tal-KESE sabiex jibda din il-proċedura.

95      F’dan ir-rigward, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-2019 jipprevedi li l-President tal-KESE, wara li jkun stieden lill-membru kkonċernat jippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konsultattiv, jikkonsulta l-Presidenza Estiża u sussegwentement jitlob lill-Bureau jieħu deċiżjoni dwar il-miżuri li jistgħu jittieħdu konformement mal-istatus tal-membri u r-regoli interni tal-KESE.

96      F’dan il-każ, fi tmiem din il-proċedura, il-Bureau tal-KESE kkonkluda qabel kollox, fil-paragrafu 2 tal-artikolu uniku tad-deċiżjoni kkontestata, li ebda sanzjoni ma setgħet tiġi imposta fuq ir-rikorrent taħt piena ta’ ksur tal-prinċipju ta’ nulla poena sine lege. Sussegwentement, fil-paragrafu 4 tal-artikolu uniku tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bureau tal-KESE adotta l-miżura kontenzjuża.

97      Sa fejn il-partijiet ma jaqblux fuq in-natura tal-miżura kontenzjuża u sa fejn l-analiżi tat-tielet motiv tiddependi fuq il-kwistjoni dwar jekk din il-miżura tikkostitwixxix sanzjoni jew le, għandha ssir il-klassifikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-klassifikazzjoni mogħtija lil din il-miżura mill-partijiet inkwistjoni ma tistax torbot lill-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Bernaldo de Quirós vs Il-Kummissjoni, T‑649/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:736, punt 19).

98      Qabel kollox, għandu jiġi miċħud l-argument tal-KESE li l-miżura kontenzjuża tikkostitwixxix sanzjoni minħabba li din ma tikkawżax preġudizzju lir-rikorrent, u dan għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 69 sa 79 iktar ’il fuq.

99      Madankollu, is-sempliċi fatt li l-miżura kontenzjuża tikkawża preġudizzju lir-rikorrent, li jiġġustifika l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament fuq dan il-punt, ma jfissirx li l-imsemmija miżura għandha tiġi kklassifikata bħala sanzjoni dixxiplinari fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal‑2019 (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Bernaldo de Quirós vs Il‑Kummissjoni, T‑649/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:736, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100    F’dan ir-rigward, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bureau tal-KESE ġġustifika l-adozzjoni tal-miżura kontenzjuża fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF, li kien irrakkomanda li jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiġi evitat kull att ta’ fastidju ġdid min-naħa tar-rikorrent fuq il-post tax-xogħol. Il-KESE barra minn hekk ippreċiża li l-miżura kontenzjuża kellha l-għan li tippermetti lil dan il-korp jikkonforma ruħu mal-obbligu tiegħu li jipproteġi l-persunal tiegħu kontra r-riskji ta’ fastidju.

101    Barra minn hekk, mill-perspettiva tal-effetti tagħha, għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-miżura kontenzjuża ma hija ekwivalenti għal ebda waħda mis-sanzjonijiet previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-2019, jiġifieri n-notifika bil-miktub, it-traskrizzjoni ta’ din in-notifika fil-minuti tal-Bureau u, jekk ikun il-każ, fil-minuti tas-sessjoni plenarja jew inkella għas-sospensjoni temporanja ta’ kull funzjoni ta’ relatur, ta’ president u ta’ membru tal-grupp ta’ studju u s-sospensjoni temporanja ta’ kull parteċipazzjoni fil-missjonijiet u fil-laqgħat straordinarji.

102    Għaldaqstant, fid-dawl tal-kontenut u tal-effetti tagħha, ma jistax jitqies li l-miżura kontenzjuża għandha natura punittiva u li tikkostitwixxi sanzjoni. Fil-fatt, l-għan tagħha ma huwiex li tissanzjona, tippenalizza jew tagħti tort lir-rikorrent għal nuqqas eventwali ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mill-Kodiċi ta’ Kondotta, iżda huwa intiż għal għan preventiv, jiġifieri li tiġi ggarantita protezzjoni aħjar tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal tal-KESE, fl-interess ta’ funzjonament tajjeb tas-segretarjat tal-grupp I.

103    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat ukoll li r-rikorrent ma ressaqx provi li jippermettu li jiġi stabbilit li l-miżura kontenzjuża ma hijiex verament intiża sabiex tilħaq l-għan imressaq mill-KESE jew li hija ma tissodisfax bżonn reali tas-servizz.

104    Għaldaqstant, f’kuntest ikkaratterizzat minn tensjonijiet ta’ preġudizzju għall-funzjonament tajjeb tas-servizz, il-Bureau tal-KESE seta’, fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, iqis li kien fl-interess tas-servizz li jinħeles lir-rikorrent minn ċerti kompiti amministrattivi li jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ setgħa ġerarkika (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tas‑7 ta’ Marzu 1990, Hecq vs Il-Kummissjoni, C‑116/88 u C‑149/88, EU:C:1990:98, punt 22; tat‑28 ta’ Ottubru 2004, Meister vs UASI, T‑76/03, EU:T:2004:319, punti 79 sa 81, u tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Bernaldo de Quirós vs Il-Kummissjoni, T‑649/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:736, punt 40), mingħajr ma dan jikkostitwixxi, fl-istess ħin, fid-dawl tal-kontenut u tal-effetti ta’ tali miżura, deċiżjoni ta’ natura dixxiplinari.

105    F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 9(8) tar-regolament intern tal-KESE, il-Bureau huwa responsabbli b’mod partikolari għall-użu tajjeb tar-riżorsi umani u baġitarji fl-eżekuzzjoni tal-kompiti mogħtija lilu mit-Trattat. Peress li l-miżura kontenzjuża tikkonċerna l-użu tajjeb tar-riżorsi umani tal-KESE, fil-każ inkwistjoni dawk tas-segretarjat tal-grupp I, il-Bureau tal-KESE kien il-korp kompetenti sabiex jadotta tali miżura, fi tmiem il-proċedura prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-2019.

106    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argument tar-rikorrent li l-Bureau tal-KESE imponilu sanzjoni bi ksur tal-prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività, ta’ ċertezza legali u ta’ nulla poena sine lege għandu jiġi miċħud u t-tielet motiv għandu, konsegwentement, jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet proċedurali, tad-drittijiet fundamentali għal amministrazzjoni tajba, tad-dritt għal smigħ u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

107    Insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent essenzjalment jallega li l-KESE kiser id-drittijiet tad-difiża tiegħu.

108    F’dan ir-rigward, qabel kollox, ir-rikorrent isostni li huwa ma kellux terminu raġonevoli sabiex jieħu konjizzjoni tar-rapport tal-OLAF u jipprepara d-difiża tiegħu. Issa, fil-fehma tiegħu, ma jistax jiġi eskluż li d-deċiżjoni kkontestata kellha kontenut differenti li kieku kellu tali terminu.

109    Sussegwentement, ir-rikorrent jikkunsidra li d-drittijiet tad-difiża tiegħu nkisru, għaliex huwa ma setax jippreżenta b’mod utli l-osservazzjonijiet tiegħu qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba li ma ngħatax aċċess sħiħ għall-fajl tiegħu, b’mod partikolari għall-evalwazzjoni ġuridika tal-fatti esposti fir-rapport tal-OLAF u għat-traskrizzjonijiet tas-seduti tax-xhieda u tal-informaturi annessi ma’ dan ir-rapport. Fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-verżjoni kunfidenzjali tal-annessi tar-rapport tal-OLAF ippreżentat mill-KESE b’risposta għall-miżura istruttorja, l-avukati tar-rikorrent sostnew, essenzjalment, li l-kontenut ta’ ċerti xhidiet miġbura mill-OLAF matul l-investigazzjoni ma kienx jinsab fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-OLAF li r-rikorrent kellu aċċess għaliha, b’tali mod li d-dritt ta’ dan tal-aħħar għal smigħ xieraq kien inkiser.

110    Fl-aħħar, il-KESE kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi ma adottax l-istrumenti neċessarji sabiex jimplimenta, b’mod xieraq, il-politika tiegħu ta’ “tolleranza żero” dwar il-projbizzjoni u l-prevenzjoni tal-fastidju fuq il-post tax-xogħol, li għaliha sar riferiment fid-deċiżjoni kkontestata. Għall-kuntrarju, il-KESE b’hekk indika ruħu sabiex jevita kull proċedura kontradittorja qabel ma impona t-terminazzjoni antiċipata tal-funzjonijiet tar-rikorrent.

111    Il-KESE jikkontesta dawn l-argumenti.

112    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, id-destinatarji tad-deċiżjonijiet li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-interessi tagħhom għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jressqu l-fehmiet tagħhom b’mod effettiv fir-rigward tal-provi li fuqhom l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni li tibbaża d-deċiżjoni tagħha (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2016, ECDC vs CJ, T‑395/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2016:598, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

113    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta b’mod partikolari li r-rikorrent kellu d-dritt, sabiex ikun jista’ jippreżenta b’mod utli l-osservazzjonijiet tiegħu lill-Bureau tal-KESE qabel ma dan jieħu deċiżjoni, li jiġi kkomunikat lilu nnifsu, tal-inqas, sunt tad-dikjarazzjonijiet tad-diversi persuni kkonsultati matul il-proċeduri ta’ investigazzjoni, sa fejn dawn id-dikjarazzjonijiet intużaw mill-OLAF, fir-rapport tiegħu, sabiex jifformula rakkomandazzjonijiet lill-President tal-KESE u li fi-dawl tagħhom il-Bureau bbaża l-miżura kontenzjuża, il-komunikazzjoni ta’ dan is-sunt għandha titwettaq, jekk il-każ, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ April 2019, OZ vs BEI, C‑558/17 P, EU:C:2019:289, punt 57; tal‑25 ta’ Ġunju 2020, HF vs Il‑Parlament, C‑570/18 P, EU:C:2020:490, punt 60, u tal‑25 ta’ Ġunju 2020, SATCEN vs KF, C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punt 121).

114    F’dan il-kuntest, sabiex tkun iggarantita l-kunfidenzjalità tax-xhidiet u l-għanijiet li tipproteġi, filwaqt li jkun assigurat li huwa b’mod utli li r-rikorrenti tinstema’ qabel ma tiġi adottata deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jistgħu jintużaw ċerti tekniki, bħall-anonimizzazzjoni jew saħansitra l-iżvelar tas-sustanza tax-xhieda fil-forma ta’ sunt, jew ukoll li jinħbew ċerti partijiet tal-kontenut tax-xhieda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ April 2019, OZ vs BEI, C‑558/17 P, EU:C:2019:289, punt 59, u tal‑25 ta’ Ġunju 2020, HF vs Il-Parlament, C‑570/18 P, EU:C:2020:490, punt 66).).

115    Fl-aħħar, sabiex jesprimi b’mod effettiv l-opinjoni tiegħu dwar l-elementi li fuqhom il-Bureau tal-KESE kellu l-intenzjoni jibbaża d-deċiżjoni tiegħu, ir-rikorrent kellu jibbenefika minn terminu suffiċjenti (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé, C‑349/07, EU:C:2008:746, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

116    Fil-każ inkwistjoni, huwa paċifiku li r-rikorrent kellu biss aċċess għal verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-OLAF, nieqsa minn anness, fatt li l-KESE ġġustifika bil-ħtieġa li jipproteġi l-identità tal-informaturi u l-kunfidenzjalità tax-xhieda miġbura.

117    Qabel kollox, għandu jiġi miċħud l-argument tal-KESE li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud minħabba li l-Bureau tal-KESE kellu, huwa wkoll, aċċess biss għal din il-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-OLAF, jiġifieri mingħajr ma seta’ jsir jaf, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari bit-traskrizzjonijiet tas-smigħ tax-xhieda u tal-informaturi.

118    Dan l-argument huwa infondat fil-fatt. Fil-fatt, skont il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tar-regoli interni, il-President tal-KESE huwa membru tal-Bureau u dan tal-aħħar, permezz ta’ nota tas‑16 ta’ Jannar 2020, irċieva l-verżjoni kunfidenzjali tar-rapport tal-OLAF, inklużi l-annessi li fih, fatt li l-KESE ammetta matul is-seduta.

119    Madankollu, il-fatt li membru tal-Bureau tal-KESE kellu aċċess għall-verżjoni kunfidenzjali tar-rapport tal-OLAF ma jikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent. Fil-fatt, l-osservanza ta' dan il-prinċipju, li jfisser d-dritt għal smigħ jimplika li, fl-osservanza ta’ eventwali rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità, il-persuna akkużata b’fastidju jkollha, tad-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju, il-possibbiltà li tesprimi, b’mod utli u effettiv, il-perspettiva tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, SATCEN vs KF, C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punti 116 u 117).

120    F’dan ir-rigward, il-KESE jsostni li r-rikorrent kellu aċċess suffiċjenti għar-rapport tal-OLAF, għaliex, b’differenza mill-fatti li taw lok għas-sentenzi tal‑4 ta’ April 2019, OZ vs BEI (C‑558/17 P, EU:C:2019:289), tal‑25 ta’ Ġunju 2020, HF vs Il-Parlament (C‑570/18 P, EU:C:2020:490), u tal‑25 ta’ Ġunju 2020, SATCEN vs KF (C‑14/19 P, EU:C:2020:492), il-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-OLAF tinkludi sunt li jiżvela s-sustanza tax-xhieda miġbura minn dan l-uffiċċju matul l-investigazzjoni, b’tali mod li d-drittijiet tar-rikorrent kienu protetti b’mod adegwat.

121    Fid-dawl ta’ dawn l-argumenti, għandu jiġi eżaminat jekk il-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-OLAF tinkludix sunt tax-xhieda miġbura matul l-investigazzjoni, qabel ma jiġi ddeterminat, jekk ikun il-każ, jekk dan is-sunt jirriflettix is-sustanza tax-xhidiet miġbura mill-OLAF u, fl-aħħar, li jiġi analizzat jekk ir-rikorrent kellux terminu suffiċjenti sabiex jipprepara d-difiża tiegħu u jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

–       Fuq il-preżenza fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-OLAF ta’ sommarju tad-dikjarazzjonijiet tax-xhieda u tal-informaturi li nstemgħu

122    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat qabel kollox li l-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-OLAF tinkludi 30 paġna. Taħt il-punt 2.2, intitolat “Provi miġbura”, tar-rapport tiegħu, l-OLAF indika li “ġabar id-depożizzjonijiet tax-xhieda li kienu simili filwaqt li pprova jirriproduċi sa fejn possibbli l-kliem eżatt użat mill-membri tal-persunal tas-segretarjat” [traduzzjoni mhux uffiċjali], bil-għan li jipproteġi l-kunfidenzjalità tax-xhieda miġbura. Barra minn hekk, fir-rigward tal-membri tal-persunal li ma wrewx ix-xewqa li l-identità tagħhom tinħeba jew dawk li għalihom l-OLAF qies li dawn ma kinux direttament suġġetti għall-awtorità ġerarkika tar-rikorrent, l-identità tagħhom tinsab fir-rapport u din ma ġietx moħbija mill-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-OLAF mibgħut lir-rikorrent.

123    Il-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-OLAF tinkludi b’hekk sunt iddettaljat ta’ kull wieħed mill-aġir ikkritikat lir-rikorrent, illustrati permezz ta’ riferimenti għal avvenimenti preċiżi, fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ A, B u C, li jissemmew b’isimhom fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-OLAF, kif ukoll tal-membri tal-persunal tas-Segretarjat tal-Grupp 1. L-OLAF iddeskriva wkoll l-effetti li dan l-aġir kellu, skont ix-xhieda mismugħa, fuq is-saħħa ta’ dawn il-persuni.

124    Barra minn hekk, għal kull wieħed mill-aġir li huwa kkritikat ir-rikorrent, ir-rapport jinkludi riferimenti kultant diretti għad-dikjarazzjonijiet tal-persuni li nstemgħu, fil-forma ta’ kwotazzjonijiet bejn virgoletti, kultant indiretti, fil-forma ta’ formulazzjonijiet mill-ġdid anonimizzati ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet. L-OLAF ħa wkoll l-inkarigu li jindika jekk l-allegazzjonijiet magħmula kontra r-rikorrent kinux ikkorroborati minn xhieda u, jekk ikun il-każ, li jippreċiża n-numru tax-xhieda u l-kwalità tagħhom. Meta allegazzjoni ma tkun ikkorroborata minn ebda xhieda, l-OLAF indika dan ukoll.

125    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-OLAF tinkludi sunt tad-dikjarazzjonijiet tax-xhieda u tal-informaturi li nstemgħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżistenza ta’ tali sunt, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 114 iktar ’il fuq, għandha l-konsegwenza li ma jistax jiġi awtomatikament konkluż li n-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-annessi tar-rapport tal-OLAF jikkostitwixxi irregolarità li inevitabbilment affettwa l-legalità tal-miżura kontenzjuża. Fil-fatt, għandu jiġi eżaminat, preliminarjament, jekk dan is-sunt jirriflettix is-sustanza tax-xhidiet miġbura mill-OLAF.

–       Fuq il-kwistjoni dwar jekk dan is-sommarju jirriflettix is-sustanza tad-dikjarazzjonijiet tax-xhieda u tal-informaturi li nstemgħu

126    Fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-verżjoni kunfidenzjali tal-annessi tar-rapport tal-OLAF, ir-rikorrent irrefera għal diversi elementi li, fil-fehma tiegħu, ma jinsabux fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-OLAF li ġie kkomunikat lilu sabiex ikun jista’ jeżerċita d-drittijiet tad-difiża tiegħu qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrent jikkonkludi li l-KESE kiser id-drittijiet tad-difiża tiegħu billi kkomunikalu biss il-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-OLAF, nieqsa minn anness, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

127    Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li kien biss wara li sar jaf bil-kontenut tax-xhidiet miġbura li huwa seta’ kien f’pożizzjoni li jifhem il-portata eżatta ta’ ċerti mistoqsijiet li kienu sarulu waqt is-smigħ tiegħu mill-OLAF. Issa, li kieku r-rikorrent seta’ jieħu konjizzjoni ta’ dawn ix-xhidiet, li jsemmu avvenimenti xi kultant antiki, huwa seta’ jiżgura d-difiża tiegħu aħjar. Ir-rikorrent jirreferi bħala eżempju għal mistoqsija, li tikkonċerna avveniment li seħħ fl-uffiċċju tiegħu fil-preżenza ta’ żewġ xhieda, li għaliha huwa ma setax jirrispondi, għaliex l-identità ta’ dawn ix-xhieda ma ġietx żvelata lilu.

128    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-argumenti ma jikkonċernax il-kwistjoni dwar jekk il-KESE kisirx id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent u, b’mod partikolari, jekk is-sunt li jinsab fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-OLAF, redatta mill-KESE f’kollaborazzjoni mal-OLAF, jirriflettix is-sustanza tax-xhidiet miġbura matul l-investigazzjoni.

129    Fi kwalunkwe każ, huwa biżżejjed li jitfakkar li, matul l-investigazzjoni, il-kuntest leġiżlattiv applikabbli għall-OLAF jeskludi, bħala prinċipju, dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-OLAF mill-persuna kkonċernata. Huwa biss jekk l-awtorità destinatarja tar-rapport finali jkollha l-intenzjoni li tadotta att li jikkawża preġudizzju lill-persuna kkonċernata li din l-awtorità għandha, konformement mar-regoli proċedurali applikabbli għaliha, tagħti aċċess għar-rapport finali tal-OLAF sabiex din il-persuna tkun tista’ teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha (sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2018, Le Pen vs Il-Parlament, T‑161/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:848, punt 67).

130    Għaldaqstant, meta nstema’ mill-OLAF, ir-rikorrent ma kellux għalfejn jingħata d-dikjarazzjonijiet tax-xhieda u tal-informaturi sabiex iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-investigaturi.

131    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali jikkonstata li l-mistoqsijiet magħmula mir-rikorrent waqt is-smigħ tiegħu kienu suffiċjentement preċiżi u li dan tal-aħħar seta’ jwieġeb għalihom mingħajr diffikultà. Il-fatt li, b’risposta għal ċerti mistoqsijiet, ir-rikorrent kien indika li ma jiftakarx jew ma kienx f’pożizzjoni li jwieġeb għalihom mingħajr ma jkollu iktar informazzjoni ma jikkonfutax din il-konstatazzjoni.

132    Fil-fatt, fir-rigward ta’ waħda mis-sottomistoqsijiet tal-mistoqsija Nru 12, li għaliha r-rikorrent wieġeb li ma kienx f’pożizzjoni li jidentifika l-avveniment inkwistjoni, mingħajr ma jkun jaf l-identità tal-persuni preżenti, għandu jiġi nnotat li huwa madankollu żied li, fil-fehma tiegħu, tali avveniment qatt ma seħħ.

133    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument ibbażat fuq in-natura allegatament impreċiża tal-mistoqsijiet magħmula lir-rikorrent mill-investigaturi tal-OLAF, fid-dawl tal-kontenut iddettaljat tax-xhieda miġbura, għandu jiġi miċħud.

134    Fit-tieni lok, ir-rikorrent jirrimarka li diversi xhieda semmew l-eżistenza ta’ rapport redatt minn E, membru tal-Grupp I, dwar id-diffikultajiet u l-preokkupazzjonijiet li kellu l-persunal tas-Segretarjat tal-Grupp I fir-rigward ta’ A, fatt li ma ssemmiex fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-OLAF. Issa, dan ir-rapport seta’ jitfa’ dawl differenti fuq il-verżjoni tal-fatti ppreżentata minn A.

135    Madankollu, mill-proċess jirriżulta, b’mod partikolari mill-minuti tas-smigħ tar-rikorrent, li dan ir-rapport kien magħruf minn dan tal-aħħar u għalhekk xejn ma kien jipprekludih milli, jekk ikun il-każ, jagħmel riferiment għalih matul il-proċedura ta’ redazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sabiex jagħti l-kuntest jew jikkwalifika l-aġir li kien ikkritkah bih fir-rigward ta’ A. L-eżistenza ta’ dan ir-rapport issemmiet espliċitament quddiem il-Kumitat Konsultattiv, li wassal għar-rikuża tal-membru tal-Grupp I, li kien membru tal-imsemmi kumitat, li kien irrediġa dan ir-rapport.

136    Għaldaqstant, l-argumenti bbażati fuq l-assenza ta’ riferiment għal dan ir-rapport fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-OLAF ma huwiex tali li jistabbilixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent.

137    Fit-tielet lok, ir-rikorrent isostni li wieħed mix-xhieda ġie ssanzjonat talli għamel akkużi foloz kontrih fil-passat, liema fatt tfakkar minn xhud ieħor. Issa, dan l-element ma jinsabx fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-OLAF.

138    Madankollu, hekk kif osserva ġustament il-KESE, dan l-element jinsab espliċitament fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-OLAF, taħt il-punt 1.4, intitolat “Xebh ma’ każ li jikkonċerna ex kap tas-Segretarjat”. Għaldaqstant, xejn ma kien jipprekludi lir-rikorrent milli jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu f’dan ir-rigward qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

139    Fir-raba’ lok, ir-rikorrent jispjega li ċerti xhieda ddikjaraw li kienu ltaqgħu ma’ diffikultajiet ma’ A. B’mod partikolari, diversi xhieda indikaw relazzjoni ta’ kunflitt ma’ dan tal-aħħar, fatt li affettwa l-funzjonament tajjeb tal-unità. Barra minn hekk, żewġ xhieda sostnew li l-aġir ta’ A kien aggressiv fir-rigward tagħhom u xhud żied li r-rikorrent ma kellux jitqies bħala l-uniku responsabbli għal din is-sitwazzjoni kollha. Issa, skont ir-rikorrent, la l-ismijiet tax-xhieda u lanqas ebda riferiment għad-dikjarazzjonijiet tagħhom ma jidhru fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-OLAF li għalih kellu aċċess, filwaqt li dawn il-provi jippermettu li jingħata l-kuntest u jiġu kkwalifikati l-konklużjonijiet tal-OLAF.

140    Madankollu, mill-proċess jirriżulta li d-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom ċerti membri tal-persunal tas-Segretarjat tal-Grupp I ma’ A mhux biss kienu magħrufa mir-rikorrent, iżda, barra minn hekk, li dawn jinsabu espliċitament fis-sunt li jinsab fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-OLAF.

141    Fil-fatt, waqt is-smigħ tiegħu mill-OLAF u fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu fuq in-nota fuq il-fatti li jikkonċernawh, ir-rikorrent kien diġà sostna li ċerti membri tal-persunal kienu lmentaw dwar A u li dan kien, fil-fehma tiegħu, affettwa l-funzjonament tajjeb tas-segretarjat.

142    Barra minn hekk, huwa indikat b’mod partikolari fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-OLAF dan li ġej:

“Waqt is-smigħ tagħhom mill-OLAF, minn tal-inqas sitt membri tal-persunal tas-Segretarjat esprimew l-opinjoni tagħhom li A kien iltaqa’ ma’ diffikultajiet sabiex juri l-kompetenzi u l-kapaċitajiet meħtieġa għall-pożizzjoni tiegħu. Mill-inqas tliet membri tal-persunal tas-Segretarjat indikaw li ltaqgħu ma’ diffikultajiet sabiex jidentifikaw l-interlokutur tajjeb (kap tas-segretarjat jew assistent kap) minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza tas-sitwazzjoni. Membri tal-persunal indikaw ukoll li, sussegwentement, A kellu wkoll attitudni aggressiva fil-konfront tagħhom. Wieħed mill-membri tal-persunal iddikjara li dawn tal-aħħar kienu pjuttost qed jistennew kap ta’ diviżjoni li kien iġġestixxa l-pressjoni maħluqa mir-[rikorrent] u li kien ser jiddefendihom. F’dan is-sens, il-persunal kien iddiżappuntat minn A. [traduzzjoni mhux uffiċjali]”

143    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li s-sustanza tax-xhieda miġbura tinsab fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-OLAF. B’hekk il-KESE ma jistax jiġi kkritikat b’mod validu li kiser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent fuq dan il-punt.

144    Fil-ħames lok, ir-rikorrent isostni li mill-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-OLAF jirriżulta li l-investigazzjoni kienet tikkonċerna wkoll żewġ persuni oħra. Issa, li kieku l-Bureau tal-KESE kellu għarfien ta’ dan, huwa seta’ jevalwa r-rwoli rispettivi tagħhom fil-fatti allegati, b’mod partikolari fir-rigward ta’ B. Bl-istess mod, ir-rikorrent seta’ jagħmel riferiment għalihom sabiex juri l-kuntest tal-allegazzjonijiet imqajma kontra tiegħu.

145    Madankollu, mill-ittra tat‑3 ta’ Ġunju 2020, li permezz tagħha l-Bureau tal-KESE ġie mistieden jieħu deċiżjoni fuq il-każ tar-rikorrent, jirriżulta li l-President tal-KESE bagħat ukoll lill-Bureau n-nota tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF tas‑16 ta’ Jannar 2020, li fiha kien hemm l-identità taż-żewġ persuni l-oħra kkonċernati mill-investigazzjoni tal-OLAF.

146    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-OLAF issemmi, diversi drabi, is-sustanza tad-dikjarazzjonijiet ta’ diversi xhieda dwar ir-rwol taż-żewġ persuni l-oħra involuti fl-investigazzjoni tal-OLAF. B’hekk, ir-rikorrent kien f’pożizzjoni li jesprimi l-osservazzjonijiet eventwali tiegħu fuq dawn l-elementi matul il-proċedura ta’ tfassil tad-deċiżjoni kkontestata.

147    Fis-sitt lok, ir-rikorrent isostni li xhud iddikjara li qatt ma kien xhud ta’ aġir mhux xieraq min-naħa tiegħu. Issa, dan l-element ma jinsabx fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-OLAF.

148    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li d-dikjarazzjoni tax-xhud inkwistjoni hija iktar sfumata.

149    Ċertament, għall-kwistjoni dwar jekk kinitx xhud ta’ sitwazzjonijiet li matulhom ir-rikorrent aġixxa ħażin fir-rigward tal-membri tal-persunal tas-Segretarjat tal-Grupp I jew jekk ir-rikorrent kellux id-drawwa li jikkritika l-membri tal-persunal, dan ix-xhud wieġeb li hija ma kinitx informata dwar dan.

150    Madankollu, dan ix-xhud iddikjara wkoll li, fil-fehma tagħha, wieħed mill-aspetti tal-“personalità tar-rikorrent kien li huwa kien awtoritarju u li kellu ego kbir” u li hija “ma ħassx ħafna n-naħa antipatika [tar-rikorrent] għaliex G kienet [bejniethom]”. Bl-istess mod, dan ix-xhud żied li hija “kellha l-intenzjoni li tgħid li [r-rikorrent] għajjat ma’ membri tal-persunal tiegħu fl-uffiċċju tiegħu, iżda [li hija] qatt ma kienet esperjenzat dan [hija stess]” [tradizzjoni mhux uffiċjali]. Fl-aħħar, għall-kwistjoni dwar jekk tikklassifikax l-aġir tar-rikorrent fir-rigward tal-membri tal-persunal bħala fastidju, dan ix-xhud iddikjara li huwa “qatt ma kellha esperjenza ta’ tali aġir min-naħa [tar-rikorrent]” iżda li setgħet “timmaġina li ċerti persuni [kienu] setgħu huma stess jipprovokaw dan it-tip ta’ aġir” u li, “[p]eress li kienet taf il-karattru [tar-rikorrent], li [kien] bħall-ħalib, huwa [seta’] ‘jitlagħlu’ faċilment ħafna”.

151    Barra minn hekk, dan ix-xhud irrefera għas-sitwazzjoni ta’ tliet kollegi li ltaqgħu magħhom diffikultajiet fir-relazzjonijiet tagħhom mar-rikorrent. Fl-aħħar, dan ix-xhud ikkonkluda li “[ir-rikorrent kellu] personalità diffiċli”, li “forsi ma riedx iġib ruħu ħażin, iżda [li] r-reazzjonijiet tiegħu [kienu] setgħu faċilment jiġu pperċepiti bħala fastidju”, li “[d] an [kien] jiddependi wkoll fuq is-sensittività tal-persuna l-oħra”, li “[i] l-kollegi kollha tas-segretarjat [kienu] ilmentaw dwar” u li “peress li ma kienx hemm rabta ta’ solidarjetà bejniethom, setgħux ma jifilħux għalih”.

152    Minn dan isegwi li l-affermazzjoni li dan ix-xhud iddikjara li qatt ma kien xhud ta’ aġir mhux xieraq min-naħa tar-rikorrent hija inkompleta u ma tirriflettix is-sustanza ta’ din ix-xhieda.

153    Fis-seba’ lok, ir-rikorrent isostni li diversi xhidiet jikkonfermaw li ebda miżura ma ttieħdet mis-Segretarju Ġenerali tal-KESE sabiex jirrimedja fi żmien xieraq id-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom ċerti membri tal-persunal tas-segretarjat tal-grupp I. B’mod partikolari, ir-rikorrent jirreferi għad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-KESE li jaħtar bħal uffiċjal permanenti lil A fi tmiem il-perijodu ta’ prova, minkejja l-proposta tar-rikorrent li ma jinħatarx bħala uffiċjal permanenti, fatt li kkontribwixxa sabiex jiġu aggravati t-tensjonijiet eżistenti fi ħdan is-Segretarjat tal-Grupp  I. Issa, il-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-OLAF turi li r-rikorrent kien l-uniku responsabbli għal din is-sitwazzjoni, mingħajr ma titqies ir-responsabbiltà tal-ASTK.

154    Bħall-KESE, il-Qorti Ġenerali tirrileva li din l-affermazzjoni tikkontradixxi d-dikjarazzjoni magħmula mir-rikorrent waqt is-smigħ tiegħu mill-OLAF, li tgħid li huwa “ma xtaqx li jitkeċċa A” u, “b’kollaborazzjoni ma’ H, kien ġie deċiż li tingħata opinjoni pożittiva dwar il-perijodu ta’ prova” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

155    Fi kwalunkwe każ, mill-osservazzjonijiet tiegħu fuq in-nota dwar il-fatti tal‑4 ta’ Diċembru 2019 jirriżulta b’mod partikolari li r-rikorrent diġà sostna li d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-KESE li jinħatar A bħala uffiċjal permanenti kienet, fil-fehma tiegħu, ikkontribwixxiet sabiex jaggravaw it-tensjonijiet eżistenti fi ħdan id-diviżjoni. Barra minn hekk, il-fatt li s-Segretarju Ġenerali tal-KESE jeżerċita l-funzjonijiet ta’ ASTK mal-membri tal-persunal tas-Segretarjat tal-Grupp I ma huwiex element ġdid li r-rikorrent seta’ jieħu konjizzjoni tiegħu biss mill-qari tal-verżjoni kunfidenzjali tal-annessi tar-rapport tal-OLAF.

156    Għaldaqstant, il-KESE ma jistax jiġi kkritikat li kiser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent fuq dan il-punt.

157    Fit-tmien lok, ir-rikorrent iqis li l-ħabi tad-data dwar il-kuntest ġuridiku tar-rapport tal-OLAF ipprekludih milli jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq il-bażi legali magħżula sabiex l-aġir tiegħu jiġi kklassifikat bħala fastidju psikoloġiku. Dan l-argument jingħaqad mal-argumenti żviluppati fir-rikors u fir-replika dwar il-ħabi tal-evalwazzjoni ġuridika tal-fatti mwettqa mill-OLAF li, fil-fehma tiegħu, ma huwiex iġġustifikat u pprekludih milli jeżerċita d-drittijiet tad-difiża tiegħu.

158    Fir-rigward tal-kuntest ġuridiku, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamel il-KESE, li dan huwa espost b’mod partikolari fin-nota fuq il-fatti li ntbagħtet lir-rikorrent fl‑4 ta’ Diċembru 2019.

159    Fir-rigward tal-ħabi, fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-OLAF, tal-evalwazzjoni ġuridika tal-fatti mwettqa mill-OLAF, għandu jiġi kkonstatat li dan ma jaffettwax il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

160    Fil-fatt, għandu jiġi nnotat li l-għan tal-proċedura mibdija mill-KESE kontra r-rikorrent kien li jiġi ddeterminat jekk l-atti u l-aġir li huwa kkritikat bihom, kif identifikati mill-OLAF skont l-investigazzjoni tiegħu, kinux jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżura skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-2019. Skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 883/2013, tali eżami jaqa’ fil-kompetenza tal-KESE biss u għalhekk ma jiddependix mill-evalwazzjoni ġuridika tal-fatti mwettqa mill-OLAF. B’hekk, il-KESE kellu jagħmel l-evalwazzjoni legali tiegħu tal-fatti stabbiliti matul l-investigazzjoni sabiex jevalwa l-opportunità li jadotta miżura kontra r-rikorrent.

161    Għaldaqstant, l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-evalwazzjoni legali tal-fatti mwettqa mill-OLAF ma hijiex tali li tistabbilixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent.

162    Fl-aħħar nett, fid-disa’ lok, mingħajr ma jqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 103 tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrent isostni madankollu li, sa fejn il-verżjoni kunfidenzjali tal-annessi tar-rapport tal-OLAF ma setgħetx tiġi mibgħuta lilu, konformement mal-impenji ta’ kunfidenzjalità assunti mill-avukati tiegħu, l-osservazzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar ikunu minimi u fi kwalunkwe każ ma jistgħux jissostitwixxu l-osservazzjonijiet li huwa seta’ jagħmel li kieku huwa stess kellu aċċess għall-imsemmija annessi.

163    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-kontradittorju, l-Artikolu 103(3) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi espressament il-possibbiltà, li l-Qorti Ġenerali użat f’dan il-każ, li tinforma lil parti prinċipali ċerta informazzjoni jew dokumenti rilevanti għall-eżitu tat-tilwima u li tkun ta’ natura kunfidenzjali, billi tissuġġetta l-iżvelar tagħha għas-sottoskrizzjoni ta’ impenji speċifiċi. Barra minn hekk, mill-punt 191 tad-Dispożizzjonijiet Prattiċi għall-Implementazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li tali impenn jista’ jikkonsisti fil-fatt li r-rappreżentanti ta’ parti jimpenjaw ruħhom li ma jikkomunikawx din l-informazzjoni jew dokumenti lill-mandant tagħhom jew lil terz.

164    B’hekk, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tas‑7 ta’ April 2021, il-Qorti Ġenerali l-ewwel stiednet lill-avukati tar-rikorrent jidentifikaw preċiżament, fil-verżjoni kunfidenzjali tal-annessi tar-rapport tal-OLAF, il-provi eventwali li s-sustanza tagħhom, fil-fehma tagħhom, ma kinitx tinsab fis-sunt, li jinsab fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-OLAF, tal-fatti u tal-provi miġbura.

165    Issa, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-avukati tar-rikorrent ma identifikaw ebda prova fil-verżjoni kunfidenzjali tal-annessi tar-rapport tal-OLAF li s-sustanza tagħha ma kinitx tinsab diġà fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-OLAF. Tali approċċ seta’ jitwettaq mingħajr ma tintbagħat lir-rikorrent il-verżjoni kunfidenzjali tal-annessi tar-rapport tal-OLAF. Għalhekk, fl-assenza ta’ identifikazzjoni ta’ tali elementi, fi kwalunkwe każ ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati l-osservazzjonijiet addizzjonali, li jistgħu jinfluwenzaw ir-riżultat tal-proċedura amministrattiva li r-rikorrent seta’ jippreżenta huwa stess fl-istadju ta’ din il-proċedura, li kieku kien jaf b’dawn id-dokumenti.

166    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu għalhekk jiġi konkluż li, minkejja n-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-annessi tar-rapport tal-OLAF, il-KESE żvela lir-rikorrent is-sustanza tax-xhidiet miġbura, fil-forma ta’ sunt, fis-sens tal-punt 66 tas-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, HF vs Il-Parlament (C‑570/18 P, EU:C:2020:490).

–       Fuq il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrent ibbenefikax minn terminu suffiċjenti sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-OLAF

167    F’dan ir-rigward, għalkemm ir-rikorrent ċertament irċieva l-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-OLAF biss fl‑4 ta’ Marzu 2020, fn-12.40, jiġifieri bilkemm jumejn qabel is-smigħ tiegħu mill-Kumitat Konsultattiv, li seħħ fis‑6 ta’ Marzu ta’ wara, fit‑15.00, għandu madankollu jiġi nnotat, fl-ewwel lok, li, f’din id-data, ir-rikorrent diġà kellu għarfien relattivament preċiż tal-fatti li kien ikkritikat bihom.

168    Fil-fatt, wara li wieġeb għall-mistoqsijiet tal-OLAF waqt smigħ li matulha l-identità ta’ ċerti persuni li jqisu lilhom infushom vittmi tal-aġir tiegħu kienet ġiet żvelata, ir-rikorrent irċieva, fl‑4 ta’ Diċembru 2019, nota fuq il-fatti relatati, fil-qosor, mal-aġir li kien akkużat bih, fl-okkażjoni ta’ avvenimenti speċifiċi, kontra A, B kif ukoll C u b’mod iktar ġenerali fir-rigward tal-membri tal-persunal tas-Segretarjat tal-Grupp I. Ir-rikorrent seta’ wkoll jagħmel il-kummenti tiegħu fuq din in-nota f’terminu ta’ għaxart ijiem tax-xogħol.

169    Il-fatt, invokat mir-rikorrent waqt is-seduta, li din in-nota ma kien fiha ebda allegazzjoni dwar l-aġir tiegħu kontra D, ex membru tal-KESE, huwa irrilevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Ottubru 2019, ir-rikorrent ġie informat bil-fatt li l-investigazzjoni miftuħa kontrih kienet tirrigwarda allegazzjonijiet dwar l-aġir tiegħu b’mod partikolari fir-rigward ta’ membri tal-KESE, u, waqt is-smigħ tiegħu mill-OLAF, huwa ġie mistieden jesprimi ruħu fuq l-allegazzjonijiet li jikkonċernaw l-aġir tiegħu fil-konfront ta’ D. Barra minn hekk, minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-miżura kontenzjuża hija intiża sabiex tipproteġi lill-membri tal-persunal tas-Segretarjat tal-Grupp I u sabiex tiżgura l-funzjonament tajjeb ta’ dan id-dipartiment. Għaldaqstant, il-fatt, anki jekk jitqies li ġie stabbilit, li r-rikorrent ma setax jagħmel il-kummenti tiegħu, qabel l-adozzjoni tar-rapport tal-OLAF, dwar l-aġir li kien akkużat bih fir-rigward ta’ ex membru tal-KESE, li għalhekk ma jagħmilx parti mill-persunal tas-segretarjat tal-grupp I, ma huwiex tali li jistabbilixxi li l-miżura kontenzjuża ġiet adottata bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu. Fl-aħħar, fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkunsidrat, għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem, li r-rikorrent, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ibbenefika minn terminu suffiċjenti sabiex isostni l-kummenti eventwali tiegħu dwar l-aġir kollu li huwa akkużat bih fir-rapport tal-OLAF.

170    Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat, fit-tieni lok, li l-Kumitat Konsultattiv bagħat ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-President tal-KESE biss fit‑28 ta’ April 2020 u li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata biss fid‑9 ta’ Ġunju ta’ wara, jiġifieri iktar minn tliet xhur wara li l-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-OLAF intbagħat lir-rikorrent.

171    F’dan ir-rigward, għalkemm mill-proċess ma jirriżultax li l-Kumitat konsultattiv stieden espressament lir-rikorrent sabiex jippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub sabiex jikkompleta d-dikjarazzjonijiet tiegħu matul l-ewwel seduta tas‑6 ta’ Marzu 2020, wara l-annullament tat-tieni seduta prevista fis‑17 ta’ Marzu ta’ wara, xorta jibqa’ l-fatt li xejn ma kien jipprekludi lir-rikorrent milli jibgħat lill-imsemmi kumitat, bil-miktub, kull prova li huwa qies rilevanti għall-bżonnijiet tad-difiża tiegħu.

172    Fit-tielet lok, fit‑12 ta’ Mejju 2020, ir-rikorrent ġie mistieden, mill-President tal-KESE, sabiex jifformula osservazzjonijiet eventwali dwar ir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Kumitat Konsultattiv. Huwa ppreżenta l-kummenti bil-miktub tiegħu dwar dawn ir-rakkomandazzjonijiet fit‑2 ta’ Ġunju ta’ wara.

173    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu tat‑2 ta’ Ġunju 2020 fuq l-imsemmija rakkomandazzjonijiet u minkejja li kien għadda terminu ta’ kważi tliet xhur mill-komunikazzjoni tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-OLAF, fl‑4 ta’ Marzu 2020, ir-rikorrent ma ressaq ebda argument dwar il-kontenut ta’ dan ir-rapport u, b’mod partikolari, dwar l-allegati fatti li kien ikkritikat bihom.

174    Minn dan isegwi li, bejn l‑4 ta’ Marzu 2020, id-data li fiha r-rikorrent irċieva l-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-OLAF, u d‑9 ta’ Ġunju 2020, data li fiha ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrent instema’ darbtejn dwar il-kontenut ta’ dan ir-rapport u, dwar dan il-perijodu, kellu terminu suffiċjenti sabiex jieħu konjizzjoni effettiva tal-imsemmi rapport, isostni l-osservazzjonijiet tiegħu fuqu u jipprepara d-difiża tiegħu.

175    Fl-aħħar, l-ilment ibbażat fuq allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ma huwa sostnut minn ebda argument, peress li r-rikorrent illimita ruħu li jikkontesta, b’mod ġenerali u astratt, in-natura “xierqa u neċessarja tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata”, mingħajr ma żviluppa argumenti li jippermettu lill-Qorti Ġenerali tevalwa l-fondatezza ta’ din l-affermazzjoni. Konsegwentement, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

176    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-miżura kontenzjuża ma ġietx adottata bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent.

177    Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tal-prinċipju ta’ imparzjalità.

178    Ir-rikorrent jikkritika lill-KESE talli kkonstata, fid-deċiżjoni kkontestata, li huwa kiser id-dispożizzjonijiet tal-Karta, ir-regoli interni tal-KESE u l-Kodiċi ta’ Kondotta tal-2019.

179    Skont ir-rikorrent, il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, stabbilit b’mod partikolari fl-Artikolu 48 tal-Karta, jimponi li l-membri tal-Bureau tal-KESE ma jibdewx mill-idea stabbilita minn qabel li huwa wettaq l-atti li huwa akkużat bihom mill-OLAF. Issa, billi ma wettaqx l-investigazzjoni tiegħu malli ntemmet l-investigazzjoni tal-OLAF, il-KESE ma eżaminax iċ-ċirkustanzi tal-ksur allegat, u lanqas wasal għall-konklużjonijiet tiegħu dwar l-aġir tiegħu.

180    Il-Kumitat Konsultattiv allegatament kiser ukoll dan il-prinċipju. Fil-fatt, dan il-korp konsultattiv mar lil hinn mill-kompetenza tiegħu ta’ opinjoni billi ddikjara, fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-President tal-KESE, li r-rikorrent wettaq atti ta’ fastidju, mingħajr ma sema’ lil dan tal-aħħar.

181    Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ imparzjalità nkiser, sa fejn iż-żewġ membri li jirrappreżentaw il-Grupp I fi ħdan il-Kumitat Konsultattiv ma pparteċipawx fid-deliberazzjonijiet li jikkonċernaw lir-rikorrent. Fin-nuqqas ta’ sostituzzjoni ta’ dawn il-membri, il-Kumitat Konsultattiv ma kienx imparzjali, u dan influwenza l-kontenut tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa kif ukoll dak tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Bureau tal-KESE sempliċement approva dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

182    Fl-aħħar, il-President tal-KESE kien oġġettivament naqas mid-dmir tiegħu ta’ imparzjalità billi ta l-istruzzjoni lis-servizzi tal-KESE li ma jwettaqx investigazzjoni fuq l-istess fatti, li jammonta għal affermazzjoni tal-ħtija tar-rikorrent.

183    Il-KESE jikkontesta dawn l-argumenti.

–       Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza

184    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, stabbilit fl-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, u fl-Artikolu 48(1) tal-Karta, jikkostitwixxi dritt fundamentali li jagħti lill-individwi drittijiet li l-qorti tal-Unjoni tiggarantixxi r-rispett tagħhom (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2006, Tillack vs Il‑Kummissjoni, T‑193/04, EU:T:2006:292, punt 121). Skont dawn id-dispożizzjonijiet, l-osservanza tal-preżunzjoni ta’ innoċenza tirrikjedi li kull persuna akkużata b’reat tiġi preżunta innoċenti sakemm tiġi stabbilita l-ħtija tagħha skont il-liġi (sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2019, PT vs BEI, T‑573/16, EU:T:2019:481, punt 360 (mhux ippubblikata)).

185    Issa, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-miżura kontenzjuża ma hijiex intiża sabiex tikkritika lir-rikorrent għal ksur tar-regoli tal-Kodiċi ta’ Kondotta u li din ma tikkostitwixxix sanzjoni. Barra minn hekk, l-adozzjoni ta’ din il-miżura hija bla ħsara għall-eventwali ħtija tar-rikorrent fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali. Għaldaqstant, l-ewwel ilment tat-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ April 2021, RQ vs Il‑Kummissjoni, T‑29/17 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2021:188, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata).

186    Fi kwalunkwe ipoteżi, għandu jitfakkar li l-miżura kontenzjuża ġiet adottata skont żewġ proċeduri distinti, jiġifieri investigazzjoni tal-OLAF intiża sabiex jiġu stabbiliti fatti, segwita minn evalwazzjoni mill-KESE tal-miżuri eventwali li għandhom jiġu adottati fir-rigward tal-fatti stabbiliti matul l-investigazzjoni. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura interna tal-KESE, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrent sar jaf bir-riżultati tal-investigazzjoni qabel mal-Bureau adotta d-deċiżjoni kkontestata u li d-drittijiet tad-difiża tiegħu ġew irrispettati.

187    Kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, id-dritt tiegħu għall-preżunzjoni ta’ innoċenza bl-ebda mod ma jimplika li l-KESE kien obbligat jipproċedi għal investigazzjoni ġdida wara li rċieva r-rapport finali. Għall-kuntrarju, għalkemm, skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 883/2013, il-KESE kien obbligat li jirriżerva għar-rapport finali is-segwitu li r-riżultati tiegħu kienu jeħtieġu, dan il-korp xorta jibqa’ liberu li jiddetermina l-kontenut tal-miżuri li għandhom jittieħdu b’reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑25 ta’ Ottubru 2018, UI vs Il‑Kummissjoni, T‑370/18, mhux ippubblikat, EU:T:2018:770, punt 13; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ April 2006, Camós Grau vs Il‑Kummissjoni, T‑309/03, EU:T:2006:110, punt 51).

188    Barra minn hekk, ir-rikorrent ma pproduċa ebda prova tali li juri li l-KESE kien iddeċieda, sa mill-bidu tal-proċedura, li jadotta d-deċiżjoni kkontestata, indipendentement mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2002, Zavvos vs Il‑Kummissjoni, T‑21/01, EU:T:2002:177, punt 341). Barra minn hekk, wara li sema’ lir-rikorrent, il-Bureau tal-KESE ma segwiex l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv, li rrakkomanda li jiġu adottati sanzjonijiet iktar gravi minn dawk elenkati fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-2019, billi ma impona fuqu ebda sanzjoni.

189    L-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza għandu għalhekk, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud bħala infondat.

–       Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità

190    Minkejja l-inapplikabbiltà tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza f’dan il-każ, il-KESE kien madankollu marbut li jirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni matul il-proċedura amministrattiva, li fosthom hemm id-dritt għall-amministrazzjoni, sanċit fl-Artikolu 41 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 154).

191    B’hekk, skont l-Artikolu 41 tal-Karta, kull persuna għandha d-dritt, b’mod partikolari, li l-kawżi tagħha jiġu ttrattati b’mod imparzjali mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Dan ir-rekwiżit ta’ imparzjalità jkopri, minn naħa, l-imparzjalità suġġettiva, fis-sens li ebda membru tal-istituzzjoni kkonċernata li jkun responsabbli mill-każ ma għandu juri li ħa pożizzjoni jew li għandu preġudizzju personali u, min-naħa l-oħra, l-imparzjalità oġġettiva, fis-sens li l-istituzzjoni għandha toffri garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż f’dan ir-rigward kull dubju leġittimu (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 155 u l-ġurisprudenza ċċitata).

192    Fil-każ inkwistjoni, fir-rigward ta’ nuqqas ta’ imparzjalità oġġettiva allegat, ir-rikorrent sempliċement isostni li l-President tal-KESE kellu jitlob il-ftuħ ta’ investigazzjoni ġdida qabel ma jiddikjara l-ħtija tiegħu.

193    Madankollu, tali argumenti jistgħu’ biss jiġi miċħuda, sa fejn il-KESE bl-ebda mod ma kien obbligat jagħmel investigazzjoni ġdida qabel ma jadotta d-deċiżjoni kkontestata.

194    Fil-fatt, id-dritt għal amministrazzjoni tajba ma kienx jimponi lill-KESE li tagħmel tali investigazzjoni, li jkollha l-istess għan bħal dik li kienet saret preċedentement mill-OLAF. Il-KESE kellu biss jeżamina b’mod diliġenti r-riżultati tal-investigazzjoni ta’ dan l-uffiċċju, esposti fir-rapport tiegħu, u jippermetti lir-rikorrent jiddefendi ruħu quddiem il-kontenut tal-imsemmi rapport u l-eventwali konsegwenzi għalih, li fil-fatt kien il-każ.

195    Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet tal-President tal-KESE, li għalihom jirreferi r-rikorrent, ma juru ebda nuqqas ta’ imparzjalità, suġġettiva jew oġġettiva, sa fejn dan tal-aħħar sempliċement indika li, skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 883/2013, il-KESE kien obbligat li jikkonforma ruħu mar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF u li jinforma lil dan l-uffiċċju bis-segwitu li kienu ser jiġu rriżervati għalihom.

196    Fir-rigward tan-nuqqas ta’ imparzjalità suġġettiva allegat, ir-rikorrent jillimita ruħu li jsostni li l-Kumitat Konsultattiv kien naqas mill-imparzjalità meta ħareġ rakkomandazzjonijiet fl-assenza taż-żewġ membri tal-grupp I, jiġifieri E u F. Madankollu, ir-rikorrent ma jispjegax sa fejn dan jiżvela li ħa naħa waħda jew preġudizzju personali fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 191 iktar ’il fuq.

197    Fi kwalunkwe każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikuża ta’ E kienet tindirizza preċiżament ix-xewqa li jiġi evitat preġudizzju lill-imparzjalità tal-Kumitat Konsultattiv, peress li din ir-rikuża ġiet deċiża minħabba l-eżistenza, sa fejn kien jikkonċernah, ta’ kunflitt ta’ interessi. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ F, l-assenza tagħha ma hijiex imputabbli lill-Kumitat Konsultattiv, peress li hija ddeċidiet, fuq inizjattiva tagħha stess, li ma tiħux sehem fid-deliberazzjonijiet tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-każ tar-rikorrent. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrent ma jispjegax ir-raġuni għalfejn l-assenza ta’ dawn iż-żewġ membri tista’ tqajjem dubju leġittimu dwar l-imparzjalità tal-Kumitat Konsultattiv, iktar u iktar peress li d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-2019 ma jipprevedux li l-possibbiltà għall-Kumitat Konsultattiv li joħroġ rakkomandazzjonijiet tkun suġġetta għall-eżistenza ta’ xi quorum ta’ preżenza.

198    Għaldaqstant, it-tieni lment imressaq mir-rikorrent, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità, għandu jiġi miċħud bħala infondat u t-tieni motiv għandu, konsegwentement, jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 883/2013, tan-natura kunfidenzjali tal-proċeduri dixxiplinari u tal-informazzjoni ġudizzjarja kif ukoll tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament 2018/1725

199    Ir-rikorrent isostni li membri tal-persunal tal-OLAF kisru l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 883/2013 meta ddikjaraw, quddiem il-Kumitat tal-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament, li huwa ħati ta’ fastidju, li wassal lill-membri ta’ dan il-kumitat sabiex iqisu li l-ħtija tiegħu kienet stabbilita anki qabel mal-Kumitat Konsultattiv u mal-Bureau tal-KESE ma kienu ħadu pożizzjoni dwar dan is-suġġett.

200    Barra minn hekk, il-Parlament kiser ukoll il-“prinċipju ta’ kunfidenzjalità” billi xerred informazzjoni li tagħti x’tifhem il-ħtija tar-rikorrent dwar il-fatti allegati. Minn dan jirriżulta ksur tas-sigriet tal-proċedura dixxiplinari u tal-investigazzjoni ġudizzjarja, li huwa iktar gravi peress li l-OLAF, fl-istess ħin, irrikonoxxa li l-aġir tar-rikorrent ma kellu ebda impatt finanzjarju fuq il-baġit tal-Unjoni.

201    Fl-aħħar, il-President tal-KESE kiser ukoll il-“prinċipju ta’ kunfidenzjalità” meta żvela l-kontenut tar-rapport finali waqt il-laqgħa tal-Bureau tal-KESE tal‑21 ta’ Jannar 2020. Barra minn hekk, skont ir-rikorrent, il-KESE kellu jistieden lill-Parlament sabiex ineħħi d-data personali tiegħu fid-diversi komunikazzjonijiet tiegħu relatati mal-baġit tiegħu jew mal-fatti li ġie kkritikat bihom.

202    Il-KESE jikkontesta dawn l-argumenti.

203    Għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni tista’ tiċħad motiv jew ilment bħala ineffettiv meta tikkonstata li dan ma huwiex tali, fl-ipoteżi fejn ikun fondat, li jwassal għall-annullament segwit (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2009, Michail vs Il‑Kummissjoni, T‑50/08 P, EU:T:2009:457, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

204    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, bħalma għamel il-KESE, li l-argumenti dwar l-aġir tal-Parlament u d-dikjarazzjonijiet tal-OLAF quddiem il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament, li ma humiex partijiet f’din il-proċedura, ma għandhomx effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, peress li dawn ma humiex imputabbli lill-KESE, li huwa l-awtur tad-deċiżjoni kkontestata.

205    Għaldaqstant, l-argumenti dwar l-allegat ksur, mill-OLAF u mill-Parlament, tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 883/2013 u tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament 2018/1725 għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

206    Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li l-President tal-KESE żvela lill-membri tal-Bureau, waqt il-laqgħa tal‑21 ta’ Jannar 2020, il-kontenut tar-rapport tal-OLAF, invokat għall-ewwel darba fir-replika, dan għandu jiġi miċħud bħala infondat, indipendentement mill-ammissibbiltà tiegħu fir-rigward tal-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

207    Fil-fatt, filwaqt li kien preżenti waqt din il-laqgħa, ir-rikorrent ma pproduċa ebda prova li tippermetti li jiġu rrifjutati l-ispjegazzjonijiet tal-KESE li jindika li l-President kien illimita ruħu li jinforma lill-membri tal-Bureau bl-eżistenza tar-rapport tal-OLAF u bir-rakkomandazzjonijiet li jakkumpanjawh, bl-uniku għan li jippreparaw li l-każ jitressaq quddiem il-Kumitat Konsultattiv.

208    Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li l-membri l-oħra tal-Bureau finalment saru jafu bil-kontenut tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-OLAF biss fit‑3 ta’ Ġunju 2020, meta l-Kumitat Konsultattiv bagħat ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-President tal-KESE, wara li r-rikorrent seta’ jressaq l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-kontenut ta’ dan ir-rapport u dwar dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

209    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala parzjalment ineffettiv u parzjalment infondat.

 Dwar it-talbiet għal danni

210    Ir-rikorrent jitlob, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, li l-KESE jiġi kkundannat iħallaslu ammont ta’ EUR 250 000 bħala kumpens għad-danni materjali u morali li huwa jallega li ġarrab.

211    Id-dannu morali tar-rikorrent huwa kkostitwit mill-fenomenu ta’ esklużjoni mill-ambjent professjonali tiegħu li huwa ġarrab. F’dan ir-rigward, l-intervent tad-Direttur tal-OLAF quddiem il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament, fit‑3 ta’ Frar 2020, allegatament ippreġudika b’mod irrimedjabbli l-unur u r-reputazzjoni tiegħu, sa fejn dan tal-aħħar informa lill-membri ta’ dan il-kumitat bil-kontenut tar-rapport finali mingħajr ma jisma’ lir-rikorrent u mingħajr ma ntwera li l-akkużi miġjuba kontra dan tal-aħħar kellhom impatt finanzjarju għall-Unjoni.

212    Sussegwentement, billi fetaħ proċedura dixxiplinari kontrih mingħajr qafas leġiżlattiv speċifiku u billi għamel riferiment, fid-deċiżjoni kkontestata, għad-Deċiżjoni tal-Parlament tat‑13 ta’ Mejju 2020 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2018 u għar-Riżoluzzjoni tal-Parlament tal‑14 ta’ Mejju 2020, il-KESE allegatament ippreġudika wkoll ir-reputazzjoni u l-unur tar-rikorrent.

213    B’hekk, il-fatt li ma setax jesprimi ruħu dwar il-fatti li jikkonċernawh ħoloq fi ħdan ir-rikorrent sentiment ta’ frustrazzjoni, ta’ ansjetà u ta’ inġustizzja, li kellu riperkussjonijiet serji fuq l-istat ta’ saħħa tiegħu u fuq il-ħajja privata tiegħu u jirriżulta direttament mill-aġir tal-OLAF.

214    Għal dawn ir-raġunijiet, ir-rikorrent jitlob kumpens għad-dannu morali tiegħu, li huwa jevalwa ex æquo et bono, b’mod provviżorju, fl-ammont ta’ EUR 200 000, li huwa proporzjonat għan-nuqqasijiet imwettqa mill-KESE, mill-Parlament u mill-OLAF. Fir-replika, ir-rikorrent madankollu indika li huwa kien qiegħed jirrimetti ruħu għall-ġudizzju għaref tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-ammont dovut bħala kumpens għad-dannu morali tiegħu.

215    Id-dannu materjali tar-rikorrent huwa kkostitwit mill-ispejjeż sostnuti minnu għall-bżonnijiet tad-difiża tiegħu minn Jannar 2020 u li huwa vvaluta għal EUR 50 000. Barra minn hekk, jekk ir-rikors kellu jiġi miċħud, ikun inaċċettabbli li r-rikorrent jiġi kkundannat ibati l-onorarji mogħtija mill-KESE għas-servizzi ta’ avukat estern.

216    Il-KESE jikkontesta dawn l-argumenti.

217    F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni huwa meħtieġ li jkunu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-ksur tal-obbligu tal-awtur tal-att u d-dannu mġarrab mill-persuni leżi (ara dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ April 2012, Artegodan vs Il‑Kummissjoni, C‑221/10 P, EU:C:2012:216, punt 80).

218    Barra minn hekk, meta waħda minn dawn it-tliet kundizzjonijiet ma tkunx issodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra tal-imsemmija responsabbiltà (ara s-sentenza tad‑29 ta’ April 2020, Tilly-Sabco vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑707/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:160, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata).

219    Fil-każ inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li, skont ir-rikorrent, l-allegati danni mġarrba minnu joriġinaw b’mod partikolari mill-aġir illegali li kien adotta l-OLAF quddiem il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament.

220    Issa, fir-rikors, ir-rikorrent indika lill-KESE bħala l-unika konvenuta.

221    Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrent ma jistax jitlob li l-KESE jiġi kkundannat jikkumpensa d-danni allegatament imġarrba ħlief minħabba aġir illegali ta’ dan il-korp. Sabiex jinkiseb kumpens għal dannu kkawżat minn istituzzjoni oħra, huwa r-rikorrent li għandu jressaq it-talba tiegħu għad-danni kontra l-istituzzjoni li hija kkritikata bil-fatt li ta lok għar-responsabbiltà (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑2 ta’ Frar 2015, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne vs L-Unjoni Ewropea, T‑577/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:80, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

222    Fir-rigward tal-aġir tal-KESE, għandha titfakkar il-ġurisprudenza li t-talbiet intiżi għall-kumpens ta’ dannu materjali jew morali għandhom jiġu miċħuda meta jkunu marbuta mill-qrib mat-talbiet għal annullament li jkunu, huma stess, ġew miċħuda bħala inammissibbli jew infondati (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, ZQ vs Il‑Kummissjoni, T‑647/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:884, punt 202 u l-ġurisprudenza ċċitata).

223    Issa, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ebda illegalità ma taffettwa d-deċiżjoni kkontestata u li l-proċedura ta’ redazzjoni tagħha saret b’rispett tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrent ma jispjegax kif il-fatt biss li għamel riferiment, fid-deċiżjoni kkontestata, għad-Deċiżjoni tal-Parlament tat‑13 ta’ Mejju 2020 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2018 u għar-Riżoluzzjoni tal-Parlament tal‑14 ta’ Mejju 2020 jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi min-naħa tal-KESE.

224    Għaldaqstant, peress li l-ewwel kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni ma hijiex issodisfatta fil-każ inkwistjoni, it-talbiet għal kumpens għandhom jiġu miċħuda mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra ta’ stabbiliment tal-imsemmija responsabbiltà.

225    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

226    Skond l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, fosthom dawk relattivi għall-proċeduri għal miżuri provviżorji, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      KN huwa kkundannat għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Svenningsen

Mac Eochaidh

Pynnä

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑1 ta’ Settembru 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.