Language of document : ECLI:EU:T:2018:787

Kawża T-399/11 RENV

Banco Santander, SA
u
Santusa Holding, SL

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat – Dispożizzjonijiet dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji li jippermettu lill-impriżi ddomiċiljati fi Spanja għall-finijiet ta’ taxxa jammortizzaw l-avvjament li jirriżulta minn akkwisti ta’ ishma f’kumpanniji ddomiċiljati barra mill-pajjiż għall-finijiet ta’ taxxa – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha – Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat – Selettività – Sistema ta’ referenza – Deroga – Differenza fit-trattament – Ġustifikazzjoni tad-differenza fit-trattament – Impriżi benefiċjarji tal-miżura – Aspettattivi leġittimi”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) tal‑15 ta’ Novembru 2018

1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Miżura li tagħti vantaġġ fiskali – Qafas ta’ referenza għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ – Delimitazzjoni materjali – Kriterji – Eżistenza ta’ rabta bejn is-suġġett tal-miżura inkwistjoni u dak tal-qafas ta’ referenza – Natura paragunabbli tas-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-miżura inkwistjoni u dawk li jaqgħu taħt il-qafas ta’ referenza

(Artikolu 107(1) TFUE)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Miżura li tagħti vantaġġ fiskali – Miżura ta’ natura ġenerali applikabbli mingħajr distinzjoni għall-operaturi ekonomiċi kollha – Miżura mhux applikabbli għal tranżazzjonijiet paragunabbli għal dawk li jissuġġettaw l-għoti tal-vantaġġ – Miżura li tista’ tiġi kkwalifikata bħala selettiva

(Artikolu 107(1) TFUE)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Miżura li tagħti vantaġġ fiskali – Qafas ta’ referenza għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ – Delimitazzjoni materjali – Miżura li tikkostitwixxi l-qafas ta’ referenza tagħha nnifisha – Kundizzjonijiet – Sistema fiskali ddelimitata b’mod ċar, li ssegwi għanijiet speċifiċi – Assenza – Natura sistematika u ġenerali tal-miżura

(Artikolu 107(1) TFUE)

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Deroga mis-sistema fiskali ġenerali – Distinzjoni bejn impriżi li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika paragunabbli – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Paragun fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq mis-sistema fiskali komuni kollha kemm hi

(Artikolu 107(1) TFUE)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Deroga mis-sistema fiskali ġenerali – Ġustifikazzjoni bbażata fuq in-natura u l-istruttura tas-sistema – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Miżura intiża għat-twettiq ta’ għan li taqa’ taħt il-mekkaniżmi inerenti għas-sistema fiskali ġenerali – Natura xierqa – Portata tal-oneru probatorju

(Artikolu 107(1) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999)

6.      Rikors għal annullament – Suġġett – Annullament parzjali – Kundizzjoni – Natura diviżibbli tad-dispożizzjonijiet ikkontestati – Kriterju oġġettiv – Kundizzjoni mhux sodisfatta – Inammissibbiltà

(Artikolu 263 TFUE)

7.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Evalwazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 107(1) TFUE – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ prassi preċedenti – Esklużjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

8.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Determinazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna – Tgawdija effettiva – Evalwazzjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

9.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Evalwazzjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni oġġettiva, indipendentement mill-aġir tal-istituzzjonijiet – Teħid inkunsiderazzjoni tal-aġir imsemmi waqt l-eżami tal-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna inkompatibbli – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

(Artikolu 107(1) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 14)

10.    Għajnuna mogħtija mill-Istati – Irkupru ta’ għajnuna illegali – Għajnuna mogħtija bi ksur tar-regoli ta’ proċedura tal-Artikolu 108 TFUE – Aspettattivi leġittimi possibbli tal-benefiċjarji – Assenza ħlief għal ċirkustanzi eċċezzjonali – Aspettattivi leġittimi li jirriżultaw minn garanziji speċifiċi, inkundizzjonati u konkordanti offerti mill-Kummissjoni – Pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali li ttemm dawn l-aspettattivi leġittimi

(Artikoli 107(1) TFUE u 108(3) TFUE)

1.      Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura fiskali nazzjonali bħala “selettiva”, il-Kummissjoni Ewropea għandha, inizjalment, tidentifika s-sistema fiskali komuni jew “normali” applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat u, sussegwentement, turi li l-miżura fiskali inkwistjoni tidderoga mill-imsemmija sistema komuni, sa fejn hija tintroduċi differenzazzjonijiet bejn operaturi li, fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq minn din is-sistema komuni, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli. Il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” madankollu ma jirrigwardax il-miżuri li jintroduċu differenzazzjoni bejn impriżi li, fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq mis-sistema legali inkwistjoni, jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli u, għaldaqstant, a priori selettivi, meta l-Istat Membru kkonċernat jasal juri li din id-differenzazzjoni hija ġġustifikata peress li din tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema li minnha jagħmlu parti.

Fir-rigward tal-identifikazzjoni tas-sistema fiskali nazzjonali komuni, jiġifieri l-ewwel stadju tal-metodu msemmi iktar ’il fuq, id-delimitazzjoni materjali ta’ dan il-qafas ta’ referenza titħaddem, bħala prinċipju, b’rabta mal-miżura meqjusa bħala dik li tikkostitwixxi l-għajnuna. Minbarra l-eżistenza ta’ rabta bejn is-suġġett tal-miżura inkwistjoni u dak tas-sistema normali, l-eżami tan-natura paragunabbli tas-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt din il-miżura u tas-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt din is-sistema jippermetti wkoll li tiġi ddelimitata materjalment il-portata tal-imsemmija sistema. Din in-natura paragunabbli għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-għan li jrid jintlaħaq mis-sistema normali. Inċidentalment hija n-natura paragunabbli ta’ dawn is-sitwazzjonijiet li tippermetti wkoll li tinsilet konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ deroga, meta s-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-miżura kontenzjuża jiġu ttrattati b’mod differenti minn dawk li jaqgħu taħt is-sistema normali minkejja li huma paragunabbli għalihom. Għalhekk, raġunament ġenerali li jirrigwarda l-ewwel żewġ stadji tal-metodu msemmi iktar ’il fuq jista’, f’ċerti każijiet, iwassal sabiex jiġu ddeterminati kemm is-sistema normali kif ukoll l-eżistenza ta’ deroga.

(ara l-punti 61, 62, 96, 99, 103-105, 107)

2.      Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-konstatazzjoni ta’ selettività ta’ miżura fiskali nazzjonali ma tirriżultax neċessarjament minn impossibbiltà għal ċerti impriżi sabiex jibbenefikaw mill-vantaġġ fiskali previst mill-miżura inkwistjoni minħabba restrizzjonijiet legali, ekonomiċi jew prattiċi li jipprekluduhom milli jwettqu t-tranżazzjoni li tissuġġetta l-għoti ta’ dan il-vantaġġ, iżda tista’ tirriżulta mis-sempliċi konstatazzjoni li teżisti tranżazzjoni li, minkejja li hija paragunabbli għal dik li tissuġġetta l-għoti tal-vantaġġ inkwistjoni, ma tagħtix dritt għalih. Minn dan jirriżulta li miżura fiskali tista’ tkun selettiva minkejja li kull impriża tista’ tagħżel liberament li twettaq it-tranżazzjoni li tissuġġetta l-għoti tal-vantaġġ li tipprevedi din il-miżura.

(ara l-punt 83)

3.      Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kundizzjoni ta’ selettività, miżura li tagħti vantaġġ fiskali tista’ tikkostitwixxi l-qafas ta’ referenza tagħha nnifisha meta tistabbilixxi sistema fiskali ddelimitata b’mod ċar, li ssegwi għanijiet speċifiċi u li għalhekk tkun distinta minn kwalunkwe sistema fiskali oħra applikata fl-Istat Membru kkonċernat. F’tali ipoteżi, għandu għalhekk jiġi ddeterminat jekk ċerti operaturi humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura meta, fir-rigward tal-għan li din trid tilħaq, dawn l-operaturi jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli għal dik tal-operaturi li għalihom din tapplika.

Fir-rigward ta’ miżura li ma tistabbilixxix sistema fiskali ddelimitata b’mod ċar, iżda li tappartjeni għal pakkett legali usa’, min-naħa l-oħra jeħtieġ li tittieħed bħala bażi n-natura sistematika u ġenerali ta’ miżura għall-finijiet tal-identifikazzjoni, jekk ikun il-każ, ta’ sistema awtonoma li tista’ tikkostitwixxi qafas ta’ referenza. F’dan il-kuntest, huwa utli li jsir riferiment, b’mod indikattiv, għall-komunikazzjonijiet adottati mill-Kummissjoni f’dan il-qasam.

(ara l-punti 128, 129, 131, 132)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 144-150)

5.      Il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE ma jirrigwardax il-miżuri li jintroduċu differenzazzjoni bejn impriżi li, fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq mis-sistema fiskali normali, jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli u, għaldaqstant, a priori selettivi, meta l-Istat Membru kkonċernat jasal juri li din id-differenzazzjoni hija ġġustifikata peress li din tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema li minnha jagħmlu parti.

F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-għanijiet assenjati għal miżura fiskali jew għal sistema fiskali speċifika u li huma esterni għalihom u, min-naħa l-oħra, il-mekkaniżmi inerenti għas-sistema fiskali fiha nnifisha li huma meħtieġa sabiex jintlaħqu tali għanijiet. Konsegwentement, eżenzjonijiet fiskali li jirriżultaw minn għan li ma jkunx relatat mas-sistema fiskali li minnha jagħmlu parti ma jistgħux jaħarbu mir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 107(1) TFUE.

Fuq il-bażi ta’ tali distinzjoni Stat Membru jista’ utilment jibbaża lilu nnifsu fuq il-prinċipju ta’ newtralità fiskali għall-finijiet ta’ ġustifikazzjoni ta’ differenzjazzjoni fit-trattament stabbilita minn miżura li tagħti vantaġġ fiskali lil ċerti impriżi. Madankollu huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu juri li d-deroga għas-sistema fiskali ġenerali hija ġġustifikata. F’dan ir-rigward, deroga fiskali ma tistax titqies li hija ġġustifikata fir-rigward tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali meta l-Istat Membru ma jurix li din id-deroga tippermetti li tiġi stabbilita mill-ġdid in-newtralità fiskali jew meta l-miżura inkwistjoni nnifisha tintroduċi diskriminazzjoni.

F’dan il-kuntest, ma hijiex il-Kummissjoni Ewropea li għandha tiffissa, fil-kuntest tad-deċiżjoni tagħha li tiddikjara miżura li tagħti vantaġġ fiskali inkompatibbli mas-suq intern, kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża li setgħu jippermettulha, f’ċerti ipoteżijiet, li ma tilqax il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna. Fil-fatt, għalkemm obbligu ta’ eżami tat-tranżazzjonijiet ekonomiċi differenti li għalihom jista’ japplika b’mod validu l-vantaġġ inkwistjoni mingħajr ma tkun tista’ tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ għajnuna kien impost fuq il-Kummissjoni, dan iwassalha sabiex timmodifika l-kontenut jew il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-miżura eżaminata u mhux sabiex tiddelimita biss il-portata ġeografika jew settorjali tagħha. Madankollu, tali obbligu jwassal lill-Kummissjoni sabiex tmur lil hinn mill-kompetenzi mogħtija lilha mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u minn dawk tar-Regolament Nru 659/1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE].

(ara l-punti 167, 168, 172, 173, 177, 180-189, 191-200, 207, 213)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 223)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 226, 253)

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 242-251)

9.      Meta miżura nazzjonali tista’, ġustament, tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, garanziji preċedenti tal-Kummissjoni Ewropea relatati mal-fatt li din il-miżura ma tikkostitwixxix għajnuna ma jistgħux ikunu konformi mal-Artikolu 107(1) TFUE peress li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat jissodisfa sitwazzjoni oġġettiva. Konsegwentement, ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi invokat kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni sa fejn din tikklassifika l-imsemmija miżura bħala għajnuna mill-Istat.

Madankollu, motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jista’ jiġi invokat b’mod effettiv fil-konfront ta’ deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jħassar miżura nazzjonali jew jimmodifikaha fit-terminu li hija tiffissa jew ulterjorment li tordna l-irkupru tagħha. B’hekk, il-benefiċjarju tal-għajnuna jista’, għall-finijiet tal-kontestazzjoni tal-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni sa fejn din tipprevedi l-irkupru ta’ għajnuna mogħtija, utilment jinvoka quddiem il-Qorti Ġenerali motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u jinvoka, f’dan ir-rigward, garanziji li setgħu ngħatawlu mill-Kummissjoni fir-rigward tal-assenza ta’ kwalifika tal-miżura kontenzjuża bħala għajnuna, liema fatt ikun jimplika neċessarjament li l-vantaġġ li kienet tagħtih din il-miżura ma jkunx suġġett għal irkupru jew biss għal irkupru li jkun josserva dawn il-garanziji.

Fil-fatt, anki jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE], tipprovdi li, fil-każ ta’ deċiżjoni fin-negattiv dwar għajnuna illegali, il-Kummissjoni “għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju”, eċċezzjoni għall-obbligu li jiġi ordnat l-irkupru ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern hija prevista mit-tieni sentenza tal-paragrafu msemmi, li tipprovdi li l-Kummissjoni ma tirrikjedix l-irkupru tal-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Issa, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa rrikonoxxut bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, peress li t-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999 hija intiża preċiżament sabiex tiżgura l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, l-ewwel sentenza tagħha ma tistax tiġi interpretata f’sens li teskludi l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

(ara l-punti 264, 265, 272, 274-278)

10.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 280-303)