Language of document : ECLI:EU:T:2015:818





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tad-29 ta’ Ottubru 2015 –
Il-Litwanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T‑110/13)

“Programm għall-appoġġ tal-Komunità ta’ miżuri ta’ qabel l-adeżjoni għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali fil-pajjiżi kandidati tal-Ewropa Ċentrali u l-Ewropa tal-Lvant (Sapard) – Finanzjament mill-Unjoni ta’ ċertu nfiq magħmul mil-Litwanja – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li teżiġi li l-Litwanja tirrimborsa parti mill-ammont imħallas – Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1268/1999 – Riferiment għall-prinċipji stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 1258/1999 – Portata tal-ftehim multiannwali ta’ finanzjament relatat mal-programm Sapard – Kooperazzjoni leali”

1.                     Adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda – Il-Litwanja – Impenji baġitarji globali meħuda abbażi ta’ strumenti finanzjarji ta’ qabel l-adeżjoni – Programm speċjali ta’ adeżjoni għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali (Sapard) – Regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni u għall-irkupru ta’ nfiq magħmul mil-Litwanja – Applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim multiannwali konkluż fil-kuntest ta’ Sapard bħala lex specialis meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1268/1999 (Regolamenti tal-Kunsill Nru 1258/1999 u Nru 1268/1999, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 9(1)) (ara l-punti 27, 33)

2.                     Baġit tal-Unjoni Ewropea – Regolament finanzjarju – Irkupru ta’ krediti mit-terzi – Rinunzja – Kundizzjoni – Insolvenza tad-debitur benefiċjarju ta’ finanzjament tal-Unjoni mmexxi mill-istituzzjoni kreditriċi – Possibbiltà ta’ rinunzja fir-rigward ta’ Stat Membru benefiċjarju ta’ finanzjament fil-kuntest tal-programm speċjali ta’ adeżjoni għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali (Sapard) – Assenza – Eżistenza ta’ prinċipju ġenerali ta’ rinunzja mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għall-krediti tagħhom – Assenza (Regolamenti tal-Kunsill Nru 1258/1999 u Nru 1266/1999, Artikolu 12(2), u Nru 1605/2002, Artikolu 73(2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikolu 87(1)(b)) (ara l-punti 31, 32, 42)

3.                     Adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda – Il-Litwanja – Impenji baġitarji globali meħuda abbażi ta’ strumenti finanzjarji ta’ qabel l-adeżjoni – Programm speċjali ta’ adeżjoni għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali (Sapard) – Irkupru mill-Kummissjoni ta’ somom imħallsa b’mod irregolari – Assenza ta’ dispożizzjoni ċara f’dan ir-rigward fil-ftehim multiannwali konkluż fil-kuntest tas-Sapard – Assenza ta’ effett (Regolament tal-Kunsill Nru 1268/1999) (ara l-punti 38, 39, 41, 47)

4.                     Adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda – Att ta’ adeżjoni tal-2003 – Applikabbiltà immedjata tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet qabel l-adeżjoni – Użu mill-Kummissjoni tal-modalitajiet tar-Regolamenti Nru 1605/2002 u Nru 2342/2002 sabiex tirkupra somom imħallsa b’mod irregolari fil-kuntest ta’ programm ta’ qabel l-adeżjoni – Ammissibbiltà (Att ta’ Adeżjoni tal‑2003, Artikoli 2 u 10; Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002) (ara l-punti 50, 51)

5.                     Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li teżiġi r-rimbors ta’ somom imħallsa b’mod irregolari fil-kuntest tal-programm speċjali ta’ adeżjoni għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali (Sapard) –Stat destinatarju li ġie assoċjat mill-qrib mal-proċess tat-tfassil tad-deċiżjoni – Ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni – Assenza (Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1268/1999) (ara l-punti 54, 55)

6.                     Adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda – Il-Litwanja – Impenji baġitarji globali meħuda abbażi ta’ strumenti finanzjarji ta’ qabel l-adeżjoni – Programm speċjali ta’ adeżjoni għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali (Sapard) – Natura irregolari ta’ ċertu nfiq magħmul mil-Litwanja – Konsegwenzi – Irkupru mill-Kummissjoni – Assenza ta’ natura ta’ sanzjoni (Regolament tal-Kunsill Nru 1268/1999) (ara l-punt 62)

7.                     Stati Membri – Obbligi – Obbligu ta’ kooperazzjoni leali mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni – Reċiproċità (Artikolu 4(3) TUE) (ara l-punti 65, 68)

8.                     Proċedura ġudizzjarja – Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża – Motiv imqajjem għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika – Inammissibbiltà (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 84(1)) (ara l-punti 83, 84)

Suġġett

Primarjament, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni FK/fa/D(2012)1707818, tal-10 ta’ Diċembru 2012, sa fejn in-nota ta’ debitu Nru 3241213460 annessa hija relatata ma’ proġetti li kellhom jitwettqu minn impriżi li fallew u mal-proġett P27010010.

Dispożittiv

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

2)

Ir-Repubblika tal-Litwanja għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.