Language of document : ECLI:EU:T:2006:292

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Ir-Raba' Awla)

4 ta' Ottubru 2006(*)

"Investigazzjoni ta' l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) dwar l-iżvelar ta' informazzjoni kunfidenzjali – Suspetti ta' korruzzjoni u ta' ksur tas-sigriet professjonali – Komunikazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali ta' informazzjoni fuq fatti li jistgħu jwasslu għal proċeduri kriminali – Tfittxija fid-dar u fl-uffiċċju ta' ġurnalist – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Rikors għal danni – Rabta kawżali – Ksur suffiċjentement serju"

Fil-kawża T‑193/04,

Hans-Martin Tillack, li joqgħod fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn I. Forrester, QC, T. Bosly, C. Arhold, N. Flandin, J. Herrlinger, u J. Siaens, avukati,

rikorrent,

sostnut minn

International Federation of Journalists      (IFJ), stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrapreżentata minn A. Bartosch u T. Grupp, avukati,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn C. Docksey u C. Ladenburger, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament ta' l-att li permezz tiegħu, fil-11 ta' Frar 2004, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) bagħat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Ġermaniżi u Belġjani informazzjoni dwar suspetti ta' ksur tas-sigriet professjonali u ta' korruzzjoni u, min-naħa l-oħra, talba għal kumpens tad-dannu morali subit mir-rikorrent b'riżultat ta' din il-komunikazzjoni ta' informazzjoni u tal-pubblikazzjoni ta' komunikati stampa mill-OLAF,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba' Awla),

komposta minn H. Legal, President, P. Lindh u V. Vadapalas, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta' Mejju 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Kuntest ġuridiku

1        L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom, tat-28 ta' April 1999 (ĠU L 136, p. 20), għandu jkun responsabbli, b'mod partikolari, li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi interni maħsuba sabiex jinvestigaw fatti serji, relatati ma' l-eżerċizzju ta' attivitajiet professjonali, li jistgħu jikkostitwixxu ksur ta' l-obbligi ta' l-uffiċjali u impjegati tal-Komunitajiet li jistgħu jwasslu għal proċeduri dixxiplinari u, jekk ikun il-każ, għal proċeduri kriminali.

2        Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1073/1999 (KE) tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF (ĠU L 136, p. 1), jirregola l-ispezzjonijiet, kontrolli u miżuri oħra meħuda mill-impjegati ta' l-OLAF fil-qadi tad-dmirijiet tagħhom.

3        Il-premessa 13 tar-Regolament Nru 1073/1999 tipprovdi:

"Billi huwa f'idejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji, skond il-każ, li jiddeċiedu x'azzjoni għandha tittieħed dwar investigazzjonijiet li jkunu tlestew fuq il-bażi tar-rapport imħejji mill-[OLAF]; Billi madankollu għandu jkun id-dmir tad-Direttur ta' l-[OLAF] li jibgħat direttament lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta' l-Istat Membru involut l-informazzjoni miġbura mill-[OLAF] waqt l-investigazzjonijiet interni dwar sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal proċeduri kriminali".

4        L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1073/1999, intitolat "Proċedura ta' l-investigazzjonijiet", jipprovdi, fil-paragrafu 6 tiegħu, li "[l]-Istati Membri għandhom [jassiguraw] illi l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet nazzjonali, jagħtu l-għajnuna neċessarja sabiex l-impjegati ta' l-[OLAF] jkunu jistgħu jwettqu xogħolhom. "

5        L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1073/1999, intitolat "Ir-rapport ta' l-investigazzjoni u l-azzjoni meħuda wara l-investigazzjonijiet", jipprovdi kif ġej fil-paragrafu 2 tiegħu:

" […] Ir-rapporti preparati fuq dik il-bażi għandhom jikkostitwixxu prova ammissibbli fi proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji ta' l-Istat Membru li fih l-użu tagħhom jirriżulta li huwa meħtieġ, bl-istess mod u taħt l-istess kondizzjonijiet bħar-rapporti amministrattivi mħejjija minn spetturi amministrattivi nazzjonali […]"

6        L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1073/1999, intitolat "Informazzjoni mibgħuta mill-[OLAF]", jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu:

"[… I]d-Direttur ta' l-[OLAF] għandu jibgħat lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta' l-Istat Membru iinvolut l-informazzjoni miksuba mill-[OLAF] waqt investigazzjonijiet interni [dwar] kwistjonijiet li jistgħu jwasslu għal proċeduri kriminali […]"

 Fatti li wasslu għall-kawża

7        Ir-rikorrent huwa ġurnalist, impjegat mill-ġurnal Ġermaniż Stern.

8        B'memorandum tal-31 ta' Awwissu 2001, is-Sur Van Buitenen, uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew, semma l-possibbiltà li twettqu xi irregolaritajiet f'diversi servizzi tal-Kummissjoni (iktar 'il quddiem il-"memorandum Van Buitenen"). L-OLAF irċieva kopja ta' dan id-dokument fil-5 ta' Settembru 2001.

9        Fit-23 ta' Ottubru 2001, id-direttur ta' l-OLAF qabbad l-unità "Maġistrati, pariri u segwitu ġudizzjarju" sabiex tevalwa l-allegazzjonijiet esposti fil-memorandum Van Buitenen u tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar x'azzjoni għandha tittieħed fir-rigward tagħhom.

10      Fil-31 ta' Jannar 2002, l-unità "Maġistrati, pariri u segwitu ġudizzjarju" ħarġet nota interna ta' natura kunfidenzjali, li tikkontjeni tnax-il proposta u rakkomandazzjoni, fosthom il-ftuħ ta' investigazzjonijiet għal uħud mill-allegazzjonijiet imsemmija fil-memorandum. Fuq il-bażi ta' dan id-dokument, l-imsemmija unità kitbet nota fil-qosor, iddatata 14 ta' Frar 2002, li għandha wkoll natura kunfidenzjali.

11      Ir-rikorrent kiteb żewġ artikoli, ippubblikati fi Stern fit-28 ta' Frar u fis-7 ta' Marzu 2002 rispettivament, li fihom irrakkonta każijiet ta' irregolaritajiet fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej. Dawn l-artikoli kienu bbażati fuq il-memorandum Van Buitenen u n-nota ta' l-OLAF tal-31 ta' Jannar 2002.

12      Fit-12 ta' Marzu 2002, l-OLAF, li ssuspetta li n-noti kunfidenzjali tiegħu tal-31 ta' Jannar u ta' l-14 ta' Frar 2002 kienu ġew żvelati b'mod illegali, fetaħ investigazzjoni interna bl-iskop li jidentifika l-uffiċjali jew impjegati tal-Komunitajiet Ewropej li wasslu għal dan l-iżvelar.

13      Fit-22 ta' Marzu 2002, id-Direttur tad-Direttorat "Intelliġenza, strateġija operazzjonali u servizzi ta' l-informazzjoni" ta' l-OLAF bagħat nota lid-Direttur ta' l-OLAF sabiex jinformah li, skond sors ta' informazzjoni affidabbli, ir-rikorrent kien ħallas EUR 8 000 lil impjegat ta' l-OLAF sabiex jikseb diversi dokumenti marbuta mal-każ Van Buitenen. Fl-istess ġurnata, il-kelliem ta' l-OLAF indika lid-Direttur ta' l-OLAF li huwa kien iltaqa' mas-Sur G., kelliem tal-Kummissjoni għall-baġit u għall-ġlieda kontra l-frodi, u li dan ta' l-aħħar kien iddikjaralu li kien ġie informat minn ġurnalist ta' Stern li r-rikorrent kien ħallas xi flus lil membru ta' l-OLAF biex jikseb xi dokumenti.

14      Fis-27 ta' Marzu 2002, l-OLAF ippubblika komunikat stampa, intitolat "Investigazzjoni interna dwar żvelar ta' informazzjoni kunfidenzjali", li jaqra kif ġej:

"[…] Wara dak li jidher li huwa żvelar ta' informazzjoni kunfidenzjali inkluża f'rapport ippreparat mill-OLAF, l-[OLAF] iddeċieda, skond l-Artikolu 5(1) tar-Regolament […] Nru 1073/1999, li jiftaħ investigazzjoni interna. Skond l-informazzjoni miġbura mill-[OLAF], ġurnalist irċieva diversi dokumenti dwar l-inkartament imsejjaħ il-'każ Van Buitenen'. Mhuwiex eskluż li tħallsu xi flus lil xi ħadd ġewwa l-OLAF (jew saħansitra xi istituzzjoni oħra) sabiex jinkisbu dawn id-dokumenti […]

L-[OLAF] dejjem jirrispetta l-ogħla standards etiċi. Huwa jmexxi l-investigazzjonijiet tiegħu b'mod totalment indipendenti. Madankollu, huwa neċessarju li jiġi enfasizzat li l-korruzzjoni jew il-ħlas ta' aġent għall-kisba ta' informazzjoni kunfidenzjali huwa illegali fil-Belġju. Barra minn hekk, l-informazzjoni miksuba mill-OLAF fl-iżvolġiment ta' l-investigazzjonijiet tiegħu huma protetti bid-dispożizzjonijiet tad-dritt Belġjan f'dan ir-rigward. Jekk, wara l-investigazzjoni interna, ikun jidher li seħħet attività ta' natura illegali, hija l-intenzjoni ta' l-[OLAF] li jittieħdu proċeduri kontra l-awturi tagħha, skond id-dispożizzjonijiet dixxiplinari u kriminali applikabbli […]"

15      B'risposta, Stern ippubblika komunikat stampa, fit-28 ta' Marzu 2002, li permezz tiegħu, minn naħa, ikkonferma li kellu l-memorandum Van Buitenen u, min-naħa l-oħra, enfasizza li ma kienx ħallas flus lil xi uffiċjal tal-Komunitajiet Ewropew għall-kisba ta' dokumenti marbuta ma' dan il-każ. Dan il-komunikat jiċċita l-isem u d-dettalji tar-rikorrent. Stern kiteb ukoll lill-President tal-Kumitat ta' Sorveljanza ta' l-OLAF, fit-3 ta' April 2002, sabiex joġġezzjona għall-allegazzjonijiet ta' l-OLAF.

16      Fl-4 ta' April 2002, ir-rivista European Voice indikat li, skond kelliem ta' l-OLAF, l-OLAF kellu, "ma' l-ewwel daqqa t'għajn", "provi" li jindikaw li "seta' kien sar ħlas" u li kien qed jittratta din il-kwistjoni serjament.

17      Waqt laqgħa li saret fid-9 u fl-10 ta' April 2002, il-Kumitat ta' Sorveljanza ta' l-OLAF talab li jiġi informat bil-provi li jsostnu s-suspetti ta' ħlas ta' flus f'dan il-każ.

18      Fil-11 ta' April 2002, il-kelliem ta' l-OLAF bagħat ittra elettronika lil xi impjegati ta' l-OLAF li kienet tindika dan li ġej:

"[…] S'issa, l-uniċi fatti ċerti huma li dokument kunfidenzjali ta' l-OLAF wasal f'idejn l-istampa (u dan ma kellux ikun il-każ), [u] li kien hemm 'xnigħat' jiġru ma' l-OLAF u mal-Kummissjoni […] li dawn id-dokumenti kienu saħansitra ġew 'imħallsa' (saħansitra bl-indikazzjoni ta' ammont ...) […] Huwa inaċċettabbli li […] jeżisti r-riskju li tiġi miksuba informazzjoni kunfidenzjali ta' l-OLAF mill-istampa u li din l-informazzjoni tiġi miksuba billi jiġi korrott uffiċjal pubbliku [u li] suspetti, 'xnigħat' jew 'spekulazzjonijiet', bħal dawk li ġrew ma' l-[OLAF] fil-ġimgħat li għaddew, jibqgħu bla ma tiġi mistħarrġa l-fondatezza tagħhom fuq servizz ta' investigazzjoni […]"

19      Fit-22 ta' Ottubru 2002, ir-rikorrent ippreżenta lment (1840/2002/GG) quddiem l-Ombudsman Ewropew li jirrigwarda l-komunikat stampa ta' l-OLAF tas-27 ta' Marzu 2002.

20      Fid-9 ta' Diċembru 2002, l-investigaturi ta' l-OLAF semgħu uffiċjalment lis-Sur G. Dan ta' l-aħħar indika li, skond wieħed mill-kollegi preċedenti tiegħu ta' Stern li huwa rrifjuta li jikxef l-isem tiegħu, ir-rikorrent kien irċieva 8 000 Mark Ġermaniż (DEM) jew EUR 8 000 biex jikseb xi informazzjoni dwar il-Kummissjoni jew eventwalment dwar l-OLAF.

21      Fit-18 ta' Ġunju 2003, l-Ombudsman enfasizza, fl-abbozz ta' rakkomandazzjoni tiegħu dwar l-ilment tar-rikorrent, li, billi allega l-eżistenza ta' reat ta' korruzzjoni mingħajr mhuwa sostnut bi provi fattwali suffiċjenti kif ukoll li jistgħu jiġu vverifikati pubblikament, l-OLAF kien aġixxa b'mod sproporzjonat, ħaġa li kienet tikkostitwixxi każ ta' amministrazzjoni ħażina. Huwa rrakkomanda li l-OLAF jirtira l-allegazzjonijiet ta' korruzzjoni ppubblikati, li setgħu jiġu miftiehma bħala li jirrigwardaw min għamel l-ilment.

22      Wara dan l-abbozz ta' rakkomandazzjoni, l-OLAF ippubblika komunikat stampa, fit-30 ta' Settembru 2003, intitolat "Kjarifikazzjoni ta' l-OLAF dwar dak li jidher li huwa żvelar ta' informazzjoni", li jaqra kif ġej:

"Fis-27 ta' Marzu 2002, l-[…]OLAF ippubblika komunikat stampa li ħabbar li kienet infetħet investigazzjoni interna skond ir-Regolament […] Nru 1073/1999 fir-rigward ta' dak li jidher li huwa żvelar ta' informazzjoni kunfidenzjali inkluża f'rapport imħejji fi ħdan l-[OLAF].

Dan il-komunikat indika li, skond informazzjoni rċevuta mill-[OLAF], ġurnalist kien kiseb diversi dokumenti dwar l-inkartament imsejjaħ tal-'każ van Buitenen’, u li ma kienx eskluż li kienu tħallsu xi flus kienu ġew mogħtija lil xi ħadd ġewwa l-OLAF (jew saħansitra xi istituzzjoni oħra) sabiex jinkisbu dawn id-dokumenti.

L-investigazzjoni ta' l-OLAF f'dan ir-rigward mhijiex magħluqa, iżda l-[OLAF], s'issa, ma sabx prova li tali ħlas kien seħħ."

23      Fit-12 ta' Novembru 2003, ir-rikorrent ippubblika artikolu, fuq is-sit Internet ta' Stern, li jikkritika l-azzjoni tad-Direttur ta' l-OLAF.

24      Fid-deċiżjoni finali tiegħu ta' l-20 ta' Novembru 2003, dwar l-ilment 1840/2002/GG, l-Ombudsman iddikjara mill-ġdid li l-OLAF kien wettaq att ta' amministrazzjoni ħażina u huwa qies li l-OLAF, li kien aċċetta l-abbozz ta' rakkomandazzjoni tiegħu, ma kienx implementah b'mod sodisfaċenti. F'dawn iċ-ċirkustanzi, huwa kkunsidra li kumment kritiku min-naħa tiegħu seta' jikkostitwixxi kumpens xieraq għal min għamel l-ilment.

25      Is-Sur G., li kien telaq mill-Kummissjoni f'Lulju 2003, ġie mismugħ mill-ġdid mill-investigaturi ta' l-OLAF, fis-6 ta' Jannar 2004. Minn naħa, huwa kkonferma l-kliem li ntqal fl-ewwel seduta tiegħu u, min-naħa l-oħra, żvela l-isem tal-persuna li kienet informatu.

26      Fl-20 u fil-21 ta' Jannar 2004, f'laqgħa tal-Kumitat ta' Sorveljanza ta' l-OLAF, id-Direttur informa lill-Kumitat bl-"iżviluppi ta' każ pendenti", billi indika li dawn ta' l-aħħar kienu jinvolvu kuntatti kunfidenzjali ma' l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali. Skond il-minuti tal-laqgħa, il-membri tal-Kumitat aċċettaw, "fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ in kwistjoni, li jirċievu informazzjoni differita […], billi ġie speċifikat li, meta jkun il-waqt, l-OLAF kellu jipprovdi informazzjoni suffiċjenti lill-istituzzjoni kkonċernata".

27      Fil-11 ta' Frar 2004, l-OLAF, filwaqt li rrifera għall-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1073/1999, bagħat informazzjoni dwar suspetti ta' ksur tas-sigriet professjonali u ta' korruzzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta' Brussell (il-Belġju) u ta' Hamburg (il-Ġermanja).

28      Fuq il-bażi ta' l-informazzjoni mibgħuta, l-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani, kif għamlu l-awtoritajiet ġudizzjarji Ġermaniżi, fetħu istruttorja għall-allegata korruzzjoni u, fil-każ ta' l-awtoritajiet Belġjani, għal ksur tas-sigriet professjonali.

29      Fid-19 ta' Marzu 2004, fuq talba tal-qorti istruttorja inkarigata bil-kawża, il-pulizija Belġjana għamlet tfittxija fid-dar u fl-uffiċċju tar-rikorrent u qabdet jew issiġillat dokumenti professjonali kif ukoll effetti professjonali.

30      Ir-rikorrent ressaq rikors kontra din il-qbid quddiem il-qrati Belġjani. Fl-aħħar ta' dawn il-proċedimenti, il-Cour de cassation Belġjana ċaħdet l-appell tiegħu, fil-mertu, fl-1 ta' Diċembru 2004.

31      Fil-15 ta' April 2004, ir-rikorrent kiteb lid-Direttur ta' l-OLAF sabiex jilmenta mill-proċedura adottata u jitlob l-aċċess għall-inkartament ta' investigazzjoni li kien jikkonċernah.

32      Fis-7 ta' Mejju 2004, kopja ta' l-ittra mibgħuta lill-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani fil-11 ta' Frar 2004, li minnha tħassru l-elementi kunfidenzjali tagħha, ġiet mibgħuta lill-President tal-Kumitat ta' Sorveljanza ta' l-OLAF. Fl-aħħar ta' l-istess xahar, ir-rikorrent ukoll kiseb kopja ta' l-imsemmija ittra.

33      Fit-12 ta' Mejju 2005, l-Ombudsman bagħat rapport speċjali lill-Parlament Ewropew dwar l-ilment 2485/2004/GG, imressaq mir-rikorrent. Skond dan ir-rapport, l-OLAF għandu jirrikonoxxi li kien għamel dikjarazzjonijiet inkorretti u li jiżvijaw fin-noti li kien bagħat lill-Ombudsman fil-kuntest ta' l-investigazzjoni dwar l-ilment 1840/2002/GG. L-Ombudsman ippropona wkoll li l-Parlament jadotta din ir-rakkomandazzjoni bħala riżoluzzjoni.

 Proċedura u talbiet tal-partijiet

34      B'rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-1 ta' Ġunju 2004, ir-rikorrent ressaq dan ir-rikors.

35      Permezz ta' att separat, irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-4 ta' Ġunju 2004, ir-rikorrent ippreżenta talba intiża essenzjalment, minn naħa, sabiex tiġi sospiża l-eżekuzzjoni ta' kull miżura li għandha tittieħed fil-kuntest ta' l-allegat ilment imressaq mill-OLAF fil-11 ta' Frar 2004 lill-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani u Ġermaniżi u, min-naħa l-oħra, sabiex l-OLAF jiġi ordnat iżomm lura milli jikseb, jispezzjona, jeżamina jew jisma' l-kontenut ta' kull dokument u ta' kull informazzjoni li tinsab fil-pussess ta' l-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani b'riżultat tat-tfittxija magħmula fid-dar u fl-uffiċċju tiegħu fid-19 ta' Marzu 2004.

36      B'att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-17 ta' Ġunju 2004, l-International Federation of Journalists (IFJ) ppreżentat talba sabiex tintervjeni in sostenn tat-talbiet tar-rikorrent.

37      B'digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-15 ta' Ottubru 2004, Tillack vs Il-Kummissjoni (T-193/04 R, Ġabra p. II-3575), il-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji u rriżerva l-ispejjeż.

38      B'rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta' Diċembru 2004, ir-rikorrent ressaq appell kontra d-digriet Tillack vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar 'il fuq.

39      B'digriet tas-26 ta' Jannar 2005, il-President tar-Raba' Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza laqa' l-intervent ta' l-IFJ f'din il-kawża. L-intervenjenti ppreżentat in-nota tagħha u l-partijiet l-oħra ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din ta' l-aħħar fit-termini mogħtija.

40      B'digriet tad-19 ta' April 2005, Tillack vs Il-Kummissjoni [C-521/04 P(R), Ġabra p. I-3103], il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad l-appell fil-proċeduri għal miżuri provviżorji u r-rikorrent ġie kkundannat iħallas l-ispejjeż ta' l-istanza.

41      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Ir-Raba’ Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

42      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi orali magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tal-11 ta’ Mejju 2006.

43      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni ta' l-OLAF li jressaq l-"ilment" tal-11 ta' Frar 2004 quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji Ġermaniżi u Belġjani,

–        tikkundanna l-Kummissjoni sabiex tikkumpensah b'ammont li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha tiffissa, flimkien ma' l-interessi li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha tiffissa;

–        tordna kull miżura oħra li tista' teħtieġ il-ġustizzja;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż.

44      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors għal annullament u r-rikors għal danni bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad l-imsemmija rikorsi bħala infondati;

–        tikkundanna lir-rikorrent iħallas l-ispejjeż.

45      L-IFJ titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha tannulla d-deċiżjoni ta' l-OLAF tal-11 ta' Frar 2004 li "tressaq ilment" quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji Ġermaniżi u Belġjani.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet intiżi għall-annullament ta' l-att li permezz tiegħu l-OLAF bagħat informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji Ġermaniżi u Belġjani

 L-argumenti tal-partijiet

46      Mingħajr ma qajmet formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kummissjoni ssostni li r-rikors għal annullament huwa manifestament inammissibbli, minħabba n-nuqqas ta' att kontestabbli fis-sens tar-raba' inċiż ta' l-Artikolu 230 KE.

47      Filwaqt li tirreferi għad-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' Diċembru 2003, Gómez-Reino vs Il-Kummissjoni (T-215/02, Ġabra SP p. I-A-345 u II-1685, punti 50 u 51), il-Kummissjoni ssostni li l-att li permezz tiegħu l-OLAF bagħat informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani u Ġermaniżi, skond l-obbligu impost bl-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1073/1999, jikkostitwixxi att preparatorju li, fih innifsu, ma jbiddilx is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti. Fil-fatt, huma biss l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali li jiddeċiedu x'azzjoni għandha tittieħed bħala konsegwenza ta' l-informazzjoni mibgħuta billi jagħżlu jew le, skond id-dritt nazzjonali tagħhom, li jiftħu investigazzjoni ġudizzjarja, li jordnaw miżuri istruttorji u li jibdew proċeduri kriminali. Il-Qorti nazzjonali hija sussegwentement kompetenti sabiex tikkundanna jew le l-persuna kkonċernata.

48      Il-Kummissjoni tirrileva wkoll li, fis-sentenza tal-15 ta' Jannar 2003, Philip Morris International et vs Il-Kummissjoni (T-377/00, T-379/00, T-380/00, T-260/01 u T-272/01, Ġabra p. II-1), il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda azzjoni ċivili quddiem qorti Amerikana ma setgħetx tkun is-suġġett ta' rikors fis-sens tar-raba' inċiż ta' l-Artikolu 230 KE, billi din l-azzjoni ma biddlitx fiha nfisha s-sitwazzjoni legali tal-konvenut. Skond il-Kummissjoni, din il-ġurisprudenza għandha tapplika a fortiori f'dan il-każ, li fih l-OLAF la ppreżenta lment u lanqas ma ressaq rikors, iżda sempliċement bagħat informazzjoni fattwali li tista' jew le tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jiftħu proċedimenti li fiha l-OLAF u lanqas il-Kummissjoni m'għandhom, bħala regola, il-kwalità ta' parti.

49      Barra minn hekk, l-obbligu ta' kooperazzjoni, previst fl-Artikolu 10 KE, ma jipproduċix effetti ġuridiċi vinkolanti fir-rigward ta' l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali jew tar-rikorrent. L-Artikolu 6(6) tar-Regolament Nru 1073/1999 ma japplikax għall-atti mwettqa matul l-investigazzjonijiet kriminali mmexxija mill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali ta' l-Istati Membri wara li huma jkunu rċevew informazzjoni mingħand l-OLAF. Fir-rigward tar-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, p. 2), dan m'għandu l-ebda relazzjoni ma' din il-kawża.

50      Barra minn hekk, ir-rikorrent ibbenefika minn ħarsien ġudizzjarju effettiv. Fl-ewwel lok, billi l-mandat ta' tfittxija Belġjan jikkostitwixxi l-uniku att li jaffettwa l-libertà ta' espressjoni tar-rikorrent, il-ħarsien ġudizzjarju kontra dan l-att għandu jiġi assigurat mill-qrati Belġjani. Fit-tieni lok, anki meta mandat ta' tfittxija nazzjonali jinħareġ fuq il-bażi ta' informazzjoni mibgħuta mill-OLAF, ir-rimedji legali nazzjonali jassiguraw ukoll il-ħarsien ġudizzjarju ta' min jagħmel l-ilment, anki jekk l-Artikolu 234 KE jista' għaldaqstant jiġi applikat meta min jagħmel l-ilment isostni, quddiem il-qorti nazzjonali, li l-OLAF kiser id-dritt Komunitarju fil-proċedura ta' investigazzjoni tiegħu. Fit-tielet lok, il-fatt li komunikazzjoni ta' informazzjoni magħmula skond l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1073/1999 ma tistax tikkontestata permezz ta' rikors għal annullament ma jfissirx li rikors għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali quddiem il-qrati Komunitarji huwa a priori eskluż.

51      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tiddikjara li kull eċċezzjoni għar-regoli applikabbli għall-ammissibbiltà ta' rikors skond l-Artikolu 230 KE jkollha konsegwenzi dannużi għall-effikaċja, għall-kunfidenzjalità u għall-indipendenza ta' l-investigazzjonijiet ta' l-OLAF. Hija tikkunsidra li, anki jekk il-qrati Belġjani kienu ċaħdu bħala inammissibbli kull motiv ibbażat fuq il-ksur tal-ħtiġijiet proċedurali essenzjali mill-OLAF, dan ir-rikors għal annullament mhuwiex, madankollu, ammissibbli. Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta' Marzu 2004, Rothley et vs Il-Parlament (C-167/02 P, Ġabra p. I‑3149), ma twassalx għal konklużjoni differenti.

52      Ir-rikorrent isostni li r-rikors tiegħu għal annullament, imressaq skond l-Artikolu 230 KE, huwa ammissibbli.

53      Huwa jqis, l-ewwel nett, li l-"ilment" ta' l-OLAF ipproduċa effetti ġuridiċi, minħabba li l-awtoritajiet nazzjonali sussegwentement mexxew investigazzjoni. Fil-fatt, l-Istati Membri huma obbligati li jagħtu l-għajnuna tagħhom lill-OLAF, skond l-Artikolu 10 KE u r-Regolament Nru 1073/1999, b'mod partikolari l-Artikolu 6(6) tiegħu.

54      It-tieni nett, l-interessi tar-rikorrenti ma jkunux suffiċjentement protetti li kieku huwa kellu jistenna d-deċiżjoni finali ta' l-awtoritajiet Belġjani qabel ma jkun jista' jikkontesta l-"ilment" ta' l-OLAF. B'mod iktar ġenerali, il-ġurnalisti u min jagħtihom l-informazzjoni jkunu ddissważi milli jiżvelaw informazzjoni li tirrigwarda l-istituzzjonijiet Komunitarji jekk jesponu ruħhom għar-riskju li l-"ilmenti" imressqa mill-OLAF iwasslu għall-ftuħ ta' proċeduri kriminali. L-annullament tal-miżura kkontestata tikkontribwixxi wkoll sabiex terġa' tistabbilixxi r-reputazzjoni tar-rikorrent, li ġiet serjament ippreġudikata bl-allegazzjonijiet foloz ripetuti mill-OLAF.

55      Skond ir-rikorrent, il-kontestazzjoni ta' l-"ilment" tikkostitwixxi l-uniku rimedju effettiv sabiex jiġi pprojbit l-isfruttament illegali ta' l-informazzjoni miġbura mill-awtoritajiet Belġjani matul it-tfittxija u li tista' tippermetti li jiġu identifikati s-sorsi tar-rikorrent. Fil-fatt, l-OLAF jista' jikkostitwixxi ruħu bħala parti ċivili fil-proċedura kriminali Belġjana u, konsegwentement, jitlob l-aċċess għad-dokumenti maqbuda. Barra minn hekk, l-annullament ta' l-"ilment" jista', fih innifsu, ikollu konsegwenzi legali, b'mod partikolari billi jevita li tirrepeti ruħha tali prattika min-naħa tal-Kummissjoni.

56      Fir-rigward tad-digriet Gómez-Reino vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar 'il fuq, ir-rikorrent jikkunsidra li ċ-ċirkustanzi li wasslu għal dan id-digriet kienu differenti ħafna minn dawk ta' dan il-każ.

57      Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 1073/1999 kif ukoll ir-Regolament Nru 2185/96 jikkonferixxu drittijiet speċifiċi lill-OLAF, li qiegħed jiżviluppa kooperazzjoni stretta ma' l-istituzzjonijiet nazzjonali ta' investigazzjoni.

58      B'risposta għad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li skondha l-OLAF qatt ma talab lill-awtoritajiet ġudizzjarji Ġermaniżi jew Belġjani li jieħdu miżuri speċifiċi, ir-rikorrent jikkunsidra li din hija ineżatta. L-ewwel nett, fl-"ilment" mibgħut lill-awtoritajiet Belġjani, l-OLAF irrakkomanda azzjoni rapida minħabba l-allegat trasferiment tar-rikorrent fil-futur qarib f'Washington (L-Istati Uniti). It-tieni nett, l-investigaturi ta' l-OLAF kienu diġà kkuntattjaw lill-uffiċjali nazzjonali fit-13 u fis-16 ta' Jannar 2004, bl-iskop li jikkoordinaw il-miżuri ta' investigazzjoni. Fl-aħħar nett, l-OLAF kien talab lill-awtoritajiet nazzjonali li ssir tfittxija fid-dar u fl-uffiċċju tar-rikorrent sabiex jinġabru l-provi fil-kuntest ta' l-investigazzjoni interna tiegħu, kif tikkonferma dikjarazzjoni tal-President tal-Kumitat ta' Sorveljanza ta' l-OLAF lill-House of Lords Select Committee on the European Union (Kummissjoni Speċjali fuq l-Unjoni Ewropea tal-House of Lords, Ir-Renju Unit, fid-19 ta' Mejju 2004. Għaldaqstant, l-imħallef ta' istruzzjoni ma kienx aġixxa b'mod indipendenti għal kollox, iżda fuq it-talbiet ta' l-OLAF.

59      Ir-rikorrent josserva wkoll li l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux ma jafdawx fir-rapporti ta' investigazzjoni ta' l-OLAF, li jikkostitwixxu prova ammissibbli quddiem il-qrati skond l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1073/1999. F'dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li l-ksur tas-sigriet professjonali mhuwiex reat fid-dritt Belġjan. Għaldaqstant, skondu, l-OLAF seta' biss jikkostitwixxi ruħu parti ċivili minħabba r-relazzjonijiet privileġġati li għandu ma' l-awtoritajiet Belġjani, li kienu lesti li jaġixxu fuq il-bażi ta' l-"ilment".

60      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-"ilment" ta' l-OLAF ma jistax jiġi pparagunat mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda azzjoni ċivili fil-kawża li tat lok għas-sentenza Philip Morris International et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, li fiha l-pożizzjoni tal-Kummissjoni kienet simili għal dik ta' kull individwu. Min-naħa l-oħra, id-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Lulju 2004, Comunidad Autónoma de Andalucía vs Il-Kummissjoni (T-29/03, Ġabra p. II-2923) jirrigwarda kuntest differenti billi huwa jikkonċerna rapport finali fi proċedura ta' investigazzjoni esterna. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza ħadet in kunsiderazzjoni l-fatt li fil-frattemp il-prosekutur kien waqqaf il-proċeduri, b'mod li r-rapport ma setax iktar ikollu effetti legali sfavorevoli.

61      Fl-aħħar nett, filwaqt li jirreferi għas-sentenza Rothley et vs Il-Parlament, iċċitata iktar 'il fuq, ir-rikorrent jikkunsidra li l-Artikolu 230 KE għandu jiġi applikat fid-dawl tad-dritt għal ħarsien ġudizzjarju effettiv. Issa, f'dan il-każ, huwa m'għandu ebda rimedju ieħor sabiex jikkontesta l-aġir ta' l-OLAF. Huwa impossibbli għalih li jitlob lil qorti nazzjonali sabiex tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għax l-illegalità ta' l-aġir ta' l-OLAF ma tippreġudikax dik tal-miżuri meħuda mill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali. Il-Qrati Komunitarji biss għandhom is-setgħa li jiġġudikaw lill-OLAF u mhux il-qrati nazzjonali jew, bħala tentattiv aħħari, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Għaldaqstant, proċedimenti nazzjonali ma jippermettux li jiġi ggarantit stħarriġ ġudizzjarju effettiv. Skond ir-rikorrent, mhuwiex aċċettabbli li, f'kawża li fiha hemm fin-nofs il-libertà ta' l-istampa, huwa jista' jressaq biss rikors għal danni quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

62      L-IFJ issostni li r-rikors huwa ammissibbli billi l-"ilmenti" imressqa lill-awtoritajiet ġudizzjarji Ġermaniżi u Belġjani jikkostitwixxu deċiżjonijiet fis-sens tar-raba' inċiż ta' l-Artikolu 230 KE. F'dan ir-rigward, ir-rikors għal annullament mhuwiex dirett kontra t-tfittxija magħmula mill-awtoritajiet Belġjani, iżda kontra deċiżjoni ta' l-OLAF intiża sabiex tipproduċi effetti legali fuq il-persuna tar-rikorrent.

63      Kuntrarjament għal kawża li tat lok għad-digriet Gómez-Reino vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, din il-kawża tirrigwarda "ilment" li jirriżulta f'konsegwenzi ġuridiċi diretti fuq ir-rikorrent u mhux f'sempliċi miżuri preparatorji.

64      Filwaqt li tagħmel referenza għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Ottubru 1988, Hamill vs Il-Kummissjoni (180/87, Ġabra p. 6141), l-IFJ tenfasizza li anki sempliċi informazzjoni mogħtija lil awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali tista' tiġi mistħarrġa mill-qrati Komunitarji.

65      Fl-aħħar nett, skond l-IFJ, ir-rikors għal annullament huwa wkoll ammissibbli b'applikazzjoni tad-dritt għal ħarsien ġudizzjarju effettiv. Fil-fatt, l-Artikolu 230 KE għandu jiġi interpretat fl-ispirtu ta' komunità bbażata fuq ir-regola tad-dritt bil-għan li r-rikorrent jikseb il-ħarsien tal-ġustizzja kontra l-aġir ta' l-OLAF. F'dan ir-rigward, il-qrati Belġjani mhumiex f'pożizzjoni li jistħarrġu każ każ, b'mod eżawrjenti u approfondit, jekk l-atti adottati mill-istituzzjonijiet Komunitarji humiex konformi mad-dritt Komunitarju.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

66      F'dan il-każ, ir-rikors għal annullament huwa dirett kontra l-att li bih l-OLAF, fuq il-bażi ta' l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1073/1999, bagħat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Ġermaniżi u Belġjani informazzjoni dwar suspetti ta' ksur tas-sigriet professjonali u ta' korruzzjoni li tinvolvi lir-rikorrenti.

67      Skond ġurisprudenza stabbilita, jikkostitwixxxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta' rikors għal annullament, fis-sens ta' l-Artikolu 230 KE, il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta' natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu l-pożizzjoni legali tiegħu b'mod sinjifikattiv (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 9, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' April 2006, Camós Grau vs Il-Kummissjoni, T-309/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 47).

68      Issa, hemm lok li jiġi kkonstatat li, f'dan il-każ, l-att ikkontestat ma jbiddilx is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent b'mod sinjifikattiv.

69      Jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1073/1999, b’mod partikolari mill-premessa 13 u mill-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament, li l-konklużjonijiet ta’ l-OLAF li jinsabu f’rapport finali ma jistgħux iwasslu għall-ftuħ ta’ proċedimenti ġudizzjarji jew dixxiplinari b'mod awtomatiku, peress li l-awtoritajiet kompetenti huma liberi li jiddeċiedu fuq l-azzjoni li għandha tittieħed bħala konsegwenza tar-rapport finali u, għaldaqstant, huma l-uniċi awtoritajiet li jistgħu jadottaw deċiżjonijiet li jistgħu jaffettwaw il-pożizzjoni legali tal-persuni li fir-rigward tagħhom ir-rapport ikun irrakkomanda t-teħid tat-tali proċedimenti (digriet Comunidad Autónoma de Andalucía vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar 'il fuq, punt 37, u s-sentenza Camós Grau vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 51).

70      Bl-istess mod, l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1073/1999 jillimita ruħu sabiex jipprovdi għal komunikazzjoni ta' informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, li jibqgħu liberi, fil-kuntest tas-setgħat tagħhom stess, li jevalwaw il-kontenut u l-portata ta' l-imsemmija informazzjoni u, għaldaqstant, x'azzjoni għandha tittieħed, jekk ikun il-każ. Konsegwentement, l-eventwali ftuħ ta' proċediment ġudizzjarju bħala konsegwenza tal-komunikazzjoni ta' informazzjoni mill-OLAF, kif ukoll ta' l-atti legali sussegwenti, jaqgħu taħt ir-responsabbiltà unika u sħiħa ta' l-awtoritajiet nazzjonali.

71      L-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrent u mill-intervenjent mhuwa ta' natura li jpoġġi din il-konstatazzjoni fid-dubju.

72      Fl-ewwel lok, il-prinċipju ta' kooperazzjoni leali jwassal għal obbligu għall-Istati Membri li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiggarantixxu l-portata u l-effikaċja tad-dritt Komunitarju u jimponi fuq l-istituzzjonijiet Komunitarji dmirijiet reċiproċi ta' kooperazzjoni leali ma' l-Istati Membri (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Novembru 2002, First u Franex, C‑275/00, Ġabra p. I‑10943, punt 49, u ta' l-4 ta' Marzu 2004, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑344/01, Ġabra p. I‑2081, punt 79). Dan il-prinċipju jimplika li, meta l-OLAF tibgħat informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali skond l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1073/1999, dawn l-awtoritajiet għandhom jeżaminaw l-imsemmija informazzjoni bir-reqqa u jisiltu l-konsegwenzi xierqa minnha sabiex jassiguraw li d-dritt Komunitarju jiġi rispettat, jekk ikun il-każ billi jiftħu proċedimenti ġudizzjarji jekk huma jqisu li dan huwa ġġustifikat. Tali obbligu ta' eżami bir-reqqa ma jimponix madankollu li d-dispożizzjoni fuq imsemmija għandha tingħata interpretazzjoni li tikkonferixxi natura vinkolanti lill-komunikazzjonijiet in kwistjoni, fis-sens li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu obbligati li jieħdu miżuri speċifiċi, għax tali interpretazzjoni tbiddel it-tqassim tad-dmirijiet u tar-responsabbiltajiet kif previst għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1073/1999 (digriet tad-19 ta' April 2005, Tillack vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar 'il fuq, punt 33).

73      Barra minn hekk, l-Artikolu 6(6) tar-Regolament Nru 1073/1999, li jikkonċerna l-investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF, u r-Regolament Nru 2185/96 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra, għandhom x'jaqsmu mas-setgħat ta' investigazzjoni li għandhom l-OLAF u l-Kummissjoni. Għalkemm il-kooperazzjoni leali mistennija mill-Istati Membri, meta jiġu eżerċitati dawn is-setgħat ta' investigazzjoni, timplika li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jagħtu l-għajnuna tagħhom lill-azzjoni mmexxija f'isem il-Komunità, din m'għandha x'taqsam xejn mal-prerogattivi ta' l-imsemmija awtoritajiet stess, b'mod partikolari dawk ġudizzjarji, u ma toħloqx indħil fil-kompetenzi ta' dawn ta' l-aħħar.

74      Fit-tieni lok, dwar l-argument tar-rikorrent li skondu l-OLAF jista' jikkostitwixxi ruħu parti ċivili fil-proċeduri kriminali Belġjani sabiex ikollu aċċess għad-dokumenti maqbuda mid-dar u mill-uffiċċju tal-persuna kkonċernata, għandu jiġi osservat li, anki li kieku kellha sseħħ din il-possibbiltà, din ma jkollha ebda effett fuq in-natura kontestabbli jew le ta' l-att li permezz tiegħu l-OLAF jibgħat informazzjoni lil awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali.

75      Fit-tielet lok, is-sentenza Hamill vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, li għandha bħala suġġett rikors għal danni u mhux rikors għal annullament, bl-ebda mod ma tindika li komunikazzjoni ta' informazzjoni mill-OLAF skond l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1073/1999 tipproduċi effetti ġuridiċi vinkolanti ta' natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent.

76      Fir-raba' lok, il-fatti invokati mir-rikorrent, li, skondu, jipprovaw li l-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani m'aġixxewx b'mod indipendenti għal kollox iżda mxew kif talabhom l-OLAF, ma jistgħux jiġu aċċettati.

77      Minn naħa, fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-President tal-Kumitat ta' Sorveljanza ta' l-OLAF quddiem il-House of Lords Select Committee on the European Union, magħmula fid-19 ta' Mejju 2004, ir-rikorrent ma jipproduċi l-ebda prova li tippermetti lill-Qorti tal-Prim'Istanza li tivverifika l-kontenut ta' din id-dikjarazzjoni u, għaldaqstant, mhemmx lok li tittieħed in kunsiderazzjoni.

78      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-rapport interim anness ma' l-ittra mibgħuta lill-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani, il-punti 2.2 u 2.3 tiegħu jipprovdu rispettivament dan li ġej:

"Kif diġà ġie diskuss ma' l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta' Hamburg […], fit-13 ta' Jannar 2004 u ma' l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta' Brussell […], fis-16 ta' Jannar 2004, il-komunikazzjoni ta' informazzjoni liż-żewġ awtoritajiet ġudizzjarji hija neċessarja sabiex jinbdew proċeduri indipendenti iżda kkoordinati;

[…]

Azzjoni rapida hija mixtieqa minħabba li s-Sur Tillack, skond l-informazzjoni li għandna, ser iħalli Brussell matul ix-xahar ta' Marzu ta' din is-sena sabiex isir il-korrispondent ta' Stern f'Washington […] Bit-tluq tiegħu minn Brussell, provi importanti jistgħu jisparixxu definittivament".

79      Madankollu, fir-rigward tal-punt 2.2 tar-rapport interim, ir-rikorrent ma jikkontestax id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li skondha l-kuntatti bejn l-OLAF u l-Uffiċċji tal-Prosekutur nazzjonali kienu dwar punti purament formali bħall-kwistjoni dwar lil min kellu jibgħat l-informazzjoni. Fir-rigward tal-punt 2.3, għalkemm għandu jiġi kkonstatat li l-OLAF esprima effettivament ix-xewqa li l-każ in kwistjoni jiġi ttrattat rapidament, din ix-xewqa bl-ebda mod ma tobbliga lill-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani. Fil-fatt, ma tistax tiġi ekwiparata ma' talba, magħmula lill-awtoritajiet Belġjani, intiża għall-ftuħ ta' proċedimenti ġudizzjarji jew għall-adozzjoni ta' kull miżura oħra. Barra minn hekk, l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1073/1999, dwar il-komunikazzjoni ta' l-informazzjoni miksuba waqt investigazzjonijiet li huwa jagħmel lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huma limitat li jipprovdi għall-komunikazzjoni ta' l-imsemmija informazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali inkarigati, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom, li jiddeċiedu x'azzjoni għandha tittieħed fir-rigward ta' din l-informazzjoni.

80      Fl-aħħar, l-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta' ħarsien ġudizzjarju effettiv huwa irrilevanti. Fil-fatt, dan l-argument ma jippermettix, minnu nnifsu, li jiġġustifika l-ammissibbiltà ta' rikors (digrieti tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Settembru 2005, Aseprofar u Edifa vs Il-Kummissjoni, T-247/04, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 59, u tat-28 ta' Novembru 2005, EEB u Stichting Natuur en Milieu vs Il-Kummissjoni, T-236/04 u T-241/04, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 68). Barra minn hekk, jirriżulta mill-proċess u mid-dibattiti matul is-seduta li r-rikorrent ippreżenta rikors quddiem il-qrati Belġjani mbagħad quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kontra l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani wara l-komunikazzjoni ta' informazzjoni mill-OLAF fil-11 ta' Frar 2004. Barra minn hekk, ir-rikorrent kellu l-possibbiltà li jistieden lill-qrati nazzjonali, li mhumiex kompetenti biex jikkonstataw huma stess l-invalidità ta' l-att li permezz tiegħu l-OLAF bagħat informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Ottubru 1987, Foto-Frost, 314/85, Ġabra p. 4199, punt 20), sabiex jagħmlu domanda preliminari f'dan ir-rigward lill-Qorti tal-Ġustizzja.

81      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li billi l-komunikazzjoni ta' informazzjoni skond l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1073/1999 m'għandha, f'dan il-każ, ebda effett ġuridiku vinkolanti, hija ma tistax tiġi kkunsidrata bħala att li jista' jaffettwa s-sitwazzjoni legali tar-rikorrent.

82      Konsegwentement, it-talbiet intiżi għall-annullament ta' l-att li permezz tiegħu l-OLAF, fil-11 ta' Frar 2004, bagħat informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji Ġermaniżi u Belġjani huma inammissibbli.

 Fuq it-talbiet intiżi għal kumpens għad-dannu allegat

 Fuq l-ammissibbiltà

–       L-argumenti tal-partijiet

83      Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-rikors għal danni jinkludi żewġ talbiet differenti. Huma jirrigwardaw il-kumpens tad-dannu allegatament ikkawżat, minn naħa, bl-"ilment" ta' l-OLAF u, min-naħa l-oħra, bil-komunikati stampa ta' l-OLAF ta' Marzu 2002 u Settembru 2003 kif ukoll b'dikjarazzjonijiet pubbliċi oħra ta' l-OLAF.

84      Dan ir-rikors huwa inammissibbli kollu kemm hu għax ma jirrispettax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

85      Barra minn hekk, it-talba għal kumpens dwar l-"ilment" ta' l-OLAF hija inammissibbli, peress li din l-azzjoni għal kumpens hija marbuta mill-qrib ma' rikors għal annullament li huwa stess ġie ddikjarat inammissibbli.

86      Ir-rikorrent jikkunsidra, l-ewwel nett, li t-talba għal kumpens tad-danni fir-rigward ta' l-"ilment" ta' l-OLAF hija ammissibbli. Huwa jenfasizza li l-aġir ħażin ta' l-OLAF m'għandux jaħrab mill-istħarriġ ġudizzjarju.

87      It-tieni nett, huwa jikkontesta l-argument li skondu azzjoni għal kumpens hija inammissibbli jekk il-kawża tad-dannu hija s-suġġett ta' azzjoni għal annullament li hi stess hija inammissibbli.

88      Fl-aħħar nett, huwa jqis li r-rikors jissodisfa l-kundizzjonijiet ta' ammissibbiltà stabbiliti bir-Regoli tal-Proċedura u huwa suffiċjentement ċar sabiex jippermetti lill-konvenuta sabiex tipprepara d-difiża tagħha. Fil-fatt, hija tiddeskrivi l-imġiba illegali ta' l-OLAF, id-dannu subit u r-raġunijiet li għalihom teżisti rabta kawżali bejn din l-imġiba illegali u l-imsemmi dannu.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

89      Skond ġurisprudenza stabbilita, skond l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 21 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, skond l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 53 ta' dan l-Istatut u l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u jinkludi sunt tar-raġunijiet imressqa. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr is-sostenn ta' ebda informazzjoni oħra. Sabiex jiġu garantiti ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa neċessarju, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-elementi essenzjali ta' fatt u ta' dritt li fuqhom huwa bbażat jirriżultaw, almenu fil-qosor, iżda b'mod koerenti u li jistgħu jinftiehmu, mit-test tar-rikors stess (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-10 ta' Lulju 1997, Guérin automobiles vs Il-Kummissjoni, T-38/96, Ġabra p. II-1223, punt 41, u tas-16 ta' Marzu 2004, Danske Busvognmænd vs Il-Kummissjoni, T-157/01, Ġabra p. II-917, punt 45)

90      Sabiex jiġu sodisfatti dawn il-kundizzjonijiet, rikors għall-kumpens tad-danni allegatament ikkawżati minn istituzzjoni Komunitarja għandu jinkludi l-elementi li jippermettu li jiġi identifikat l-aġir allegat mir-rikorrent fil-konfront ta' l-istituzzjoni, ir-raġunijiet għalfejn huwa jikkunsidra li teżisti rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu allegatament subit kif ukoll in-natura u l-portata ta' dan id-dannu (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' Settembru 1996, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T-387/94, Ġabra p. II-961, punt 107, u ta' l-10 ta' Frar 2004, Calberson GE vs Il-Kummissjoni, T-215/01, T 220/01 u T-221/01, Ġabra p. II-587, punt 176).

91      F'dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li t-talbiet tar-rikors intiż sabiex jiġi kkumpensat l-allegat dannu huma fil-qosor ħafna. Madankollu huma jippermettu li jiġu identifikati żewġ komportamenti allegatament illegali ta' l-OLAF li, skond ir-rikorrent, ikkawżawlu dannu. L-ewwel wieħed jirrigwarda l-"ilment" ta' l-OLAF ma' l-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani. It-tieni huwa kkostitwit mill-komunikati stampa ta' l-OLAF tas-27 ta' Marzu 2002 u tat-30 ta' Settembru 2003 kif ukoll mid-dikjarazzjonijiet tal-kelliem ta' l-OLAF ippubblikati fil-European Voice fl-4 ta' April 2002 u minn dawk tad-Direttur Ġenerali ta' l-OLAF imxandra fuq Stern TV fl-24 ta' Marzu 2004.

92      It-tieni nett, jirriżulta mir-rikors li d-dannu li r-rikorrent jallega li sofra b'riżultat tad-diversi allegati komportamenti illegali ta' l-OLAF jikkonsisti fi preġudizzju għar-reputazzjoni tiegħu u għar-rispettabbiltà professjonali tiegħu. Ir-rikors jippermetti wkoll li tiġi identifikata l-portata tad-dannu allegatament ikkawżat mill-OLAF.

93      Fl-aħħar nett, ir-rikorrent isemmi l-eżistenza ta' rabta kawżali bejn id-dannu invokat u d-diversi komportamenti illegali li bihom huwa akkużat l-OLAF.

94      Barra minn hekk, jirriżulta mill-argumenti żviluppati mill-Kummissjoni fuq il-fondatezza tar-rikors li hija setgħet tipprepara utilment id-difiża tagħha fuq il-kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità.

95      Għaldaqstant hemm lok li tiġi miċħuda l-oġġezzjoni tal-Kummissjoni bbażata fuq in-nuqqas ta' konformità tar-rikors mar-rekwiżiti ta' l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura.

96      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li, fir-rigward tat-talba għal kumpens dwar l-"ilment" ta' l-OLAF, din ta' l-aħħar hija inammissibbli peress li hija marbuta mill-qrib ma' rikors għal annullament li huwa stess ġie ddikjarat inammissibbli.

97      F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li r-rikors għar-responsabbiltà huwa rimedju awtonomu, li għandu l-funzjoni partikolari tiegħu fil-kuntest tas-sistema ta' rimedji legali u huwa suġġett għal kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tiegħu stabbiliti minħabba l-għan speċifiku tiegħu. Filwaqt li r-rikors għal annullament u rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni għandhom l-għan li tiġi ssanzjonata l-illegalità ta' att ġuridikament vinkolanti jew in-nuqqas ta' tali att, ir-rikors għar-responsabbiltà għandu bħala għan it-talba għal kumpens ta' dannu li jirriżulta minn att jew minn aġir illegali imputabbli lil istituzzjoni jew lil korp Komunitarja (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' Marzu 2004, L-Ombudsman vs Lamberts, C-234/02 P, Ġabra p. I-2803, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata).

98      Għalhekk, l-individwi li, minħabba kundizzjonijiet ta' ammissibbiltà msemmija fir-raba' inċiż ta' l-Artikolu 230 KE, ma jistgħux jikkontestaw ċerti atti jew miżuri Komunitarji direttament għandhom madankollu l-possibbiltà li jikkontestaw aġir mhux ta' natura deċiżjonali, li għalhekk ma jistax ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, billi jressqu rikors għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali previst mill-Artikolu 235 KE u mit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 288 KE, safejn aġir ta’ dan it-tip huwa tali li jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Komunità (sentenza Philip Morris International et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 123, u s-sentenza Camos Grau vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 78).

99      Għaldaqstant, ir-rikors għal danni mressaq mir-rikorrent u intiż għal kumpens tad-dannu morali li sofra b'riżultat ta' li bih huwa akkużat l-OLAF għandu jiġi kkunsidrat, għal dak li jikkonċerna l-ammissibbiltà tiegħu, indipendentement mir-rikors għal annullament.

100    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li t-talbiet tar-rikorrent intiżi sabiex jikseb kumpens għad-dannu li huwa sofra b'riżultat ta' l-allegat aġir illegali ta’ l-OLAF huma ammissibbli.

 Fuq il-mertu

–       L-argumenti tal-partijiet

101    Ir-rikorrent jikkunsidra li l-atti amministrattivi illegali huma kkostitwiti, l-ewwel nett, mill-"ilment" li ressaq l-OLAF ma' l-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani. Dan ta' l-aħħar huwa illegali billi kiser diversi regoli proċedurali kif ukoll id-dritt fundamentali tal-libertà ta' l-istampa. Ir-rikorrent isemmi wkoll il-komunikati stampa ta' l-OLAF ta' Marzu 2002 u ta' Settembru 2003. F'dan ir-rigward, l-Ombudsman kien iddikjara li l-komunikat stampa ta' Marzu 2002, ibbażat fuq xnigħat, kien jikkostitwixxi att manifest ta' amministrazzjoni ħażina u kien jikser il-prinċipju ta' proporzjonalità. Għaldaqstant, dan il-komunikat għandu, bħala tali, jiġi kkunsidrat bħala att amministrattiv illegali. Il-komunikat stampa ta' Settembru 2003 wkoll jikkostitwixxi każ ta' amministrazzjoni ħażina u jikser il-prinċipju ta' proporzjonalità, billi jirrepeti l-allegazzjonijiet ikkontenuti fil-komunikat stampa ta' Marzu 2002. Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jirreferi għad-dikjarazzjonijiet tal-kelliem ta' l-OLAF, kif ippubblikati fir-rivista European Voice ta' l-4 ta' April 2002, u għal dawk tad-Direttur ta' l-OLAF imxandra fuq Stern TV fl-24 ta' Marzu 2004. Dawn huma ta' natura li jippreġudikaw ir-reputazzjoni tar-rikorrent u, billi huma bbażati fuq sempliċi xnigħat, huma jiksru wkoll il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba.

102    Ir-rikorrent isostni wkoll li l-OLAF qabeż il-marġni ta' diskrezzjoni li huwa jgawdi. Fid-dawl tal-gravità ta' l-aġir illegali mwettaq, l-aġir ta' l-OLAF għandu jiġi kkunsidrat li jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta' regola tad-dritt Komunitarju.

103    Huwa jsostni li sofra dannu morali sinjifikattiv li jikkonsisti fi preġudizzju għar-reputazzjoni tiegħu u għar-rispettabbiltà professjonali tiegħu. Minn naħa, huwa ħafna iktar diffiċli għalih li jakkwista informazzjoni mingħand is-sorsi li juża sabiex jeżerċita l-professjoni tiegħu. Min-naħa l-oħra, il-bejgħ ta' l-artikoli tiegħu lill-ġurnali u rivisti huwa imxekkel ħafna. B'hekk, l-azzjonijiet ta' l-OLAF ippreġudikaw serjament il-possibbiltajiet ta' l-evoluzzjoni tal-karriera tar-rikorrent. Barra minn hekk, l-eżistenza ta' dannu morali hija partikolarment notevoli meta l-akkużi foloz iwasslu għall-ftuħ ta' investigazzjonijiet kriminali, għal tfittxija u għal qbid, bħalma ġara f'dan il-każ. Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza tiffissa l-ammont eżatt tal-kundanna pekunjarja, li tista' tikkumpensah u fl-istess ħin tkun dissważiva għall-Kummissjoni. Ir-rikorrent jipproponi provviżorjament ammont ta' EUR 250 000.

104    Fir-rigward tar-rabta kawżali, ir-rikorrent jiddikjara li d-dannu għar-reputazzjoni tiegħu ġie kkawżat permezz tal-komunikati stampa ta' l-OLAF u tad-dikjarazzjonijiet li ġew wara, u li l-punt kulminanti kien l-ilment ta' l-OLAF ma' l-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani, li wassal għal tfittxija fid-dar u fl-uffiċċju tiegħu. F'dan ir-rigward, l-investigaturi ta' l-OLAF taw pariri lill-awtoritajiet ġudizzjarji u kkomunikawlhom, fl-ilment, informazzjoni li tiżvijahom dwar l-urġenza u n-neċessità li jaġixxu. Skond ir-rikorrent, il-fatt li l-awtoritajiet Belġjani aġixxew b'ċerta leġġerezza ma jippreġudikax il-fondatezza tar-rikors.

105    Fir-rigward tal-komunikati stampa u tad-dikjarazzjonijiet pubbliċi oħra ta' l-OLAF, ir-rikorrent jenfasizza li huwa rari li l-OLAF jippubblika komunikati li jħabbru l-ftuħ ta' investigazzjoni. Barra minn hekk, skondu, kull min jinteressa ruħu fil-każ immedjatament identifikah bħala l-ġurnalist li kkorrompa uffiċjal tal-Komunitajiet. Barra minn hekk, il-fatti kif inhuma magħrufa llum, jidhru bħala ħafna iktar gravi minn dawk eżaminati mill-Ombudsman fl-2003. Fil-fatt, l-OLAF ta informazzjoni ħażina lill-Ombudsman meta allega li kien ġie informat minn sorsi ta' min joqgħod fuqhom, fosthom Membri tal-Parlament Ewropew, filwaqt li l-uniku sors tiegħu kien is-Sur G.

106    Fir-replika tiegħu, ir-rikorrent jenfasizza li l-allegazzjonijiet pubbliċi ta' l-OLAF ma jikkostitwixxux biss każ ta' amministrazzjoni ħażina iżda wkoll ksur tal-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba, tal-preżunzjoni ta' l-innoċenza kif ukoll tad-dritt għal smigħ xieraq. Il-pubblikazzjoni tal-komunikati stampa tikkostitwixxi wkoll ksur ta' l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1073/1999, peress li l-informazzjoni kkomunikata u miksuba fil-kuntest ta' l-investigazzjonijiet interni hija koperta bis-sigriet professjonali.

107    Il-Kummissjoni ssostni li ż-żewġ talbiet għal kumpens tad-danni mhumiex fondati.

108    Fir-rigward, l-ewwel nett, tat-talba għal kumpens tad-danni li tirrigwarda l-komunikazzjoni ta' l-informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani u Ġermaniżi, hija ssostni li l-OLAF ma kiser l-ebda regola ta' dritt. Barra minn hekk, ir-rikorrent ma kienx ipprova ksur suffiċjentement serju tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali ta' l-OLAF.

109    F'dak li jirrigwarda r-realtà tad-dannu allegat, ir-rikors ma jipprovdix informazzjoni konkreta fuq is-sitwazzjoni professjonali partikolari tar-rikorrent. Dan ta' l-aħħar huwa impjegat tar-rivista Stern u r-reputazzjoni tiegħu ma kinitx batiet mit-tfittxija u mill-qbid magħmula mill-awtoritajiet Belġjani.

110    B'mod partikolari, ir-rikorrent ma pprovax ir-rabta kawżali bejn il-komunikazzjoni ta' l-informazzjoni mill-OLAF u d-dannu li jallega li sofra. Fil-fatt, żewġ atti sovrani u diskrezzjonali ta' l-awtoritajiet Belġjani jiksru kull rabta kawżali: il-ftuħ ta' investigazzjoni ġudizzjarja; it-tfittxija u l-qbid. Huma biss dawn ta' l-aħħar li jikkostitwixxu l-kawża diretta u determinanti tad-dannu allegat. Skond il-Kummissjoni, li kieku ma saritx it-tfittxija, li taqa' taħt is-setgħa diskrezzjonali ta' l-awtoritajiet nazzjonali, ma kien ikun hemm l-ebda riskju ta' preġudizzju għall-anonimat ta' min jagħti l-informazzjoni lir-rikorrent. Jekk ir-rikorrent iqis li sofra dannu b'riżultat tat-tfittxija, huwa lill-Istat Belġjan li għandu jitlob kumpens.

111    It-tieni nett, fir-rigward tat-talba għal kumpens tad-danni li tirrigwarda l-komunikati stampa u dikjarazzjonijiet pubbliċi oħra, il-Kummissjoni tqis li l-OLAF ma kiser l-ebda regola ta' dritt li taffettwa lir-rikorrent, u b'mod partikolari lir-reputazzjoni tiegħu. B'mod partikolari, il-komunikat stampa tas-27 ta' Marzu 2002 ma jiċċitax l-isem ta' xi ġurnalist jew ta' xi ġurnal. Huwa biss f'komunikat ta' Stern, ippubblikat fit-28 ta' Marzu 2002, li din ir-rivista ddikjarat li kellha d-dokumenti żvelati fil-pussess esklużiv tagħha u li l-isem tal-ġurnalist kien ġie żvelat. Barra minn hekk, il-komunikat tas-27 ta' Marzu 2002 iddeskriva bl-aktar mod newtrali possibbli s-suġġett prinċipali ta' l-investigazzjoni interna mibdija. Ma kien fih xejn li ma kienx veru u lanqas kien sproporzjonat. Li wieħed isostni li l-kelliem tiegħu qabeż il-limiti fid-dikjarazzjonijiet tiegħu jwassal biex l-OLAF jiġi mċaħħad minn kull dritt li jippubblika komunikat stampa li jikkonferma l-ftuħ ta' investigazzjoni u li jindika s-suġġett tiegħu. Sussidjarjament, il-Kummissjoni tosserva li l-OLAF ma qabiżx b'mod gravi u manifest il-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tiegħu fil-ġestjoni tar-relazzjonijiet tiegħu mal-mezzi tal-komunikazzjoni.

112    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiddikjara li, f'kull każ, ma teżisti l-ebda rabta kawżali bejn il-komunikat stampa tas-27 ta' Marzu 2002 u eventwali dannu għar-reputazzjoni tar-rikorrent. Skond il-konvenuta, anki li kieku dan il-komunikat ta' l-OLAF seta', minn meta ġie ppubblikat, jiġi interpretat mill-pubbliku bħala li jirreferi għar-rikorrent, il-komunikat ta' Stern ippubblikat l-għada kiser kull rabta kawżali.

113    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-konklużjonijiet ta' l-Ombudsman, il-Kummissjoni tallega li l-fatti li fuqhom huwa bbaża r-rakkomandazzjoni tiegħu ta' l-2003 kienu differenti minn dawk li l-Kummissjoni qed tissottometti lill-Qorti tal-Prim'Istanza f'dawn il-proċedimenti. Barra minn hekk, l-identifikazzjoni ta' każ ta' amministrazzjoni ħażina mill-Ombudsman ma tammontax għall-konstatazzjoni ġudizzjarja ta' ksur tad-drittijiet tar-rikorrent mill-Kummissjoni. B'mod partikolari, l-Ombudsman m'eżaminax il-kwistjoni jekk l-OLAF kienx ikkommetta ksur suffiċjentement serju ta' regola ta' dritt. Barra minn hekk, l-Ombudsman applika regoli dwar l-oneru tal-prova li huma differenti minn dawk li jirregolaw ir-rikorsi għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali skond l-Artikolu 235 KE u t-tieni inċiż ta' l-Artikolu 288 KE. Fil-fatt, il-Medjatur u l-qorti Komunitarja japplikaw kriterji u metodi ta' evalwazzjoni differenti, li jirriflettu n-natura u l-funzjoni differenti ħafna tagħhom.

114    L-IFJ jikkunsidra li l-OLAF qabeż manifestament il-limiti tal-marġni ta' diskrezzjoni jew ta' evalwazzjoni tiegħu billi ta informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji Ġermaniżi u Belġjani fuq il-bażi ta' sempliċi xnigħat u spekulazzjonijiet. Din l-evalwazzjoni kellha ssir billi jittieħdu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1073/1999 u d-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni kkonċernati.

115    L-intervenjent jikkunsidra li l-OLAF kiser il-libertà ta' l-istampa, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tad-dar, it-Trattat KE, il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, ir-Regolament Nru 1073/1999 kif ukoll ċerti regoli tal-proċedura.

–       Il-kunsiderazzjonijet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

116    Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità għal aġir illegali tal-korpi tagħha, fis-sens tat-tieni inċiż ta' l-Artikolu 288 KE, iridu jiġu sodisfatti numru ta' kundizzjonijiet, jiġifieri, l-illegalità ta' l-aġir allegat fil-konfront ta' l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta' rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs Il-KEE, 26/81, Ġabra p. 3057, punt 16; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Lulju 1996, International Procurement Services vs Il-Kummissjoni, T-175/94, Ġabra p. II 729, punt 44; tas-16 ta' Ottubru 1996, Efisol vs Il-Kummissjoni, T-336/94, Ġabra p. II-1343, punt 30, u tal-11 ta' Lulju 1997, Oleifici Italiani vs Il-Kummissjoni, T-267/94, Ġabra p. II-1239, punt 20).

117    Fir-rigward ta' l-ewwel waħda mill-kundizzjonijiet, il-ġurisprudenza teżiġi li jkun stabbilit ksur suffiċjentement serju ta' regola tad-dritt intiża biex tagħti drittijiet lill-individwi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C-352/98 P, Ġabra p. I-5291 punt 42). Għal dak li jirrigwarda l-eżiġenza li l-ksur għandu jkun suffiċjentement serju, il-kriterju deċiżiv sabiex jiġi kkunsidrat jekk din l-eżiġenza hijiex sodisfatta huwa dak tan-nuqqas manifest u gravi ta' l-istituzzjoni Komunitarja kkonċernata li tosserva l-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha. Meta din l-istituzzjoni jkollha biss marġni ta' diskrezzjoni konsiderevolment imnaqqas, jekk mhux saħansitra ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt Komunitarju jista' jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta' ksur suffiċjentement serju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 ta' Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Camar u Tico, C‑312/00 P, Ġabra p. I‑11355, punt 54; u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Lulju 2001, Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, T-198/95, T-171/96, T-230/97, T-174/98 u T-225/99, Ġabra p. II-1975, punt 134).

118    Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar ir-rabta kawżali, il-Komunità tista' tiġi miżmuma responsabbli biss tad-dannu li jirriżulta b'mod suffiċjentement dirett mill-aġir irregolari ta' l-istituzzjoni kkonċernata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' Ottubru 1979, Dumortier Frères et vs Il-Kunsill, 64/76 u 113/76, 167/78 u 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, Ġabra p. 3091, punt 21, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Frar 2003, Meyer vs Il-Kummissjoni, T‑333/01, Ġabra p. II‑117, punt 32). Min-naħa l-oħra, il-Komunità mhijiex obbligata tagħmel tajjeb għal kull konsegwenza dannuża, anki jekk remota, ta' l-aġir tal-korpi tagħha (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Dumortier Frères et vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punt 21).

119    Jekk xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx sodisfatta, ir-rikors għandu jkun miċħud kollu kemm hu mingħajr il-ħtieġa li jkunu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Settembru 1994, KYDEP vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-146/91, Ġabra p. I-4199, punti 19 u 81, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Frar 2002, Förde-Reederei vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-170/00, Ġabra p. II-515, punt 37).

120    Huwa fid-dawl ta' din il-ġurisprudenza li għandha tiġi vverifikata l-fondatezza tad-diversi argumenti invokati mir-rikorrent.

121    Preliminarjament, hemm lok li jiġi rrilevat li l-protezzjoni tal-ħajja privata u tad-dar, il-libertà ta' l-istampa, il-prinċipju tal-preżunzjoni ta' l-innoċenza u d-dritt għal smigħ xieraq, li jikkostitwixxu drittijiet fundamentali, jikkonferixxu lill-individwi drittijiet li l-qorti Komunitarja tiggarantixxi li jiġu rrispettati. F'dan ir-rigward, ir-rikorrent jinvoka żewġ komportamenti allegatament illegali ta' l-OLAF li, billi huma ta' natura distinta, għandhom jiġu eżaminati separatament.

122    Fl-ewwel lok, fir-rigward tat-talba għal kumpens tad-dannu li allegatament jirriżulta mill-"ilment" ta' l-OLAF, ġie kkonstatat li kienu l-awtoritajiet ġudizzjarji li kellhom jevalwaw x'azzjoni kellha tittieħed fuq l-informazzjoni mibgħuta mill-OLAF fuq il-bażi ta' l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1073/1999 u li din il-komunikazzjoni m'għandha l-ebda natura vinkolanti fir-rigward tagħhom (ara punt 70 iktar 'il fuq). Konsegwentement, l-aġir ta' l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, li ddeċidew, fil-kuntest tal-prerogattivi rispettivi tagħhom, li jiftħu proċeduri ġudizzjarji u li sussegwentement iwettqu atti ta' investigazzjoni, ikkawża d-dannu allegat mir-rikorrent.

123    Barra minn hekk, ir-rikorrent ma jispjegax kif komunikazzjoni ta' informazzjoni lil awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, li hija ta' natura kunfidenzjali u li fir-rigward tagħha ma ġiex sostnut li ma kinitx ġiet rispettata l-kunfidenzjalità, tista' tippreġudika r-reputazzjoni tiegħu u r-rispettabbiltà professjonali tiegħu.

124    Minn dan isegwi li r-rikorrent ma pprovax l-eżistenza ta' rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn il-komunikazzjoni ta' l-informazzjoni magħmula mill-OLAF lill-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani, skond l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1073/1999 u d-dannu allegat.

125    Peress li l-kundizzjoni sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità relattiva għar-rabta kawżali bejn id-dannu allegat u l-aġir ta' l-OLAF mhijiex sodisfatta f'dan il-każ, it-talba għal kumpens tad-danni dwar l-"ilment" ta' l-OLAF għandha tiġi miċħuda mingħajr mhemm lok li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet oħra sabiex tiġi stabbilita l-imsemmija responsabbiltà.

126    Fit-tieni lok, fir-rigward tat-talba għal kumpens tad-dannu li allegatament jirriżulta mill-komunikati stampa ta' l-OLAF, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent jirreferi għall-abbozz ta' rakkomandazzjoni ta' l-Ombudsman ta' l-10 ta' Ġunju 2003 u għar-rakkomandazzjoni tiegħu ta' l-20 ta' Novembru 2003, li jikkonkludu li kien hemm każ ta' amministrazzjoni ħażina, sabiex minnhom jiddeduċi li l-komunikat stampa tas-27 ta' Marzu 2002 jikkostitwixxi, "bħala tali", "att amministrattiv illegali" u li l-komunikat stampa tat-30 ta' Settembru 2003 jirrappreżenta każ ġdid ta' amministrazzjoni ħażina, li jikser, huwa wkoll, il-prinċipju ta' proporzjonalità, billi jirrepeti l-allegazzjonijiet tal-komunikat preċedenti.

127    F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba, li huwa l-uniku prinċipju li huwa allegat li nkiser f'dan il-kuntest, ma jikkonferixxix, minnu nnifsu, drittijiet lill-individwi (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Diċembru 2001, Area Cova et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑196/99, Ġabra p. II‑3597, punt 43), ħlief meta jikkostitwixxi l-espressjoni ta' drittijiet speċifiċi bħad-dritt li dak kollu li jirrigwarda lil individwu jiġi ttrattat b'mod imparzjali, b'mod ġust u fi żmien raġonevoli, id-dritt li jiġi mismugħ, id-dritt ta' aċċess għall-inkartament, id-dritt għall-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet, fis-sens ta' l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea pproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nizza (ĠU C 364, 2000, p. 1), li mhuwiex il-każ f'din il-kawża.

128    Għall-kompletezza, il-kwalifika ta' "att ta' amministrazzjoni ħażina" mill-Ombudsman ma tfissirx, minnha nnifisha, li l-imġiba ta' l-OLAF tikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta' regola ta' dritt, fis-sens tal-ġurisprudenza. Fil-fatt, bit-twaqqif ta' ombudsman, it-Trattat offra liċ-ċittadini ta' l-Unjoni, u b'mod iktar partikolari lill-uffiċjali u lill-impjegati l-oħra tal-Komunità, rimedju alternattiv għal dak ta' azzjoni quddiem il-qorti Komunitarja sabiex jiddefendu l-interessi tagħhom. Dan ir-rimedju extraġudizzjarju alternattiv jissodisfa kriterji speċifiċi u m'għandux neċessarjament l-istess għan bħal dak ta' azzjoni ġudizzjarja (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-10 ta' April 2002, L-Ombudsman vs Lamberts, T-209/00, Ġabra p. II-2203, punt 65).

129    Fid-dawl ta' l-awtonomija mogħtija lill-OLAF permezz tar-Regolament Nru 1073/1999 u ta' l-għan ta' interess ġenerali li l-pubbliku jiġi informat permezz ta' komunikati stampa, għandu wkoll jiġi kkunsidrat li l-OLAF għandu marġni ta' diskrezzjoni fir-rigward ta' l-opportunità u tal-kontenut tal-komunikati dwar l-attivitajiet ta' investigazzjoni tiegħu.

130    Barra minn hekk, jirriżulta minn eżami tal-kliem tal-komunikat stampa tas-27 ta' Marzu 2002 li l-unika silta eventwalment dannuża taqra kif ġej:

"Skond l-informazzjoni miġbura mill-[OLAF], ġurnalist irċieva diversi dokumenti dwar l-inkartament imsejjaħ 'il-każ Van Buitenen'. Mhuwiex eskluż li tħallsu xi flus lil xi ħadd ġewwa l-OLAF (jew saħansitra xi istituzzjoni oħra) sabiex jinkisbu dawn id-dokumenti […]"

131    Anki jekk jitqies li l-individwi li kienu jafu bil-każ setgħu jorbtuh mar-rikorrent, dawn l-allegazzjonijiet, magħmula b'mod ipotetiku, bla indikazzjoni ta' l-isem tar-rikorrent u tar-rivista li huwa kien jaħdem magħha, ma jikkostitwixxux ksur manifest u gravi, mill-OLAF, tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tiegħu. Barra minn hekk, huwa Stern innifsu li, fil-komunikat stampa tiegħu tat-28 ta' Marzu 2002, iċċita l-isem tar-rikorrent. Għalhekk, l-iżvelar ta' l-identità ta' dan ta' l-aħħar, marbut ma' l-investigazzjonijiet ta' l-OLAF, ma sarx mill-OLAF iżda mir-rivista Stern, li magħha kien jaħdem ir-rikorrent. Għaldaqstant, l-allegati danni konsistenti fi preġudizzju għar-reputazzjoni u għar-rispettabbiltà professjonali, marbuta ma' din il-pubblikazzjoni, ma jistgħux jiġu imputati lill-OLAF. Konsegwentement, mill-komunikat stampa in kwistjoni ma jirriżulta l-ebda ksur suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju min-naħa ta' l-OLAF.

132    Min-naħa tiegħu, il-komunikat stampa ta' l-OLAF tat-30 ta' Settembru 2003, ippubblikat wara l-abbozz ta' rakkomandazzjoni ta' l-Ombudsman tat-18 ta' Ġunju 2003, ifittex li jtaffi l-allegazzjonijiet ikkontenuti fil-komunikat stampa tas-27 ta' Marzu 2002. Huwa jgħid hekk:

"[...] l-investigazzjoni ta' l-OLAF f'dan ir-rigward mhijiex magħluqa, iżda l-[OLAF] s'issa ma sabx prova li tali ħlas kien seħħ." Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li dan il-komunikat, bħall-komunikat preċedenti, ma jikkostitwixxix ksur suffiċjentement serju ta' regola ta' dritt.

133    Għandha tinġibed l-istess konklużjoni fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-kelliem ta' l-OLAF, iċċitata mir-rivista European Voice ta' l-4 ta' April 2002, li skondha l-OLAF "kellu provi, ma' l-ewwel daqqa t'għajn, li seta' kien sar ħlas", billi l-prudenza tal-kliem użat ma tistax tistabbilixxi l-eżistenza ta' ksur suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju. Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tad-Direttur ta' l-OLAF fuq Stern TV fl-24 ta' Marzu 2004, ir-rikorrent ma jipproduċi l-ebda prova li tista' tippermetti li jiġi vverifikat il-kontenut tagħha.

134    Barra minn hekk, ir-rikorrent ma jiżviluppa l-ebda argument legali fir-rikors tiegħu li jippermetti li jiġi evalwat kif il-pubblikazzjoni tal-komunikati stampa u tad-dikjarazzjonijiet pubbliċi l-oħra ta' l-OLAF jistgħu jiġu kkwalifikati bħala "ksur suffiċjentement serju" ta' regola ta' dritt.

135    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrent ma pprovax l-eżistenza ta' ksur suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju imputabbli lill-OLAF li seta' kkawżalu dannu. Għaldaqstant, hemm lok li tiġi miċħuda t-talba tiegħu għal kumpens tad-danni f'dak li jirrigwarda l-komunikati stampa u d-dikjarazzjonijiet pubbliċi l-oħra ta' l-OLAF, mingħajr mhuwa meħtieġ li jiġu evalwati r-realtà tad-dannu allegat u f'hiex jikkonsisti tali dannu.

136    Għaldaqstant, ir-rikors għal danni għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-talba ta' produzzjoni ta' dokumenti

137    Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tordna lill-Kummissjoni li tissottometti kopja sħiħa ta' l-"ilmenti" mibgħuta mill-OLAF lill-awtoritajiet ġudizzjarji Ġermaniżi u Belġjani.

138    F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni pproduċiet, waqt il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, l-ittri mibgħuta lill-awtoritajiet ġudizzjarji Ġermaniżi u Belġjani, fil-11 ta' Frar 2004, f'verżjoni li minnha ma tneħħiet ebda parti.

139    Għaldaqstant, mhemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar din it-talba, li m'għadx għandha skop.

140    Jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar 'il fuq li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

141    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mill-Kummissjoni, fosthom dawk relattivi għall-proċeduri għal miżuri provviżorji, kif mitlub mill-Kummissjoni.

142    Skond it-tielet inċiż ta' l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-IFJ, intervenjenti, għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Ir-Raba' Awla)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Mhemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba għall-produzzjoni ta' dokumenti.

3)      Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni, fosthom dawk relattivi għall-proċeduri għal miżuri provviżorji.

4)      L-International Federation of Journalists għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Legal

Lindh

Vadapalas

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-4 ta' Ottubru 2006.

E. Coulon

 

       H. Legal

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.