Language of document : ECLI:EU:T:2006:300

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla)

10 ta' Ottubru 2006 (*)

"Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta' oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja verbali ARMAFOAM – Trade mark Komunitarja verbali preċedenti NOMAFOAM – Raġuni relattiva għal rifjut – Probabbiltà ta' konfużjoni – Xebh bejn il-prodotti u bejn is-sinjali – Kontestazzjoni li tikkonċerna x-xebh bejn il-prodotti mqajma għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza"

Fil-kawża T‑172/05,

Armacell Enterprise GmbH, stabbilita f'Münster (il-Ġermanja), irrappreżentata minn O. Spuhler, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li hija

nmc SA, stabbilita f'Raeren-Eynatten (il-Belġju), irrappreżentata minn P. Péters u T. de Haan, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tat-23 ta' Frar 2005 (kawża R 552/2004‑1), dwar proċedimenti ta' oppożizzjoni bejn nmc SA u Armacell Enterprise GmbH,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, F. Dehousse u D. Šváby, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-4 ta' Mejju 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-3 ta' Diċembru 2001, Armacell Enterprise GmbH (iktar 'il quddiem ir-"rikorrenti") ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 11, 1994, p. 1), kif emendat.

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali ARMAFOAM.

3        Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark jaqgħu taħt il-klassi 20 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Prodotti u tas-Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni tat-Trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: "prodotti tal-fowm magħmula minn elastomeri, termoplastiċi jew thermosets bħala komponenti ta' sistema jew prodotti lesti".

4        Fl-24 ta' Ġunju 2002, l-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-Trade Marks Komunitarji.

5        Fid-9 ta' Lulju 2002, nmc SA (iktar 'il quddiem l-"intervenjenti") ressqet oppożizzjoni, skond l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 40/94, kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

6        Ir-raġuni invokata in sostenn ta' l-oppożizzjoni kienet probabbiltà ta' konfużjoni, skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark Komunitarja verbali preċedenti NOMAFOAM ta' l-intervenjenti, irreġistrata fil-31 ta' Ottubru 1997 għall-prodotti li ġejjin:

–        klassi 17: "Prodotti magħmula minn plastik semi proċessat, materjal għall-ippakkjar, għall-mili u bħala iżolatur, fowm tal-polyethylene (materjal semi proċessat), materjal li jservi għall-iżolament termali u akustiku, materjal tal-plastik għall-ikkuttunar u għall-mili, materjal tal-plastik għall-ippakkjar (ikkuttunar u mili), sustanzi għall-iżolament kontra l-umdità u l-kesħa inklużi f'din il-klassi, materjal li l-ħoss ma jinfdux, pajpijiet flessibbli mhux tal-metall;"

–        klassi 19: "Materjal tal-bini (mhux metalliku), pajpijiet riġidi u mhux tal-metall għall-bini; kisi tal-ħitan inkluż f'din il-klassi;"

–        klassi 20: "Prodotti tal-plastik mhux inklużi fi klassijiet oħrajn, kontenituri tal-plastik għall-ippakkjar, saqqijiet, kuxxini, kuttunar tal-plastik li jservi ta' sostenn, b'mod partikolari biex wieħed ipoġġi bilqiegħda u/jew biex jinżel għarkupptejh waqt xogħol tal-ġnien u/jew ta' do-it-yourself, attivitajiet sportivi, ġinnastika, attivitajiet ta' rikreazzjoni u ta' mogħdija ta' żmien;"

–        klassi 27: "Twapet, twapet għal kontra ż-żlieq, twapet għall-karozzi, raggijiet, mattijiet; twapet, mattijiet u raggijiet tal-plastik li jservu ta' sostenn, b'mod partikolari biex wieħed ipoġġi bilqiegħda u/jew jinżel għarkupptejh waqt xogħol tal-ġnien u/jew ta' do-it-yourself, attivitajiet sportivi, ġinnastika, attivitajiet ta' rikreazzjoni u ta' mogħdija ta' żmien; kisi ta' l-art, kisi tal-ħitan, kisi għall-iżolament mhux inkluż fi klassijiet oħrajn, purtieri u kisi ieħor li jiddendel mal-ħajt mhux magħmul mit-tessut;"

–        klassi 28: "Artikli ta’ ġinnastika u sport mhux inklużi fi klassijiet oħrajn".

7        Permezz ta' deċiżjoni ta' l-24 ta' Mejju 2004, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni, peress illi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti kienu differenti biżżejjed sabiex tiġi eskluża kull probabbiltà ta' konfużjoni min-naħa tal-konsumatur medju fit-territorju tal-Komunità.

8        Fil-5 ta' Lulju 2004, l-intervenjenti ressqet appell quddiem l-UASI, skond l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni. Fit-23 ta' Settembru 2004, hija ppreżentat nota li fiha spjegat ir-raġunijiet ta' l-appell. Fis-17 ta' Diċembru 2004, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-appell ta' l-intervenjenti.

9        Permezz ta' deċiżjoni tat-23 ta' Frar 2005, innotifikata lir-rikorrenti permezz ta' ittra tal-25 ta' Frar 2005 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), l-Ewwel Bord ta' l-Appell laqa' l-appell, peress li kienet teżisti probabbiltà ta' konfużjoni.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

10      Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fid-29 ta' April 2005, ir-rikorrenti ressqet il-preżenti rikors. Hija indikat li kienet ser tiġi rrappreżentata mill-konsulent legali tagħha fil-qasam tal-privattivi, C. Hano, flimkien ma' l-avukat tagħha.

11      Fl-10 u fid-29 ta' Awwissu 2005, rispettivament, l-UASI u l-intervenjenti ppreżentaw ir-risposti tagħhom.

12      Permezz ta' ittra tal-15 ta' Settembru 2005, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fid-19 ta' Settembru 2005, ir-rikorrenti talbet l-awtorizzazzjoni, skond l-Artikolu 135(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, sabiex tippreżenta replika. Ir-rikorrenti kkonfermat ukoll li l-konsulent legali tagħha fil-qasam tal-privattivi kien ser jipparteċipa fis-seduta.

13      Permezz ta' deċiżjoni tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza, tas-27 ta' Settembru 2005, it-talba sabiex tiġi ppreżentata replika ġiet miċħuda. Permezz ta' ittra ta' l-istess ġurnata, ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim'Istanza informa lir-rikorrenti b'dan ir-rifjut, bil-fatt li hija setgħet tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha waqt is-seduta u, fl-aħħar nett, li C. Hano kellu d-dritt li jinstema', waqt din is-seduta, biss fil-preżenza u taħt is-superviżjoni ta' l-avukat tar-rikorrenti.

14      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

15      L-UASI jitlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

16      L-intervenjenti titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

17      Ir-rikorrenti tqajjem raġuni waħda ta' annullament li, minkejja li fiha referenza formali għal ksur tat-tieni sentenza ta' l-Artikolu 43(5) tar-Regolament Nru 40/94, tirrigwarda biss ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) ta' l-istess Regolament, peress li l-Bord ta' l-Appell żbalja meta kkonstata l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni.

 L-argumenti tal-partijiet

18      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li t-trade marks in kwistjoni mhumiex simili.

19      L-ewwel sillabi ta' dawn it-trade marks, "no" għal NOMAFOAM u "ar" għal ARMAFOAM, rispettivament, huma differenti ħafna. Billi jinsabu fil-bidu tas-sinjali, dawn is-sillabi jiġbdu ħafna iktar faċilment l-attenzjoni tal-konsumatur. Għaldaqstant, il-livell ta' xebh tas-smigħ u viżiv huwa baxx.

20      Għal dak li jirrigwarda x-xebh kunċettwali, ir-rikorrenti ssostni li, billi l-kliem "armafoam" u "nomafoam" ma jeżistux bħala tali fil-lingwi kkonċernati, il-pubbliku rilevanti jkollu t-tendenza li jikkunsidrahom bħala kliem ivvintat. Madankollu, ir-rikorrenti tikkunsidra li t-tieni parti tat-trade marks in kwistjoni, il-kelma Ingliża "foam", ser tiġi pperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala li sempliċement tiddeskrivi l-prodotti koperti minn dawn it-trade marks. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti jidhrilha li l-Ingliż huwa l-lingwa deċiżiva, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, għall-evalwazzjoni tax-xebh kunċettwali. Il-karattru distintiv tal-parti "foam" tat-trade marks in kwistjoni huwa għalhekk dgħajjef ħafna. Dan jirrendi ħafna iktar importanti l-ewwel partijiet ta' l-imsemmija trade marks, "arma" u "noma", li jikkostitwixxu, għall-pubbliku rilevanti, termini li huma differenti ħafna u li ma jirreferu għal ebda kunċett komuni. Dawn l-ewwel partijiet, li għandhom karattru distintiv speċifiku, jikkostitwixxu l-elementi dominanti tat-trade marks in kwistjoni, fil-kuntest ta' l-impressjoni sħiħa mogħtija minn dawn it-trade marks.

21      Għaldaqstant, ir-rikorrenti tafferma li l-pubbliku rilevanti mhux ser jagħti każ tal-parti finali tat-trade marks in kwistjoni, li hija purament deskrittiva, iżda lill-parti inizjali ta' dawn it-trade marks, li b'ebda mod mhija deskrittiva u li għandha karattru distintiv ċar. Għaldaqstant, mhemm ebda xebh kunċettwali bejn it-trade marks in kwistjoni. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell ma kkonstata ebda element li jista' jipprova l-eżistenza ta' xebh kunċettwali.

22      Il-Bord ta' l-Appell ma kellux raġun jikkunsidra li l-impressjoni sħiħa mogħtija mit-trade marks in kwistjoni hija kkaratterizzata mill-parti finali ta' l-imsemmija trade marks, "foam", meta l-prinċipju stabbilit mill-ġurisprudenza huwa li, normalment, billi huwa l-bidu tal-kliem li huwa distintiv, huwa dan li jibqa' fil-memorja. Il-Bord ta' l-Appell sostna wkoll li l-parti identika "foam" hija deskrittiva tal-prodotti koperti. Issa skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, parti tat-trade mark li hija deskrittiva tista', madankollu, ma jkollhiex karattru distintiv, liema kunsiderazzjoni hija inkonsistenti ma' l-evalwazzjoni tal-Bord ta' l-Appell u għandha twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

23      It-tieni nett u sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li l-prodotti koperti mit-trade marks in kwistjoni mhumiex simili. Il-prodotti tal-fowm, indikati fl-applikazzjoni għal trade mark, u l-prodotti tal-plastik li jaqgħu taħt il-klassi 20, koperti mit-trade mark preċedenti, mhumiex simili. Dan japplika wkoll għall-prodotti l-oħrajn koperti mit-trade mark preċedenti.

24      Il-Bord ta' l-Appell limita ruħu li jafferma, fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-applikazzjoni għal trade mark kienet tkopri, fost oħrajn, prodotti tal-fowm magħmula minn elastomeri u termoplastiċi, li l-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 20 u koperti mit-trade mark preċedenti kienu magħmula mill-plastik u li l-plastik, il-lastku u l-polimer elastiku kienu sustanzi simili li setgħu jintużaw sabiex jiġu mmanifatturati numru kbir ta’ prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 20, bħal mattijiet, saqqijiet u kuttunar.

25      Issa l-possibbiltà li l-prodotti koperti mit-trade marks in kwistjoni jkunu magħmula mill-istess materjal mhijiex biżżejjed sabiex dawn il-prodotti jiġu meqjusa bħala simili fis-sens ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Għaldaqstant, il-Bord ta’ l-Appell interpreta ħażin ir-rekwiżit dwar ix-xebh bejn il-prodotti.

26      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti. Il-Bord ta’ l-Appell ikkonkluda korrettament li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni. F’kull każ, l-intervenjenti tikkontesta l-ammissibbiltà tal-kontestazzjonijiet tar-rikorrenti dwar ix-xebh bejn il-prodotti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

27      Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark m'għandhiex tiġi milqugħa "jekk minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabbilà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti."

28      Skond il-ġurisprudenza, il-probabbiltà li l-pubbliku jista' jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni jkunu ġejjin mill-istess impriża jew, skond il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament, tikkostitwixxi probabbiltà ta' konfużjoni [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 29, u tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 17; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Oberhauser vs L-UASI – Petit Liberto (Fifties), T-104/01, Ġabra p. II-4359, punt 25].

29      Skond din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku għandha tiġi evalwata globalment billi jiġu kkunsidrati l-fatturi kollha rilevanti tal-każ in kwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 22; Canon, punt 28 iktar 'il fuq, punt 16, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, punt 28 iktar 'il fuq, punt 18; sentenza Fifties, punt 28 iktar 'il fuq, punt 26).

30      Għal dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, tas-smigħ jew kunċettwali bejn it-trade marks in kwistjoni, din l-evalwazzjoni globali għandha tkun ibbażata fuq l-impressjoni sħiħa mogħtija mit-trade marks, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom (sentenza SABEL, punt 29 iktar 'il fuq, punt 23).

31      Din l-evalwazzjoni globali timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi li ttieħdu in kunsiderazzjoni u, b’mod partikolari, bejn ix-xebh tat-trade marks u dak tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati. Għaldaqstant, livell baxx ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati jista’ jiġi kkumpensat minn livell għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u l-kontra (sentenzi Canon, punt 28 supra, punt 17; Lloyd Schuhfabrik Meyer, punt 28 iktar 'il fuq, punt 19, u Fifties, punt 28 iktar 'il fuq, punt 27).

32      Barra minn hekk, il-perċezzjoni tat-trade marks li għandu l-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi in kwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. Normalment, il-konsumatur medju jipperċepixxi trade mark bħala xi ħaġa sħiha u ma jwettaqx eżami tad-diversi dettalji tagħha [sentenzi SABEL, punt 29 iktar 'il fuq, punt 23, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, punt 28 iktar 'il fuq, punt 25; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza Fifties, punt 28 iktar 'il fuq, punt 28, u tat-3 ta’ Marzu 2004, Mülhens vs L-UASI – Zirh International (ZIRH), T-355/02, Ġabra p. II-791, punt 41]. Għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni globali, il-konsumatur medju tal-prodotti kkonċernati huwa meqjus li huwa informat normalment u raġonevolment attent u prudenti. Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li l-konsumatur medju rarament biss għandu l-possibbiltà li jwettaq paragun dirett bejn id-diversi trade marks iżda jrid jafda fl-immaġni imperfetta tagħhom li jkun żamm fil-memorja. Għandu wkoll jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skond il-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi in kwistjoni (sentenzi Lloyd Schuhfabrik Meyer, punt 28 iktar 'il fuq, punt 26, u Fifties, punt 28 iktar 'il fuq, punt 28).

33      Fl-aħħar nett, jirriżulta mill-karattru unitarju tat-trade mark Komunitarja, stabbilit mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 40/94, li trade mark Komunitarja preċedenti hija protetta bl-istess mod fl-Istati Membri kollha. It-trade marks Komunitarji preċedenti jistgħu, għaldaqstant, jiġu eċċepiti b'oppożizzjoni għal kull applikazzjoni għal trade mark sussegwenti li tippreġudika l-protezzjoni tagħhom, anki jekk tagħmel dan biss fir-rigward tal-perċezzjoni tal-konsumaturi ta' parti mit-territorju Komunitarju. Minn dan isegwi li l-prinċipju stabbilit mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 40/94, li skondu huwa biżżejjed, sabiex tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta' trade mark, li raġuni assoluta għal rifjut teżisti biss f'parti mill-Komunità, japplika, b'analoġija, ukoll fil-każ ta' raġuni relattiva għal rifjut skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Ottubru 2002, Matratzen Concord vs L-UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T-6/01, Ġabra p. II-4335, punt 59; ZIRH, punt 32 iktar 'il fuq, punt 36; tas-6 ta' Ottubru 2004, New Look vs L-UASI – Naulover (NLSPORT, NLJEANS, NLACTIVE u NLCollection), T-117/03 sa T-119/03 u T-171/03, Ġabra p. II-3471, punt 34, u ta' l-1 ta' Marzu 2005, Fusco vs L-UASI – Fusco International (ENZO FUSCO), T-185/03, Ġabra p. II-715, punt 33].

34      L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti, għandu jiġi kkonstatat, kif għamlu l-Bord ta' l-Appell (punti 8 u 9 tad-deċiżjoni kkontestata) u l-partijiet, li l-prodotti indikati fl-applikazzjoni għal trade mark u dawk koperti mit-trade mark preċedenti jistgħu jiġu kkummerċjalizzati lil pubbliku vast, kemm professjonali kif ukoll mhux professjonali. Il-pubbliku rilevanti huwa għalhekk kompost mill-konsumaturi kollha tal-Komunità.

35      It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda l-paragun bejn il-prodotti, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra, essenzjalment, fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-definizzjoni vasta ħafna tal-prodotti fl-applikazzjoni għal trade mark kienet tinkludi prodotti koperti mit-trade mark preċedenti. Fost dawn ta' l-aħħar, il-Bord ta' l-Appell semma, b'mod iktar partikolari, ċerti prodotti tal-klassi 20, jiġifieri l-prodotti tal-plastik mhux inklużi fi klassijiet oħrajn, mattijiet, saqqijiet u kuttunar, liema prodotti, kif jirrileva l-Bord ta' l-Appell, jistgħu essenzjalment jiġu mmanifatturati mill-istess materjal ta' bażi bħal dawk koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Il-Bord ta' l-Appell ikkonkluda għalhekk li l-prodotti koperti mit-trade marks in kwistjoni huma simili ħafna, jekk mhux identiċi (punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata).

36      Ir-rikorrenti tafferma, mingħajr ma tagħti spjegazzjoni speċifika, li l-prodotti koperti mit-trade marks in kwistjoni mhumiex simili. Barra minn hekk, hija ssostni, essenzjalment, li l-possibbiltà li l-prodotti koperti mit-trade marks in kwistjoni jkunu mmanifatturati mill-istess materjal ta' bażi mhijiex biżżejjed sabiex tagħmel dawn il-prodotti simili skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Għaldaqstant, il-Bord ta' l-Appell ta interpretazzjoni ħażina tar-rekwiżit dwar ix-xebh bejn il-prodotti.

37      L-UASI, filwaqt li jaqbel mal-konklużjoni tal-Bord ta' l-Appell li skondha jeżisti xebh bejn il-prodotti, jasal għal tali konklużjoni b'raġunament differenti. Huwa jikkunsidra, għall-kuntrarju ta' dan il-Bord, li mhumiex il-prodotti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni li jinkludu ċerti prodotti tat-trade mark preċedenti, iżda huma l-prodotti tat-trade mark preċedenti, b'mod partikolari l-"prodotti [tal-klassi 20] tal-plastik mhux inkużi fi klassijiet oħrajn", liema kategorija, skond l-UASI, la hija limitata fir-rigward tat-tip ta' plastik użat u lanqas fir-rigward ta' l-użu tal-prodott tal-plastik, li jinkludu l-prodotti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

38      L-intervenjenti ssostni li l-kontestazzjonijiet tar-rikorrenti li jikkonċernaw il-prodotti huma inammissibbli quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura, peress li ma tqajmux fil-proċedimenti quddiem l-UASI. Sussidjarjament, l-intervenjenti taqbel ma' l-opinjoni tal-Bord ta' l-Appell li skondha l-kliem użat fl-applikazzjoni għal trade mark, għal dak li jirrigwarda l-prodotti indikati, tant huwa wiesa' li jinkludi l-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti u li jaqgħu taħt il-klassi 20. L-intervenjenti pproduċiet ċerti dokumenti kummerċjali li hija kienet diġà pproduċiet quddiem l-UASI.

39      Qabel kollox, għal dak li jikkonċerna l-allegata inammissibbiltà tal-kontestazzjonijiet tar-rikorrenti rigward il-prodotti, għandu jiġi mfakkar li rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza skond l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 40/94 huwa intiż sabiex tiġi mistħarrġa l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bord ta' l-Appell [ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 2002, eCopy vs L-UASI (ECOPY), T-247/01, Ġabra p. II-5301, punt 46, u tat-22 ta' Ottubru 2003, Éditions Albert René vs L-UASI – Trucco (Starix), T-311/01, Ġabra p. II-4625, punt 70, u l-ġurisprudenza ċċitata]. Fil-kuntest tar-Regolament Nru 40/94, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 74 ta' l-imsemmi Regolament, dan l-istħarriġ għandu jsir fid-dawl tal-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kontroversja kif tressaq quddiem il-Bord ta' l-Appell [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Marzu 2003, Unilever vs L-UASI (Pillola fil-forma ta' bajda), T-194/01, Ġabra p. II-383, punt 16, u ta' l-1 ta' Frar 2005, SPAG vs l-UASI – Dann u Backer (HOOLIGAN), T-57/03, Ġabra p. II-287, punt 17]. Barra minn hekk, skond l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura, in-noti tal-partijiet ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal-kontroversja quddiem il-Bord ta' l-Appell.

40      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk, billi allegat, għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li l-prodotti koperti mit-trade marks in kwistjoni huma differenti, ir-rikorrenti biddlitx is-suġġett tal-kontroversja.

41      F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja, meta din hija bbażata fuq l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, tirrikjedi li l-UASI jiddeċiedi dwar l-identiċità jew ix-xebh bejn il-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade marks in kwistjoni.

42      Dan huwa wkoll il-każ meta l-UASI, jew waħda mill-partijiet fil-proċedimenti, jikkunsidra inutli l-eżami tal-kwistjoni ta' l-identiċità jew tax-xebh bejn il-prodotti u s-servizzi in kwistjoni minħabba differenzi kbar ikkonstatati bejn it-trade marks li jeskludu, f'kull każ, probabbiltà ta' konfużjoni. Barra minn hekk, il-fatt li, fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti qablet, quddiem id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, li l-prodotti koperti mit-trade marks jistgħu jkunu potenzjalment identiċi, peress li hija ddikjarat, quddiem il-Bord ta' l-Appell, li l-kwistjoni tax-xebh bejn il-prodotti setgħet ma tiġix deċiża minħabba l-allegata differenza bejn it-trade marks in kwistjoni, b'ebda mod ma jista' jkollu l-effett li jneħħi s-setgħa ta' l-UASI li jiddeċiedi jekk il-prodotti koperti mill-imsemmija trade marks humiex simili jew identiċi. Għaldaqstant, dan il-fatt lanqas m'għandu l-effett li jċaħħad lir-rikorrenti mid-dritt li tikkontesta, fil-limiti tal-kuntest ġuridiku u fattwali tal-kontroversja quddiem il-Bord ta' l-Appell, l-evalwazzjonijiet imwettqa minn dan ta' l-aħħar f'dan ir-rigward [ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Novembru 2004, Frischpack vs L-UASI (Forma ta' kaxxa tal-ġobon), T-360/03, Ġabra p. II-4097, punti 32 sa 35].

43      Għandu jiġi kkonstatat li l-kontestazzjonijiet tar-rikorrenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, dwar il-paragun bejn il-prodotti, ma joħorġux mill-kuntest tal-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell. Fil-fatt, ir-rikorrenti tikkontesta biss l-evalwazzjonijiet imwettqa u r-raġunament segwit minn dan il-Bord f'dan ir-rigward. Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma biddlitx is-suġġett tal-kontroversja permezz ta' dawn il-kontestazzjonijiet u li, għaldaqstant, dawn huma ammissibbli quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

44      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, għall-evalwazzjoni tax-xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni, għandhom jiġu kkunsidrati l-fatturi kollha rilevanti li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejn dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi u, b'mod partikolari, in-natura tagħhom, l-użu intenzjonat tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll il-karattru tagħhom ta' prodotti li jikkompetu jew li jikkomplementaw lil xulxin [sentenza Canon, punt 28 iktar 'il fuq, punt 23; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Lulju 2004, Sunrider vs L-UASI – Espadafor Caba (VITAFRUIT), T-203/02, Ġabra p. II-2811, punt 65, u ta' l-4 ta' Mejju 2005, Chum vs l-UASI – Star TV (STAR TV), T-359/02, Ġabra p. II-1515, punt 31].

45      Fil-kawża preżenti, id-definizzjoni tal-prodotti indikati fl-applikazzjoni għal trade mark hija, fir-rigward tan-natura ta' dawn il-prodotti, vasta ħafna, peress li tirreferi għal prodotti bħal "komponenti ta' sistema jew prodotti lesti", jiġifieri kważi kull tip ta' prodott. L-unika limitazzjoni li tipprovdi din id-definizzjoni tirrigwarda l-materjal li minnu dawn il-prodotti huma mmanifatturati: dawn huma prodotti tal-fowm magħmula minn elastomeri, termoplastiċi jew thermosets.

46      Min-naħa tagħha, it-trade mark preċedenti tkopri, minbarra xi prodotti msemmija mill-Bord ta' l-Appell fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata u li jaqgħu fil-klassi 20, varjetà kbira ta' prodotti li l-parti l-kbira minnhom jistgħu jissodisfaw id-deskrizzjoni ta' "komponenti ta' sistema" jew ta' "prodotti lesti" u jkunu mmanifatturati mill-fowm.

47      Ir-rikorrenti fl-ebda mument ma tallega li l-fowm indikat fl-applikazzjoni tagħha għal trade mark għandu proprjetajiet kimiċi jew fiżiċi li jagħmluh tajjeb biss għall-manifattura ta' prodotti speċifiċi ħafna li mhumiex inklużi fil-lista ta' prodotti koperti mit-trade mark preċedenti.

48      Ir-rikorrenti tiddikjara biss, fil-punt 65 tar-rikors, li l-prodotti tal-fowm, minn naħa, u l-prodotti tal-plastik tal-klassi 20, min-naħa l-oħra, mhumiex simili u żżid li l-istess japplika fir-rigward tal-prodotti oħrajn koperti mit-trade mark preċedenti.

49      Din id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti, li, barra minn hekk, mhija sostnuta minn ebda prova, ma tistax tqiegħed fid-dubju l-evalwazzjoni mwettqa mill-Bord ta' l-Appell fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, li skondha "il-plastik, il-lastku u l-polimer elastiċi" huma sustanzi simili u hija, f'kull każ, kontradetta mill-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

50      L-ewwel nett u kif jirrileva l-UASI fir-risposta tiegħu, il-fowm magħmul minn elastomeri, termoplastiċi jew thermosets mhuwa xejn iktar minn materjal tal-plastik. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tidher li tammetti dan il-fatt, meta hija tagħmel referenza, fil-punt 63 tar-rikors tagħha, għall-possibbiltà li l-prodotti koperti mit-trade marks in kwistjoni jkunu mmanifatturati mill-istess materjal ta' bażi.

51      It-tieni nett, id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti tmur kontra l-pożizzjoni li hija ssostni fil-kuntest ta' l-eżami tax-xebh bejn is-sinjali u li skondha s-suffiss "foam" huwa "purament deskrittiv" tal-prodotti koperti mit-trade marks in kwistjoni (punt 43 tar-rikors). Għalhekk, ir-rikorrenti tammetti impliċitament li l-prodotti koperti mit-trade mark ta' l-intervenjenti huma wkoll prodotti tal-fowm.

52      It-tielet nett, jirriżulta mid-dokumenti prodotti mill-intervenjenti fil-proċedimenti quddiem l-UASI u mehmuża f'anness mar-risposta tagħha li r-rikorrenti timmanifattura, taħt it-trade mark ARMAFOAM, prodotti li jikkorrispondu għad-definizzjoni kontenuta fl-applikazzjoni għal trade mark u li huma identiċi jew simili għal ċerti prodotti kkummerċjalizzati mill-intervenjenti taħt it-trade mark NOMAFOAM, jiġifieri profili ta' protezzjoni tal-fowm għall-ippakkjar ta' prodotti fraġli. Għaldaqstant, dawn id-dokumenti jagħtu stampa, limitata għal ċerti prodotti iżda konkreta, tax-xebh jew ta' l-identiċità bejn il-prodotti koperti mit-trade marks in kwistjoni. Barra minn hekk, waqt is-seduta, ir-rikorrenti, b’risposta għal domanda mill-Qorti tal-Prim’Istanza, ma setgħetx serjament tinnega l-fatt li ċerti prodotti indikati fl-applikazzjoni għal trade mark kienu jikkompetu direttament ma’ dawk ikkummerċjalizzati mill-intervenjenti taħt it-trade mark preċedenti.

53      Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li r-rikorrenti ma rnexxilhiex tqiegħed fid-dubju l-fondatezza ta’ l-evalwazzjoni tal-Bord ta’ l-Appell, li skondha l-"kliem użat fl-applikazzjoni għal trade mark (prodotti tal-fowm immanifatturati minn elastomeri, termoplastiċi) huwa wiesa' biżżejjed sabiex jinkludu l-prodotti deskritti fir-reġistrazzjoni preċedenti (prodotti tal-plastik mhux inklużi fi klassijiet oħrajn)" (punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata).

54      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi r-rikorrenti, din l-evalwazzjoni tal-Bord ta’ l-Appell bl-ebda mod ma tagħmel il-konstatazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ xebh bejn il-prodotti dipendenti fuq is-sempliċi kunsiderazzjoni li huwa l-istess materjal ta’ bażi li jintuża sabiex jiġu mmanifatturati dawn il-prodotti. Jekk il-Bord ta’ l-Appell dehrlu li kellu jsemmi, fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, il-materjal użat sabiex jiġu mmanifatturati l-prodotti, dan kien biss minħabba li l-applikazzjoni għal trade mark iddefiniet il-prodotti indikati fiha mhux daqstant skond in-natura tagħhom, li hija potenzjalment wiesgħa ħafna ("komponenti ta’ sistema u prodotti lesti"), iżda skond il-materjal li minnu huma magħmula ("fowm").

55      Għaldaqstant, il-Bord ta’ l-Appell ikkonstata korrettament, fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-deskrizzjoni tal-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet tidħol fuq dik tal-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti, u għalhekk ikkonkluda li l-prodotti koperti mit-trade marks in kwistjoni huma simili, jekk mhux identiċi, fis-sens ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

56      It-tielet nett, għal dak li jikkonċerna l-paragun bejn it-trade marks in kwistjoni, il-Bord ta’ l-Appell ikkonstata l-eżistenza ta’ xebh bejn dawn it-trade marks, b’mod partikolari mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti li ma jitkellimx bl-Ingliż (punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata).

57      Qabel xejn, għal dak li jikkonċerna l-paragun kunċettwali bejn it-trade marks in kwistjoni, il-Bord ta’ l-Appell irrileva li dawn it-trade marks, ikkunsidrati fit-totalità tagħhom, kienu kostruzzjonijiet ivvintati li ma kellhom ebda sinjifikat koerenti u li għaldaqstant ma setgħux jiġu mqabbla kunċettwalment (punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, il-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra li, fost il-konsumaturi tal-prodotti kkonċernati, kienu biss il-konsumaturi li jitkellmu bl-Ingliż li setgħu jiżolaw spontanjament, fit-trade marks in kwistjoni, is-suffiss "foam" li jikkorrispondi għall-kelma Ingliża li tfisser "fowm" (punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata).

58      Ir-rikorrenti tallega, essenzjalment, li ma jeżisti ebda xebh kunċettwali bejn it-trade marks in kwistjoni. Għal dan il-għan, hija ssostni li, billi s-suffiss "foam" jista’ jiġi pperċepit spontanjament mill-pubbliku rilevanti kollu bħala purament deskrittiv tal-prodotti, dan il-pubbliku mhux ser jagħti każ ta' dan is-suffiss, iżda ser jikkonċentra fuq il-partijiet inizjali "arma" u "noma" tat-trade marks in kwistjoni, liema partijiet, jekk mhux neqsin minn sinjifikat, huma mill-inqas neqsin minn kull xebh kunċettwali fil-lingwi Komunitarji kollha.

59      L-UASI u l-intervenjenti jaqblu mal-pożizzjoni li ħa l-Bord ta’ l-Appell, għal dak li jirrigwarda l-konsumaturi li ma jitkellmux bl-Ingliż, skond liema paragun kunċettwali mhuwiex neċessajru. Għal dak li jirrigwarda l-konsumaturi li jitkellmu bl-Ingliż, l-UASI jsostni li l-fatt li dawn ta’ l-aħħar jidentifikaw fit-trade marks in kwistjoni t-terminu Ingliż li jfisser "fowm", mhuwiex biżżejjed sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li jeżisti xebh kunċettwali. Min-naħa tagħha, l-intervenjenti tikkunsidra li minn dan il-fatt jista’ jiġi dedott xebh kunċettwali bejn it-trade marks in kwistjoni.

60      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-evalwazzjoni tal-Bord ta’ l-Appell hija fondata għal dak li jikkonċerna, għall-inqas, il-konsumaturi li ma jitkellmux bl-Ingliż, li fir-rigward tagħhom mhemmx bżonn li jsir paragun kunċettwali bejn it-trade marks in kwistjoni. F’dan ir-rigward, il-pożizzjoni tar-rikorrenti, li tikkonsisti fl-affermazzjoni li l-konsumaturi li ma jitkellmux bl-Ingliż, eżattament bħalma jagħmlu l-konsumaturi li jitkellmu bl-Ingliż, ser jidentifikaw spontanjament is-suffiss "foam" bħala t-terminu Ingliż li jfisser "fowm" u għalhekk bħala terminu li jiddeskrivi l-prodotti koperti mit-trade marks in kwistjoni, hija manifestament żbaljata u, barra minn hekk, din il-pożizzjoni b'ebda mod mhija sostnuta minn provi fil-proċess.

61      Għal dak li jirrigwarda l-paragun viżiv u l-paragun fonetiku bejn it-trade marks in kwistjoni, il-Bord ta’ l-Appell ikkonkluda, essenzjalment, fir-rigward tal-pubbliku li ma jitkellimx bl-Ingliż, li jeżisti xebh kbir (punti 11 sa 19 tad-deċiżjoni kkontestata). Huwa jirrileva, fil-fatt, li t-trade marks in kwistjoni kellhom sitt ittri u tliet sillabi in komuni minn total ta’ tmien ittri, kif ukoll erba’ sillabi kull waħda, u li l-prefissi "ar" u "no", għalkemm jinsabu fil-bidu tat-trade marks in kwistjoni, ma kinux ta’ natura li jqajmu dubju dwar ix-xebh viżiv u fonetiku ta’ dawn it-trade marks. L-intervenjenti u l-UASI jaqblu ma’ din il-pożizzjoni.

62      Għal dak li jirrigwarda l-pubbliku li jitkellem bl-Ingliż, il-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra li l-karattru deskrittiv tas-suffiss "foam" pjuttost kellu t-tendenza li jżid ix-xebh viżiv u fonetiku ġenerali tat-trade marks għal dak il-pubbliku (punti 16 u 17 tad-deċiżjoni kkontestata). L-UASI jidhirlu li l-karattru deskrittiv ta’ dan is-suffiss għandu pjuttost iwassal lil dan il-pubbliku sabiex jikkonċentra l-attenzjoni tiegħu fuq il-partijiet inizjali tat-trade marks in kwistjoni, "arma" u "noma", li huma differenti biżżejjed.

63      Min-naħa tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-prefissi "ar" u "no", minħabba l-pożizzjoni tagħhom fil-bidu tat-trade marks in kwistjoni, jiddistingwu b’mod ċar dawn it-trade marks viżwalment u fonetikament. Hija tallega wkoll li l-prefissi "arma" u "noma", li, skondha, huma l-elementi dominanti tat-trade marks in kwistjoni, huma differenti ħafna fuq il-livell viżiv u fonetiku.

64      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li l-uniċi differenzi viżivi u fonetiċi bejn it-trade marks in kwistjoni li jistgħu jiġu identifikati oġġettivament mill-pubbliku li ma jitkellimx bl-Ingliż jirriżultaw mill-prefissi "ar" u "no" ta’ dawn it-trade marks.

65      F’dan ir-rigward, huwa ċertament minnu li l-parti inizjali tat-trade marks verbali tista' tiġbed iktar l-attenzjoni tal-konsumatur mill-partijiet segwenti [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Marzu 2004, El Corte Inglés vs L-UASI – González Cabello u Iberia Líneas Aéreas de España (MUNDICOR), T-183/02 u T-184/02, Ġabra p. II-965, punt 81, u tas-16 ta’ Marzu 2005, L’Oréal vs l-UASI – Revlon (FLEXI AIR), T-112/03, Ġabra p. II-949, punti 64 u 65]. Madankollu, din il-kunsiderazzjoni ma tistax tapplika f’kull każ [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs l-UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T-292/01, Ġabra p. II-4335, punt 50, u tas-6 ta’ Lulju 2004, Grupo El Prado Cervera vs L-UASI – Héritiers Debuschewitz (CHUFAFIT), T-117/02, Ġabra p. II-2073, punt 48]. Hija ma tistax, f’kull każ, tqiegħed fid-dubju l-prinċipju, espress fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 29 sa 32 iktar 'il fuq, li skondu l-eżami tax-xebh bejn it-trade marks għandu jieħu in kunsiderazzjoni l-impressjoni sħiħa mogħtija minn dawn it-trade marks, peress li l-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark bħala xi ħaga sħiħa u ma jwettaqx eżami tad-diversi dettalji tagħha.

66      Fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra, bħall-Bord ta’ l-Appell, l-intervenjenti u l-UASI, li, għal dak li jirrigwarda l-pubbliku li ma jitkellimx bl-Ingliż, id-differenza bejn il-prefissi "ar" u "no" tat-trade marks in kwistjoni mhijiex ta’ natura, minkejja l-pożizzjoni tagħhom fil-bidu tat-trade mark, li tneħħi l-impressjoni ta’ xebh viżiv u fonetiku kbir mogħtija mill-imsemmija trade marks, li tirriżulta kemm mill-fatt li dawn it-trade marks għandhom tul identiku (tmien ittri u erba’ sillabi kull waħda) kif ukoll mill-fatt li, minbarra d-differenza msemmija iktar 'il fuq, dawn it-trade marks huma assolutament identiċi kemm viżwalment (sitt ittri mqiegħda fl-istess ordni: "m", "a", "f", "o", "a", "m") kif ukoll fonetikament ("ma", "fo", "am").

67      Minn dan isegwi li, fuq il-livell viżiv u fonetiku, it-trade marks in kwistjoni huma simili, għall-inqas għal dak li jirrigwarda l-pubbliku li ma jitkellimx bl-Ingliż. Għaldaqstant, u fid-dawl tal-fatt li paragun kunċettwali bejn dawn it-trade marks mhuwiex rilevanti għal dak li jirrigwarda dan il-pubbliku, għandu jiġi konkluż li dawn it-trade marks huma simili fir-rigward ta' dan il-pubbliku.

68      Fid-dawl ta' din il-konklużjoni u tal-ġurisprudenza, imsemmija fil-punt 33 iktar 'il fuq, li skondha t-trade marks Komunitarji preċedenti jistgħu jiġu eċċepiti b'oppożizzjoni għal kull applikazzjoni għal trade mark sussegwenti li tippreġudika l-protezzjoni tagħhom, anki jekk tagħmel dan biss fir-rigward tal-perċezzjoni tal-konsumaturi ta' parti mit-territorju Komunitarju, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord ta’ l-Appell kien korrett meta kkunsidra, fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trade marks in kwistjoni kienu simili fis-sens ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, mingħajr ma kien neċessarju li jiġi ddeterminat jekk dawn it-trade marks humiex jew le simili fir-rigward ukoll tal-pubbliku li jitkellem bl-Ingliż.

69      Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li r-raġuni waħdanija ta' annullament, ibbażata fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, għandha tiġi miċħuda bħala infondata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

70      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-UASI u mill-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Armacell Enterprise GmbH għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) u ta' nmc SA.

Vilaras

Dehousse

Šváby

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta' Ottubru 2006.

E. Coulon

 

       M. Vilaras

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.