Language of document : ECLI:EU:T:2019:92

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

14 ta’ Frar 2019 (*)

“Rikors għal annullament – Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Sustanza attiva ‘glifosat’ – Tiġdid ta’ l-inklużjoni fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 – Nuqqas ta’ inċidenza individwali – Att regolatorju li jinkludi miżuri ta’ eżekuzzjoni – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑125/18,

Associazione Nazionale Granosalus – Liberi Cerealicoltori & Consumatori (Associazione GranoSalus), stabbilita f’Foggia (l-Italja), irrappreżentata minn G. Dalfino, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre, D. Bianchi, G. Koleva u I. Naglis, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba ibbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2324 tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jġedded l-approvazzjoni tas-sustanza attiva ‘glifosat’ skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (ĠU 2017, L 333, p. 10),

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, P. Nihoul (Relatur) u J. Svenningsen, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Il-glifosat huwa sustanza attiva li tintuża b’mod partikolari bħala erbiċida.

2        Il-glifosat ġie “awtorizzat” għall-użu msemmi fil-punt 1 iktar ’il fuq, għall-ewwel darba, fl-Unjoni Ewropea, permezz tal-inklużjoni tiegħu fil-lista ta’ sustanzi attivi fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 332).

3        Iż-żieda tal-glifosat fl-aħħar tat-tabella fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 twettqet permezz tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/99/KE tal-20 ta’ Novembru 2001 li temenda l-Anness I mad-Direttiva 91/414 bil-għan li jiġu inklużi l-glifosat u t-tifensulfuron-metil bħala sustanzi attivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 34, p. 182).

4        Skont id-Direttiva 2001/99, il-glifosat kien “awtorizzat”, bħala sustanza attiva, mill-1 ta’ Lulju 2002 sat-30 ta’ Ġunju 2012.

5        L-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/414 kien jipprevedi li, fuq talba, l-inklużjoni ta’ sustanza attiva setgħet tiġġedded, kemm-il darba ssir applikazzjoni mhux iktar tard minn sentejn qabel ma jkun wasal biex jiskadi l-perijodu ta’ inklużjoni.

6        Il-Kummissjoni Ewropea rċeviet applikazzjoni għat-tiġdid dwar il-glifosat fit-terminu preskritt.

7        Madankollu, deher li regoli ddettaljati dwar il-preżentazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ informazzjoni supplimentari neċessarju għat-tiġdid ta’ sustanzi attivi għad kellhom jiġu adottati.

8        L-inklużjoni tal-glifosat għaldaqstant ġiet estiża sal-31 ta’ Diċembru 2015 mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2010/77/UE tal-10 ta’ Novembru 2010 li temenda d-Direttiva 91/414 fir-rigward tad-data ta’ skadenza għall-inklużjoni fl-Anness I ta’ ċerti sustanzi attivi (ĠU 2010, L 293, p. 48).

9        Sussegwentement, id-Direttiva 91/414 tħassret, b’effett mill-14 ta’ Ġunju 2011, bir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009, L 309, p. 1).

10      Is-sustanzi attivi li għandhom jitqiesu li ġew approvati skont ir-Regolament Nru 1107/2009 tniżżlu fl-Anness għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU 2011, L 153, p. 1).

11      Fil-lista li tidher fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 540/2011, jidher il-glifosat. Id-data tal-iskadenza tal-perijodu ta’ approvazzjoni ta’ din is-sustanza attiva kienet ġiet stabbilita għall-31 ta’ Diċembru 2015.

12      Fl-20 ta’ Diċembru 2013, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, bħala l-Istat Membru relatur, ippreżenta, f’kooperazzjoni mar-Repubblika Slovakka, bħala l-Istat Membru korelatur, l-abbozz tar-rapport tal-evalwazzjoni tat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-glifosat.

13      L-awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) bagħtet l-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni inkwistjoni lill-applikant kif ukoll lill-Istati Membri biex tiġbor l-osservazzjonijiet tagħhom. Hija kkomunikat lill-Kummissjoni, l-osservazzjonijiet li waslulha u qiegħdet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, is-sommarju tal-fajl supplimentari.

14      Fl-20 ta’ Marzu 2015, l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer (IARC) ippubblikat s-sejbiet tagħha dwar il-potenzjal karċinoġeniku tal-glifosat. Fuq il-bażi ta’ dawn is-sejbiet, ikklassifikatu fil-lista tal-prodotti li x’aktarx huma karċinoġeniċi għall-bniedem.

15      Fid-29 ta’ April 2015 il-Kummissjoni talbet lill-EFSA tanalizza l-informazzjoni li tidher fis-sejbiet tal-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer dwar il-potenzjal karċinoġeniku tal-glifosat u biex tieħdu inkunsiderazzjoni, sat-30 ta’ Ottubru 2015, fl-analiżijiet u fil-konklużjonijiet tagħha.

16      Sadanittant, il-Kummissjoni estendiet il-perijodu ta’ validità tal-approvazzjoni tal-glifosat sat-30 ta’ Ġunju 2016 permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tagħha (UE) 2015/1885 tal-20 ta’ Ottubru 2015 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta’ approvazzjoni tas-sustanzi attivi 2,4-D, Aċibenżolar-s-metil, Amitrol, Bentażon, Ċjalofop-butil, Dikwat, Esfenvalerat, Famoksadon, Flumjoksażina, DPX KE 459 (flupirsulfuron-metil), Glifosat, Iprovalikarb, Isoproturon, Lambda-Ċjalotrina, Metalaksil-M, Metsulfuron-metil, Pikolinafen, Prosulfuron, Pimetrożina, Piraflufen-etil, Tijabendażol, Tifensulfuron-metil u Triasulfuron (ĠU 2015, L 276, p. 48).

17      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 2015/1885 kien ibbażat fuq l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1107/2009, li jipprovdi li l-Kummissjoni tista’ tipposponi l-iskadenza tal-perijodu għall-approvazzjoni ta’ sustanza attiva fejn hemm indikazzjonijiet li din l-approvazzjoni ser tiskadi qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar it-tiġdid, għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tal-applikant.

18      Fit-30 ta’ Ottubru 2015, l-EFSA ppreżentat lill-Kummissjoni l-konklużjonijiet tagħha dwar jekk jistax jiġi mistenni li l-glifosat jissodisfa l-kriterji għall-approvazzjoni stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

19      Fil-konklużjonijiet tagħha, l-EFSA indikat li “il-glifosat probabbilment ma kinitx tippreżenta riskju karċinoġeniku għall-bniedem u li l-provi ma kinux jappoġġjaw il-klassifikazzjoni ta’ din is-sustanza [attiva] minħabba l-potenzjal karċinoġeniku tagħha skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 (tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU 2008, L 353, p. 1))”.

20      Fit-28 ta’ Jannar 2016, il-Kummissjoni ressqet l-abbozz tar-rapport ta’ eżami mill-ġdid lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf. L-applikant ingħata l-opportunità li jippreżenta xi osservazzjonijiet.

21      Fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, diversi Stati Membri kkunsidraw opportun li jitolbu l-opinjoni ta’ korp ieħor, jiġifieri l-Kumitat għall-Evalwazzjoni tar-Riskji tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) dwar il-klassifikazzjoni armonizzata tal-glifosat fir-rigward tal-karċinoġeniċità tiegħu, qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni.

22      Fid-dawl taż-żmien meħtieġ għall-Kumitat għall-Evalwazzjoni tar-Riskji tal-ECHA biex jagħti opinjoni, il-perijodu ta’ approvazzjoni tal-glifosat ġie estiż, għat-tielet darba, din id-darba sal-15 ta’ Diċembru 2017, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1056 tad-29 ta’ Ġunju 2016 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 540/2011 f’dak li għandu x’jaqsam mal-estensjoni tal-perijodu ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva glifosat (ĠU 2016, L 173, p. 52).

23      Il-Kumitat għall-Evalwazzjoni tar-Riskji tal-ECHA ttrażmetta l-opinjoni tiegħu lill-Kummissjoni fil-15 ta’ Ġunju 2017. Fl-opinjoni tiegħu, huwa kkonkluda b’kunsens li abbażi tal-informazzjoni attwalment disponibbli, ma kienet iġġustifikata l-ebda klassifikazzjoni ta’ periklu f’dak li kien jikkonċerna l-karċinoġeniċità għall-glifosat.

24      Fis-6 ta’ Ottubru 2017, il-Kummissjoni rċeviet uffiċjalment Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej li jirreferu għall-glifosat f’wieħed mit-tliet għanijiet tagħha, u li ġabret il-firem ivvalidati ta’ mill-inqas miljun ċittadin Ewropew ġejjin minn tal-inqas seba’ Stati Membri.

25      Fit-23 ta’ Ottubru 2017, il-Kummissjoni wieġbet għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej billi indikat li “[f’]dak li [kien] jirrigwarda l-ewwel mira intiża li tipprojbixxi l-erbiċidi abbażi tal-glifosat, [hija] [kienet] tqis li ma [kienet] teżisti ebda raġuni xjentifika u lanqas legali li tiġġustifika projbizzjoni tal-glifosat u ma [kinitx] qed tippjana tagħmel proposta leġiżlattiva f’dan is-sens”. Hija żiedet li, “[b]’mod partikolari, il-provi xjentifiċi ma [kienux] permettu li jiġi konkluż li l-glifosat [kien] jista’jikkawża l-kanċer” u li, “[k] onsegwentement, id-deċiżjoni meħuda […] li tiġġedded l-approvazzjoni tal-glifosat (għal ħames snin) [kienet] kompletament iġġustifikata”.

26      Il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf ma tax opinjoni fit-terminu stipulat mill-President tiegħu. Il-Kumitat ta’ appell tressqet lilu deliberazzjoni ġdida u ta l-opinjoni tiegħu.

27      Fit-12 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2324 li jġedded l-approvazzjoni tas-sustanza attiva glifosat skont ir-Regolament Nru 1107/2009 u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 540/2011 (ĠU 2017, L 333, p. 10, iktar ’il quddiem l- “att ikkontestat”).

28      Permezz tal-att ikkontestat, l-approvazzjoni tal-glifosat iġġeddet, taħt ċerti kundizzjonijiet, sal-15 ta’ Diċembru 2022.

29      Il-premessa 25 tal-att ikkontestat tindika li l-miżuri li hija tipprevedi huma skont l-opinjoni tal-kumitat tal-appell imsemmi fil-punt 26 iktar ’il fuq.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

30      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Frar 2018, ir-rikorrenti, Associazione Nazionale GranoSalus — Liberi Cerealicoltori & Consumatori, assoċjazzjoni Taljana magħmula minn produtturi ta’ qamħ u ta’ konsumaturi kif ukoll l-assoċjazzjonijiet tagħhom ta’ protezzjoni, ippreżentat dan ir-rikors.

31      Permezz ta’ att separat tat-30 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, abbażi tal-Artikolu 130 tar-Reġoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

32      Fid-9 ta’ Lulju 2018, ir-rikorrenti ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

33      Permezz ta’ atti bid-dati, rispettivament, tat-8, tal-11 u tat-12 ta’ Ġunju 2018, Helm AG, Monsanto Europe NV/SA u Monsanto Company, Nufarm GmbH & Co. KG, Nufarm, Albaugh Europe Sàrl, Albaugh UK Ltd u Albaugh TKI d.o.o. kif ukoll Barclay Chemicals Manufacturing Ltd talbu li jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

34      Fir-rikors, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla l-att ikkontestat.

35      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala manifestament inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż;

–        sussidjarjament, tiffissa terminu ġdid għall-kontinwazzjoni tal-kawża, skont l-Artikolu 130(8) tar-Regoli tal-Proċedura.

36      Fl-osservazzjonijiet dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad din l-eċċezzjoni.

37      Barra minn hekk, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tordna miżura istruttorja intiża għall-produzzjoni ta’ siltiet mir-rapport tal-EFSA fejn huma eżaminati mill-ġdid l-istudji dwar l-effetti potenzjali tal-glifosat fuq is-saħħa tal-bniedem, għall-fini li jitqabblu mal-fajl imsejjaħ “Monsanto papers” li kien fihom dokumenti interni tal-grupp Monsanto ppubblikati mill-qrati tal-Istati Uniti matul is-sena 2017.

 Id-dritt

38      Bis-saħħa tal-Artikolu 130(1) u (7) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tagħti deċiżjoni dwar l-inammissibbiltà, mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża, jekk il-konvenut jitlob dan.

39      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li mill-annessi tal-proċess hija għandha biżżejjed informazzjoni u tiddeċiedi li tieħu deċiżjoni mingħajr ma tkompli bil-proċedura.

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà

40      Insostenn tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma għandhiex locus standi. Minn naħa waħda, l-att ikkontestat ma jikkonċernax direttament u individwalment lir-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, l-att ikkontestat huwa att regolatorju li jinvolvi miżuri ta’ implimentazzjoni.

41      Ir-rikorrenti tikkontesta l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni u ssostni, b’mod partikolari, li l-att ikkontestat jirrigwardaha direttament u ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni.

42      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti hija assoċjazzjoni stabbilita bil-għan li tinżamm u tiġi msaħħa il-kultura taċ-ċereali ta’ kwalità, sabiex jiġu protetti l-konsumaturi. Din l-assoċjazzjoni, f’dan il-kuntest, b’mod partikolari, għandha bħala funzjoni, ir-rappreżentazzjoni, il-protezzjoni u d-difiża tal-membri tagħha, li huma produtturi ta’ qamħ u ta’ konsumaturi residenti fin-Nofsinhar tal-Italja, kif ukoll taċ-ċittadini tal-Unjoni.

43      Issa, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, assoċjazzjoni hija fil-prinċipju ammissibbli tippreżenta rikors għal annullament biss jekk hija tista’ ssostni interess proprju jew jekk il-membri tagħha jew uħud minnhom għandhom locus standi individwalment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2018, European Union Copper Task Force vs Il-Kummissjoni, C-384/16 P, EU:C:2018:176, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant għandu jiġi identifikat jekk, f’dan il-każ, ir-rikorrenti tinvoka waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet jew oħra.

 Fuq l-eżistenza ta’ interess proprju tar-rikorrenti

44      Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti tistax tinvoka l-interess tagħha stess, għandu jitfakkar li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari, bħar-rwol ta’ assoċjazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura li wasslet għall-adozzjoni ta’ att fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, jista’ jiġġustifika l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minnha, b’mod partikolari meta l-pożizzjoni tagħha ta’ negozjatur ġiet affettwata minn dan l-att jew meta l-leġiżlazzjoni inkwistjoni rrikonoxxietilha dritt ta’ natura proċedurali (ara s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2018, European Union Copper Task Force vs Il-Kummissjoni, C-384/16 P, EU:C:2018:176, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni li l-att ikkontestat jaffettwa l-interessi difiża minnha, b’mod partikolari l-ġlieda kontra kull forma ta’ spekulazzjoni jew ta’ abbuż li timmanifesta ruħha fis-suq għad-dannu tal-bdiewa. Madankollu, fl-osservazzjonijiet li ppreżentat, hija ma indikatx li kellha rwol fit-tfassil tal-att ikkontestat jew ta’ drittijiet speċifiċi fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni ta’ dan l-att.

46      Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-ġurisprudenza żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikorrenti ma għandhiex l-interess proprju li f’isimha tressaq rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali u li, għaldaqstant, dan ir-rikors ma jistax jiġi ddikjarat ammissibbli biss jekk jintwera li l-membri tar-rikorrenti, jew xi wħud minnhom, huma nfushom għandhom locus standi.

 Fuq il-locus standi individwali tal-membri tar-rikorrenti

47      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’ tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardaha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni.

48      Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jiddistingwi tliet każijiet li fihom rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika jista’ jiġi ddikjarat ammissibbli.

–       Fuq il-kwalità ta’ destinatarji tal-att

49      Fuq l-ewwel każ, li jikkonċerna d-destinatarji tal-att, għandu jitfakkar li dan il-kunċett ta’ destinatarju għandu jinftiehem f’sens formali, bħala li jindika l-persuna nnominata ta’ dan l-att bħala destinatarja tiegħu (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, SACBO vs Il-Kummissjoni u INEA, C-281/14 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:46, punt 34).

50      F’dan il-każ, il-membri tar-rikorrenti ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala d-destinatarji tal-att ikkontestat, peress li dawn mhumiex speċifikati f’dan l-att bħala destinatarji ta’ dan tal-aħħar.

–       Fuq l-interess dirett u individwali

51      Għat-tieni każ, għandu jiġi ddeterminat jekk il-membri tar-rikorrenti jew uħud minnhom huma kkonċernati, b’mod partikolari, individwalment mill-att ikkontestat.

52      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, is-suġġetti minbarra d-destinatarji ta’ att ma jistgħux jippretendu li jkunu kkonċernati individwalment minn dan l-att, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ħlief fil-każ li dan tal-aħħar jolqothom minħabba ċerti kwalitajiet partikolari tagħhom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizhom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra, u minħabba dawn il-fatturi tindividwalizzahom bl-istess mod bħal fil-każ tad-destinatarju (sentenza tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 223).

53      Min-naħa l-oħra, meta att jilħaq suġġetti bħala li jiffurmaw parti minn kategorija astratta jew ta’ grupp mhux individwalizzat ta’ persuni, il-kundizzjonijiet meħtieġa mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 52 iktar ’il fuq ma humiex issodisfatti.

54      F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 1 tal-att ikkontestat, il-miżura li ġġedded l-approvazzjoni tal-glifosat skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness I ta’ dan l-att tikkonċerna, b’mod astratt u ġenerali, kull persuna li għandha l-intenzjoni li tipproduċi, tikkummerċjalizza jew li tuża’ dik is-sustanza jew prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom din is-sustanza, kif ukoll min ikollu l-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta’ tali prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

55      Għaldaqstant, l-att ikkontestat japplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati oġġettivament u jipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni identifikati b’mod ġenerali u astratt. Minn dan isegwi li dan l-att għandu portata ġenerali.

56      Ir-rikorrenti ssostni li l-att ikkontestat jaffettwa wħud mill-membri tiegħu, minħabba li ż-żamma tal-użu tal-glifosat tista’ ddgħajjef is-saħħa tagħhom, fil-kwalità tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni u fil-kapaċità tagħhom bħala konsumaturi.

57      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li huwa fil-kwalità ġenerali tagħhom ta’ konsumaturi u ċittadini tal-Unjoni li xi wħud mill-membri tar-rikorrenti huma allegatament affettwati mill-att ikkontestat.

58      Fil-fatt, kif tirrikonoxxi r-rikorrenti stess, it-tiġdid tal-approvazzjoni tal-glifosat huwa sors ta’ ħsara għas-saħħa ta’ ċerti membri tar-rikorrenti minħabba l-periklu u l-preżenza tagħha fi prodotti u oġġetti tal-konsum ta’ kuljum, l-iktar fl-ilma, dawn il-membri jinsabu affettwati fil-kwalità tagħhom bħala konsumaturi u ċittadini tal-Unjoni.

59      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li ż-żamma tal-użu tal-glifosat toħloq danni patrimonjali għal ċerti membri tagħha li huma produtturi ta’ qamħ, peress li permezz tal-opinjonijiet tagħhom etiċi u xjentifiċi riflessi fl-istatuti tagħha, dawn tal-aħħar ma jużawx din is-sustanza attiva, b’tali mod li jkunu ekonomikament żvantaġġati meta mqabbla mal-produtturi li jużaw din is-sustanza attiva, minħabba spejjeż ogħla, produttività iktar baxxa f’termini ta’ volum u ta’ prezzijiet tal-bejgħ ogħla.

60      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-assenjazzjoni li tinvoka r-rikorrenti dwar ċerti membri tagħha li huma produtturi ta’ qamħ ma hijiex differenti minn dik li jista’ jinvoka kwalunkwe bidwi li, għal raġunijiet tiegħu stess, kien ser jastjeni mill-użu tal-glifosat favur soluzzjonijiet oħra li jwassluh għal ċerti spejjeż.

61      Minn dan isegwi li l-att ikkontestat jilħaq il-membri tar-rikorrenti minħabba l-kwalità oġġettiva tagħhom bħala konsumaturi, ċittadini tal-Unjoni jew produtturi ta’ qamħ bħal kwalunkwe konsumatur ieħor, ċittadin tal-Unjoni jew produttur tal-qamħ li jinsab, attwalment jew potenzjalment, f’sitwazzjoni identika.

62      Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma wrietx li l-membri tagħha jew xi wħud minnhom kienu individwalment ikkonċernati mill-att ikkontestat.

63      Il-kundizzjonijiet li jgħidu li persuna għandha tkun ikkonċernata direttament u individwalment mill-att li tkun qiegħed jitlob l-annullament tiegħu huma kumulattivi, ma huwiex neċessarju li jiġi ddeterminat jekk il-membri tar-rikorrenti jew uħud minnhom huma, barra minn hekk, direttament milquta mill-att ikkontestat.

64      Minn dan isegwi li l-locus standi individwali tal-membri tar-rikorrenti jew ta’ xi wħud minnhom ma tistax tkun ibbażata fuq it-tieni każ previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

–       Fuq il-klassifikazzjoni tal-att ikkontestat bħala att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni

65      It-tielet każ fejn huwa ammissibbli rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa dak fejn dan l-att jikkostitwixxi att regolatorju li jikkonċerna direttament din il-persuna u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni.

66      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-kunċett ta’ att regolatorju jinkludi atti ta’ portata ġenerali, bl-esklużjoni ta’ atti leġiżlattivi (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-583/11 P, EU:C:2013:625, punt 60).

67      F’dan il-każ, l-att ikkontestat jikkostitwixxi att regolatorju peress li, minn naħa, dan huwa att ta’ portata ġenerali, kif indikat fil-punt 55 iktar ’il fuq, u li, min-naħa l-oħra, ma ġiex adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja deskritta fl-Artikolu 294 TFUE jew skont proċedura leġiżlattiva speċjali, iddefinita fl-Artikolu 289(2) TFUE, li tinvolvi l-Parlament Ewropew bil-parteċipazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew viċi versa. Barra minn hekk, dan il-punt ma huwiex ikkontestat mill-partijiet.

68      Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “att regolatorju […] li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għan imfittex ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri, li jiġi evitat li individwu jkun imġiegħel jikser il-liġi biex ikun jista’ jaċċedi għal qorti (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni, C-274/12 P, EU:C:2013:852, punt 27).

69      Meta att regolatorju jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ persuna fiżika jew ġuridika mingħajr ma jeħtieġ miżuri ta’ implimentazzjoni, din tal-aħħar ma jkollhiex protezzjoni ġudizzjarja effettiva jekk hija ma jkollhiex rimedju ġudizzjarju dirett quddiem il-qorti tal-Unjoni għall-finijiet li tikkontesta l-legalità ta’ dan l-att regolatorju (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni (C-274/12 P, EU:C:2013:852, punt 27).

70      Min-naħa l-oħra, meta att regolatorju jinvolvi miżuri ta’ implimentazzjoni, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huwa żgurat, kif jirriżulta mill-Artikolu 19(1) TUE, mhux biss mill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda wkoll mill-qrati tal-Istati Membri.

71      Fil-fatt, minn naħa, jekk l-implimentazzjoni ta’ att regolatorju tkun ir-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-organi tal-Unjoni, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jistgħu jippreżentaw rikors dirett quddiem il-qrati tal-Unjoni kontra l-atti ta’ implimentazzjoni taħt il-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u jinvokaw insostenn ta’ dan ir-rikors, skont l-Artikolu 277 TFUE, l-illegalità tal-att bażiku inkwistjoni (sentenza tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament (294/83, EU:C:1986:166, punt 23).

72      Min-naħa l-oħra, meta l-implimentazzjoni ta’ att regolatorju taqa’ fuq l-Istati Membri, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jistgħu jikkontestaw il-validità tal-miżura nazzjonali ta’ implimentazzjoni quddiem qorti nazzjonali u, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, jinvokaw l-invalidità tal-att bażiku billi jitolbuha, jekk ikun il-każ, tressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ domandi preliminari, fuq il-bażi tal-Artikolu 267 TFUE (sentenza tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament (294/83, EU:C:1986:166, punt 23).

73      Sabiex tiġi evalwata l-kwistjoni ta’ jekk att regolatorju jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni, dan għandu jintrabat mal-pożizzjoni tar-rikorrent mingħajr ma huwa rilevanti jekk l-att inkwistjoni jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward ta’ partijiet f’kawża oħra (sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il-Kummissjoni, C-274/12 P, EU:C:2013:852, punt 30, u tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni, C-456/13 P, EU:C:2015:284, punt 32).

74      F’dan il-każ, għalhekk, għandu jiġi stabbilit jekk l-att ikkontestat, dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tal-glifosat għal perijodu ta’ ħames snin, jinvolvi miżuri ta’ implimentazzjoni, fir-rigward tal-membri tar-rikorrenti.

75      Għal dan, hemm bżonn jitqies dan il-mekkaniżmu stabbilit mill-qafas regolatorju applikabbli f’dan il-każ.

76      Skont ir-Regolament Nru 1107/2009, bħal kull sustanza attiva, il-glifosat huwa s-suġġett ta’ evalwazzjoni f’żewġ stadji.

77      L-ewwel nett, is-sustanza attiva għandha tiġi evalwata, bħala tali, fil-livell tal-Unjoni, u approvata mill-Kummissjoni, skont il-proċedura stabbilita bl-Artikoli 7 sa 13 tar-Regolament Nru 1107/2009, jekk jiġi stabbilit li hija tissodisfa l-kriterji għall-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tal-istess regolament.

78      It-tieni nett, il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fih sustanza attiva approvata mill-Unjoni huwa evalwat mill-Istati Membri, li għandhom, jekk ikun il-każ, awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ dak il-prodott, skont il-proċedura u l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, previsti fl-Artikoli 28 sa 39 tar-Regolament Nru 1107/2009.

79      Għalhekk, bl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni, prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li fih is-sustanza attiva glifosat, approvata mill-Kummissjoni ma għandux jitqiegħed fis-suq, jew jintuża, mingħajr awtorizzazzjoni mogħtija, fl-Istat Membru kkonċernat, mill-awtoritajiet ta’ dak l-Istat.

80      Ċertament, l-Artikoli 14 sa 20 tar-Regolament Nru 1107/2009 jipprevedu li t-tiġdid tal-approvazzjoni ta’ sustanza attiva huwa mogħti mill-Kummissjoni, fuq talba ta’ produttur tal-imsemmija sustanza attiva, jekk huwa jissodisfa l-kriterji għall-approvazzjoni stipulati fl-Artikolu 4 ta’ dak ir-regolament.

81      Madankollu, it-tiġdid ta’ approvazzjoni ta’ sustanza attiva ma jinvolvix, fih innifsu, il-konferma, l-estensjoni jew it-tiġdid tal-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq mogħtija mill-Istati Membri għal prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li fih dik is-sustanza attiva.

82      Fil-fatt, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, l-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq huma mogħtija għal perijodu ta’ validità limitata fiż-żmien. Skont it-tieni subparagrafu tal-imsemmi paragrafu, dan il-perijodu ma jistax ikun estiż lil hinn minn sena mid-data ta’ skadenza tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva fil-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti. Sussegwentement hija ffissata b’mod li jikkorrispondi għat-tul tal-approvazzjoni ta’ dik is-sustanza attiva.

83      Barra minn hekk, l-Artikolu 43(1) u (2) tar-Regolament Nru 1107/2009, jipprovdi, minn naħa, li awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandha tiġġedded fuq talba tal-proprjetarju tagħha u, min-naħa l-oħra, li talba bħal din għandha tiġi ppreżentata f’terminu ta’ tliet xhur mit-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva li tinsab fil-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti.

84      Minn dan isegwi li l-effetti tal-att ikkontestat jseħħu fir-rigward tal-membri tar-rikorrenti, jiġifieri konsumaturi, ċittadini tal-Unjoni u tal-produtturi tal-qamħ li hija tirrappreżenta l-interessi tagħhom, permezz tat-tiġdid ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanza attiva glifosat mogħtija mill-Istati Membri.

85      Tali tiġdid tal-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq huma, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 68 sa 73 iktar ’il fuq, miżuri ta’ implimentazzjoni tal-att ikkontestat fis-sens tal-aħħar espressjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

86      Din il-konklużjoni mhijiex ikkontestata mill-argumenti l-oħrajn imressqin mir-rikorrenti.

87      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tenfasizza li, fl-opinjoni tagħha, l-att ikkontestat jinkludi, fih innifsu, iż-żamma tal-awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanza attiva “glifosat” li kienu nħarġu, skont l-Artikoli 29 u 32 tar-Regolament Nru 1107/2009 mill-awtoritajiet Taljani, li kienu fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tal-imsemmi att.

88      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dan l-argument huwa bbażat fuq il-premessa li tgħid li t-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva “glifosat” mill-Kummissjoni jimplika awtomatikament il-konferma, l-estensjoni jew t-tiġdid ta’ awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq mogħtija mill-Istati Membri għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom dik is-sustanza attiva.

89      Issa, kif jirriżulta mill-punti 81 sa 83 iktar ’il fuq, din il-premessa hija żbaljata.

90      Barra minn hekk, huwa minnu li, skont l-Artikolu 43(5) u (6) tar-Regolament Nru 1107/2009, l-Istati Membri jadottaw deċiżjoni dwar it-talba għal tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti mhux iktar tard minn tnax-il xahar wara t-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva li tinsab fil-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti u jistgħu jestendu l-awtorizzazzjoni matul il-perijodu meħtieġ biex iwettqu b’mod effikaċi l-eżami u tiġi adottata deċiżjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni fejn, għal raġunijiet li mhumiex fil-kontroll tad-detentur tal-awtorizzazzjoni, ma tittieħed l-ebda deċiżjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni qabel l-iskadenza tagħha.

91      B’hekk, l-awtoritajiet Taljani ddeċidew, skont ir-rikorrenti, li jestendu, b’mod provviżorju, l-awtorizzazzjonijiet kollha għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanza attiva “glifosat”.

92      Madankollu, għandu jiġi osservat li estensjoni bħal din ma tirriżultax, b’mod awtomatiku, mit-tiġdid, mill-Kummissjoni, tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva “glifosat”, iżda iktar minn intervent attribwibbli lill-Istat Membru kkonċernat, fid-dawl tal-fatt li tali intervent għandu jagħti lok għal proċedura quddiem qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-12 ta’ Jannar 2017, ACDA etvs Il‑Kummissjoni, T‑242/15, EU:T:2017:6, punti 45 sa 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tosserva li l-miżuri meħuda mill-Istati Membri fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanza attiva “glifosat” ma jistgħux jitqiesu bħala miżuri ta’ implimentazzjoni, peress li l-att ikkontestat jipprevedi biss prekawzjonijiet ġenerali għall-applikazzjoni tiegħu, filwaqt li tħalli l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni għad-diskrezzjoni sħiħa tal-Istati Membri u, fuq kollox, ma tipprevedi l-ebda parametru ta’ referenza għall-applikazzjoni prattika tagħhom.

94      Anki jekk jitqies li hemm lakuna fl-interpretazzjoni ta’ dan l-argument bħala li jfisser li att regolatorju jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jinvolvi miżuri ta’ implimentazzjoni biss jekk ikun fih dispożizzjonijiet iddettaljati u speċifiċi għall-eżekuzzjoni tiegħu, għandu jiġi rrilevat li t-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva “glifosat” huwa suġġett għal diversi kundizzjonijiet li għandhom jiġu kkunsidrati mill-Istati Membri meta jikkunsidraw it-tiġdid tal-awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom din is-sustanza attiva.

95      Barra minn hekk, fir-rigward tal-eventwali marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-att ikkontestat, għandu jitfakkar li n-natura awtomatika jew le tal-miżuri meħuda fuq il-livell nazzjonali hija irrilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk att regolatorju jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni fis-sens tal-aħħar espressjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C-456/13 P, EU:C:2015:284, punti 41 u 42).

96      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-att ikkontestat ma jikkostitwixxix att regolatorju mingħajr miżuri ta’ implimentazzjoni, fis-sens tal-aħħar espressjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

97      F’sitwazzjoni bħal din, ir-rimedju previst fit-Trattat u fil-ġurisprudenza żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta din tal-aħħar hija li, meta persuna fiżika jew ġuridika tkun tixtieq tikseb stħarriġ ġudizzjarju ta’ att ta’ portata ġenerali tal-Unjoni, tiġi adita qorti nazzjonali ta’ appell li tikkomprometti miżura nazzjonali ta’ implimentazzjoni, fejn talbet lil din il-qorti li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tal-att bażiku adottat fil-livell tal-Unjoni (ara l-punt 72 iktar ’il fuq u l-ġurisprudenza ċċitata).

98      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li dan ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli sa fejn huwa ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali.

 Fuq it-talba ta’ miżuri istruttorji

99      Ir-rikorrenti tistieden lill-Qorti Ġenerali tordna, bħala miżura istruttorja, il-produzzjoni ta’ siltiet mir-rapport tal-EFSA fejn jiġu eżaminati mill-ġdid l-istudji dwar l-effetti potenzjali tal-glifosat fuq is-saħħa tal-bniedem, għall-fini li jitqabblu mal-fajl imsejjaħ “Monsanto papers”.

100    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li din it-talba taqa’ taħt il-mertu ta’ dan ir-rikors u li konsegwentement, hija ma tistax tiġi pproċessata peress li dan ir-rikors huwa inammissibbli.

 Fuq it-talbiet għal intervent

101    Skont l-Artikolu 142(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervent huwa sekondarju għall-kawża prinċipali u jitlef l-għan tiegħu meta r-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli.

102    Konsegwentement, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għal intervent ta’ Helm, Monsanto Europe, Monsanto, Nufarm GmbH & Co. KG, Nufarm, Albaugh Europe, Albaugh UK, Albaugh TKI u Barclay Chemicals Manufacturing.

 Fuq l-ispejjeż

103    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

104    Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni, kif mitlub minn din tal-aħħar.

105    Skont l-Artikolu 144(10) tar-Regoli tal-Proċedura, Helm, Monsanto Europe, Monsanto, Nufarm GmbH & Co. KG,, Nufarm, Albaugh Europe, Albaugh UK, Albaugh TKI u Barclay Chemicals Manufacturing għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mat-talba għal intervent.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

jordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      Konsegwentement, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għal intervent ta’ Helm AG, Monsanto Europe NV/SA, Monsanto Company, Nufarm GmbH & Co. KG, Nufarm, Albaugh Europe Sàrl, Albaugh UK Ltd, Albaugh TKI d.o.o. u Barclay Chemicals Manufacturing Ltd.

3)      Associazione Nazionale GranoSalus – Liberi Cerealicoltori & Consumatori (Associazione GranoSalus) hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

4)      Helm, Monsanto Europe, Monsanto, Nufarm GmbH & Co. KG, Nufarm, Albaugh Europe, Albaugh UK, Albaugh TKI et Barclay Chemicals Manufacturing għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mat-talba għal intervent.

Magħmul fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Frar 2019.

Reġistratur

 

Il-President

E. Coulon

 

I. Pelikánová


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.