Language of document :





Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-18 ta’ Lulju 2007 – Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit

(Kawża C‑155/06)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 96/29/Euratom – Ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jiġu minn radjazzjoni jonizzanti – Nuqqas ta’ traspożizzjoni korretta fit-terminu preskritt”

Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Eżami tal-mertu mill-Qorti tal-Ġustizzja – Sitwazzjoni li għandha tittieħed in kunsiderazzjoni – Sitwazzjoni fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata (Artikolu 226 KE) (Ara l-punti 18-20)

Suġġett

Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Nuqqas li jadotta d-dispożizzjonijiet kollha neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ l-Artikolu 54 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/29/Euratom, tat-13 ta’ Mejju 1996, li tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sigurtà għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jiġu minn radjazzjoni jonizzanti (ĠU L 159, p. 1) – Nuqqas ta’ dispożizzjonijiet li jippermettu l-implementazzjoni ta’ kull intervent xieraq fis-sitwazzjonijiet kollha li jwasslu għal espożizzjoni fit-tul li tirriżulta mill-effetti ta’ wara emerġenza radjoloġika jew mill-eżerċizzju ta’ prattika jew ta’ attività professjonali fil-passat.

Dispożittiv

1)

Billi ma adottax, fit-terminu preskritt, il-miżuri leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi kollha meħtieġa sabiex ikun hemm intervent xieraq fis-sitwazzjonijiet kollha li jwasslu għal espożizzjoni fit-tul għal radjazzjoni jonizzanti li tirriżulta mill-effetti ta’ wara emerġenza radjoloġika jew mill-eżerċizzju ta’ prattika jew ta’ attività professjonali fil-passat, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikolu 53 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/29/Euratom, tat-13 ta’ Mejju 1996, li tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sigurtà għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jiġu minn radjazzjoni jonizzanti.

2)

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq huwa kkundannat ibati l-ispejjeż.