Language of document :

Appell ippreżentat fil-21 taʼ Frar 2013 minn Cornelia Trentea mis-sentenza mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-11 taʼ Dicembru 2013 fil-Kawża F-112/10, Trentea vs FRA

(Kawża T-107/13 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Cornelia Trentea (Barcelona, Spanja) (rappreżentanti: L. Levi u M. Vandenbussche, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA)

Talbiet

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-11 ta' Diċembru 2012 mogħtija fil-Kawża F-112/10;

konsegwentement, tannulla d-deċiżjoni tal-Awtorità responsabbli li tikkonkludi kuntratti għal impjieg tal-5 ta' Ġunju 2010 li tiċħad il-kandidatura tal-appellanti għall-pożizzjoni (ref. TA-ADMIN-AST 4-2009) u d-deċiżjoni li taħtar kandidat ieħor; tordna lill-FRA tikkumpensa lill-appellanti għad-dannu materjali li jikkorrispondi għad-differenza bejn is-salarju preżenti u s-salarju ta' AST 4, sal-età tal-pensjoni, inklużi l-allokazzjonijiet, l-allowances kollha u l-kumpens tad-drittijiet għall-pensjoni; tordna lill-FRA tikkumpensa lill-appellanti għad-danni morali evalwati ex aequo et bono għal EUR 10 000; u

tikkundanna lill-FRA għall-ispejjeż tal-ewwel istanza u tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka ħames aggravji.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tar-regoli li jikkonċernaw l-ammissibbiltà tal-motivi: ammissibbiltà tas-sottomissjonijiet ippreżentati waqt is-seduta fl-ewwel istanza dwar l-assenza mill-Kumitat ta' Selezzjoni ta' rappreżentant tal-Kumitat tal-Persunal - ksur mill-ewwel qorti tal-obbligu ta' motivazzjoni. L-appellanti tqis li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, l-ewwel nett, kiser l-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku billi naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni tal-fatt li s-sommissjonijiet inkwisjtoni kienu bbażati fuq dokumenti u informazzjoni li l-FRA pproduċiet biss matul il-proċeduri quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u, it-tieni nett, naqas milli jirrikonoxxi li s-sottomissjonijiet inkwistjoni kellhom jitqiesu ammissibbli inkwantu li kienu strettament konnessi ma' motivi oħrajn ippreżentati fil-proċedura bil-miktub. It-tielet nett, u fi kwalunkwe każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonkluda b'mod żbaljat, mingħajr ebda motivazzjoni, li l-motiv ma kienx fost il-motivi li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista' jqajjem ex officio.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ineżattezza ta' fatti li tirrigwarda l-eżamijiet bil-miktub li twassal għal ksur mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament u għal żnaturament tal-provi. L-appellanti tqis li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku żbalja meta sostna li ma kienx stabbilit jew lanqas allegat li l-mistoqsijiet magħmula fl-eżamijiet bil-miktub kienu identiċi għall-kandidati kollha, peress li l-konvenuta kkonfermat dan il-fatt fir-risposta tagħha. Din l-ineżattezza affettwat il-konklużjoni legali tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku peress li l-prinċipju ta' ugwaljanza ta' trattament jeħtieġ li l-eżamijiet bil-miktub isiru fl-istess ħin għall-kandidati kollha, u mhux fi ġranet differenti kif kien il-każ fil-proċedura ta' selezzjoni tal-appellanti. Barra minn hekk, l-ewwel qorti ċaħdet il-motiv tal-appellanti dwar in-nuqqas ta' anonimat tal-eżamijiet bil-miktub, billi bbażat fuq sempliċi allegazzjoni mill-FRA li hija kkontestat.

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq kompożizzjoni irregolari tal-Kumitat ta' Selezzjoni, fuq żnaturament tal-provi u fuq ksur mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-obbligu tiegħu ta' motivazzjoni. L-appellanti tqis li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku żbalja meta qies, mingħajr ebda motivazzjoni ulterjuri, li l-Kap tad-Dipartiment tal-Amministrazzjoni tal-FRA u l-Amminstratur Finanzjarju tal-FRA kellhom konoxxenza u esperjenza fil-fond fil-qasam ta' reklutaġġ, billi bbaża fuq sempliċi allegazzjonijiet tal-FRA kkontestati mill-appellanti. Din in-nuqqas ta' kompetenza affettwat ukoll ir-riżultati tas-selezzjoni.

Ir-raba' aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni u fuq dewmien irraġonevoli li tingħata sentenza. L-appellanti tqis li l-ewwel qorti żbaljat meta ddeċidiet li l-konvenuta kienet issodisfat l-obbligu tagħha ta' motivazzjoni peress li l-appellanti ma kinitx taf, sal-proċeduri fl-ewwel istanza, liema kriterju ntuża għall-evalwazzjoni tal-kandidatura tagħha, ma kinitx informata liema kwalifiki ma kinitx issodisfat u ma rċevietx tqassim tal-punti globali li hija ngħatat sa dakinhar tas-seduta. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bbaża wkoll, b'mod illegali, fuq dokument ippreżentat mill-konvenuta waqt is-seduta sabiex jasal għall-konklużjoni li l-konvenuta kienet issodisfat l-obbligu tagħha ta' motivazzjoni, mingħajr ma dan ma kien iġġustifikat minn kwalunkwe ċirkustanzi eċċezzjonali. Barra minn hekk, l-ewwel nett, jekk l-appellanti kienet irċeviet dan id-dokument matul il-fażi amministrattiva kif kienet talbet, hija kienet tkun tista' tifhem aħjar ir-raġunijiet għaliex ma ntgħażlitx u tikkontesta din id-deċiżjoni b'mod iktar effettiv. It-tieni nett, it-tul tal-proċeduri quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien ikun iktar raġonevoli.

Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 87(2) u 88 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jirrigwardaw l-ispejjeż, u fuq ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni. L-appellanti tqis li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ordna illegalment lill-appellanti sabiex issostni l-ispejjeż tagħha u dawk tal-konvenuta.

____________