Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta' Jannar 2013 - Evropaïki Dynamiki vs BEI

(Kawża T-51/13)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Evropaïki Dynamiki - Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Ateni, il-Greċja) (rappreżentant: B. Christianos, avukat)

Konvenut: Bank Ewropew tal-Investiment

Talbiet tar-rikorrenti

tikkundanna lill-BEI għall-ħlas lir-rikorrenti tal-ammont ta' EUR 536 610.22 bħala kumpens għad-dannu kkawżat mit-telf tal-possibbiltà li tikkonkludi ftehim qafas, bl-interessi kumpensatorji dekorribbli mill-31 ta' Jannar 2008 sakemm tingħata s-sentenza f'din il-kawża u l-interessi moratorji minn meta tingħata s-sentenza f'din il-kawża sal-ħlas sħiħ,

tikkundanna lill-BEI għall-ħlas lir-rikorrenti tal-ammont ta' EUR 150 000 li huma danni punittivi, bl-interessi kumpensatorji dekorribbli mill-31 ta' Jannar 2008 sakemm tingħata s-sentenza f'din il-kawża u l-interessi moratorji minn meta tingħata s-sentenza f'din il-kawża sal-ħlas sħiħ,

tikkundanna lill-BEI għall-ispejjeż tal-kawża tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

B'dan ir-rikors ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 266 TFUE, il-kumpens għad-dannu li sofriet b'riżultat tal-aġir illegali tal-Bank Ewropew tal-Investiment (iktar 'il quddiem il-"BEI").

Dan id-dannu sar meta, kif iddikjarat fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta' Settembru 2011, Evropaïki Dynamiki vs BEI, T-461/08, il-BEI illegalment irrifjuta l-offerta magħmula mir-rikorrenti fil-kuntest tas-sejħa għal offerti għall-konklużjoni ta' ftehim qafas dwar il-provvista ta' servizzi.

F'dan il-kuntest, ir-rikorrenti titlob, fl-ewwel lok, il-kumpens għad-dannu li sofriet għat-telf tal-possibbiltà li tikkonkludi ftehim qafas, bħala mezz għal restitutio in integrum u, fit-tieni lok, danni punittivi għall-aġir illegali u abbużiv tal-BEI fil-konfront tar-rikorrenti.

Ir-rikorrenti ssostni li, fir-rigward tal-kumpens tagħha, il-kundizzjonijiet għall-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-BEI, kif interpretati mill-ġurisprudenza, huma sodisfatti.

____________