Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein oikeus (il-Finlandja) fid-29 ta’ Marzu 2021 – Soda-Club (CO2) SA, SodaStream International BV vs MySoda Oy

(Kawża C-197/21)

Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

Qorti tar-rinviju

Korkein oikeus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Soda-Club (CO2) SA, SodaStream International BV

Konvenut: MySoda Oy

Domandi preliminari

Il-kundizzjonijiet imsejħa Bristol-Myers Squibb 1 iddefiniti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar l-ippakkjar mill-ġdid u l-ittikkettjar mill-ġdid fil-kuntest ta’ importazzjonijiet paralleli u, b’mod partikolari, il-kundizzjoni msejħa ta’ “neċessità”, japplikaw ukoll fil-każ ta’ ppakkjar mill-ġdid jew ittikkettjar mill-ġdid ta’ prodotti li jkunu tqiegħdu fis-suq fi Stat Membru mill-proprjetarju tat-trade mark jew bil-kunsens tiegħu għall-finijiet tal-bejgħ mill-ġdid tagħhom fl-istess Stat Membru?

Meta, fil-mument tat-tqegħid fis-suq ta’ ċilindru li jkun fih id-dijossidu tal-karbonju, il-proprjetarju tat-trade mark ikun waħħal it-trade mark tiegħu fuqu, li mhux biss tkun miktuba fuq it-tikketta taċ-ċilindru, iżda tkun ukoll imnaqqxa fuq għonqu, il-kundizzjonijiet imsejħa Bristol-Myers Squibb imsemmija iktar ’il fuq u, b’mod partikolari, il-kundizzjoni ta’ “neċessità”, japplikaw anki meta terz jerġa’ jimla ċ-ċilindru bid-dijossidu tal-karbonju għall-bejgħ mill-ġdid tiegħu, u jneħħi t-tikketta oriġinali miċ-ċilindru u jibdilha b’tikketta li jkollha s-sinjal ta’ dak it-terz, filwaqt li, barra minn hekk, it-trade mark tal-persuna li tkun qiegħdet iċ-ċilindru fis-suq tkun għadha tidher fuq l-inċiżjoni miktuba fuq l-għonq taċ-ċilindru?

Fiċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq, jista’ jitqies li t-tneħħija u s-sostituzzjoni tat-tikketta li jkollha t-trade mark jippreġudikaw, bħala prinċipju, il-funzjoni tat-trade mark, li hija indikatriċi tal-oriġini taċ-ċilindru, jew huwa sinjifikattiv, fir-rigward tal-applikabbiltà tal-kundizzjonijiet għall-ippakkjar mill-ġdid u l-ittikkettar mill-ġdid, li:

–    il-pubbliku rilevanti jitqies li jifhem li t-tikketta tindika biss l-oriġini tad-dijossidu tal-karbonju li jinsab fiċ-ċilindru (u għalhekk il-persuna li reġgħet imliet iċ-ċilindru); jew

–    il-pubbliku rilevanti jitqies li jifhem li t-tikketta tindika wkoll, għallinqas parzjalment, l-oriġini taċ-ċilindru?

Safejn l-irtirar jew is-sostituzzjoni tat-tikketta mwaħħla maċ-ċilindri tad-dijossidu tal-karbonju huma evalwati fid-dawl tal-kundizzjoni ta’ “neċessità”, it-tqattigħ jew il-qlugħ eventwali tat-tikketti mwaħħla maċ-ċilindri mqiegħda fis-suq mill-proprjetarju tat-trade mark, jew it-tneħħija jew is-sostituzzjoni tagħhom minn persuna li kienet diġà mliethom qabel, jistgħu jikkostitwixxu ċirkustanza tali li tiġġustifika li s-sostituzzjoni regolari tat-tikketti bit-tikketta tal-persuna li timla ċ-ċilindri mill-ġdid għandha titqies neċessarja għall-kummerċjalizzazzjoni taċ-ċilindri mimlija mill-ġdid?

____________

1 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1996 (Kawżi magħquda C-427/93, C-429/93 u C-436/93, Bristol-Myers Squibb et, EU:C:1996:282).