Language of document :

Appell ippreżentat fil-21 ta’ Lulju 2023 minn Stadtwerke Hameln Weserbergland GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) fis-17 ta’ Mejju 2023 fil-Kawża T-314/20, Stadtwerke Hameln Weserbergland GmbH vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-466/23 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellant: Stadtwerke Hameln Weserbergland GmbH (rappreżentanti: I. Zenke, Rechtsanwältin, T. Heymann, Rechtsanwalt)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, E.ON SE, RWE AG

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-17 ta’ Mejju 2023, Stadtwerke Hameln Weserbergland vs Il-Kummissjoni (T-314/20) u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas-26 ta’ Frar 2019 dwar il-konċentrazzjoni “RWE/E.ON Assets” (Każ M.8871, ĠU 2020, C 111, p. 1);

1a. sussidjarjament u fi kwalunkwe każ, tibgħat lura l-Kawża T-314/20 quddiem il-Qorti Ġenerali għal kwalunkwe deċiżjoni meħtieġa;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż legali u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar sostnuti mir-rikorrenti fil-proċedura T-314/20.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tinvoka nuqqas ta’ motivazzjoni, żnaturament tal-fatti u ksur tad-drittijiet proċedurali.

L-ewwel, is-sentenza appellata hija insuffiċjentement motivata, peress li ma tistabbilixxix jekk/kif il-Qorti Ġenerali evalwat il-pożizzjonament fis-suq tar-rikorrenti (punt 23 et seq. tas-sentenza appellata).

It-tieni, il-Qorti Ġenerali tiżnatura l-argumenti tal-appellanti meta hija ssostni li ma hemm ebda ċirkustanzi partikolari li jistgħu jaffettwaw il-pożizzjoni tagħha fis-suq (punt 31 et seq. tas-sentenza appellata).

It-tielet, il-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet proċedurali tal-appellanti, billi naqset milli tindirizza l-inċidenza sostantiva tagħha.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tinvoka l-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet applikazzjoni żbaljata tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Is-sentenza żbaljatament tinnega li l-appellanti kienet individwalment ikkonċernata minn din id-dispożizzjoni.

L-ewwel, il-Qorti Ġenerali tippreżupponi żbaljatament li l-parteċipazzjoni formali fil-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet M.8871 kienet kundizzjoni preliminari sabiex jiġi stabbilit li l-appellanti kienet individwalment ikkonċernata.

It-tieni, ir-rekwiżiti tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-prova ta’ ċirkustanzi speċifiċi oħra għall-preżunzjoni tal-fatt li l-appellanti kienet individwalment ikkonċernata huma eċċessivi.

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx il-motivi tad-dritt sostantivi tagħha. B’riferiment għas-sentenza fil-Kawża T-312/20, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat żbaljatament id-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 21(1) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 1 .

L-ewwel, hemm ksur tad-dritt tal-Unjoni bin-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE minħabba l-preżunzjoni ta’ effett ta’ bblokkar tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004 (punti 392 et seq. tas-sentenza fil-Kawża T-312/20).

It-tieni, ma kienx hemm teħid inkunsiderazzjoni tal-provi prodotti mill-appellanti marbuta ma’ ftehim ta’ akkordju bejn RWE u E.ON fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE (punti 392 et seq. tas-sentenza fil-Kawża T-312/20).

It-tielet, in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-espożizzjoni tal-fatti tal-appellanti abbażi ta’ raġunijiet formali jitqies bħala ksur tad-drittijiet proċedurali (punti 393 et seq., 406 et seq. tas-sentenza fil-Kawża T-312/20).

Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta qieset li l-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-każijiet M.8871 u M.8870 u l-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet tal-Bundeskartellamt (l-Uffiċċju Federali tal-Akkordji Ġermaniż) fil-każ B8-28/19 bħala li ma jagħmlux parti integrali minn konċentrazzjoni waħda, liema proċeduri kellhom jiġu eżaminati fil-kuntest ta’ proċedura ta’ konċentrazzjoni.

Billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali, l-ewwel, allegatament eskludiet is-sehem ta’ 16.67 % ta’ RWE f’E.ON fil-każ B8-28/19 (punti 65 et seq. tas-sentenza fil-Kawża T-312/20).

It-tieni, l-interpretazzjoni tal-kunċett “konċentrazzjoni waħda” skont l-Artikolu 3 flimkien mal-premessa 20 tar-Regolament Nru 139/2004 hija kkritikata (punti 74 et seq. tas-sentenza fil-Kawża T-312/20).

Skont il-ħames aggravju, qiegħed jiġi allegat li l-Qorti Ġenerali kisret u applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 139/2004 ukoll peress li wettqet analiżi żbaljata tas-suq fil-każ M.8871.

L-ewwel, il-Qorti Ġenerali approvat żbaljatament il-fatt li l-Kummissjoni ma tindirizzax id-definizzjoni tas-suq (punti 220 et seq. tas-sentenza fil-Kawża T-312/20).

It-tieni, il-Qorti Ġenerali ma kkonfutatx l-insuffiċjenza tal-previżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-evoluzzjoni tas-suq (punti 220 et seq. tas-sentenza fil-Kawża T-312/20).

It-tielet, l-appellanti tikkritika, fil-fehma tagħha, l-evalwazzjoni insuffiċjenti tat-tkabbir tal-poter tas-suq ta’ RWE (punti 260 et seq. tas-sentenza fil-Kawża T-312/20).

Ir-raba’, il-Qorti Ġenerali allegatament wettqet evalwazzjoni insuffiċjenti tar-rapport ta’ kompetizzjoni bejn RWE u E.ON u tal-għajbien ta’ E.ON (punti 339 et seq. tas-sentenza appellata).

Fl-aħħar, permezz tas-sitt aggravju, il-Qorti Ġenerali allegatament kisret il-prinċipju tat-tqassim tal-oneru tal-prova, peress li fis-sentenza fil-Kawża T-312/20 hija stabbilixxiet livell probatorju eċċessiv (punti 273, 278 et seq., 328, 341, 344 u 382 tal-imsemmija sentenza).

____________

1     Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40).