Language of document : ECLI:EU:T:2006:323

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla)

17 ta' Ottubru 2006 (*)

"Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja verbali GALZIN – Trade mark nazzjonali verbali preċedenti CALSYN – Raġuni relattiva għal rifjut – Probabbiltà ta' konfużjoni – Xebh tal-prodotti u s-sinjali – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 – Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 – Talbiet ta' l-UASI – Ammissibbiltà"

Fil-kawża T‑483/04,

Armour Pharmaceutical Co., stabbilita f'Bridgewater, New Jersey (L-Istati Uniti), irrappreżentata minn R. Gilbey, Avukat,

rikorrenti

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn S. Pétrequin, bħala aġent,

konvenut

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, li hija

Teva Pharmaceutical Industries Ltd, stabbilita f'Ġerusalemm (L-Iżrael),

li għandha bħala suġġett rikors kontra d-deċiżjoni tar-Raba' Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tas-7 ta' Settembru 2004 (każ R 295/2003‑4), dwar proċedimenti ta' oppożizzjoni bejn Armour Pharmaceutical Co. u Teva Pharmaceutical Industries Ltd,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, E. Martins Ribeiro u K. Jürimäe, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-8 ta' Diċembru 2004,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-2 ta' Mejju 2005,

wara s-seduta tal-31 ta' Jannar 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-12 ta' April 2000, Teva Pharmaceutical Industries Ltd ippreżentat, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 11, 1994, p.1), kif emendat, applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI).

2        It-trade mark li għaliha kienet intalbet ir-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali GALZIN.

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassi 5 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: "Prodotti farmaċewtiċi għat-trattament tal-marda ta' Wilson (Wilson’s disease)".

4        Fit-2 ta' Jannar 2001, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ġiet ippubblikata fil-Bullettin ta' Trade marks Komunitarji Nru 2/2001.

5        Fit-28 ta' Marzu 2001, Armour Pharmaceutical Co. ressqet oppożizzjoni, skond l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fir-rigward tal-prodotti kollha koperti minn din ta' l-aħħar, billi invokat it-trade mark verbali preċedenti tagħha CALSYN, irreġistrata fi Franza fit-3 ta' Frar 1983 bin-numru 1 226 303 għall-prodotti li jaqgħu fil-klassi 5 fis-sens tal-Ftehim ta' Nizza u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: "Prodotti farmaċewtiċi u mediċi u, b'mod iktar partikolari, preparazzjonijiet abbażi ta' kalċju".

6        Ir-raġuni invokata in sostenn ta' l-oppożizzjoni kienet il-probabbiltà ta' konfużjoni prevista fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

7        Permezz ta' deċiżjoni tat-28 ta' Frar 2003, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ta' l-UASI laqgħet l-oppożizzjoni u ċaħdet l-applikazzjoni għat-trade mark kollha kemm hi.

8        Fis-17 ta' April 2003, il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell ressqet appell quddiem l-UASI, skond l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 kontra d-deċiżjoni tal-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni.

9        Permezz ta' deċiżjoni tas-7 ta' Settembru 2004 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), ir-Raba' Bord ta' l-Appell ta' l-UASI laqa' r-rikors u annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, u ordna li r-rikorrenti tbati l-ispejjeż. Essenzjalment, il-Bord ta' l-Appell qies li, skond l-Artikolu 43(2) in fine tar-Regolament Nru 40/94, it-trade mark preċedenti kienet meqjusa rreġistrata għall-"prodotti farmaċewtiċi abbażi ta' kalċju", li din il-konklużjoni tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ma kinitx ġiet ikkontestata mill-partijiet u li hu kien ta' l-istess fehma. Barra minn hekk, skond id-deċiżjoni kkontestata, minkejja li hemm ċertu grad ta' similarità bejn il-prodotti u t-trade marks, dan huwa insuffiċjenti sabiex joħloq, f'moħħ il-pubbliku Franċiż, probabbiltà ta’ konfużjoni bejn il-prodotti mqiegħdha fis-suq taħt kull waħda minn dawn it-trade marks, fid-dawl, minn naħa, tad-differenzi tas-sinjali konfliġġenti, b'mod partikolari mill-perspettiva fonetika u, min-naħa l-oħra, tal-fatt li l-prodotti in kwistjoni mhumiex intiżi sabiex jittrattaw l-istess problemi. Fl-aħħar nett, il-Bord ta' l-Appell qies li, fid-dawl tan-natura tal-prodotti, il-pubbliku, li jinkludi kemm il-konsumaturi tal-mediċini kif ukoll il-professjonisti tal-mediċina, jagħti attenzjoni partikolari lis-sinjali li jidentifikaw il-prodotti.

 It-talbiet tal-partijiet

10      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni;

–        tordna li l-UASI jbati l-ispejjeż.

11      L-UASI jirrimetti din il-kwistjoni għall-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex din tiddetermina jekk hemmx probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks in kwistjoni. F'każ li l-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi li mhemmx probabbiltà ta' konfużjoni min-naħa tal-konsumaturi Franċiżi, l-UASI jitlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha tiċħad ir-rikors u tordna li r-rikorrenti tbati l-ispejjeż. F'każ li l-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li hemm probabbiltà ta' konfużjoni min-naħa tal-konsumaturi Franċiżi, l-UASI jitlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tordna li l-parti l-oħra quddiem il-Bord ta' l-Appell, jekk hija tidher, tbati l-ispejjeż, jew tiddikjara li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet ta' l-UASI

12      Skond l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċecura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, din tista', f'kull waqt u ex officio, teżamina l-inammissibbiltà tar-rikors għal raġunijiet ta' ordni pubbliku.

13      Għandha tiġi mfakkra l-ġurisprudenza li tipprovdi li mhemm xejn li jżomm lill-UASI milli jaqbel ma' talba tar-rikorrenti jew milli jikkuntenta ruħu billi jirrimetti d-deċiżjoni tiegħu għas-savju ġudizzju tal-Qorti tal-Prim'Istanza, filwaqt li jressaq dawk l-argumenti li jidhrulu xierqa biex jispjega l-pożizzjoni tiegħu lill-Qorti tal-Prim'Istanza (is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Ġunju 2004, GE Betz vs L-UASI – Atofina Chemicals (BIOMATE), T-107/02, Ġabra p. II-1845, punt 36 u tal-25 ta' Ottubru 2005, Peek & Cloppenburg vs L-UASI (Cloppenburg), T-379/03, li għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 22). Mill-banda l-oħra, l-UASI ma jistax iressaq talbiet favur l-annullament jew favur il-bdil tad-deċiżjonijiet tal-Bord ta' l-Appell fuq kap li ma jkunx tqajjem fir-rikors jew jippreżenta raġunijiet li ma jkunux tqajmu fir-rikors (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Ottubru 2004, Vedial vs L-UASI, C-106/03 P, Ġabra p. I-9573, punt 34 u s-sentenza Cloppenburg, iċċitata iktar 'il fuq, punt 22).

14      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li f'dan il-każ, għandha tiġi eżaminata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tar-raġunijiet imqajma fir-rikors, filwaqt li jittieħdu in kunsiderazzjoni ukoll l-argumenti mressqa mill-UASI.

 Fuq il-mertu

15      In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ raġunijiet, ibbażati rispettivament fuq ksur ta' l-Artikolu 43(2) u (3) u ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 Fuq l-ewwel raġuni, ibbażata fuq ksur ta' l-Artikolu 43(2) u(3) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

16      Ir-rikorrenti ssostni li hija pprovdiet il-prova, fil-proċedimenti ta' oppożizzjoni, li t-trade mark preċedenti tagħha CALSYN kienet użata għal prodotti farmaċewtiċi abbażi tal-kalċju, għalkemm hija tkopri prodotti farmaċewtiċi u mediċi b'mod ġenerali inklużi fil-klassi 5 tal-Ftehim ta' Nizza. Billi ħa in kunsiderazzjoni l-prodotti farmaċewtiċi abbażi ta' kalċju biss, għall-iskopijiet ta' l-oppożizzjoni, il-Bord ta' l-Appell kiser l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94.

17      Essenzjalment, ir-rikorrenti tqis li huwa konċepibbli li, meta t-trade mark preċedenti tindika numru ta' prodotti u ta' servizzi ta' natura differenti, l-ekwità teħtieġ li jittieħed in kunsiderazzjoni, għall-iskopijiet ta' l-oppozizzjoni, biss il-qasam li fih it-trade mark ta' iktar minn ħames snin hija użata, sabiex jiġi evitat li t-trade marks, li jindikaw klassi sħiħa jew diversi klassijiet sħaħ, ikunu invokati b'mod abużiv. Madankollu, meta l-prodott speċifiku li l-użu tiegħu jkun ġie pprovat jaqa' f'kategorija speċifika li għaliha qed tintalab ir-reġistrazzjoni, il-limitazzjoni tal-prodotti meħuda in kunsiderazzjoni għall-prodott speċifiku jkollha effett restrittiv sproporzjonat. Dan huwa l-każ in kwistjoni, peress li l-prodotti farmaċewtiċi abbażi ta' kalċju huma tip ta' prodotti farmaċewtiċi.

18      Skond ir-rikorrenti, interpretazzjoni daqshekk restrittiva ta' l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/92 bħal dik mogħtija mill-Bord ta' l-Appell mhijiex konformi mad-definizzjoni tad-dritt tal-proprjetà stabbilita mil-leġiżlazzjonijiet armonizzati fuq it-trade marks u hija diskriminatorja meta mqabbla mal-portata rrikonoxxuta f'proċedimenti ta' oppożizzjoni lil reġistrazzjoni mhux użata ta' inqas minn ħames snin.

19      L-ewwel nett, l-UASI jesponi l-prinċipji li jirregolaw il-kwistjoni tal-prova ta' l-użu ta' trade mark. F'dan ir-rigward, huwa jsostni li, meta trade mark hija rreġistrata fir-rigward ta’ l-indikazzjonijiet ġenerali kollha tat-titoli ta' klassi speċifika u tkun intużat għall-prodotti jew servizzi speċifiċi inklużi fl-istess klassi, għandu jiġi kkunsidrat, bħala regola, li t-trade mark kienet ġiet użata, għal dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi speċifiċi. Huwa wkoll possibbli li jiġi kkunsidrat li t-trade mark ġiet użata għal subkategorija distinta, jekk ikun possibbli li tiġi stabbilita waħda, meta l-prodotti jew is-servizzi speċifiċi jkollhom biżżejjed karatteristiċi komuni. L-UASI jżid, madankollu, li dan it-tip ta' ġeneralizzazzjoni għandu jsir bi prudenza kbira, mingħajr ma jintesa li l-protezzjoni tat-trade mark preċedenti hija ġġustifikata biss jekk hija ntużat effettivament.

20      F'dan il-każ, l-UASI josserva li t-trade mark preċedenti hija rreġistrata għal "prodotti farmaċewtiċi u mediċi u b'mod partikolari preparazzjonijiet abbażi ta' kalċju" u li l-użu tagħha kien ġie pprovat għall-prodotti farmaċewtiċi abbażi ta' kalċju biss, peress li r-rikorrenti stess identifikat separatament il-preparazzjoni abbażi ta' kalċju fid-deskrizzjoni tal-prodotti tat-trade mark tagħha.

21      Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tikkritika lid-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni u lill-Bord ta' l-Appell talli qiesu li t-trade mark tagħha kienet irreġistrata għal prodotti farmaċewtiċi abbażi ta' kalċju biss għall-finijiet ta’ l-eżami ta’ l-oppożizzjoni. Skond l-UASI, jekk it-trade mark preċedenti tiġi kkunsidrata bħala użata għall-kategorija kollha tal-prodotti farmaċewtiċi meta fir-realtà din kienet użata biss għal prodott speċifiku ħafna, dan iwassal għal protezzjoni mhux dovuta lit-trade mark preċedenti u jmur kontra l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94.

22      Fi kwalunkwe każ, l-UASI jafferma li d-deċiżjoni kkontestata ma fiha ebda lakuna, peress li r-rikorrenti ma ressqitx appell fuq dan il-punt kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni u ma qajmitx dan l-argument quddiem il-Bord ta' l-Appell.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

23      Hekk kif jirriżulta mid-disa' premessa tar-Regolament Nru 40/94, il-leġiżlatur qies li l-protezzjoni ta' trade mark preċedenti hija ġġustifikata biss meta t-trade mark tkun fil-fatt intużat. B’mod konformi ma' din il-premessa, l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li l-applikant għal trade mark Komunitarja jista' jirrikjedi l-prova li kien sar użu ġenwin mit-trade mark preċedenti fit-territorju li fih hija protetta matul ħames snin li jippreċedu l-pubblikazzjoni ta' l-applikazzjoni għal trade mark li kontriha tressqet oppożizzjoni [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 2002, Kabushiki Kaisha Fernandes vs L-UASI – Harrison (HIWATT), T‑39/01, Ġabra p. II‑5233, punt 34 u tas-6 ta' Ottubru 2004, , Vitakraft-Werke Wührmann vs L-UASI – Krafft (VITAKRAFT), T‑356/02, Ġabra p. II‑3445, punt 25].

24      Skond ir-regola 22(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU L 303, p. 1), il-prova ta’ l-użu għandha tagħti indikazzjonijiet fuq il-post, il-ħin, il-portata u n-natura ta’ użu li sar mit-trade mark preċedenti [sentenza VITAKRAFT, iċċitata iktar 'il fuq, punt 27].

25      F'dan il-każ, huwa paċifiku li t-trade mark preċedenti kienet ġiet irreġistrata għal "prodotti farmaċewtiċi u mediċi u, b'mod partikolari, preparazzjonijiet abbażi ta' kalċju" li jaqgħu fil-klassi 5 fis-sens tal-Ftehim ta' Nizza. Huwa wkoll paċifiku li, fuq talba tal-parti l-oħra quddiem il-Bord ta' l-Appell, ir-rikorrenti ressqet il-prova ta' l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti permezz ta' dokumenti li juri l-użu effettiv tagħha għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti farmaċewtiċi u, b'mod partikolari, ta' dawk abbażi ta' kalċju.

26      Issa, l-aħħar sentenza ta' l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94 kif ukoll l-Artikolu 43(3) ta' l-istess Regolament, li japplika d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 43(2) għat-trade marks nazzjonali preċedenti, għandhom jiġu intepretati bħala li huma intiżi sabiex jevitaw li trade mark użata b'mod parzjali jkollha protezzjoni estiża għall-unika raġuni li hija kienet ġiet irreġistrata għal gamma wiesgħa ta' prodotti jew ta' servizzi. B'hekk, meta dawn id-dispożizzjonijiet jiġu applikati, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-estensjoni tal-kateġoriji ta' prodotti jew ta' servizzi li għalihom kienet ġiet irreġistrata t-trade mark preċedenti, b'mod partikolari l-ġeneralità tat-termini użati għal dan l-iskop sabiex jiddiskrivu l-imsemmija kategoriji u dan għandu jsir fid-dawl tal-prodotti jew tas-servizzi li l-użu ġenwin tagħhom kien ġie, effettivament, stabbilit [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Lulju 2005, Reckitt Benckiser (España) vs L-UASI – Aladin (ALADIN), T-126/03, Ġabra T‑126/03 p. II-2861, punt 44].

27      Mid-dispożizzjonijiet iċċitati hawn fuq jirriżulta li, jekk trade mark kienet ġiet irreġistrata għal kategorija ta' prodotti jew ta' servizzi suffiċjentement wiesgħa sabiex fi ħdanha jkun possibbli li jiġu identifikati numru ta' subkategoriji li jistgħu jitqiesu awtomoni, il-prova ta' l-użu ġenwin ta' trade mark fir-rigward ta’ parti minn dawn il-prodotti jew minn dawn is-servizzi tkopri biss, fi proċedimenti ta' oppożizzjoni, is-subkategorija jew is-subkategoriji li fihom jaqgħu l-prodotti u s-servizzi li għalihom intużat effettivament it-trade mark. Min-naħa l-oħra, jekk trade mark kienet ġiet irreġistrata għal prodotti jew servizzi definiti b'mod tant preċiż u ristrett li mhuwiex possibbli li jsiru diviżjonijiet sinjifikattivi fil-kategorija kkonċernata, il-prova ta' l-użu ġenwin tat-trade mark għall-imsemmija prodotti jew servizzi tkopri neċessarjament din il-kategorija kollha għall-finijiet ta' l-oppożizzjoni (sentenza ALADIN, iċċitata iktar 'il fuq, punt 45).

28      F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li t-trade mark preċedenti kienet ġiet irreġistrata għal "prodotti farmaċewtiċi u mediċi u, b'mod partikolari, preparazzjonijiet abbażi ta' kalċju". Din id-deskrizzjoni tinkludi ovvjament kategorija ta' prodotti suffiċjentement wiesgħa, jiġifieri l-prodotti farmaċewtiċi b’mod ġenerali, sabiex huwa possibbli li jiġu identifikati fi ħdanha numru ta' subkategoriji li jistgħu jitqiesu awtomoni. Fil-fatt, il-kunċett ta' prodott farmaċewtiku jkopri prodotti suffiċjentement differenti mill-aspett ta' l-iskop tagħhom u l-konsumaturi finali tagħhom, skond l-indikazzjonijiet terapewtiċi speċifiċi tagħhom, kif ukoll mill-aspett tal-kanali ta' distribuzzjoni tagħhom, skond jekk humiex mogħtija fuq preskrizzjoni ta' tabib jew le, sabiex ikun possibbli li jiġu identifikati fi ħdanu subkategoriji diversi. Barra minn hekk, ir-rikorrenti stess identifikat separatament fid-deskrizzjoni tal-prodotti tat-trade mark tagħha s-subkategorija li tikkorrispondi għal "preparazzjoni abbażi ta' kalċju".

29      F'dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-prova ta' l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti ngħatat biss fir-rigward ta’ parti mill-prodotti jew servizzi li jaqgħu taħt kategorija wiesgħa ta' prodotti li tista' tinkludi subkategoriji awtonomi differenti.

30      Minn dan isegwi li billi ħa in kunsiderazzjoni, għall-finijiet ta' l-eżami ta' l-oppożizzjoni, il-"prodooti farmaċewtiċi abbażi ta' kalċju" biss, il-Bord ta' l-Appell applika l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 b'mod korrett.

31      Din il-konklużjoni mhijiex affettwata mill-argumenti tar-rikorrenti.

32      L-ewwel nett, ir-rikorrenti tosserva, essenzjalment, li, għalkemm huwa ġust, fil-każ fejn it-trade mark preċedenti tindika numru ta' prodotti u ta' servizzi ta' natura differenti, li jittieħed in kunsiderazzjoni biss, għall-finijiet ta' l-oppożizzjoni, il-qasam li fih it-trade mark ta' iktar minn ħames snin hija użata, sabiex jiġi evitat li t-trade marks, li jindikaw il-klassi sħiħa jew diversi klassijiet sħaħ, ikunu invokati b'mod abużiv, huwa madankollu, spropozjonat li dan it-teħid in kunsiderazzjoni jkun limitat biss għall-prodott speċifiku fi ħdan kategorija waħda.

33      L-ewwel nett, f'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94 jirreferi għall-prodotti jew servizzi u mhux għall-kategoriji jew għall-klassijiet ta' prodotti li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark. It-tieni nett, il-frażi "prodotti farmaċewtiċi abbażi ta' kalċju", li kienu ttieħdu in kusiderazzjoni għall-finijiet ta' l-eżami ta' l-oppożizzjoni, ma tirreferix biss għal prodott speċifiku iżda għal subkategorija awtonoma u wiesgħa biżżejjed u dan ma jistax jitqies bħala restrizzjoni sporporzjonata fiċ-ċirkustanzi ta' dan il-każ. Kif jirriżulta mill-paragrafi 29 u 30 hawn fuq, din il-pożizzjoni hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

34      It-tieni nett, rigward l-argument tar-rikorrenti li interpretazzjoni daqshekk restrittiva ta' l-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94 hija diskriminatorja meta mqabbla mal-portata rrikonoxxuta f'proċedimenti ta' oppożizzjoni fir-rigward ta’ trade mark mhux użata ta' inqas minn ħames snin, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li jkun biżżejjed li jiġi kkonstatat li mhemm ebda diskriminazzjoni peress li ż-żewġ sitwazzjonijiet mhumiex paragunabbli. Fil-fatt, il-prova ta' l-użu ġenwin ta' trade mark li ilha rreġistrata għal inqas minn ħames snin mhijiex meħtieġa peress li dan il-perijodu ta' ħames snin huwa intiż sabiex jippermetti l-użu kummerċjali tat-trade mark. Skond l-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 40/94, huwa biss wara l-iskadenza ta' perijodu kontinwu ta’ ħames snin li matulu ma jkunx sar użu ġenwin mit-trade mark fil-Komunità għall-prodotti jew għas-servizzi li għalihom hija tkun irreġistrata li tista' tiġi ddikjarata r-revoka tagħha minħabba nuqqas ta' użu ġenwin.

35      Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, l-ewwel raġuni għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tieni raġuni, ibbażata fuq ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

36      L-ewwel nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-konklużjoni tal-Bord ta' l-Appell li mhemmx livell suffiċjenti ta’ xebh bejn il-prodotti in kwistjoni.

37      Skond ir-rikorrenti, iż-żewġ tipi ta' prodotti in kwistjoni huma prodotti farmaċewtiċi simili, li joriġinaw mill-istess tip ta' manifatturi u huma prodotti u distribwiti fl-istess oqsma. Wieħed huwa deskritt b'riferiment għall-ingredjent attiv u l-ieħor b'riferiment għall-indikazzjoni terapewtika. Kienet il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell li kellha turi li, minkejja dan ix-xebh a priori, il-kundizzjonijiet reali ta' preskrizzjoni u ta' konsumm taż-żewġ prodotti jelimaw kull probabbiltà li l-konsumatur isib ruħu ffaċċjat bit-tnejn li huma simultanjament. Ma tressqet ebda prova f’dan is-sens. Bl-istess mod, ma tressqitx il-prova li l-forma tad-doża u l-mod kif jiġu amministrati l-prodotti jeliminaw kull probabbiltà ta' konfużjoni.

38      Ir-rikorrenti żżid li mhuwiex biżżejjed li jiġi kkonstatat, sabiex tiġi eliminata l-probabbiltà ta' konfużjoni, li żewġ prodotti farmaċewtiċi huma intiżi sabiex jittrattaw mard differenti. Kienet il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell li kellha turi, u kellha tassigura, li l-istess persuna marida ma tistax tingħata preskrizzjoni, jew tuża, l-istess trattamenti fl-istess ħin, u dan ma sarx.

39      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta' l-Appell ma ddefinixxiex il-pubbliku li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni u ma evalwax il-probabbiltà ta' konfużjoni fir-rigward ta’ dan il-pubbliku. Hija tfakkar li, fil-qasam tal-mediċina, il-pubbliku li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni huwa l-popolazzjoni kollha, inklużi, minn naħa, il-professjonisti tas-saħħa bħat-tobba, l-ispiżjara u l-infermiera u min-naħa l-oħra, kull persuna li tista' tikkonsma prodotti farmaċewtiċi, inklużi dawk li diġà għadhom kapaċitajiet viżivi, konoxxittivi jew intelletwali ridotti u li jistgħu jiddgħajfu iktar minħabba l-marda.

40      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-probabbiltà ta' konfużjoni min-naħa tal-pubbliku ma teżistix biss fil-mument tax-xiri, u fil-fatt, il-konfużjoni wara x-xiri ilha tittieħed in kunsiderazzjoni fl-Istati Uniti għal żmien twil. Fil-fatt, il-mediċina ġeneralment tittieħed għal ċertu żmien u l-persuna marida, meta tagħżel it-trattament tagħha mill-armarju tal-mediċina tagħha, ma tkunx iktar gwidata minn professjonista tas-saħħa.

41      It-tielet nett, ir-rikorrenti tqabbel is-sinjali konfliġġenti.

42      L-ewwel nett, hija ssostni li, hekk kif irrikonoxxa l-Bord ta' l-Appell, is-sinjali CALSYN u GALZIN m'għandhomx tifsira kunċettwali għall-konsumatur medju, b'mod li ż-żewġ trade marks konfliġġenti huma distintivi ħafna. Ir-rikorrenti tinvoka l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim'Istanza li tipprovdi li iktar ma jkun distintiv is-sinjal preċedenti, iktar ma jkun hemm probabbiltà ta' konfużjoni. Billi rrikonoxxa li t-trade mark CALSYN hija arbitrarja u distintiva, il-Bord ta' l-Appell kien imissu jagħti iktar importanza lix-xebh globali milli lid-differenzi fid-dettalji. Madankollu, huwa għamel eżattament il-kuntrarju.

43      F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord ta' l-Appell talli ffoka b'mod żbaljat l-analiżi tiegħu fuq id-differenzi fid-dettalji, viżivi u fonetiċi, bejn iż-żewġ trade marks, meta huwa kien imissu qabbel l-impatt viżiv, fonetiku u kunċettwali taż-żewġ trade marks fit-totalità tagħhom.

44      Rigward il-paragun viżiv, ir-rikorrenti tosserva li ż-żewġ sinjali għandhom l-istess numru ta' ittri u jixtiebhu ħafna, peress li l-ittri komuni "a", "l" u "n" huma fl-istess ordni. F'dan ir-rigward, hija tilmenta li l-Bord ta' l-Appell ma ħax in kunsiderazzjoni x-xebh viżiv bejn l-ittri majjuskoli "C" u "G", li huma ddivrenzjati biss minn linja zgħira li tista' faċilment ma tiġix meqjusa meta l-itrra "G" tinkiteb bl-id. Bl-istess mod, l-ittri "s" u "z" huma viżibbilment simili ħafna, peress li l-forma ġeometrika tagħhom hija sempliċiment maqluba.

45      Għal dak li jikkonċerna l-paragun fonetiku, ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord ta' l-Appell għamel analiżi sottili tad-differenzi ta' dettall bejn iż-żewġ sinjali, li ma jistgħux jiġu identifikati mill-pubbliku ta' referenza. Hija tqis li l-ħoss ta' l-ittri "c" u "g" huwa simili ħafna u mhuwiex neċessarjament perċettibbli, b'mod partikolari minn membri tal-pubbliku li m'għandhomx kapaċitajiet normali ta' smigħ, jew minn xjuħ jew barranin. L-istess jgħodd għall-ittri "s" u "z".

46      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord ta' l-Appell ikkonkluda b'mod arbitrarju li l-fonemi "yn" u " in" jitlissnu b'mod differenti. Hija tosserva li t-tagħqid ta' l-ittri "yn" mhuwiex magħruf ħafna fil-lingwa Franċiża, fejn l-ittra "y" hija meqjusa, fonetikament, bħall-ittra "i", b'mod li l-pubbliku, barra mill-minoranza li taf il-lingwa Ingliża jew ir-regoli fonetiċi msemmija mill-UASI, istintivament ilissen "yn" bħala "in". B'hekk, l-unika differenzi ta' "pressjoni ta' arja" bejn, rispettivament, l-ittri "c" u "g" u "z" u "s" u, eventwalment, ta' pronunzja bejn "yn" u "in" bl-ebda mod ma jnaqqsu x-xebh fonetiku globali bejn iż-żewġ trade marks.

47      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tafferma li l-paragun globali għandu jieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li l-perċezzjonijiet viżivi u fonetiċi ma jistgħux jiġu eżaminati separatament minn xulxin peress li l-moħħ tal-bniedem, sabiex ilissen kelma, speċjalment kelma arbitrarja, jagħmel sforz sabiex jivviżwalizzaha mentalment, u l-istess jgħodd għall-kuntrarju. B'hekk, ix-xebh kbir fonetiku bejniethom iwassal għal żamma viżiva fil-memorja u, għaldaqstant, għal riproduzzjoni bil-miktub simili ħafna taż-żewġ trade marks, mill-konsumatur li m'għandux iż-żewġ trade marks quddiemu simultanjament. Bl-istess mod, xebh kbir viżiv iwassal għal pronunzja simili meta l-konsumatur jirrikorri għall-memorja viżiva tiegħu.

48      Bħala konklużjoni, ir-rikorrenti ssotni li l-Bord ta' l-Appell kellu jikkonstata li x-xebh bejn iż-żewġ sinjali jipprevali fuq id-differenzi u li, minkejja l-indikazzjonijiet terapewtiċi differenti, il-prodotti kellhom jitqiesu bħala simili.

49      L-ewwel nett, l-UASI jindika li huwa ta' l-istess fehma tar-rikorrenti u tal-Bord ta' l-Appell rigward id-determinazzjoni tal-pubbliku kkonċernat, jiġifieri l-professjonisti tas-saħħa u l-pubbliku in ġenerali ta' Franza.

50      It-tieni nett, l-UASI janalizza x-xebh tal-prodotti. F'dan ir-rigward, huwa josserva li, skond id-direttivi dwar il-proċedimenti ta' oppożizzjoni, il-prodotti farmaċewtiċi huma ġeneralment meqjusa li jixbhu prodotti farmċewtiċi oħra ħafna, għalkemm il-livell ta' xebh jista' jkun inqas jekk l-indikazzjonijiet farmaċewtiċi huma kjarament differenti.

51      F'dan il-każ, il-prodotti indikati mit-trade mark preċedenti CALSYN, li l-użu tagħhom intwera, huma prodotti fawmaċewtiċi abbażi ta' kalċju. Mill-provi ta' l-użu jirriżulta li l-prodott CALSYN huwa likwidu abbażi ta' calcitonin li jista' jiġi injettat, li jista' jinxtara biss fuq prekrizzjoni ("Lista II") u huwa amministrat lill-pazjenti, b'mod partikolari, fil-każ ta' hypercalcemy (nuqqasijiet ta' kalċju u dekalċifikazzjoni progessiva ta' l-għadam) u għall-kura tal-mard li jattakka l-għadam (b'mod partikolari, il-marda ta' Paget, marda ta' l-iskeletru uman li twassal għal deformazzjoni ta' l-għadam).

52      Il-prodotti farmaċewtiċi għat-trattament tal-marda ta' Wilson indikati fl-applikazzjoni kkontestata huma intiżi għat-trattament ta' marda ġenetika ereditarja rari li tipprovoka akkumulazzjoni ta' ram fil-ġisem. Tali prodotti huma preskritti mit-tobba u pprovduti fuq preskrizzjoni minħabba l-indikazzjonijiet terapewtiċi speċifiċi ħafna tagħhom.

53      Bħala konklużjoni, l-UASI jafferma li l-prodotti in kwistjoni huma simili minħabba n-natura tagħhom ta' prodotti farmaċewtiċi, iżda sa livell limitat minħabba l-indikazzjonijiet terapewtiċi differenti tagħhom. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-Bord ta' l-Appell fuq dan il-punt hija korretta.

54      It-tielet nett, l-UASI jqabbel is-sinjali mill-aspett viżiv, fonetiku u kunċettwali.

55      Rigward il-paragun viżiv, huwa josserva li hemm xebh viżiv bejn is-sinjali konfliġġenti, peress li huma għandhom l-istess numru ta' ittri (sitta), fosthom tlieta identiċi li huma mqiegħda fl-istess ordni u fl-istess pożizzjoni ("a", "l" u "n") u li l-ittri majjuskoli "G" u"C" u l-ittri "z" u "s" huma simili. L-ittra "y" tat-trade mark preċedenti tiddivrenzja mandankollu s-sinjali, kif indika l-Bord ta' l-Appell.

56      Mill-aspett fonetiku, l-UASI jsostni li ż-żewġ sinjali jikkonsistu f'żewġ sillabi u li s-sillabi "cal" u "gal" kif ukoll "zin" u "syn" huma simili ħafna. L-aħħar ittri "in" u "yn" jistgħu jitlissnu bl-istess mod fil-Franċiż [in] (bħal f'sinistre, sinusite, jew synonyme, synergie) jew bħala [ë] (bħal f'sincère, singe, lapin jew synthèse, syndicat), peress li l-vokali "y" issegwi l-istess regoli bħall-vokali "i". L-UASI jirrimetti għall-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza l-analiżi fonetika mwettqa mill-Bord ta' l-Appell.

57      Għal dak li jikkonċerna l-paragun kunċettwali tas-sinjali, l-UASI jafferma li, kif indika l-Bord ta' l-Appell, it-trade marks m'għandhomx tifsira għall-pubbliku rilevanti, b'mod li ma tista' ssir ebda konklużjoni f'dan ir-rigward.

58      Minħabba x-xebh viżiv u fonetiku osservat, l-UASI jikkonkludi li hemm xebh globali tas-sinjali.

59      Ir-raba' nett, l-UASI jagħmel evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni. F'dan ir-rigward, huwa l-ewwel jirreferi għall-ġurisprudenza, li tipprovdi li livell baxx ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati jista’ jiġi kkumpensat minn livell għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u l-kontra jgħodd ukoll. Skond l-UASI, għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni, il-konsumatur medju, li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni, huwa meqjus li huwa informat normalment u li huwa raġonevolment attent u prudenti. Madankollu, għandu wkoll jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skond il-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi in kwistjoni.

60      Il-ħames nett, l-UASI josserva li, bħala regola ġenerali, il-konsumatur medju joqgħod iktar attent fir-rigward ta' prodotti farmaċewtiċi mogħtija fuq preskrizzjoni milli fir-rigward ta' dawk li mhumiex, u li l-attenzjoni tiegħu tiddependi wkoll fuq l-indikazzjoni terapewtika tal-prodott. F'dan il-każ, l-UASI jsostni li l-prodotti in kwistjoni jingħataw fuq preskrizzjoni, b'tali mod li jista' jitqies, kif qies il-Bord ta' l-Appell, li l-livell ta' attenzjoni tal-konsumaturi huwa pjuttost għoli.

61      Bħala konklużjoni, l-UASI jirrimetti għall-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza l-kwistjoni dwar jekk ix-xebh tas-sinjali u l-prodotti jistax iwassal għal probabbiltà ta' konfużjoni f'moħħ il-konsumaturi fi Franza.

 L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza

62      Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa "jekk minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabbilta’ ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti". Barra minn hekk, skond l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, trade marks preċedenti tfisser trade marks irreġistrati fi Stati Membru, b’data ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni li tippreċedi dik ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja.

63      Il-probabbiltà ta' konfużjoni f‘moħħ il-pubbliku, li hija definita bħala l-probabbiltà li l-pubbliku jista' jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni jiġu mill-istess impriża jew, jekk ikun l-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament, għandha tiġi evalwata b'mod globali billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti tal-każ [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I‑5507, punti 16 u 29 u tat-22 ta' Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C‑342/97, Ġabra p. I‑3819, punti 17 u 18; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Ottubru 2002, vs L-UASI – Petit Liberto (Fifties), T‑104/01, Ġabra p. II‑4359, punti 25 u 26].

64      Din l-evalwazzjoni globali timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda in kunsiderazzjoni u, b'mod partikolari, ix-xebh bejn it-trade marks u dak bejn il-prodotti jew is-servizzi indikati. B'hekk, livell baxx ta' xebh bejn il-prodotti jew servizzi indikati jista' jiġi kkumpensat b'livell għoli ta' xebh bejn it-trade marks u viċeversa [sentenzi Canon, iċċitata iktar 'il fuq, punt 17, Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar 'il fuq, punt 19 u Fifties, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 27].

65      F’dan il-każ, it-trade mark preċedenti hija rreġistrata fi Franza. Għaldaqstant, għandha ssir referenza għall-perċezzjoni mill-pubbliku Franċiż għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

66      Barra minn hekk, peress li l-prodotti in kwistjoni huma prodotti farmaċewtiċi, il-pubbliku rilevanti huwa kkostitwit, minn naħa, minn professjonisti tal-mediċina u, min-naħa l-oħra, minn pazjenti, bħala konsumaturi finali [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Settembru 2005, Alcon vs L-UASI – Bioforma (TRAVATAN), T-130/03, li għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 49 u tas-17 ta’ Novembru 2005, Biofarma vs L-UASI – Bauch & Lomb Pharmaceuticals (ARLEX), T-154/03, li għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 46].

67       F’dan ir-rigward, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li l-Bord ta’ l-Appell ma ddefinixxiex il-pubbliku li lejh huma mmirati l-prodotti għandhom jiġu miċħuda. Fil-fatt, mill-punt 10 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-Bord ta’ l-Appell iddikjara, wara li rrefera għall-konsumatur Franċiż, li l-pubbliku kien jinkludi "kemm il-konsumaturi ta’ mediċini kif ukoll il-professjonisti tal-mediċina". Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-Bord ta’ l-Appell iddefinixxa l-pubbliku rilevanti.

68      Rigward ix-xebh¨tal-prodotti in kwistjoni, għandhom jiġu kkunsidrati l-fatturi kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejn il-prodotti. Dawn il-fatturi jinkludu, b’mod partikolari, in-natura tagħhom, l-iskop tagħhom, l-użu tagħhom, kif ukoll il-kwistjoni jekk jikkompetux ma’ xulxin jew jekk humiex kumplimentari għal xulxin (sentenza Canon, iċċitata iktar 'il fuq, punt 23).

69      F'dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra, essenzjalment, li l-prodotti konfliġġenti t-tnejn kienu prodotti farmaċewtiċi, u b’hekk simili u d-differenza bejniethom kienet relatata ma’ l-indikazzjonijiet terapewtiċi tagħhom. Issa, dan huwa rikonoxxut mir-rikorrenti meta hija ssostni, minn naħa, li l-prodotti farmaċewtiċi għandhom a priori jiġu kkunsidrati simili u, min-naħa l-oħra, li l-prodotti in kwistjoni huma intiżi għal mard differenti. Mill-atti tar-rikorrenti jirriżulta li din tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Bord ta’ l-Appell biss għal dak li jikkonċerna l-livell ta’ xebh eżistenti

70       Huwa biżżejjed li jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li l-prodotti in kwistjoni huma ta’ l-istess natura (prodotti farmaċewtiċi), għandhom l-istess funzjoni jew skop (trattament ta’ problemi tas-saħħa tal-bniedem), huma diretti lejn l-istess konsumaturi (professjonisti fis-settur mediku u pazjenti), jużaw l-istess kanali ta’ distribuzzjoni (bħala regola ġenerali, l-ispiżeriji) u jistgħu jkunu kumplementari. Min-naħa l-oħra, id-differenza tagħhom tinsab fl-indikazzjonijiet terapewtiċi differenti tagħhom.

71      F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-elementi ta' xebh bejn il-prodotti jipprevalu fuq l-elementi ta' differenza u għandu jiġi konkluż li jeżisti, hekk kif osserva ġustament il-Bord ta' l-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, ċertu livell ta' xebh bejn il-prodotti in kwistjoni.

72       Għal dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali konfliġġenti, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minn dawn, filwaqt li jittieħdu in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u prevalenti tagħhom [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs L-UASI – Pash Texilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T-292/01, Ġabra p. II-4335, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata].

73       L-ewwel nett, rigward il-paragun kunċettwali, għandu jiġi osservat li l-Bord ta’ l-Appel qies li t-trade marks konfliġġenti ma kienu jfissru xejn għall-konsumatur medju u li din il-konstatazzjoni ma kinitx ġiet ikkontestata mir-rikorrenti. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-analiżi tal-Bord ta’ l-Appell hija korretta peress li s-sinjali konfliġġenti m’għandhom ebda tifsira.

74      It-tieni nett, mill-aspett viżiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li ż-żewġ sinjali huma purament verbali u għandhom l-istess numru ta’ ittri (sitta) fosthom tlieta identiċi li huma fl-istess ordni u fl-istess pożizzjoni ("a", "l" u "n"). Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis ukoll li l-ittri majjuskoli "G" u "C" huma simili b’mod illi l-fatt li l-ewwel ittra ta’ kull sinjal jista’ jiġbed l-attenzjoni tal-konsumatur mhuwiex stabbilit. Barra minn hekk, u għall-kuntrarju ta’ dak li sostna l-Bord ta’ l-Appell, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-ittri "z" u "s" huma simili wkoll. Huwa minnu, kif indika l-Bord ta’ l-Appell, li l-ittra "y" tat-trade mark preċedenti tattira l-attenzjoni peress li din hija ittra li ma tantx tintuża fil-lingwa Franċiża. Madankollu, din il-partikolarità waħedha ma tippermettix li tista’ ssir distinzjoni sinjifikattiva bejn iż-żewġ sinjali. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet minn dan li ż-żewġ sinjali kienu globalment simili mill-aspett viżiv.

75      Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna l-paragun fonetiku, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li ż-żewġ sinjali għandhom żewġ sillabi u li l-ewwel sillabi "cal" u "gal" ta’ kull sinjal jitlissnu b’mod simili, peress li l-ħoss tal-konsonanti "c" u "g" huwa simili ħafna. Barra minn hekk, għall-kuntrarju tad-dikjarazzjonijiet tal-Bord ta’ l-Appell, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li, fil-lingwa Franċiża, il-fonemi "yn" u "in" ta’ spiss jitlissnu b’mod simili. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-Bord ta’ l-Appell wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta kkonkluda li s-sinjali konfliġġenti huma differenti mill-aspett fonetiku.

76       Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li ż-żewġ sinjali huma simili b’mod globali u, konsegwentement, li l-Bord ta’ l-Appell wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta kkonkluda li s-sinjali konfliġġenti kienu differenti, b’mod partikolari mill-aspett fonetiku.

77      Għal dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li l-Bord ta’ l-Appell qies li, għalkemm hemm ċertu livell ta’ xebh bejn il-prodotti u bejn it-trade marks, dan ma kienx biżżejjed sabiex iwassal għal probabbiltà ta’ konfużjoni bejn il-prodotti mibjugħa taħt kull waħda minn dawn it-trade marks. Sabiex wasal għal din il-konklużjoni, il-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra, b’mod partikolari li, fid-dawl tan-natura tal-prodotti, il-pubbliku li jinkludi kemm il-konsumaturi tal-mediċini u l-professjonisti tal-mediċina jagħti attenzjoni partikolari lis-sinjali li jiddentifikaw il-prodotti.

78      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li, għall-finijiet ta' din l-evalwazzjoni globali, il-konsumatur medju tal-kategorija tal-prodotti kkonċernati huwa meqjus li huwa informat normalment u raġonevolment attent u prudenti. Skond l-istess ġurisprudenza, għandu wkoll jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skond il-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi in kwistjoni (sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar 'il fuq, punt 26).

79      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju ta’ prodotti farmaċewtiċi għandu jiġi stabbilit każ każ, skond iċ-ċirkustanzi tal-proċess u b’mod partikolari ta’ l-indikazzjonijiet terapewtiċi tal-prodotti in kwistjoni. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, fil-każ ta’ mediċini mogħtija fuq preskrizzjoni medika bħal dawk eżaminati f’dan il-każ, dan il-livell ta’attenzjoni jkun ġeneralment ogħla, peress li dawn huma preskritti minn tabib u, sussegwentement, ivverfikati minn spiżjar li jagħtihom lill-konsumaturi.

80      Madankollu, il-fatt li l-pubbliku rilevanti huwa kompost minn persuni li l-livell ta' attenzjoni tagħhom jista' jitqies bħala għoli mhuwiex biżżejjed, fid-dawl tax-xebh eżistenti bejn il-prodotti u s-sinjali konfliġġenti, sabiex jiġi eskluż li l-pubbliku jista' jaħseb li dawn il-prodotti jiġu mill-istess impriża jew, skond il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament. Il-Qorti tal-Prim'Istanza tosserva li l-konklużjoni dwar in-nuqqas ta' probabbiltà ta' konfiżjoni, li wasal għaliha l-Bord ta' l-Appell, hija bbażata fuq premessa żbaljata, jiġifieri dik li s-sinjali għandhom differenzi sinjifikattivi, b'mod partikolari mill-aspett fonetiku u dawn id-differenzi setgħu jikkumpensaw il-livell ta' xebh li hemm bejn il-prodotti. Issa, din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi aċċettata, peress li, hekk kif ġie espost fil-punt 74 u 75 hawn fuq, is-sinjali konfliġġenti għandhom similaritajiet viżivi u fonetiċi kbar.

81      F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis, għall-kuntrarju tal-konklużjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li, mill-aspett ta' l-impressjoni globali, fid-dawl tax-xebh tal-prodotti kkonċernati u tax-xebh viżiv u fonetiku taż-żewġ trade marks, id-differenzi li jidhru bejn dawn ta' l-aħħar mhumiex suffiċjenti sabiex tiġi eskluża l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni f’moħħ il-pubbliku rilevanti.

82      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-tieni raġuni tar-rikorrenti intiża sabiex jiġi kkonstatat li l-Bord ta' l-Appell kiser l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 għandha tiġi milqugħa. Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

83      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-UASI tilef, minħabba li d-deċiżjoni kkontestata hija annulata, hemm lok li jiġi ordnat ibati l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti, skond it-talbiet tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Id-deċiżjoni tar-Raba' Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tas-7 ta' Settembru 2004 (każ R 295/2003-4) hi annullata.

2)      L-UASI għandu jbati kemm l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk tar-rikorrenti.

Vilaras

Martins Ribeiro

Jürimäe

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta' Ottubru 2006

E. Coulon

 

      M. Vilaras

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.